Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0352

L-użu politiku tal-ġustizzja fir-Russja Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 13 ta' Settembru 2012 dwar l-użu politiku tal-ġustizzja fir-Russja (2012/2789(RSP))

OJ C 353E , 3.12.2013, p. 134–137 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 353/134


Il-Ħamis 13 ta’ Settembru 2012
L-użu politiku tal-ġustizzja fir-Russja

P7_TA(2012)0352

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2012 dwar l-użu politiku tal-ġustizzja fir-Russja (2012/2789(RSP))

2013/C 353 E/17

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rapporti u riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Marzu 2012 dwar ir-riżultat tal-elezzjonijiet presidenzjali fir-Russja (1), tas-16 ta' Frar 2012 dwar l-elezzjoni presidenzjali imminenti fir-Russja (2), tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar l-elezzjonijiet tad-Duma tal-Istat (3) u tas-7 ta' Lulju 2011 dwar it-tħejjijiet għall-elezzjonijiet ta' Diċembru tad-Duma tal-Istat Russu (4),

wara li kkunsidra n-negozjati kontinwi għal ftehim ġdid li jipprovdi qafas komprensiv ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, kif ukoll is-"Sħubija għall-Modernizzazzjoni" mibdija fl-2010,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, li tgħid li kulħadd għandu jkun intitolat għal smigħ xieraq u pubbliku minn tribunal kompetenti, indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Russja, b’mod partikolari l-Artikolu 118 tagħha, li jgħid li l-ġustizzja fil-Federazzjoni Russa għandha tkun amministrata mill-qrati biss, u l-Artikolu 120 tagħha, li jipprevedi li l-imħallfin huma indipendenti u subordinati biss għall-Kostituzzjoni Russa u għad-dritt federali,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-17 ta' Awwissu 2012 mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton dwar il-kundanna tal-membri tal-grupp punk "Pussy Riot" fir-Russja,

wara li kkunsidra t-talba tal-Prosekutur Ġenerali Russu biex tittieħed votazzjoni dwar it-tkeċċija bikrija tal-Membru tad-Duma ta' Just Russia Gennady Gutkov fit-12 ta' Settembru 2012,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Federazzjoni Russa, bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa impenjat ruħha fir-rigward tal-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; billi minħabba bosta każijiet ta' ksur sejru tal-istat tad-dritt u l-adozzjoni ta' liġijiet restrittivi matul l-aħħar xhur hemm tħassib li qiegħed dejjem jikber rigward il-konformità tar-Russja mal-obbligi internazzjonali u nazzjonali;

B.

billi l-Unjoni Ewropea għadha impenjata li ssaħħaħ u tiżviluppa ulterjorment ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, ħaġa li tidher mill-impenn tal-Unjoni li tinvolvi ruħha serjament f'negozjati għal ftehim qafas ġdid għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, u billi l-Unjoni Ewropea u r-Russja stabbilixxew relazzjonijiet profondi u komprensivi, partikolarment fis-setturi tal-enerġija, l-ekonomija u l-kummerċ, u saru reċiprokament interdipendenti fl-ekonomija globali;

C.

billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja marret għall-agħar drastikament fl-aħħar ftit xhur u l-awtoritajiet Russi dan l-aħħar adottaw serje ta' liġijiet li fihom dispożizzjonijiet ambigwi u jistgħu jintużaw biex ikomplu jirrestrinġu l-atturi tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili u jxekklu l-libertà tal-espressjoni u ta' għaqda; billi dawn l-aspetti għandhom jiġu indirizzati b'mod xieraq bħala prijorità, b'mod partikolari waqt il-laqgħat u n-negozjati bilaterali bejn l-UE u r-Russja;

D.

billi l-imwiet ta’ Anna Politkovskaya, Natalia Estemirova, Anastasia Barburova, Stanislav Markelov u Sergei Magnitsky għadhom ma ġewx spjegati;

E.

billi Mikhail Khordorkovsky u sieħbu fin-negozju Platon Lebedev ingħataw verdett ta’ ħtija għal approprjazzjoni bla jedd mill-qorti tad-distrett ta' Khamovnichesky ta' Moska fit-30 ta’ Diċembru 2010; billi l-prosekuzzjoni, il-proċess u l-verdett intwerew internazzjonalment bħala politikament motivati;

F.

billi l-każ ta' Sergei Magnitsky huwa biss wieħed minn bosta każijiet ta' abbuż tal-poter mill-awtoritajiet Russi għall-infurzar tal-liġi, li jiksru bil-kbir l-istat tad-dritt u jħallu mingħajr kastig lil dawk li huma ħatja li kkawżaw il-mewt tiegħu; billi hemm għadd kbir ta' każijiet ġudizzjarji oħrajn fejn raġunijiet politiċi qed jintużaw biex jeliminaw kompetizzjoni politika u biex jheddu s-soċjetà ċivili;

G.

billi l-kundanna tal-membri tal-grupp punk Russu Pussy Riot għal sentejn priġunerija għal prestazzjoni ta' protesta kontra l-President Vladimir Putin f'Katedral Ortodoss ta' Moska hija sproporzjonata;

