Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0351

Is-sitwazzjoni fis-Sirja Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 13 ta' Settembru 2012 dwar is-Sirja (2012/2788(RSP))

OJ C 353E , 3.12.2013, p. 129–134 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 353/129


Il-Ħamis 13 ta’ Settembru 2012
Is-sitwazzjoni fis-Sirja

P7_TA(2012)0351

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2012 dwar is-Sirja (2012/2788(RSP))

2013/C 353 E/16

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar is-Sirja tat-23 ta' Lulju, il-25 ta' Ġunju, l-14 ta' Mejju, it-23 ta' April u t-23 ta' Marzu 2012; wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sirja tad-29 ta' Ġunju 2012,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-Sirja tal-15 ta' Marzu, l-14 u s-27 ta' April, is-27 ta' Mejju, it-3 u t-18 ta' Ġunju, is-6, it-8 u l-20 ta' Lulju, it-3, l-4, it-8 u t-18 ta' Awwissu, u l-5 ta' Settembru 2012,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju responsabbli għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'Każ ta' Kriżi dwar is-Sirja tas-17 u l-31 ta' Lulju u d-29 ta' Awwissu 2012,

wara li kkunsidra ż-żjara ta' tlett ijiem lis-Sirja tal-President tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar mill-4 sas-6 ta' Settembru 2012,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni meħuda fis-17 ta' Awwissu 2012 mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-moon u mis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab Nabil El Araby biex Lakhdar Brahimi jinħatar bħala r-Rappreżentant Speċjali Konġunt il-ġdid għas-Sirja,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 509/2012 tal-15 ta' Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, u d-deċiżjonijiet sussegwenti tal-Kunsill li jinfurzaw dawn il-miżuri,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 66/253 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-3 ta' Awwissu 2012 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Għarbija Sirjana,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 19/1 tal-1 ta' Marzu 2012, S-19/1 tal-1 ta' Ġunju 2012 u 20/L.22 tas-6 ta' Lulju 2012 tal-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta tan-NU dwar is-Sirja tal-15 ta' Awwissu 2012,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni meħuda mill-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC) fit-13 ta' Awwissu 2012 biex is-sħubija tas-Sirja tiġi sospiża,

wara li kkunsidra l-Patt Nazzjonali u l-Viżjoni Politika Komuni għat-Tranżizzjoni fis-Sirja maħruġa wara l-konferenza tal-oppożizzjoni Sirjana li saret taħt il-patroċinju tal-Lega tal-Istati Għarab fil-Kajr fit-2 u t-3 ta' Lulju 2012,

wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħa tal-Grupp ta' Azzjoni f'Ġinevra tat-30 ta' Ġunju 2012,

wara li kkunsidra l-Pjan Annan u r-riżoluzzjonijiet 2042, 2043 u 2059 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsudra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-"Proġett tal-Organizzazzjoni 'The Day After': Appoġġ għal Tranżizzjoni Demokratika fis-Sirja", ippubblikat f'Awwissu 2012,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv tagħha dwar l-Involviment tat-Tfal f'Kunflitti Armati, u l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, li s-Sirja hija firmatarja tagħhom,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, skont in-NU, mill-bidu tat-trażżin vjolenti ta' dimostranti paċifiċi fis-Sirja f'Marzu 2011, inqatlu kważi 20 000 ruħ li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu ċivili; billi l-vjolenza qawwija, bħall-użu tal-artillerija ta' kalibru kbir u l-bumbardamenti fuq żoni popolati, u l-qtil orribbli mill-armata Sirjana, il-forzi tas-sigurtà u l-ġellieda Shabiha, kif ukoll minn diversi forzi tal-oppożizzjoni, żdiedu kontinwament; billi twettqu diversi massakri u qtil immirat tal-massa ("point blank") ta' rġiel, nisa u tfal; billi l-użu tat-tortura, l-arresti tal-massa u l-qerda mifruxa ta' żoni popolati eskalaw drammatikament fix-xhur li għaddew; billi bliet madwar is-Sirja kollha qed jinżammu taħt assedju u qed jiġu bbumbardjati, inter alia permezz ta' elikotteri u ġettijiet tal-ġlied, minn forzi mmexxija mill-Gvern; billi minħabba ż-żieda fil-militarizzazzjoni tal-kunflitt, is-sitwazzjoni riesqa lejn gwerra ċivili;

