Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0224

Governanza ekonomika Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 16 ta’ Ġunju 2010 dwar il-governanza ekonomika

OJ C 236E , 12.8.2011, p. 65–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 236/65


L-Erbgħa 16 ta’ Ġunju 2010
Governanza ekonomika

P7_TA(2010)0224

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 16 ta’ Ġunju 2010 dwar il-governanza ekonomika

2011/C 236 E/09

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Kunsill Ewropew informali tal- 11 ta’ Frar 2010,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal- 10 ta’ Marzu 2010 dwar l-UE 2020 (1),

wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Kapijiet ta’ Stat jew tal-Gvern tal-pajjiżi taż-żona euro u tal-Kunsill Ecofin dwar il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta’ Mejju 2010 dwar it-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (COM(2010)0250),

wara li kkunsidra s-sitt rapporti adottati fil-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji fl- 10 ta’ Mejju 2010,

wara li kkunsidra l-ħidma tal-Kumitat Speċjali tiegħu dwar il-Kriżi Finanzjarja, Ekonomika u Soċjali,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali turi li hija meħtieġa governanza ekonomika u monetarja iktar b'saħħitha,

B.

billi l-istrateġija UE 2020 għandha tippromwovi t-tkabbir ekonomiku u toħloq l-impjiegi, u billi t-tnaqqis ta’ 4 % fil-PGD, il-produzzjoni industrijali li qed tonqos u total ta’ aktar minn 23 miljun raġel u mara qiegħda tirrappreżenta sfida soċjali u ekonomika importanti,

Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja li jiggarantixxi l-istabilità tal-euro bħala l-ewwel pass importanti

1.

Iqis li l-ftehim li ntlaħaq fid- 9 ta’ Mejju 2010 biex jiġi stabbilit Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja biex jgħin kemm lill-pajjiżi fiż-żona tal-euro kif ukoll dawk li mhumiex, li jkunu għaddejjin minn diffikultà finanzjarja, jirrappreżenta mument kruċjali fl-istorja Ewropea; jiddeplora l-fatt li dawk li jfasslu l-politika Ewropea ma ħadux azzjoni deċiżiva aktar kmieni, minkejja l-kriżi finanzjarja li kienet sejra għall-agħar;

2.

Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-Parlament se jkollu jagħti l-approvazzjoni tiegħu jekk il-Kummissjoni u l-Kunsill jippruvaw japplikaw il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja fis-swieq internazzjonali tal-kapital;

3.

Iqis li l-ftehim huwa l-ewwel pass importanti biex l-Unjoni Ewropea tingħata qafas aktar sostenibbli u b’saħħtu għall-politika ekonomika u monetarja;

4.

Jenfasizza li l-ġrajjiet riċenti juru li ż-żona tal-euro teħtieġ governanza ekonomika aktar kuraġġuża u li pilastru monetarju mingħajr pilastru soċjali u ekonomiku jfalli żgur;

L-Unjoni Ewropea teħtieġ tirriforma s-sistema tagħha ta’ governanza ekonomika biex tkun ippreparata aħjar għal kriżijiet futuri

5.

Jenfasizza li biex jerġa' jkun hemm rati sodi ta’ tkabbir u biex jintlaħaq l-objettiv ta’ żvilupp ekonomiku sostenibbli u koeżjoni soċjali, għandha tingħata prijorità lit-trattament tal-iżbilanċi makroekonomiċi persistenti u sinifikanti u d-diverġenzi tal-kompetittivita; jilqa' r-rikonoxximent ta’ din il-ħtieġa mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika;

6.

Jistieden lit-Task Force stabbilita mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2010 biex tħaffef ħidmietha u, qabel Settembru 2010, tressaq proposti konkreti, ibbażati fuq il-metodu Komunitarju, dwar koordinazzjoni ekonomika aktar fil-fond u usa';

7.