H.

billi d-Duma hija skedata li tivvota fit-12 ta' Settembru 2012 biex twaqqaf il-mandat ta' Gennady Gudkov minħabba attivitajiet kummerċjali matul il-mandat tiegħu, mingħajr ma ssegwi l-proċeduri demokratiċi meħtieġa; billi, fl-interess tal-istat tad-dritt, ir-regoli parlamentari għandhom japplikaw b'mod ugwali u imparzjali għall-membri kollha tad-Duma; billi membri oħrajn tal-fazzjoni Fair Russia bħal Dimitri Gudkov u Ilya Ponomarev qed jaffaċċjaw akkużi simili;

I.

billi l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-NGOs u l-leġiżlazzjoni dwar id-dritt għal-libertà ta' għaqda jistgħu jintużaw biex irażżnu lis-soċjetà ċivili, joħonqu opinjonijiet politiċi opposti u jiffastidjaw l-NGOs, l-oppożizzjoni politika u l-midja; billi l-Parlament Russu, f'Lulju 2012, adotta liġi li tagħti status ta' "aġent barrani" lil organizzazzjonijiet mhux kummerċjali Russi impenjati f'attivitajiet politiċi u ffinanzjati minn barra l-pajjiż;

J.

billi, għall-kuntrarju ta' dikjarazzjonijiet u wegħdiet mill-President Putin u mill-Prim Ministru Medvedev, hemm pressjoni li qed tikber fuq il-libertajiet politiċi taċ-ċittadini Russi; billi l-President Putin iddikjara l-bżonn urġenti li tingħeleb il-korruzzjoni kbira fir-Russja u impenja ruħu pubblikament li jsaħħaħ l-istat ta' dritt fir-Russja u esprima tħassib dwar l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja u legali tar-Russja;

1.

Jinnota li relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja li jkunu sinifikanti u konstruttivi se jiddependu fuq l-isforzi biex jissaħħu d-demokrazija, l-istat ta' dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali; jenfasizza l-fatt li l-istabilità politika u ekonomika u l-iżvilupp tar-Russja fuq perjodu ta' żmien medju u twil jiddependu fuq il-prevalenza tal-istat ta' dritt u l-emerġenza ta' għażla verament demokratika;

2.

Huwa tal-fehma li r-Russja, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, trid tissodisfa l-obbligi li impenjat ruħa fir-rigward tagħhom; jirrimarka li l-iżviluppi riċenti mxew fid-direzzjoni opposta tar-riformi meħtieġa biex jitjiebu l-istandards demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura fir-Russja;

3.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-25 ta' Lulju 2012 li terġa' teżamina kemm il-każ Khoderkovsky kif ukoll dak ta' Lebedev skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Presidenzjali għad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Diċembru 2011; jinnota t-tnaqqis tas-sentenza ta' Lebedev bi tliet snin; jappella biex tissokta analiżi komprensiva ta' dawn il-kawżi abbażi tal-impenji internazzjonali Russi rigward proċessi ġusti u trasparenti u biex is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummisjoni Presidenzjali għad-Drittijiet tal-Bniedem jiġu rispettati għalkollox u implimentati fir-rigward tal-każ tas-Sur Khodorkovsky;

4.

Jistieden lill-awtoritajiet Russi jressqu lill-ħatja quddiem il-ġustizzja fil-każijiet ta' qtil ta' Anna Politkovskaya u Natalya Yestemirova, u jħeġġiġhom iwettqu investigazzjoni lredibbli u indipendenti tal-każ Magnistky u każijiet oħra, u jtemmu l-impunità u l-korruzzjoni li jeżistu kullimkien fil-pajjiż;

5.

Jesprimi tħassib serju rigward proċessi oħra motivati politikament, b'mod partikolari l-prosekuzzjoni kriminali ta' xjenzati akkużati bi spjunaġġ talli kkooperaw ma' istituzzjonijiet xjentifiċi barranin, il-kundanna tal-attivista tal-oppożizzjoni Taisia Osipova għal tmien snin f'kolonja penali fi proċess deskritt bħala motivat politikament, bl-użu ta' provi dubjużi u possibilment inventati u li ma ssodisfax l-istandards ta' proċess ġust, id-detenzjoni ta' aktar minn tnax-il parteċipant fil-manifestazzjoni ta' protesta f'Moska fis-6 ta' Mejju 2012 akkużati inġustament b'rabta mal-allegati "rvelli tal-massa", kif ukoll l-akkużi politikament motivati kontrihom, u l-investigazzjoni kriminali ta' attivisti tal-oppożizzjoni, bħal Alexei Navalny, Boris Nemtsov u Sergey Udalcov;

6.

Jesprimi d-diżappunt qawwi tiegħu bil-verdett u s-sentenza sproporzjonata maħruġa mill-Qorti Distrettwali ta' Khamovnichesky fir-Russja fil-każ ta' Nadezhda Tolokonnikova, Maria Alyokhina u Ekaterina Samutsevitch, membri tal-grupp punk "Pussy Riot"; jinnota bi tħassib li dan il-każ għandu jingħaqad maż-żieda reċenti fl-intimidazzjoni u l-prosekuzzjoni motivati politikament tal-attivisti tal-oppożizzjoni fil-Federazzjoni Russa, tendenza li tippreżenta tħassib dejjem jiżdied għall-Unjoni Ewropea; itenni t-twemmin tiegħu li din is-sentenza se tiġi rieżaminata u revokata bi qbil mal-impenji internazzjonali tar-Russja;

7.

