EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0241

L-għargħar fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, b'mod partikolari fil-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija u r-Rumanija u fi Franza Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta’ Ġunju 2010 dwar l-għargħar f'pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, b'mod partikolari l-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija u r-Rumanija, u fi Franza

OJ C 236E, 12.8.2011, p. 128–130 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 236/128


Il-Ħamis 17 ta’ Ġunju 2010
L-għargħar fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, b'mod partikolari fil-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija u r-Rumanija u fi Franza

P7_TA(2010)0241

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar l-għargħar f'pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, b'mod partikolari l-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija u r-Rumanija, u fi Franza

2011/C 236 E/22

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 191 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (COM(2005)0108) u l-pożizzjoni tal-Parlament tat-18 ta’ Mejju 2006,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Settembru 2002 dwar l-għargħar fl-Ewropa (1), tat-8 ta’ Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (in-nirien u l-għargħar) fl-Ewropa (2), tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali (in-nirien tal-foresti, n-nixfiet u l-għargħar) (3) u tas-7 ta’ Settembru 2006 dwar in-nirien tal-foresti u l-għargħar (4),

wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn qafas Ewropew għall-azzjoni” (COM(2009)0147) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem (COM(2009)0082),

wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bl-isem “Reġjuni 2020 - valutazzjoni ta’ sfidi tal-ġejjieni għar-reġjuni tal-UE” (SEC(2008)2868),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar id-diżastru naturali kbir li seħħ fir-reġjun awtonomu ta’ Madejra fl-24 ta’ Frar 2010 u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2010 dwar id-diżastru naturali kbir fir-reġjun awtonomu ta’ Madejra u l-effetti tal-maltempata “Xynthia” fl-Ewropa (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi seħħew diżastri naturali kbar, fil-forma ta’ għargħar f'diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, partikolarment fil-Polonja, fir-Repubblika Ċeka, fis-Slovakkja u fl-Ungerija u r-Rumanija, kif ukoll fil-Ġermanja u fl-Awstrija, u riċentament fi Franza, bir-riżultat li xi nies mietu u oħrajn indarbu u li nneċessita wkoll l-evakwazzjoni ta’ eluf ta’ persuni,

B.

billi dawk id-diżastri kkawżaw ħsarat gravi, inkluż fuq l-infrastruttura, l-impriżi u l-art agrikola, filwaqt li qerdu ukoll elementi tal-wirt naturali u kulturali, u possibbilment ħolqu riskji għas-saħħa pubblika,

C.

billi jeħtieġ li ssir rikostruzzjoni taż-żoni meqruda jew danneġġati mid-diżastri biex jitpatta għat-telf ekonomiku u soċjali tagħhom,

D.

billi l-frekwenza, is-severità, il-kumplessità u l-impatt tad-diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem madwar l-Ewropa tqawwew bil-ħeffa f'dawn l-aħħar snin,

1.

Jesprimi s-simpatija tiegħu mal-abitanti tar-reġjuni milquta mid-diżastri, jieħu nota tal-effetti ekonomiċi serji possibbli, u jesprimi r-rispett u jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi;

2.

Jirrikonoxxi l-isforzi ma jaqtgħu xejn tal-ekwipaġġi tat-tiftix u tas-salvataġġ biex isalvaw il-ħajjiet u jnaqqsu l-ħsarat fiż-żoni milquta;

3.

Jifraħ bl-azzjonijiet tal-Istati Membri li pprovdew għajnuna liż-żoni milquta, għax is-solidarjetà Ewropea tissarraf f'għajnuna reċiproka f'qagħdiet ħżiena;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrevedu l-ippjanar, il-politiki dwar l-użu sostenibbli tal-artijiet, il-kapaċitajiet ta’ assorbiment tal-ekosistemi u l-aqwa prattiki fid-dawl tar-riskji miżjuda ta’ għargħar li jirriżultaw mill-mod li bih jiġu ġestiti l-art, il-ħabitats u s-sistemi tal-iskular tal-ilma u biex iqawwu l-kapaċità tal-infrastruttura għall-kontroll tal-għargħar u għall-iskular tal-ilma ħalli jillimitaw il-ħsarat ikkawżati minn kwantitajiet estremi ta’ xita;

5.

Jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni milquta mid-diżastri biex jagħtu attenzjoni partikolari għas-sostenibbiltà tal-pjanijiet rispettivi ta’ rikostruzzjoni tagħhom u biex iqisu l-fattibbiltà ta’ investiment fit-tul fil-politiki tal-Istati Membri dwar il-prevenzjoni tad-diżastri u r-reazzjoni għalihom;

6.

Jistieden lill-Istati Membri biex jaqdu r-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva tal-UE dwar l-Għargħar u biex jimplimentawha; iħeġġeġ li l-mapep tar-riskju tal-għargħar għandhom jitqiesu fil-ġestjoni tal-ippjanar territorjali; jenfasizza li l-prevenzjoni effikaċi tal-għargħar jeħtieġ li tkun ibbażata fuq strateġiji transkonfinali; jinkoraġġixxi lil Stati Membri ġirien biex jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom fit-trattament tal-prevenzjoni tad-diżastri naturali, biex b'hekk jiżguraw li jsir l-aħjar użu possibbli mill-fondi tal-UE allokati għal dan il-għan;

7.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex bl-akbar ħeffa possibbli jagħtu appoġġ lil dawk milquta mill-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tad-diżastri;

8.

Itenni li huwa importanti ħafna li jkun hemm regolament ġdid dwar l-EUSF ibbażat fuq il-proposta tal-Kummissjoni (COM(2005)0108) biex jiġu indirizzati l-problemi kkawżati mid-diżastri naturali b'mod aktar flessibbli u effikaċi; jikkritika l-fatt li l-Kunsill imblokka l-proposta, minkejja l-fatt li l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu b'maġġoranza kbira ħafna fl-ewwel qari f'Mejju 2006; iħeġġeġ lill-Presidenza Belġjana u lill-Kummissjoni biex ifittxu soluzzjoni bla dewmien għall-attivazzjoni mill-ġdid ta’ dan ir-Regolament, bil-għan li jinħoloq strument aktar qawwi u flessibbli li jkun kapaċi jirreaġixxi b'aktar effikaċja għall-isfidi l-ġodda tat-tibdil fil-klima;

9.

Jitlob lill-Kummissjoni biex, wara li l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jressqu l-pjanijiet rispettivi tagħhom ta’ rikostruzzjoni, minnufih tieħu ġassi ħalli tiżgura li r-riżorsi finanzjarji meħtieġa jintefqu bl-akbar rapidità, effikaċja u flessibbiltà possibbli mill-EUSF;

10.

Iħeġġeġ lill-Kummisjsoni biex, minbarra li timmobilizza l-EUSF, tkun miftuħa u flessibbli meta tinnegozja mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali dwar ir-reviżjoni tal-programmi operazzjonali reġjonali għall-perjodu 2007-2013 ffinanzjati mill-ERDF, l-ESF u l-Fond ta’ Koeżjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel din ir-reviżjoni mill-aktar fis possibbli;

11.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu kont tad-differenzi bejn ir-reġjuni milquta, li jinkludu fost l-oħrajn żoni muntanjużi u oħrajn max-xtut tax-xmajjar, biex tgħin lill-vittmi bl-aħjar mod possibbli;

12.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fiż-żoni milquta.


(1)  ĠU C 272 E, 13.11.2003, p. 471.

(2)  Testi adottati, P6_TA(2005)0334.

(3)  Testi adottati, P6_TA(2006)0222, 0223 u 0224.

(4)  Testi adottati, P6_TA(2006)0349.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2010)0065.


Top