Jirrimarka li s-sostenibilità fuq perjodu twil ta’ żmien tal-finanzi pubbliċi hija essenzjali għall-istabilità u t-tkabbir; jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni biex tissaħħaħ il-ġestjoni taż-żona tal-euro fuq medda ta’ żmien medja u twila, li huma maħsuba biex jevitaw li jkun hemm xi ripetizzjoni tal-kriżi monetarja attwali, u jaqbel magħha li l-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir jeħtieġ mekkaniżmi aktar effikaċi ta’ inċentivi u penali;

8.

Jiddeplora l-fatt, madankollu, li fil-proposti tagħha dwar il-governanza ekonomika Ewropea, il-Kummissjoni ma pproponitx soluzzjonijiet għal koordinazzjoni iktar immirata tal-politika ekonomika li tkun orjentata lejn l-iżvilupp ta’ strateġija baġitarja komuni, fil-qafas ta’ strateġija Ewropa 2020 komprensiva, biex jerġa' jkun hemm u jiġu mħarsa rati ta’ tkabbir ekonomiku fit-tul;

9.

Jenfasizza l-fatt li l-ilħuq ta’ finanzi pubbliċi sostenibbli jeħtieġ mhux biss infiq responsabbli, iżda wkoll tassazzjoni adegwata u ġusta, ġbir iktar effikaċi tat-taxxi mill-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa u ġlieda aktar intensiva kontra l-evażjoni tat-taxxa; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi sett ta’ miżuri biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jġibu fl-istat li kien fih qabel il-bilanċ tal-kontijiet pubbliċi tagħhom u biex jiġi ffinanzjat l-investiment pubbliku billi jiġu sfruttati s-sorsi finanzjarji;

10.

Jenfasizza l-ħtieġa ta’ superviżuri finanzjarji Ewropej li jaħdmu mill-qrib flimkien, kemm fil-livell mikro kif ukoll dak makro, biex jiżguraw sorveljanza effikaċi;

11.

Iqis li s-setgħat tal-Eurostat għandhom jissaħħu, inkluż permezz tal-għoti ta’ setgħat investigattivi; iqis li informazzjoni statistika miftuħa u trasparenti għandha tkun prerekwiżit biex jinkiseb appoġġ mill-Fondi Strutturali; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tieħu r-responsabilità biex tivvaluta l-istatistika pprovduta mill-Istati Membri;

12.

Jitlob li jinħoloq “Fond Monetarju Ewropew” (EMF), li l-pajjiżi taż-żona tal-euro jikkontribwixxu għalih b'mod li jkun proporzjonat mad-daqs tal-PGD tagħhom u permezz ta’ multi determinati fuq il-bażi tad-dejn eċċessiv u l-livell tad-defiċit tagħhom; kwalunkwe Stat Membru jkun jista' jieħu fondi tal-EMF sal-ammont li jkun iddepożita preċedentament; madankollu, jekk pajjiż ikun jeħtieġ iktar riżorsi jew garanziji, ikollu jaċċetta programm ta’ riforma mfassal speċifikament għalih, li l-implimentazzjoni tiegħu tkun issorveljata mill-Kummissjoni;

13.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal valutazzjoni tal-impatt makroekonomiku tal-pakkett ta’ miżuri biex titħares l-istabilità finanzjarja fl-Unjoni Ewropea u biex tippubblika komunikazzjoni dwar il-fattibilità, ir-riskji u l-vantaġġi tal-ħruġ ta’ bonds tal-euro;

L-Unjoni Ewropea teħtieġ li tirriforma s-sistema tagħha ta’ governanza ekonomika biex tiżgura l-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrateġija imminenti tagħha Ewropea 2020

14.

Jemmen li l-istruttura ta’ governanza tal-istrateġija Ewropa 2020 għandha tissaħħaħ biex jiġi żgurat li, għall-kuntrarju tal-Istrateġija ta’ Lisbona, tilħaq l-objettivi tagħha; għalhekk jiddeplora sew il-fatt li l-Kummissjoni u l-Kunsill ma ressqux proposti f'dan ir-rigward, minkejja l-appell qawwi li l-Parlament għamel fir-riżoluzzjoni tiegħu tal- 10 ta’ Marzu 2010 dwar l-UE 2020;

15.

