Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XP0348

L-implimentazzjoni tal-klawżola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali ***I Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fit- 13 ta' Settembru 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta l-klawżola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra (COM(2011)0599 – C7-0306/2011 – 2011/0263(COD))

OJ C 353E , 3.12.2013, p. 312–321 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 353/312


Il-Ħamis 13 ta’ Settembru 2012
L-implimentazzjoni tal-klawżola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali ***I

P7_TA(2012)0348

Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fit-13 ta' Settembru 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta l-klawżola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra (COM(2011)0599 – C7-0306/2011 – 2011/0263(COD)) (1)

2013/C 353 E/52

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

TEST PROPOST MILL-KUMMISSJONI

EMENDA

Emenda 1

Proposta għal regolament

Premessa 3

(3)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri għall-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jikkonċernaw il-klawżola ta' salvagwardja bilaterali u għall-applikazzjoni tal-Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni għall-Banana li kien hemm qbil dwaru mal-Amerika Ċentrali.

(3)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri l-aktar adegwati biex jiggarantixxu l-applikazzjoni effikaċi ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jikkonċernaw il-klawżola ta' salvagwardja bilaterali u għall-applikazzjoni tal-Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni għall-Banana li kien hemm qbil dwaru mal-Amerika Ċentrali.

Emenda 2

Proposta għal regolament

Premessa 3a (ġdida)

 

(3a)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti strumenti ta' salvagwardja xierqa biex tkun evitata ħsara gravi lill-kultivazzjoni tal-Unjoni tal-banana, settur li għandu importanza kbira fil-produzzjoni agrikola finali ta' ħafna reġjuni ultraperiferiċi. Il-kapaċità skarsa ta' diversifikazzjoni ta' dawn ir-reġjuni, konsegwenza tal-karatteristiċi naturali tagħhom, twassal biex is-settur tal-banana jkun settur partikolarment vulnerabbli. Għalhekk huwa essenzjali li jkunu previsti mekkaniżmi effikaċi minħabba l-importazzjonijiet preferenzjali minn pajjiżi terzi, sabiex tkun garantita ż-żamma tal-produzzjoni tal-banana tal-Unjoni f'kundizzjonijiet ottimali, billi jirrappreżenta settur ta' impjiegi kruċjali f'ċerti żoni, speċjalment fir-reġjuni ultraperiferiċi.

Emenda 3

Proposta għal regolament

Premessa 4a (ġdida)

 

(4a)

Dannu serju jew theddida ta' dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni jistgħu wkoll jiġu kkawżati bin-nuqqas ta' rispett tal-obbligi speċifiċi fl-ambitu tat-Titolu VIII "Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli" tal-Parti IV tal-Ftehim, b'mod partikolari rigward l-istandards tax-xogħol u ambjentali stabbiliti fih, li b'hekk tkun meħtieġa l-impożizzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja.

Emenda 4

Proposta għal regolament

Premessa 5

(5)

Miżuri ta' salvagwardja għandhom jitqiesu biss jekk il-prodott ikkonċernat jiġi importat fl-Unjoni fi kwantitajiet daqstant ikbar min-normal, f'termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni tal-Unjoni, u b'tali kundizzjonijiet li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni ta' prodotti simili jew li jkunu f'kompetizzjoni diretta kif stabbilit fl-Artikolu 104 tal-Ftehim.

(5)

Miżuri ta' salvagwardja għandhom jitqiesu biss jekk il-prodott ikkonċernat jiġi importat fl-Unjoni fi kwantitajiet daqstant ikbar min-normal, f'termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni tal-Unjoni, u b'tali kundizzjonijiet li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni ta' prodotti simili jew li jkunu f'kompetizzjoni diretta kif stabbilit fl-Artikolu 104 tal-Ftehim. Skont l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fir-rigward tal-prodotti u s-setturi ekonomiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, għandhom jiġu introdotti miżuri ta' salvagwardja malli importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott inkwistjoni jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw dannu lill-produtturi ta' prodotti simili jew prodotti direttament kompetittivi fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni.

Emenda 5

Proposta għal regolament

Premessa 6

(6)

Il-miżuri ta' salvagwardja għandhom ikunu minn fost dawk it-tipi msemmija fl-Artikolu 104(2) tal-Ftehim.

