Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004AE1202

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta ta' Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (Tiswir mill-ġdid) (COM(2004) 246 finali – 2004/0079 (CNS))

OJ C 74, 23.3.2005, p. 21–22 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ C 74, 23.3.2005, p. 7–8 (MT)

23.3.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 74/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta ta' Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (Tiswir mill-ġdid)

(COM(2004) 246 finali – 2004/0079 (CNS))

Fit-30 ta' April 2004, il-Kunsill iddeċieda li, skond l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, jikkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta ta' Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (Tiswir mill-ġdid).

It-Taqsima speċjalizzata “Unjoni Ekonomika u Monetarja u Koeżjoni Ekonomika u Soċjali”, li kellha r-responsabbiltà li tħejji x-xogħol tal-Kumitat dwar is-suġġett, laqgħet l-abbozz ta' opinjoni tiegħu tat-13 ta' Lulju 2004. Ir-rapporteur kien is-Sur Burani.

Waqt is-sessjoni plenarja Nru 411 (laqgħa tal-15 ta' Settembru 2004), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew laqa' l-opinjoni li ġejja b'147 vot favur, 6 kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Daħla

1.1

Il-proposta li qiegħda tiġi diskussa (1) hi differenti mix-xogħol tas-soltu meħtieġ fil-kodifikazzjoni tal-liġijiet Komunitarji. Il-Kummissjoni nnutat li d-dispożizzjonijiet tal-VAT - misjuba oriġinarjament fis-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE u mibdula sussegwentament f'numru ta' okkażjonijiet – għandhom bżonn jiġu riveduti mill-bidu. Matul is-snin, saret reviżjoni tal-materjal filwaqt li saru t-tiswijiet u ż-żidiet meħtieġa. Dan wassal biex bla mixtieq ikun hemm ripetizzjoni, dispożizzjonijiet mhux ċari u duplikazzjoni. It-test kellu bżonn tibdiliet biex ikun aktar ċar u jinftiehem iżjed, mingħajr ma tinbidel it-tifsira jew l-għan tad-dispożizzjonijiet. Dan jinvolvi aktar minn sempliċiment ħidma ta' kodifikazzjoni.

1.2

Fuq kollox, kienu introdotti bl-istess mod tibdiliet oħrajn bil-għan li t-test jiġi jaqbel mal-prinċipji mħaddna mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni b'riżq it-tifsil ta' liġijiet ta' kwalità għolja. It-test il-ġdid qed jingħadda lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni. Għalkemm it-tibdil huwa fil-qalba tiegħu formali, m'aħniex qegħdin nitkellmu fuq sempliċiment ħidma ta' kodifikazzjoni imma proċess kumpless ta' tiswir mill-ġdid li se jwassal biex l-atti jkunu emendati, ikkodifikati u miġbura flimkien f'test legali ewlieni, u dan skond il-Ftehim Interistituzzjonali ta' l-2001 (2).

1.3

Il-proposta, li hija r-riżultat tal-ħidma sfiqa tal-Kummissjoni, tieħu post is-Sitt Direttiva tal-VAT. Saret reviżjoni ta' kull Artikolu individwali bil-għan li jkun aktar ċar u aktar konċiż. Dan wassal għal ġabra ta' 402 Artikoli minflok 53. It-test issa jinkludi wkoll werrej, u dan iħaffef il-proċess ta' konsultazzjoni. M'hemmx dubju li dan it-titjib jintlaqa' b'ħeġġa.

2.   Il-Kummenti tal-KESE

2.1

Ġaladarba dan il-proċess m'hux sempliċiment direttiva ġdida imma tiswir mill-ġdid, il-KESE żamm lura kemm jista' jkun filwaqt li nnota l-ħidma għaqlija tal-Kummissjoni u jifirħilha tar-riżultati miskuba. M'hemmx dubju li l-operaturi u l-amministraturi se jkollhom il-vantaġġ li jikkonsultaw it-test b'aktar ħeffa filwaqt li se jkun hemm anqas possibbiltà ta' interpretazzjoni ambigwa. M'hemmx dubju lanqas li r-relatur jaċċetta l-istqarrija tal-Kummissjoni li l-għan tat-test il-ġdid hu li jaqbel mat-testi li diġà daħlu fis-seħħ: reviżjoni sħiħa hija impossibbli u, wara kollox, reviżjoni simili saret diġà min-naħa ta' esperti u operaturi nazzjonali li kienu kkonsultati kif jixraq.