B.

billi l-militarizzazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni fis-Sirja jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni ċivili tagħha, li diġà qed taffaċċja sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora rapidament, u tkompli taffettwa wkoll ir-reġjun usa', b'mod partikolari l-Ġordan u l-Libanu, f'termini ta' sigurtà u stabbiltà, b'implikazzjonijiet u konsegwenzi imprevedibbli;

C.

billi, skont estimi tan-NU, madwar 5 000 ruħ inqatlu f'Awwissu b'riżultat tal-ġlied li għaddej, li jfisser li mietu aktar minn 20 000 ruħ mill-bidu tal-kunflitt; billi, minħabba l-intensifikazzjoni tal-vjolenza u l-kundizzjonijiet umanitarji u ta' sigurtà prekarji fis-Sirja, il-pajjiżi tal-viċinat, speċjalment fl-aħħar ġimgħat, qed jaraw għadd li qed jiżdied b'mod sinifikanti ta' ċittadini Sirjani li qed ifittxu refuġju, partikolarment fit-Turkija, il-Ġordan u l-Libanu; billi 235 000 refuġjat mis-Sirja ġew irreġistrati jew qed jistennew li jiġu rreġistrati mal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati; billi aktar min 75 % ta' dawn ir-refuġjati huma nisa u tfal; billi għexieren ta' eluf ta' refuġjati mhumiex qed jirreġistraw; billi huwa maħsub li aktar minn 100 000 refuġjat ħarbu mis-Sirja mill-fruntieri tal-Ġordan, il-Libanu, l-Iraq u t-Turkija b'rata medja ta' 500-2 000 kuljum matul Awwissu; billi, skont estimi tan-NU, aktar minn 1.2 miljun ruħ ġew spustati internament fis-Sirja u madwar 3 miljun ruħ huma fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja urġenti; billi r-reġim Sirjan qata' deliberatament l-aċċess għall-ikel, l-ilma, id-dawl u l-provvisti mediċi għal komunitajiet sħaħ, bħal f'Homs u, aktar reċentement, f'Aleppo; billi t-Turkija talbet lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jikkunsidra l-istabbiliment ta' żona sikura għaċ-ċivili mgħassa mill-pajjiżi tal-viċinat;

D.

billi fit-2 ta' Awwissu 2012 Kofi Annan ħabbar ir-riżenja tiegħu bħala l-Mibgħut Speċjali Konġunt NU-LAS għas-Sirja b'riżultat tal-intransiġenza tar-reġim Sirjan, iż-żieda fil-vjolenza armata u n-nuqqas ta' Kunsill tas-Sigurtà mifrud li jingħaqad bil-qawwa favur l-isforzi tiegħu biex jiġi implimentat il-pjan ta' sitt punti; billi l-ex Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Alġerija, Lakhdar Brahimi, inħatar reċentement bħala r-Rappreżentant Speċjali Konġunt il-ġdid għas-Sirja tan-NU u l-Lega tal-Istati Għarab;

E.

billi r-reġim Sirjan tilef il-kredibbiltà u l-leġittimità kollha bħala rappreżentant tal-poplu Sirjan;

F.

billi vetoes mir-Russja u ċ-Ċina waqqfu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU milli jadotta riżoluzzjoni li tapprova l-eżitu tal-isforzi tal-Grupp ta' Azzjoni għas-Sirja u waqqfu l-introduzzjoni tal-miżuri proposti biex tiġi infurzata l-konformità mal-Pjan Annan ta' sitt punti skont l-Artikolu 41 tal-Karta tan-NU; billi sal-lum il-komunità internazzjonali ma rnexxilhiex tingħaqad u tagħti rispons xieraq għall-kriżi fis-Sirja;