(6)

Il-miżuri ta' salvagwardja għandhom ikunu minn fost dawk it-tipi msemmija fl-Artikolu 104(2) tal-Ftehim. Għandhom jiġu previsti miżuri speċifiċi ta' salvagwardja meta l-prodotti u s-setturi ekonomiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi jsibu ruħhom mhedda, skont l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Emenda 6

Proposta għal regolament

Premessa 7

(7)

Il-kompiti tat-twettiq ta' investigazzjonijiet u, jekk ikun meħtieġ, l-impożizzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja għandhom isiru bl-aktar mod trasparenti possibbli.

(7)

Il-kompiti ta' segwitu u ta' rieżami tal-Ftehim u tat-twettiq ta' investigazzjonijiet u, jekk ikun meħtieġ, l-impożizzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja għandhom isiru bl-aktar mod trasparenti possibbli.

Emenda 7

Proposta għal regolament

Premessa 8

(8)

Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-ftuħ tal-proċedimenti. Il-Kummissjoni għandha tirċievi tagħrif, inkluża l-evidenza disponibbli, mill-Istati Membri dwar kwalunkwe xejriet fl-importazzjonijiet li jkunu jistgħu jeħtieġu l-applikazzjoni tal-miżuri ta' salvagwardja.

(8)

Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-ftuħ tal-proċedimenti. Il-Kummissjoni għandha tirċievi tagħrif, inkluża l-evidenza disponibbli, mill-Istati Membri u mill-partijiet interessati dwar kwalunkwe xejra fl-importazzjonijiet li jkunu jistgħu jeħtieġu l-applikazzjoni tal-miżuri ta' salvagwardja.

Emenda 8

Proposta għal regolament

Premessa 8 a (ġdid)

 

(8a)

Fil-każ li l-Parlament Ewropew jadotta rakkomandazzjoni biex jibda investigazzjoni ta' salvagwardja, il-Kummissjoni se teżamina bir-reqqa jekk ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet skont ir-Regolament għal inizjazzjoni ex officio. Fil-każ li l-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet ma ġewx sodisfatti, hi se tippreżenta rapport lill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew li jinkludi spjegazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti għall-inizjazzjoni ta' tali investigazzjoni.

Emenda 9

Proposta għal regolament

Premessa 10a (ġdida)

 

(10a)

F'xi każijiet, żieda fl-importazzjonijiet ikkonċentrata f'wieħed jew aktar minn fost ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni jew l-Istati Membri tista' tikkawża jew thedded li tikkawża dannu serju jew deterjorament serju fil-qagħda ekonomika tagħhom. Fil-każ li jkun hemm żieda fl-importazzjonijiet ikkonċentrata f'wieħed jew aktar minn fost ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni jew l-Istati Membri, il-Kummissjoni tista' tintroduċi miżuri ta' sorveljanza preventivi.

Emenda 10

Proposta għal regolament

Premessa 12

(12)

Huwa wkoll meħtieġ, skont l-Artikolu 112 tal-Ftehim, li jiġu stabbiliti l-limiti ta' żmien għall-ftuħ tal-investigazzjonijiet u għall-kunsiderazzjonijiet dwar jekk il-miżuri humiex xierqa jew le, bil-ħsieb li jiġi żgurat li dawn il-kunsiderazzjonijiet isiru malajr, sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

(12)

Huwa wkoll meħtieġ, skont l-Artikolu 112 tal-Ftehim, li jiġu stabbiliti l-limiti ta' żmien għall-ftuħ tal-investigazzjonijiet u għall-kunsiderazzjonijiet dwar jekk il-miżuri humiex xierqa jew le, bil-ħsieb li jiġi żgurat li dawn il-kunsiderazzjonijiet isiru malajr, sabiex tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati u jiġi garantit li l-miżuri jkunu effikaċi .