Jenfasizza l-importanza li tiġi stabbilita konnessjoni iktar b’saħħitha bejn l-istrumenti tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir, l-istrumenti makroekonomiċi u l-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali tal-Ewropa 2020 billi jiġu ppreżentati b’mod koerenti, biex b'hekk ikun possibbli wkoll li jsir tqabbil aħjar tal-baġits nazzjonali fir-rigward tal-infiq f'kategoriji differenti; l-Istati Membri għandhom mhux biss iqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom bħala xi ħaġa ta’ interess nazzjonali, iżda wkoll bħala kwistjoni ta’ interess komuni, u għandhom jifformulaw il-politiki tagħhom b'dan il-mod; ifakkar lill-Istati Membri fir-rwol imsaħħaħ tal-Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika;

16.

Iqis li, aktar milli wieħed ikompli jiddependi fuq il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni fil-qasam tal-politika ekonomika, huwa meħtieġ li jsir użu usa' ta’ miżuri li jorbtu biex l-istrateġija l-ġdida tkun suċċess;

17.

Jemmen li l-istrateġija Ewropa 2020 ma tiffukax biżżejjed mill-qrib fuq kwistjonijiet ewlenin li l-Istati Membri għandhom jittrattaw, u jenfasizza li hemm problemi kbar fir-rigward tal-kontenut u l-ġestjoni tal-'inizjattivi ewlenin' u l-'miri';

18.

Itenni l-appelli preċedenti tiegħu għal strateġija ta’ żvilupp waħda u integrata għall-Ewropa li tistabbilixxi linji gwida għal perjodu twil ta’ żmien għat-tkabbir ekonomiku bil-ħsieb li tinbena ekonomija aħjar, aktar ġusta u aktar sostenibbli li tipprovdi l-prosperità għal kulħadd;

19.

Itenni t-talba tiegħu biex jiġu integrati l-istrateġiji li jidħlu fl-ambiti ta’ xulxin, bħall-istrateġija Ewropa 2020, l-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli u l-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir; jiddeplora l-fatt li l-Kunsill Ewropew irrifjuta dan l-approċċ, u b'hekk ħalla bla soluzzjoni l-problema tal-inkoerenza tal-politika;

20.

Jemmen li governanza ekonomika effikaċi timplika l-għoti lill-Kummissjoni ta’ responsabilità xierqa u aktar b'saħħitha ta’ ġestjoni, biex b'hekk tkun tista' tuża kemm l-istrumenti eżistenti kif ukoll dawk ġodda previsti fit-Trattat ta’ Lisbona, bħall-Artikoli 121, 122, 136, 172, 173 u 194, li jagħtu lill-Kummissjoni l-kompitu li tikkoordina l-pjanijiet u l-miżuri ta’ riforma u li tistabbilixxi strateġija komuni;

21.

Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni biex jadottaw approċċ ta’ ħidma b'inċentivi u b'deterrenti u biex jużaw mekkaniżmi ta’ konformità fil-qafas tal-Artikolu 136 tat-Trattat, bħal inċentivi ekonomiċi, (pereżempju fondi żejda tal-UE) u penali li jkollhom l-għan li jappoġġaw governanza ekonomika msaħħa tal-UE u, b'mod iktar speċifiku, governanza msaħħa skont l-istrateġija Ewropa 2020;

22.

Jemmen li t-tisħiħ tal-governanza ekonomika jrid jimxi id f'id mat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-governanza Ewropea, li għandha tintlaħaq permezz tal-involviment aktar mill-qrib u fil-ħin opportun tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess kollu; jistieden b'mod partikolari lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu użu xieraq tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward tal-involviment attiv tal-Parlament fil-qasam tal-politika ekonomika, kif definit fl-Artikolu 121(5) u (6), u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel proposti dettaljati li jistabbilixxu djalogu interistituzzjonali politiku u leġiżlattiv regolari f'dan il-qasam kruċjali tal-politika;

Il-baġit Ewropew u l-pjanijiet nazzjonali ta’ riforma għandhom ikunu konsistenti mal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 biex irawmu tkabbir u żvilupp ekonomiku sostenibbli

23.