G.

billi l-President Bashar al-Assad u r-reġim awtoritarju tiegħu m'għandhomx post fil-futur tas-Sirja; billi l-President irid jirreżenja biex tiġi evitata kull eskalazzjoni ulterjuri tal-kriżi u biex tkun tista' sseħħ tranżizzjoni paċifika u demokratika fil-pajjiż; billi diversi ex mexxejja politiċi u militari tar-reġim kif ukoll ambaxxaturi ddiżertaw lejn pajjiżi tal-viċinat u lil hinn;

H.

billi tinħtieġ alternattiva kredibbli għar-reġim; billi din l-alternattiva għandha tkun inklużiva u rappreżentattiva tad-diversità tas-soċjetà Sirjana u għandha tirrispetta bis-sħiħ il-valuri universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'attenzjoni speċjali għad-drittijiet tal-minoranzi etniċi, kulturali u reliġjużi u tan-nisa; billi l-istabbiliment ta' gvern proviżorju inklużiv u rappreżentattiv mill-forzi tal-oppożizzjoni jista' jikkontribwixxi għal din l-alternattiva;

I.

billi l-UE imponiet sanzjonijiet immirati fuq is-Sirja f'diversi rawnds, u saħħet ukoll l-embargo fuq l-armi tagħha kontra s-Sirja; billi minkejja l-embargo tal-UE li huwa fis-seħħ fuq l-armamenti, il-munizzjon u tagħmir militari ieħor, kif ukoll projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' teknoloġiji ta' monitoraġġ, diversi inċidenti rrapportati li jinvolvu kunsinni ta' armi mill-ilmijiet tal-UE u dettalji żvelati ta' tranżazzjonijiet kummerċjali bejn kumpaniji tal-UE u diversi entitajiet, gruppi u persuni Sirjani, koperti bis-sanzjonijiet tal-UE, indikaw l-inkompetenza interna tal-UE li timplimenta d-deċiżjonijiet u r-regolamenti tagħha stess;

J.

billi diversi atturi u stati esterni, jew direttament jew permezz ta' kanali reġjonali u pajjiżi tal-viċinat, għadhom jappoġġaw attivament il-partijiet kollha fil-kunflitt, b'appoġġ u għajnuna finanzjarji, operattivi, loġistiċi u tattiċi, inklużi l-forniment ta' armamenti, munizzjon u kull tip ta' tagħmir militari ieħor, l-għoti ta' għajnuna loġistika, l-għoti ta' għodda ta' komunikazzjoni u kull tip ta' għajnuna li tista' tintuża għal skopijiet militari, u dan jenfasizza n-natura panreġjonali tal-kunflitt; billi militarizzazzjoni ulterjuri tal-kunflitt tista' twassal biss għal tbatija akbar għall-poplu Sirjan u għar-reġjun kollu;

K.

billi l-Kummissjoni, fis-7 ta' Settembru 2012, ħabbret li se jiġu mobilizzati EUR 50 miljun oħra bħala appoġġ għal persuni fi bżonn ta' tali għajnuna fis-Sirja u għal dawk li qed jaqsmu l-fruntieri; billi skont l-ECHO l-UE diġà pprovdiet EUR 142 miljun u l-għajnuna totali tal-UE, inkluża l-għajnuna mill-Istati Membri, tammonta għal madwar EUR 224 miljun;

L.

billi r-rappreżentanti tal-oppożizzjoni Sirjana kellhom diversi laqgħat fix-xhur li għaddew bl-għan li jingħelbu d-diverġenzi interni u li jinħoloq front magħqud, u ħarġu 'Patt Nazzjonali' u 'Viżjoni Politika Komuni għat-Tranżizzjoni fis-Sirja', kif ukoll il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-"Proġett tal-Organizzazzjoni 'The Day After: Appoġġ għal Tranżizzjoni Demokratika fis-Sirja"; billi, minkejja l-isforzi kollha, għad hemm diviżjonijiet u tensjonijiet interni fi ħdan l-oppożizzjoni;

