Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008XC0718(06)

Avviż ta' tnedija ta' reviżjoni parzjali interim tal-miżuri ta' l-anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tas-salamun imrobbi li joriġina min-Norveġja

OJ C 181, 18.7.2008, p. 25–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 181/25


Avviż ta' tnedija ta' reviżjoni parzjali interim tal-miżuri ta' l-anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tas-salamun imrobbi li joriġina min-Norveġja

(2008/C 181/09)

Il-Kummissjoni ddeċidiet, fuq inizjattiva tagħha stess, li tniedi reviżjoni parzjali interim skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-ħarsien kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1). Ir-reviżjoni hija limitata għall-eżaminazzjoni ta' l-ambitu tal-prodott fir-rigward tal-kjarifika dwar jekk ċerti tipi ta' prodotti jagħmlux parti mill-ambitu tal-miżuri dwar is-salamun imrobbi.

1.   Il-prodott

Il-prodott taħt reviżjoni huwa s-salamun imrobbi (li mhux selvaġġ), sew jekk iffilittjat u sew jekk jew le, frisk, imkessaħ jew iffriżat, u li joriġina min-Norveġja (“il-prodott ikkonċernat”), li bħalissa huwa klassifikabbli skond il-kodiċijiet NM ex 0302 12 00, ex 0303 11 00, ex 0303 19 00, ex 0303 22 00, ex 0304 19 13 u ex 0304 29 13. Dawn il-kodiċijiet NM qed jingħataw biss bħala tagħrif.

2.   Il-miżuri eżistenti

Il-miżuri li bħalissa jinsabu fis-seħħ huma dawk ta' dazju definittiv ta' l-anti-dumping li huwa impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 85/2006 tas-17 ta' Jannar 2006 (2) dwar l-importazzjonijiet tas-salamun imrobbi li joriġina min-Norveġja.

3.   Ir-raġunijiet għar-reviżjoni

Il-Qorti Amministrattiva ta' Tallinn għamlet talba lill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea għal deċiżjoni preliminari fuq il-kwistjoni dwar jekk ix-xewka tad-dahar tas-salamun (ix-xewka bil-laħam magħha) meta ffriżata taqax taħt wieħed mill-kodiċijiet Taric imsemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 85/2006 li jimponi dazju definittiv ta' anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' salamun imrobbi li joriġina fin-Norveġja, u fuq il-kwistjoni li tirriżulta dwar l-implikazzjonijiet li din il-klassifika jkollha fuq il-miżuri ta' l-anti-dumping. L-Artikolu 1 tar-Regolament imsemmi hawn fuq jimponi miżuri f'livelli differenti, skond il-preżentazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Waħda minn dawn il-preżentazzjonijiet hija “salamun imrobbi ieħor (inkluż dak imnaddaf minn ġewwa, bir-ras maqtugħa), frisk, imkessaħ jew iffriżat”. Il-Kummissjoni ddeċidiet, fuq l-inizjattiva tagħha stess, li l-ambitu tal-prodott tal-miżuri ta' l-anti-dumping għandu jkun iċċarat fejn għandha x'taqsam il-preżentazzjoni msemmija hawn fuq (inkluża l-istess xewka tad-dahar, friska jew imkessħa), sabiex ikun ċar jekk ix-xewka tad-dahar tas-salamun meta ffriżata taqax taħt id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat

Għalhekk, huwa xieraq li ssir reviżjoni tal-każ fejn għandu x'jaqsam l-ambitu tad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, bid-deċiżjoni li tittieħed hemmhekk possibbilment ikollha effett b'lura mid-data ta' l-impożizzjoni tal-miżuri rilevanti. L-operaturi kollha, u b'mod partikolari l-importaturi, huma mistiedna li jressqu l-fehmiet tagħhom dwar din il-kwistjoni, u jissottomettu kull evidenza li tappoġġja dawn il-fehmiet.

4.   Il-proċedura

Wara li ddeterminat, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġi ġġustifikata t-tnedija ta' reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni b'dan qiegħda tagħti bidu għal reviżjoni skond l-Artikolu 11 (3) tar-Regolament bażiku, limitata għall-eżaminazzjoni ta' l-ambitu tal-prodott.