Emenda 11

Proposta għal regolament

Premessa 14

(14)

Il-miżuri ta' salvagwardja għandhom jiġu applikati biss sa fejn, u għal tant żmien, kif jista' jinħtieġ biex ma jsirx dannu serju u jiġi ffaċilitat l-aġġustament. It-tul ta' żmien massimu tal-miżuri ta' salvagwardja għandu jkun iddeterminat u għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-estensjoni u r-reviżjoni ta' dawn il-miżuri, kif imsemmi fl-Artikolu 105 tal-Ftehim.

(14)

Il-miżuri ta' salvagwardja għandhom jiġu applikati biss sa fejn, u għal tant żmien, kif jista' jinħtieġ biex ma jsirx dannu serju u jiġi ffaċilitat l-aġġustament. It-tul ta' żmien massimu tal-miżuri ta' salvagwardja għandu jkun iddeterminat u għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-estensjoni u r-reviżjoni ta' dawn il-miżuri, kif imsemmi fl-Artikolu 105 tal-Ftehim. Meta dan jirrigwarda miżuri ta' salvagwardja mdaħħla biex jitħarsu l-produzzjoni u s-servizzi ekonomiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, għandhom japplikaw dispożizzjonijiet speċifiċi skont l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Emenda 12

Proposta għal regolament

Premessa 14a (ġdida)

 

(14a)

Il-monitoraġġ mill-qrib jiffaċilita kwalunkwe deċiżjoni f'waqtha dwar il-ftuħ possibbli ta' investigazzjoni jew l-impożizzjoni ta' miżuri. Il-Kummissjoni, għalhekk, għandha timmonitorja b'mod regolari l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet f'setturi sensittivi, fosthom dak tal-banana, mid-data ta' applikazzjoni tal-Ftehim.

Emenda 13

Proposta għal regolament

Premessa 14b (ġdida)

 

(14b)

Jeħtieġ li ssir insistenza dwar l-importanza tar-rispett tal-istandards internazzjonali tax-xogħol imfassla u sorveljati mill-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol. Id-difiża tax-xogħol dinjituż għal kulħadd għandha tkun prijorità assoluta u l-banana impurtata mill-Amerika Ċentrali għandha tkun prodotta f'kundizzjonijiet salarjali, soċjali u ambjentali korretti, sabiex il-produtturi tal-Unjoni ma jkunux vittmi ta' dumping, żvantaġġ li ma jkunux jistgħu jikkumpensaw għalih u li jikkomprometti b'mod definittiv il-kompetittività tagħhom fis-suq dinji tal-banana.

Emenda 14

Proposta għal regolament

Premessa 16a (ġdida)

 

(16a)

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim u dwar l-applikazzjoni tal-miżuri ta' salvagwardja u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana, li għandu jkun fih l-istatistika aġġornata u affidabbli dwar l-importazzjonijiet mill-Amerika Ċentrali u valutazzjoni tal-impatt tagħhom fuq il-prezzijiet tas-suq, l-impjiegi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Unjoni u l-evoluzzjoni tas-settur produttiv tal-Unjoni, b'attenzjoni speċjali tingħata lill-produtturi u lill-kooperattivi ta' daqs żgħir. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilta biex tinkludi fih ukoll analiżi tal-impatt tal-Ftehim u ta' dan ir-Regolament dwar il-produzzjoni u l-konsum organiċi fl-Unjoni u l-flussi ta' Kummerċ Ġust bejn il-partijiet kollha tal-Ftehim.

Emenda 15

Proposta għal regolament

Premessa 16b (ġdida)

 

(16b)

Il-Kummissjoni għandha tuża b'mod attent u effikaċi l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana bil-għan li tevita theddid ta' deterjorament serju jew deterjorament serju għall-produtturi fir-reġjuni ultraperiferiċi fl-Unjoni u, minn Jannar 2020, tuża strumenti eżistenti bħall-klawżola ta' salvagwardja jew, jekk neċessarju, tikkunsidra li tiżviluppa strumenti ġodda li jippermettu li tinżamm, f'każ ta' tfixkil gravi tas-suq, il-kompetittività tas-setturi produttivi fl-Unjoni u partikolarment fir-reġjuni ultraperiferiċi.