2.2

Madanakollu, analiżi aktar fir-reqqa tal-proposta tqanqal xi kummenti bażiċi dwar il-politika tal-VAT u, b'mod aktar ġenerali, dwar il-politika fiskali li l-għan preċiż tagħha hu li tiġbor flimkien il-kondizzjonijiet li fihom jaħdem is-suq uniku. Fejn jidħol dan, il-proposta tistqarr (fil-ħames parti tad-dokument legali li tesponi l-fatti) illi “Sistema ta' VAT tikseb l-ogħla livell ta' sempliċità u ta' newtralità meta t-taxxa tinġabar bl-aktar mod ġenerali possibbli... Għaldaqstant hu fl-interess tas-suq komuni u ta' l-Istati Membri li jaddattaw sistema komuni...”

2.3

Madanakollu, fiż-żewġ dokumenti legali li ġejjin, il-Kummissjoni qed tintroduċi nota inizzjali ta' twissija: “Jeħtieġ li nimxu pass pass, ġaladarba l-armonizzazzjoni tad-dħul mit-taxxi twassal għal tibdil fl-istruttura tat-taxxi”. Il-Kummissjoni tkompli tgħid illi, anke jekk ir-rati u l-eżenzjonijiet m'humiex se jkunu armonizzati “għal kollox”, l-għan aħħari tal-VAT (armonizzata) huwa li tinħoloq newtralità fil-kompetizzjoni“fi ħdan l-Istati Membri”.

2.4

Il-Kumitat jinnota illi dawn il-punti ttieħdu mit-test oriġinali tas-Sitt Direttiva. Jekk, wara kważi 40 sena, tinħass il-ħtieġa li jkunu rripetuti, allura rridu nagħrfu wkoll li ftit li xejn sar progress matul dan iż-żmien. Fejn tidħol l-armonizzazzjoni, l-UE jidher li m'hi qed tagħmel l-ebda progress, u hemm sinjali oħrajn, imsemmija fil-paragrafi li ġejjin, li m'humiex qed jawguraw tajjeb.

2.5

Tajjeb li ngħidu, għal darba oħra, li s-sistema tal-VAT li ġiet introdotta permezz tas-Sitt Direttiva, u li għadha tintuża, hi “transittiva”, u ma jidher li hemm l-ebda xewqa biex din titbiddel ma' sistema “definittiva” darba għal dejjem. Dan jista' jittieħed bħala indikazzjoni ċara tal-livell ta' inċertezza rigward l-imparzjalità tas-sistema. Il-Kumitat ikkummenta dwar dan u fil-fehma tiegħu ressaq proposti speċifiċi dwar l-għoti ta' servizzi (3).

2.6

Hemm punti oħrajn x'wieħed jista' jagħmel dwar is-sistema ta' derogi, li – jekk huma tassew meħtieġa – għandhom xorta jibqgħu temporanji jekk irridu li jintlaħaq suq uniku. L-aħħar derogi riċenti ngħataw lill-għaxar Stati Membri l-ġodda, li wħud minnhom ingħataw fuq bażi temporanja, filwaqt li oħrajn ingħataw mingħajr ebda data ta' għeluq. Madanakollu, derogi oħrajn, li ngħataw lil Stati Membri oħrajn imlaqqma “tat-tieni grupp” (l-Awstrija, il-Greċja, il-Finlandja, il-Portugall, Spanja u l-Isvezja), għadhom fis-seħħ. Tajjeb li ngħidu f'dan ir-rigward li ftit biss minn dawn id-derogi dehru fid-direttivi li emendaw is-Sitt Direttiva u li ħafna minnhom jinsabu “mistura” fl-Atti dwar is-Sħubija. Fost il-merti tad-direttiva l-ġdida nsibu li rnexxielha tikxef id-derogi kollha, ingħataw kif ingħataw.

2.7

Ma jidhirx li hemm xi pjan sabiex ikunu diskussi d-derogi – inkluż dawk li ngħataw ħafna żmien ilu – bit-tama li jitneħħew għal kollox. L-anqas l-Istati Membri fundaturi ma jidhru interessati li jqajmu din il-kwistjoni. Għall-bidu, anke huma ngħataw derogi u joqogħdu attenti biex ma jqanqlux dibattitu la dwarhom (għall-inqas sakemm jibqa' jgħodd “il-perjodu ta' transizzjoni”), u lanqas dwar il-famuża “rata żero” li ngħatat oriġinarjament lil żewġ pajjiżi. Mhux talli r-“rata żero” ma tneħħietx, talli nfirxet fuq numru ta' Stati ġodda.