Jinsisti li, jekk l-istrateġija Ewropa 2020 trid tkun kredibbli, jeħtieġ li jkun hemm kompatibilità u kumplementarjetà akbar bejn il-baġits nazzjonali tas-27 Stat Membru tal-UE u l-baġit tal-UE; jenfasizza r-rwol akbar li għandu jkollu l-baġit tal-UE billi jiġbor flimkien ir-riżorsi;

24.

Jenfasizza l-importanza ta’ investimenti pubbliċi jew privati fuq perjodu twil ta’ żmien fil-finanzjament tal-infrastruttura meħtieġa biex jiġu implimentati l-inizjattivi ewlenin proposti fl-istrateġija Ewropa 2020, u jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri biex il-qafas regolatorju Eewropew jiġi adattat biex jippromwovi l-kooperazzjoni fost dawk li jinvestu fuq perjodi twal ta’ żmien;

25.

Jenfasizza li l-istrateġija Ewropa 2020 tista' biss tkun kredibbli jekk tkun iffinanzjata b'mod adegwat u jixtieq jara approċċ aktar ambizzjuż fl-abbozz ta’ baġit 2011 bil-ħsieb li l-istrateġija Ewropa 2020 tiġi implimentata b'suċċess; jiddeplora l-fatt li l-abbozz ta’ baġit 2011 ma jipprovdix lill-programmi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 b'finanzjament suffiċjenti; jenfasizza li involviment akbar min-naħa tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u dipendenza akbar fuq is-Sħubijiet Pubbliċi-Privati (PPP) jista' jkun approċċ effikaċi, mingħajr mhu soluzzjoni tajba għas-sitwazzjonijiet kollha; jiddeplora l-fatt li din il-kwistjoni la ġiet indirizzata mill-Kunsill Ewropew u lanqas mill-Kummissjoni;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara r-relazzjoni bejn il-linji baġitarji tal-Unjoni u l-objettivi speċifiċi rilevanti tal-istrateġija Ewropa 2020; jinsisti li qabel l-aħħar tal-ewwel nofs tal-2010 l-Kummissjoni għandha tressaq proposta biex jiġi rivedut il-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) għall-perjodu 2007-2013 biex jinstabu riżorsi baġitarji oħra biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020;

27.

Jitlob aktar informazzjoni dwar l-implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja li kien hemm qbil dwaru fil-Kunsill straordinarju tal-Ecofin fid- 9 u l- 10 ta’ Mejju 2010;

28.

Jenfasizza l-importanza tar-reviżjoni tal-MFF attwali biex jikkonforma mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal- 15 u s- 16 ta’ Diċembru 2005 u biex isir konformi mar-rekwiżiti tat-Trattat ta’ Lisbona biex jiġi pprovdut finanzjament għall-inizjattivi spjegati fl-istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll għad-diversi inizjattivi u impenji politiċi li ttieħdu u li se jittieħdu waqt l-MFF preżenti u dak li jmiss;

29.

Jenfasizza r-rekwiżit li l-baġit tal-UE għandu jirrifletti l-ħtieġa li tiġi ffinanzjata t-tranżizzjoni favur ekonomija ambjentalment sostenibbli;

Il-Parlament Ewropew jitlob li jkun involut aktar mill-qrib fit-tfassil tal-proposti dettaljati tal-Ewropa 2020

30.

Jenfasizza li l-Parlament se jiddeċiedi dwar il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi ladarba jkun irċieva tweġiba sodisfaċenti rigward l-istruttura ta’ governanza u l-qafas baġitarju tal-istrateġija Ewropa 2020;

31.

Jenfasizza li r-rakkomandazzjonijiet tal-politika annwali u t-twissijiet mill-Kummissjoni rigward il-konformità tal-Istati Membri mal-objettivi tal-Ewropa 2020 għandhom ikunu l-bażi għad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew; huwa tal-fehma li dawn ir-rapporti għandhom jiġu diskussi fil-Parlament qabel ma jiġu kkunsidrati mill-Kunsill Ewropew;

*

* *

32.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2010)0053.


Top