Jieħu nota tat-talba tal-Prosekutur Ġenerali li tittieħed votazzjoni dwar it-tneħħija bikrija tal-istatus tal-membru tad-Duma Gennady Gudkov minħabba attivitajiet kummerċjali matul il-mandat tiegħu li jmorru kontra l-Artikolu 289 tal-Kodiċi Kriminali tar-Russja; jenfasizza li t-tnedija tal-proċedura politika parlamentari biex lil Gennady Gudkov, membru tal-partit tal-oppożizzjoni Just Russia, jitneħħielu l-mandat politiku tiegħu hija meqjusa b'mod ġenerali bħala intimidazzjoni mmirata lejn l-attività politika leġittima ta' partit tal-oppożizzjoni li appoġġa t-talbiet tal-moviment ta' protesta; jistieden lir-Russja biex ma tużax il-liġijiet b'mod arbitrarju għal skopijiet ta' ripressjoni tal-Membri tal-oppożizzjoni;

8.

Jesprimi, madankollu, it-tħassib tiegħu dwar il-klima li qed tmur għall-agħar għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fir-Russja, b'mod partikolari fir-rigward tal-adozzjoni reċenti ta' serje ta' liġijiet li jirregolaw id-dimostrazzjonijiet, l-NGOs, il-malafama u l-internet li fihom dispożizzjonijiet ambigwi u jistgħu jwasslu għal infurzar arbitrarju; ifakkar lill-awtoritajiet Russi li soċjetà moderna u prosperuża teħtieġ li tirrikonoxxi u tipproteġi d-drittijiet individwali u kollettivi taċ-ċittadini kollha tagħha; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-korpi kompetenti Russi jemendaw il-liġijiet il-ġodda dwar l-NGOs sabiex jipproteġu minn persukuzzjoni politika l-assoċjazzjonijiet taċ-ċittadini li jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi barranin b'reputazzjoni tajba;

9.

Jesprimi tħassib ukoll dwar il-liġi dwar l-estremiżmu f'termini tad-diskrezzjoni wiesgħa fl-interpretazzjoni tal-kunċetti bażiċi tagħha ta' "azzjonijet estremisti" u "organizzazzjonijiet estremisti" li, skont il-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, tista' twassal għal arbitrarjetà u restrizzjoni tal-libertajiet ta' assoċjazzjoni, ta' espressjoni u ta' twemmin; jistieden lill-awtoritajiet Russi jindirizzaw dan it-tħassib billi jemendaw il-liġi;

10.

Ifakkar li l-ex President Medvedev stabbilixxa grupp ta' ħidma dwar ir-riforma tas-sistema elettorali u t-titjib fir-rispett tal-istat ta' dritt u tad-drittijiet fundamentali fir-Russja; ifakkar li l-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi biex ikomplu b'dawn ir-riformi u offra kostantament l-appoġġ tal-UE, inkluż permezz tal-qafas ipprovdut mis-Sħubija għall-Modernizzazzjoni;

11.

Jikkundanna l-leġiżlazzjoni adottata riċentament biex tikkriminalizza l-informazzjoni pubblika dwar l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru f'diversi reġjuni Russi u pjanijiet simili fil-livell federali; ifakkar lill-awtoritajiet Russi dwar l-obbligi tagħhom li jiddefendu l-libertà tal-espressjoni u d-drittijiet tal-persuni LGBT;

12.

Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni joffru appoġġ konsistenti u profond lill-attivisti tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tal-moviment soċjali ġdid tal-massa; jistieden lill-UE tagħmel pressjoni kostanti fuq l-awtoritajiet Russi biex jissodisfaw l-istandards tal-OSKE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat ta' dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura;

13.

Jenfasizza l-importanza tal-iskambju kontinwu ta' fehmiet dwar id-drittijiet tal-bniedem mar-Russja fil-kuntest tal-Konsultazzjonijiet dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u r-Russja, bħala mezz kif tiġi kkonsolidata l-interoperabilità tagħna fl-oqsma kollha ta' kooperazzjoni, u jitlob li jkun hemm titjib fil-format ta' dawn il-laqgħat sabiex tiżdied l-effikaċja, b'attenzjoni speċjali lill-azzjoni komuni kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, u li dan il-proċess jinfetaħ għal input effettiv mill-Parlament Ewropew, id-Duma tal-Istat u l-NGOs għad-drittijiet tal-bniedem, u jistenna li d-djalogu jseħħ b'mod alternat fir-Russja u fi Stat Membru tal-UE;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2012)0088.

(2)  Test adottat, P7_TA(2012)0054.

(3)  Test adottat, P7_TA(2011)0575.

(4)  Test adottat, P7_TA(2011)0335.


Top