M.

billi, fl-1 ta' Lulju 2012, il-Grupp ta' Azzjoni għas-Sirja, waqt il-laqgħa f'Ġinevra, qabel dwar prinċipji u linji gwida għal tranżizzjoni mmexxija mis-Sirjani li tinkludi l-istabbiliment ta' korp governattiv tranżitorju li jeżerċita setgħat eżekuttivi sħaħ;

1.

Itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-użu dejjem jiżdied ta' vjolenza indiskriminata mir-reġim tal-President Assad kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana, b'mod partikolari l-qtil immirat ta' tfal u nisa u l-eżekuzzjonijiet tal-massa fl-irħula; jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar il-gravità tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-delitti possibbli kontra l-umanità awtorizzati u/jew imwettqa mill-awtoritajiet Sirjani, l-armata Sirjana, il-forzi tas-sigurtà u l-milizji affiljati; jikkundanna l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji sommarji u kull forma oħra ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn gruppi u forzi li jopponu r-reġim ta' Assad;

2.

Ifaħħar l-isforzi tal-pajjiżi tal-viċinat biex jospitaw u jagħtu għajnuna umanitarja lir-refuġjati mis-Sirja u jitlob aktar appoġġ u għajnuna internazzjonali f'dan ir-rigward; jisħaq fuq l-importanza kruċjali li jinstab rispions sostenibbli għall-kriżi umanitarja kemm fis-Sirja kif ukoll fost ir-refuġjati mis-Sirja fil-pajjiżi tal-viċinat; iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-viċinat jibqgħu jagħtu protezzjoni lir-refuġjati mis-Sirja u lill-persuni spustati u biex jieqfu, skont l-obbligi internazzjonali tagħhom, milli jkeċċu u jirritornaw lil dawn il-persuni fis-Sirja; jistieden lill-UE tieħu miżuri responsabbli xierqa rigward l-influss possibbli ta' refuġjati fl-Istati Membri tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni mas-Salib l-Aħmar; jilqa' l-fatt li l-UE lesta toffri appoġġ addizzjonali, inklużi riżorsi finanzjarji, biex tgħin il-pajjiżi tal-viċinat, inklużi t-Turkija, il-Libanu u l-Ġordan, biex jospitaw l-għadd dejjem jiżdied ta' refuġjati mis-Sirja, u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-isforzi tagħhom biex isibu modi alternattivi biex tingħata għajnuna umanitarja lill-poplu tas-Sirja, minkejja l-ostakli u d-diffikultajiet kollha;

3.

Jistieden lir-reġim Sirjan jippermetti l-għoti rapidu ta' għajnuna umanitarja u aċċess sħiħ lill-organizzazzjonijiet umanitarji u lill-midja internazzjonali għas-Sirja, u jiffaċilita l-implimentazzjoni ta' waqfiet umanitarji li jippermettu l-forniment sikur ta' għajnuna umanitarja; jerġa' jenfasizza li d-dritt umanitarju internazzjonali jrid jitħares bis-sħiħ minn dawk kollha involuti fil-kriżi; jenfasizza li l-kura medika qatt m'għandha tiġi mċaħħda lill-midruba u lil min ikun fil-bżonn ta' għajnuna, u jistieden lill-partijiet involuti kollha biex jipproteġu liċ-ċivili, jippermettu aċċess sħiħ u bla xkiel għall-ikel, l-ilma, id-dawl u ma jużawx forom ta' intimidazzjoni u vjolenza kontra l-pazjenti, it-tobba u min jagħti l-għajnuna;

4.

Jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; itenni s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Sirjan li qed jiġġieled għal-libertà, id-dinjità u d-demokrazija, u jfaħħar il-kuraġġ u d-determinazzjoni tagħhom, speċjalment fir-rigward tan-nisa;

5.