2.8

Fil-fatt, mhux id-derogi kollha huma bla bażi: uħud mid-derogi permanenti japplikaw għal territorji barranin, gżejjer u reġjuni remoti li fiż-żmien li fih ittieħdu d-deċiżjonijiet, kienu qed jidhru li waqgħu lura. Madanakollu, meta wieħed iqis it-tul ta' żmien li għadda, ikun tajjeb jekk issir reviżjoni ta' dawn l-eżenzjonijiet kollha li ngħataw lil dawn ir-reġjuni biex b'hekk ikun assigurat jekk il-kondizzjonijiet li kienu ġġustifikati fil-bidu għadhomx jgħoddu llum.

2.9

Derogi oħrajn, u sa ċertu punt ewlenin ukoll, jikkonċernaw lill-intrapriżi ż-żgħar: 16-il Stat Membru (l-Istati Membri l-ġodda u dawk l-Istati mlaqqma “tat-tieni grupp”) huma awtorizzati li jagħtu eżenzjonijiet mill-VAT anke meta d-dħul jaqbeż il-limiti stabbiliti mis-Sitt Direttiva. Il-Kumitat ma jistax jifhem dan: anke jekk l-eżenzjonijiet mogħtija lill-għaxar Stati Membri l-ġodda jistgħu jkunu b'xi mod iġġustifikati, m'hemm l-ebda raġuni għala fl-Istati l-oħra dawn eżenzjonijiet għandhom jibqgħu jgħoddu avolja għaddew 12-il sena minn mindu ssieħbu.

2.10

Il-Kumitat jemmen illi eżenzjonijiet mill-VAT għal dawn l-intrapriżi jistgħu jwasslu għal xkiel fil-kompetizzjoni, anke jekk l-impatt totali għandu jkun wieħed limitat. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jidħlu aktar fil-fond ta' din il-kwistjoni.

3.   Għeluq

3.1

Il-Kumitat jifraħ lill-Kummissjoni li rnexxielha twettaq biċċa xogħol kbira bħal din b'mod għaqli, fid-dettal u, fuq kollox, bi trasparenza. Mingħajr trasparenza, kien ikun diffiċli biex tifhem kemm ir-regoli – li skond prinċipju ġenerali japplikaw l-istess għal kulħadd – huma mxekkla b'derogi, eżenzjonijiet u “diskriminazzjoni”. M'hemmx dubju li mhux kull tbegħid li jseħħ mill-prinċipju huwa fih innifsu bla bażi, imma tinħass il-ħtieġa li l-Istati Membri jmiddu għonqhom għax-xogħol u jerġgħu jinnegozjaw dawk id-derogi li m'humiex aktar bżonnjużi, u jekk jista' jkun ineħħuhom darba għal dejjem.

3.2

Il-Kumitat m'hux qed jara sinjali li jixhdu din ix-xewqa: anzi, wieħed mill-Istati Membri l-kbar diġà stqarr li għandu riservi ġenerali u dawn jistgħu jħarbtu d-dikjarazzjonijiet fil-proposta tal-Kummissjoni. Meta wieħed iqis x'seħħ fl-imgħoddi, diffiċli biex jilmaħ xaqq ta' dawl. Il-Proġett ta' Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-1996, jinkludi fih programm ta' ħidma u proposta b'riżq l-armonizzazzjoni tat-taxxi. Dan l-istudju tħalla għat-trab fil-Kunsill u qatt ma ġie diskuss. Fil-Proġett ta' Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-2000, niltaqgħu ma' strateġija ġdida dwar il-VAT li, fil-prattika jidher li rnexxielha tagħmel anqas suċċess.

3.3

L-intenzjoni tal-KESE permezz ta' dan l-abbozz ta' avviż m'hijiex li jikkritika l-politika tal-VAT ta' l-Istati Membri. Il-KESE hu mill-aktar konxju li għad hemm bosta fatturi interni, kemm ekonomiċi kif ukoll politiċi, li qed jinfluwenzawhom fid-deċiżjonijiet li jieħdu. Li qed jitlob il-Kumitat huwa li ssir reviżjoni sħiħa ta' din is-sitwazzjoni fil-ġejjieni qrib biex b'hekk titwaqqaf sistema definittiva u b'hekk jitnaqqas jew saħansitra jitneħħa għal kollox l-akbar xkiel li għad fadal fit-twettiq ta' suq uniku msejjes fuq regoli Komunitarji.

Brussel, 15 ta' Settembru 2004.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Roger BRIESCH


(1)  COM(2004) 246 finali – 2004/0079 (CNS).

(2)  ĠU C 77 tat-28.3.2002.

(3)  ĠU C 117 tat-30.4.2004.


Top