Emenda 16

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt b

(b)

"partijiet interessati" tfisser il-partijiet milquta mill-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat;

(b)

"partijiet interessati" tfisser il-partijiet milquta mill-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat , fosthom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema ;

Emenda 17

Proposta għal regolament

Artikolu 1 – punt ea (ġdid)

 

(ea)

"deterjorament serju" tfisser disturbi konsiderevoli f'settur jew f'industrija; "theddida ta' deterjorament serju" tfisser disturbi konsiderevoli li jkun imminenti b'mod ċar.

Emenda 18

Proposta għal regolament

Artikolu 2a (ġdid)

 

Artikolu 2a

Monitoraġġ

1.     Il-Kummissjoni timmonitorja l-evoluzzjoni tal-istatistika dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-prodotti tal-Amerika Ċentrali, partikolarment f'setturi sensittivi, fosthom dak tal-banana. Għaldaqstant, se tikkoopera u twettaq skambju ta' data b'mod regolari mal-Istati Membri u l-industrija tal-Unjoni u mal-partijiet interessati kollha.

2.     Fuq talba ġġustifikata kif xieraq mill-industriji kkonċernati, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra li testendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-monitoraġġ għal setturi oħra.

3.     Il-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali ta' monitoraġġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar statistika aġġornata dwar l-importazzjonijiet tal-prodotti tal-Amerika Ċentrali fis-setturi sensittivi u f'dawk is-setturi li għalihom ġie estiż il-monitoraġġ, inkluż dak tal-banana.

4.     Fir-rapport ta' monitoraġġ, il-Kummissjoni tagħmel ħilta biex tinkludi r-rati ta' impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-produtturi tal-banana fl-Amerika Ċentrali bil-għan li jiġi evitati l-forom kollha ta' dumping.

Emenda 19

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 1

1.   Investigazzjoni għandha tinfetaħ fuq talba ta' Stat Membru, minn kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li tkun qed taġixxi f'isem l-industrija tal-Unjoni, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jekk il-Kummissjoni jidhrilha li hemm biżżejjed evidenza prima facie, kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5), li tiġġustifika tali ftuħ.

1.   Investigazzjoni għandha tinfetaħ fuq talba ta' Stat Membru, minn kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li tkun qed taġixxi f'isem l-industrija tal-Unjoni, mill-Parlament Ewropew jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jekk il-Kummissjoni jidhrilha li hemm biżżejjed evidenza prima facie, kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5), li tiġġustifika tali ftuħ.

 

Meta jkun xieraq, il-Parlament Ewropew jista' jikkonsulta u jirreferi għall-analiżi minn korpi indipendenti, bħat-trade unions, l-ILO, id-dinja akkademika jew l-organizzazzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem.

Emenda 20

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 2

2.   It-talba għall-ftuħ ta' investigazzjoni għandha tinkludi evidenza li l-kundizzjonijiet biex tiġi imposta l-miżura ta' salvagwardja stipulata fl-Artikolu 2(1) ikunu ġew sodisfatti. It-talba għandha ġeneralment tinkludi t-tagħrif li ġej: ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f'termini assoluti u relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud minn importazzjonijiet miżjuda, u l-bidliet fil-livelli ta' bejgħ, produzzjoni, produttività, użu tal-kapaċità, qligħ u telf, u impjiegi.

2.   It-talba għall-ftuħ ta' investigazzjoni għandha tinkludi evidenza li l-kundizzjonijiet biex tiġi imposta l-miżura ta' salvagwardja stipulata fl-Artikolu 2(1) ikunu ġew sodisfatti. It-talba għandha ġeneralment tinkludi t-tagħrif li ġej: ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f'termini assoluti u relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud minn importazzjonijiet miżjuda, u l-bidliet fil-livelli ta' bejgħ, produzzjoni, produttività, użu tal-kapaċità, qligħ u telf, impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol .

Emenda 21

Proposta għal regolament

Artikolu 3 – paragrafu 3

3.   Investigazzjoni tista' tinfetaħ ukoll fil-każ li jkun hemm żieda qawwija tal-importazzjonijiet ikkonċentrati fi Stat Membru wieħed jew f'għadd ta' Stati Membri, bil-kundizzjoni li jkun hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ikunu ġew sodisfatti, kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5).