Jistieden lill-atturi armati kollha jwaqqfu minnufih il-vjolenza fis-Sirja; jistieden lill-Gvern Sirjan jirtira l-armata Sirjana minn bliet assedjati bla dewmien, jeħles minnufih id-dimostranti detenuti kollha, il-priġunieri politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-bloggers u l-ġurnalisti;

6.

Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU naqas milli jaġixxi u ma laħaqx ftehim dwar riżoluzzjoni biex issir pressjoni aktar robusta u effikaċi sabiex tintemm il-vjolenza fis-Sirja; itenni l-istedina tiegħu lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari lir-Russja u liċ-Ċina, biex jonoraw ir-responsabbiltà tagħhom biex jintemmu l-vjolenza u t-trażżin kontra l-poplu Sirjan, anke bl-appoġġ tal-konformità sfurzata mar-riżoluzzjonijiet 2042 u 2043 tal-KSNU; jibqa' jappoġġa l-isforzi tal-UE u l-Istati Membri tagħha f'dan ir-rigward; jistieden lill-VP/RGħ tagħmel ħilitha biex tiżgura l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni tal-KSNU, li teżerċita pressjoni diplomatika effikaċi kemm fuq ir-Russja kif ukoll fuq iċ-Ċina;

7.

Jenfasizza li l-UE għandha tkun lesta tadotta miżuri addizzjonali u tkompli tesplora fi ħdan il-KSNU l-possibilitajiet kollha fil-qafas tar-Responsabbiltà ta' Protezzjoni (RtoP), b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti, it-Turkija u l-Lega tal-Istati Għarab sabiex il-poplu Sirjan jiġi megħjun u biex jitwaqqaf it-tixrid ta' demm;

8.

Jappoġġa talbiet minn diversi gruppi tal-oppożizzjoni u mill-Gvern Tork biex jiġu stabbiliti postijiet ta' kenn mal-fruntiera tat-Turkija u s-Sirja, u possibilment fis-Sirja, kif ukoll biex jinħolqu kurituri umanitarji mill-komunità internazzjonali; jistieden lill-VP/RGħ tintensifika d-diskussjonijiet mat-Turkija, il-Lega Għarbija u l-oppożizzjoni Sirjana dwar l-istabbiliment ta' dawn il-postijiet ta' kenn għar-refuġjati Sirjani u biex dawk ippersegwitati mir-reġim ikunu jistgħu jsibu refuġju u protezzjoni;

9.

Itenni l-appell tiegħu lill-President Assad u lir-reġim tiegħu biex jirriżenjaw immedjatament, biex tkun tista' sseħħ tranżizzjoni paċifika, inklużiva u demokratika mmexxija mis-Sirjani mill-aktar fis possibbli;

10.

Jistieden lill-partijiet kollha jilħqu ftehim dwar waqfien mill-ġlied (lokali) mill-aktar fis possibbli, biex ikun jista' jseħħ waqfien mill-ġlied usa', innegozjat u sinifikanti;

11.

Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar militarizzazzjoni ulterjuri tal-kunflitt u l-vjolenza settarja; jinnota r-rwol ta' atturi reġjonali differenti, inkluż il-forniment ta' armi, u huwa preokkupat dwar l-effetti sekondarji tal-kunflitt Sirjan fil-pajjiżi tal-viċinat; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi addizzjonali kontra atturi u gruppi esterni involuti f'operazzjonijiet fuq l-art b'appoġġ attiv għar-reġim ta' Bashar al-Assad;

12.

Jikkundanna l-intenzjoni ddikjarata tar-reġim Sirjan li juża l-armamenti kimiċi kontra "theddid terroristiku estern"; ifakkar lill-President Assad fl-obbligi tal-Gvern tiegħu skont il-Protokoll ta' Ġinevra dwar il-fatt li ma jintużawx armamenti kimiċi u jistieden lill-awtoritajiet Sirjani jonoraw rigorożament l-obbligi internazzjonali tagħhom;

13.