(a)   Il-Kwestjonarji

Biex tikseb it-tagħrif li tqis neċessarju għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-industrija tal-Komunità, lil produtturi oħra magħrufa fil-Komunità, lil importaturi magħrufa, lil utenti magħrufa, lil produtturi esportaturi magħrufa fin-Norveġja u lill-awtoritajiet ta' dan il-pajjiż. Dan it-tagħrif u l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fiż-żmien stabbilit fil-punt 5(a).

(b)   Il-ġbir ta' tagħrif u s-smigħ tas-seduti

Il-partijiet kollha interessati qegħdin b'dan jiġu mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jissottomettu tagħrif barra mit-tweġibiet għall-kwestjonarju, u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Dan it-tagħrif u d-dokumenti ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fiż-żmien stabbilit fil-punt 5(a).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li dawn jagħmlu talba fejn juru li hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu. Din it-talba għandha ssir fiż-żmien stabbilit fil-punt 5(b).

5.   Il-limiti ta' żmien

(a)   Għall-partijiet biex jippreżentaw ruħhom, biex jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju u kull tagħrif ieħor

Il-partijiet interessati kollha, jekk ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom għandhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, għandhom jippreżentaw lilhom infushom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw il-fehmiet tagħhom u jressqu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kwalunkwe tagħrif ieħor fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Ta' min jinnota li l-eżerċitar tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi fuq il-fatt li l-parti tippreżenta ruħha matul il-perjodu msemmi qabel.

(b)   Is-seduti

Il-partijiet interessati kollha jistgħu wkoll japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 40 jum.

6.   Is-sottomissjonijiet bil-miktub, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza

Kull sottomissjoni jew talba magħmula mill-partijiet interessati trid issir bil-miktub (mhux f'forma elettronika, sakemm mhux speċifikat mod ieħor) u għandha tindika l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-fax u/jew tat-telex tal-parti interessata. Kull sottomissjoni bil-miktub, inklużi t-tagħrif mitlub f'dan l-avviż, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza pprovduta minn partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali, għandha tkun immarkata bil-kelma “Limitat” (3) u, skond l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandha tkun akkumpanjata b'verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate General for Trade

Directorate H

Office: J-79 4/23

B-1049 Brussels

Fax (32-2) 295 65 05

7.   In-nuqqas ta' kooperazzjoni

F'każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għat-tagħrif meħtieġ, jew ma tipprovdihx, fil-limiti ta' żmien, jew inkella b'mod sinifikanti tfixkel l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif għandu jitwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment, u r-riżultati jkunu għalhekk ibbażati fuq l-aqwa fatti disponibbli, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dak il-partit milli kieku kkooperat.

8.   L-iskeda ta' l-investigazzjoni

L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, skond l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

9.   Reviżjonijiet oħra interim skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

L-ambitu tar-reviżjoni attwali huwa stipulat fil-punt 3 hawn fuq. Kull parti li tixtieq titlob reviżjoni fuq il-bażi ta' raġunijiet oħra tista' tagħmel dan skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Din ir-reviżjoni ta' l-ambitu tal-prodott ma għandha l-ebda effett fuq il-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri ta' l-antidumping attwali.

10.   L-ipproċessar ta' dejta personali

Ta' min jinnota li kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-ħarsien ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' din id-dejta (4).

11.   L-Uffiċjal għas-Smigħ

Ta' min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta' difiża tagħhom, dawn ikunu jistgħu jitolbu l-intervent ta' l-Uffiċjal għas-Smigħ tad-DĠ għall-Kummerċ (DG Trade). Huwa jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni billi joffri, fejn hemm bżonn, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-protezzjoni ta' l-interessi tagħhom f'din il-proċedura, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-trattament tas-sottomissjonijiet tal-fehmiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar tagħrif u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni fuq l-internet ta' l-Uffiċjal għas-Smigħ fuq il-websajt tad-DĠ għall-Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade).


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 15, 20.1.2006, p. 1.

(3)  Dan ifisser li d-dokument ikun għal użu intern biss. Huwa protett skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skond l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni ta' l-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Anti-dumping).

(4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top