3.   Investigazzjoni tista' tinfetaħ ukoll fil-każ li jkun hemm żieda qawwija tal-importazzjonijiet ikkonċentrati fi Stat Membru wieħed jew f'għadd ta' Stati Membri jew ta' reġjuni ultraperiferiċi , bil-kundizzjoni li jkun hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ikunu ġew sodisfatti, kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5).

Emenda 22

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 4

4.   Il-Kummissjoni għandha titlob it-tagħrif kollu li jidhrilha li jkun meħtieġ biex tkun tista' tiddetermina dwar il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1) , u , fejn jidhrilha li jkun xieraq, tfittex li tivverifika dan.

4.   Il-Kummissjoni għandha titlob it-tagħrif kollu li jidhrilha li jkun meħtieġ biex tkun tista' tiddetermina dwar il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1) u tfittex li tivverifika dan.

Emenda 23

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 5

5.   Fl-investigazzjoni l-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-fatturi rilevanti kollha ta' natura oġġettiva u kwantifikabbli li għandhom influwenza fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, b'mod partikolari, ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f'termini assoluti u relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud mill-importazzjonijiet miżjuda, it-tibdil fil-livelli tal-bejgħ, tal-produzzjoni, tal-produttività, tal-użu tal-kapaċità, tal-qligħ u tat-telf, u tal-impjiegi. Din il-lista mhix eżawrjenti u l-Kummissjoni tista' tqis fatturi oħra rilevanti meta tkun qed tiddetermina l-eżistenza ta' dannu serju jew theddida ta' dannu serju, bħalma huma il-ħażniet, il-prezzijiet, ir-redditu fuq il-kapital użat, il-likwidità, u fatturi oħra li jkunu qed jikkawżaw jew għandhom mnejn ikkawżaw dannu serju, jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-industrija tal-Unjoni.

5.   Fl-investigazzjoni l-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-fatturi rilevanti kollha ta' natura oġġettiva u kwantifikabbli li għandhom influwenza fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, b'mod partikolari, ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f'termini assoluti u relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud mill-importazzjonijiet miżjuda, it-tibdil fil-livelli tal-bejgħ, tal-produzzjoni, tal-produttività, tal-użu tal-kapaċità, tal-qligħ u tat-telf, u tal-impjiegi. Din il-lista mhix eżawrjenti u l-Kummissjoni tista' tqis fatturi oħra rilevanti meta tkun qed tiddetermina l-eżistenza ta' dannu serju jew theddida ta' dannu serju, bħalma huma il-ħażniet, il-prezzijiet, ir-redditu fuq il-kapital użat, il-likwidità, u fatturi oħra li jkunu qed jikkawżaw jew għandhom mnejn ikkawżaw dannu serju, jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-industrija tal-Unjoni , bħall-ilħuq tal-volumi limitu fil-qafas tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana, inklużi dawk inklużi fil-Kapitolu II ta' dan ir-Regolament .

Emenda 24

Proposta għal regolament

Artikolu 4 – paragrafu 7

7.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-dejta u l-istatistika kollha li jintużaw għall-investigazzjoni jkunu disponibbli, jinftiehmu, trasparenti u verifikabbli.

7.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-data u l-istatistika kollha li jintużaw għall-investigazzjoni jkunu disponibbli, jinftiehmu, trasparenti , aġġornati, affidabbli u verifikabbli.

Emenda 25

Proposta għal regolament

Artikolu 5 – paragrafu 1a (ġdid)

 

1a.     Fil-każ li jkun hemm żieda qawwija fl-importazzjonijiet ta' prodotti li jidħlu fi ħdan is-setturi sensittivi kkonċentrati f'wieħed jew aktar minn fost l-Istati Membri jew ir-reġjuni ultraperiferiċi, il-Kummissjoni tista' tintroduċi miżuri ta' sorveljanza preventivi.

Emenda 26

Proposta għal regolament

Artikolu 9 – paragrafu 4

4.   Kull estensjoni skont il-paragrafu 3 għandha tiġi ppreċeduta minn investigazzjoni fuq talba ta' Stat Membru, minn kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li tkun qed taġixxi f'isem l-industrija tal-Unjoni, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jekk ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3 jkunu sodisfatti, abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5).