Jappoġġa l-isforzi kontinwi tal-UE li żżid il-pressjoni fuq ir-reġim tal-President Assad permezz ta' miżuri restrittivi, jistieden lill-UE tikkunsidra t-twessigħ tal-ambitu tal-miżuri restrittivi tagħha għal entitajiet jew gruppi esterni li bla dubju jipprovdu jew jiffaċilitaw appoġġ finanzjarju u operattiv lill-awtoritajiet Sirjani;

14.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Konferenza tas-Summit Iżlamika tal-14-15 ta' Awwissu 2012 li tissospendi s-sħubija tar-Repubblika Għarbija Sirjana fl-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika u l-entitajiet sussidajrji, kif ukoll l-istituzzjonijiet speċjalizzati u affiljati kollha tagħha;

15.

Jilqa' l-isforzi li saru mir-rappreżentanti tal-oppożizzjoni Sirjana biex jinħoloq front magħqud ta' forzi tal-oppożizzjoni, kif ukoll il-'Patt Nazzjonali' u 'Viżjoni Politika Komuni għat-Tranżizzjoni fis-Sirja' li nħarġu reċentement, u l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-"Proġett tal-Organizzazzjoni 'The Day After': Appoġġ għal Tranżizzjoni Demokratika fis-Sirja"; iħeġġeġ lill-oppożizzjoni Sirjana tibqa' għaddejja f'din it-triq bl-għan li tinħoloq alternattiva kredibbli għar-reġim u jħeġġeġ lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri tal-UE jagħmlu kull sforz biex jgħaqqdu l-oppożizzjoni Sirjana; jilqa' l-appoġġ qawwi li wrew it-Turkija, il-Libanu u l-Ġordan għall-popolazzjoni Sirjana; iħeġġeġ lill-VP/RGħ tagħmel kull sforz biex tniedi diskussjonijiet mal-awtoritajiet tat-Turkija, il-Libanu u l-Ġordan, il-Lega Għarbija u l-oppożizzjoni Sirjana dwar it-tħejjija tat-tranżizzjoni paċifika għas-Sirja ta' wara Assad;

16.

Itenni l-approvazzjoni qawwija tiegħu tat-talba tal-Kummissarju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex is-sitwazzjoni fis-Sirja titressaq mill-KSNU quddiem il-QKI għal investigazzjoni formali; jimpenja ruħu bil-qawwa li jiżgura li dawk kollha responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għal ksur tad-dritt internazzjonali jiġu identifikati u jinżammu responsabbli; jappoġġa bil-qawwa l-ħidma tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar is-Sirja, li l-għan tagħha huwa li jiġi investigat il-ksur kollu tar-regoli internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettaq fil-pajjiż sabiex ikun żgurat li ssir ġustizzja ma' dawk responsabbli, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex, matul il-21 sessjoni tal-UNHRC, jiżguraw li l-Kummissjoni tista' tkompli l-ħidma tagħha b'appoġġ xieraq jekk ikun meħtieġ;

17.

Jitlob li ssir tranżizzjoni politika paċifika u ġenwina mmexxija mis-Sirjani lejn demokrazija li tissodisfa t-talbiet leġittimi tal-poplu Sirjan u tkun imsejsa fuq djalogu inklużiv li jinvolvi l-forzi u l-komponenti demokratiċi kollha fis-soċjetà Sirjana, bl-għan li jitnieda proċess ta' riforma demokratika profonda, li tqis ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata rikonċiljazzjoni nazzjonali u li tkun impenjata favur l-iżgurar tar-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet tal-minoranzi inklużi l-minoranzi etniċi, reliġjużi, kulturali u oħrajn;

18.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija, lill-Gvern u lill-Assemblea Konsultattiva tal-Istat tal-Qatar, lill-Gvern u lill-Kamra tad-Deputati tal-Istati Uniti tal-Amerika, lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Libanu, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana.


Top