4.   Kull estensjoni skont il-paragrafu 3 għandha tiġi ppreċeduta minn investigazzjoni fuq talba ta' Stat Membru, minn kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li tkun qed taġixxi f'isem l-industrija tal-Unjoni, minn partijiet interessati, mill-Parlament Ewropew, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jekk ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3 jkunu sodisfatti, abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5).

Emenda 27

Proposta għal regolament

Artikolu 11a (ġdid)

 

Artikolu 11a

Rapport

1.     Il-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim u tar-Regolament. Ir-rapport jinkludi informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' miżuri provviżorji u definittivi, miżuri ta' sorveljanza preventivi, miżuri ta' sorveljanza u ta' salvagwardja reġjonali, it-tmiem tal-investigazzjonijiet mingħajr miżuri u l-attivitajiet tad-diversi korpi responsabbli mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim u tar-rispett tal-obbligi li ġejjin minnu, inkluża l-informazzjoni rċevuta mill-partijiet interessati.

2.     It-taqsimiet speċjali tar-rapport jittrattaw ir-rispett tal-obbligi skont it-Titolu VIII "Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli" tal-Parti IV tal-Ftehim u l-azzjoni meħuda f'dak ir-rigward mill-Amerika Ċentrali fl-ambitu tal-mekkaniżmi interni tagħha u mill-Forum għad-Djalogu mas-Soċjetà Ċivili.

3.     Ir-rapport jippreżenta wkoll sinteżi tal-istatistika u tal-evoluzzjoni tal-kummerċ mal-Amerika Ċentrali.

4.     Ir-rapport jinkludi statistika aġġornata u affidabbli dwar l-importazzjonijiet mill-Amerika Ċentrali tal-banana u l-impatt dirett u indirett tagħhom fuq l-evoluzzjoni tal-impjieg u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur produttiv tal-Unjoni.

5.     Il-Parlament Ewropew jista', fi żmien xahar mill-preżentazzjoni tar-rapport mill-Kummissjoni, jistieden lill-Kummissjoni għal laqgħa ad hoc tal-kumitat reponsabbli tiegħu biex tippreżenta u tispjega xi kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Ftehim u ta' dan ir-Regolament.

6.     Mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-preżentazzjoni tar-rapport lill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni tippubblika r-rapport.

Emenda 28

Proposta għal regolament

Artikolu 12 – paragrafu 4a (ġdid)

 

4a.     Jekk l-opinjoni tal-kumitat trid tinkiseb permezz ta' proċedura bil-miktub, din il-proċedura tiġi konkluża mingħajr riżultati meta, sat-terminu għall-preżentazzjoni tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi f'dan is-sens jew fuq talba tal-maġġoranza tal-membri tal-kumitat.

Emenda 29

Proposta għal regolament

KAPITOLU Ia - Artikolu 12a (ġdid)

 

Kapitolu Ia

Artikolu 12a

12a.     Id-dispożizzjoni applikabbli bl-għan li jiġu adottati r-regoli ta' implimentazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tar-regoli inklużi fl-Appendiċi 2A tal-Anness II "Dwar il-Kunċett ta' "Prodotti Oriġinarji" u Metodi ta' Kooperazzjoni Amministrattiva" u l-Appendiċi 2 tal-Anness I "L-eliminazzoni tad-dazji doganali" tal-Ftehim, hija l-Artikolu 247a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

Emenda 30

Proposta għal regolament

Artikolu 13 – paragrafu 1a (ġdid)

 

1a.     L-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana fl-ebda ċirkostanza ma timpedixxi l-attivazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-klawżola bilaterali ta' salvagwardja.

Emenda 31 u 32

Proposta għal regolament

Artikolu 13 – paragrafu 2

2.   Volum ta' importazzjoni annwali separat ta' skattar huwa stabbilit għall-importazzjonijiet minn pajjiż tal-Amerika Ċentrali għall-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 kif indikat fit-tabella fl-Anness ma' dan ir-Regolament. L-importazzjoni tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 bir-rata tad-dazju doganali preferenzjali għandha, flimkiem mal-prova tal-oriġini stabbilita fl-Anness III (Definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti tal-oriġini" u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva) tal-Ftehim mal-Amerika Ċentrali, tkun suġġetta għall-preżentazzjoni ta' ċertifikat ta' esportazzjoni maħruġ mill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-pajjiż tal-Amerika Ċentrali minn fejn jiġu esportati l-prodotti. Ladarba jintlaħaq il-volum tal-iskattar matul is-sena kalendarja korrispondenti, il-Kummissjoni , b'konformità mal-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 12(3), għandha tissospendi temporanjament id-dazji doganali preferenzjali matul l-istess sena għal perjodu taż-żmien li ma jaqbiżx it-tliet xhur, u li ma jmurx lil hinn minn tmiem is-sena kalendarja.

2.   Volum limitu ta' importazzjoni annwali separat ta' skattar huwa stabbilit għall-importazzjonijiet minn pajjiż tal-Amerika Ċentrali għall-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 kif indikat fit-tabella fl-Anness ma' dan ir-Regolament. L-importazzjoni tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 bir-rata tad-dazju doganali preferenzjali għandha, flimkiem mal-prova tal-oriġini stabbilita fl-Anness III (Definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti tal-oriġini" u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva) tal-Ftehim mal-Amerika Ċentrali, tkun suġġetta għall-preżentazzjoni ta' ċertifikat ta' esportazzjoni maħruġ mill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-pajjiż tal-Amerika Ċentrali minn fejn jiġu esportati l-prodotti. Dan l-obbligu ta' preżentazzjoni ta' ċertifikat ta' esportazzjoni, madankollu, ma għandu jimplika għall-esportatur la piż amministrattiv akbar, la spejjeż addizzjonali u lanqas limitazzjonijiet kummerċjali. Ladarba jintlaħaq il-volum limitu matul is-sena kalendarja korrispondenti, il-Kummissjoni għandha tissospendi temporanjament id-dazji doganali preferenzjali matul l-istess sena għal perjodu taż-żmien li ma jaqbiżx it-tliet xhur, u li ma jmurx lil hinn minn tmiem is-sena kalendarja. Is-sospensjoni tista' tkun attivata biss minħabba kawżi ta' forza maġġuri.

Emenda 33

Proposta għal regolament

Artikolu 13 – paragrafu 5a (ġdid)

 

5a.     Il-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-evoluzzjoni tal-istatistika għall-importazzjonijiet tal-banana mill-Amerika Ċentrali. Ir-rati ta' impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll il-produzzjoni u l-konsum organiċi u l-flussi tal-Kummerċ Ġust jiffurmaw parti mill-proċess ta' monitoraġġ. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tikkoopera u twettaq skambju ta' informazzjoni b'mod regolari mal-Istati Membri, mal-industriji tal-Unjoni u mal-partijiet interessati.

Emenda 34

Proposta għal regolament

Artikolu 13 – paragrafu 5b (ġdid)

 

5b.     Fuq talba motivata tal-Parlament Ewropew, ta' Stat Membru, tal-industrija tal-Unjoni, ta' kwalunkwe parti interessata, jew fuq inizjattiva proprja, il-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lil kwalunkwe żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet tal-banana li jiġu mill-Amerika Ċentrali, u jekk applikabbli, tadotta l-miżuri ta' sorveljanza preventivi, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5.

Emenda 35

Proposta għal regolament

Artikolu 13 – paragrafu 5c (ġdid)

 

5c.     Il-miżuri ta' sorveljanza preventivi jiġu adottati mill-Kummissjoni b'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 12(2) ladarba l-volum limitu tal-mekkaniżmu jintlaħaq matul is-sena ta' kalendarju korrispondenti.

Emenda 36

Proposta għal regolament

Artikolu 13 – paragrafu 5d (ġdid)

 

5d.     Fi żmien xahar wara l-pubblikazzjoni tar-rapport mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew jista' jistedinha għal laqgħa ad hoc tal-kumitat responsabbli sabiex tippreżentalu u tispjegalu kwalunwke kwistjoni marbuta mal-implimentazzjoni tal-Ftehim li se tolqot is-settur tal-banana.


(1)  Il-każ kien riferut lura lill-kumitat responsabbli biex jerġà jiġi kkunsidrat skont it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 57(2) (A7-0237/2012).


Top