EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0208

Il-Governanza tal-Internet: il-passi li jmiss Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 15 ta’ Ġunju 2010 dwar il-governanza tal-internet: il-passi li jmiss (2009/2229(INI))

OJ C 236E, 12.8.2011, p. 33–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 236/33


It-Tlieta 15 ta’ Ġunju 2010
Il-Governanza tal-Internet: il-passi li jmiss

P7_TA(2010)0208

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar il-governanza tal-internet: il-passi li jmiss (2009/2229(INI))

2011/C 236 E/05

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Il-Governanza tal-Internet: il-passi li jmiss” (COM(2009)0277),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Il-protezzjoni tal-Ewropa mill-attakki ċibernetiċi u t-tfixkil fuq skala kbira: titjib fit-tħejjija, is-sigurtà u r-reżistenza” (COM(2009)0149),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Ottubru 1998 dwar il-globalizzazzjoni u s-soċjetà tal-informazzjoni: il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni internazzjonali msaħħa (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Frar 2001 dwar l-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-internet - kwistjonijiet ta’ politika Ewropea u internazzjonali 1998-2000 (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ April 2001 dwar l-internet tal-ġenerazzjoni li jmiss: il-ħtieġa ta’ inizjattiva ta’ riċerka tal-UE (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2005 dwar is-soċjetà tal-informazzjoni (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2005 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-istampa fit-Tuneżija u l-evalwazzjoni tas-Samit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni fit-Tuneżija (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2006 dwar il-liberà tal-espressjoni fuq l-internet (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2008 dwar it-tieni Forum dwar il-Governanza tal-Internet, li sar f'Rio de Janeiro bejn it-12 u l-15 ta’ Novembru 2007 (7),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà u tal-libertajiet fundamentali fuq l-internet (8),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7–0185/2010),

A.

billi l-internet huwa mezz globali kritiku ta’ komunikazzjoni b'impatt kbir ħafna fuq is-soċjetà sħiħa,

B.

billi l-governanza tal-internet tinvolvi aspetti relatati mal-protezzjoni u l-garanzija tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aċċess għall-internet u l-użu tal-internet u l-vulnerabilità tiegħu għal attakki ċibernetiċi, eċċ.,

C.

billi l-kriminalità ċibernetika qed toħloq theddida dejjem ikbar għas-soċjetajiet li jiddependu fuq l-ICT, u billi l-inċitament għat-twettiq ta’ attakki terroristiċi, ir-reati bbażati fuq il-mibegħda, u l-pedopornografija żdiedu u qed jipperikolaw l-individwi inklużi t-tfal,

D.

billi l-intersezzjoni bejn il-kriminalità ċibernetika, il-ġurisdizzjoni tal-internet u l-“cloud computing” bħala aspett emerġenti tal-governanza tal-internet fil-livell Ewropew hija ta’ importanza kbira,

E.

billi l-aspetti tal-governanza tal-internet jikkonċernaw l-aspetti tal-internet u kwistjonijiet oħra l-biċċa l-kbira tekniċi, li fihom huma attivi entitajiet bħall-Internet Corporation for Assigned Names and Numbers (ICANN), l-Internet Assigned Numbers Authority (IANA), l-Internet Engineering Task Force (IETF), ir-Reġistri Reġjonali tal-Internet u oħrajn,

F.

billi, b'rabta mal-governanza tal-internet, is-settur privat sal-lum kellu rwol prevalenti u pożittiv; billi, madankollu, ir-rwol tal-korpi pubbliċi għandu jissaħħaħ meta tiġi definita l-istrateġija globali,

G.

billi l-gvernijiet għandhom rwol importanti fir-rigward aspetti usa' ta’ governanza fid-difiża tal-interess pubbliku, b'mod partikulari biex jiġu mħarsa u ggarantiti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll rigward is-sigurtà, l-integrità u r-reżistenza tal-internet, filwaqt li s-settur privat għandu rwol kruċjali fil-provvediment tal-investiment, il-kompetenza u l-inizjattiva imprenditorjali neċessarji,

H.

billi l-Forum dwar il-Governanza tal-Internet (IGF) kif ukoll għadd ta’ fora nazzjonali u reġjonali oħra huma spazji importanti għad-djalogu dwar il-politika tal-internet bejn il-partijiet interessati,

I.

billi l-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra għandhom impenn dejjiemi lejn l-internet bħala wirt pubbliku dinji miftuħ,

1.

Iqis li l-internet huwa wirt pubbliku dinji u għaldaqstant il-governanza tiegħu għandha titwettaq fl-interess komuni;

2.

Jirrikonoxxi li l-internet hu essenzjali biex jiġu eżerċitati b'mod prattiku l-libertà tal-espressjoni, id-diversità kulturali, il-pluraliżmu tal-midja, iċ-ċittadinanza demokratika, kif ukoll l-edukazzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni, biex b'hekk jikkostitwixxi wieħed mill-vetturi prinċipali għall-propagazzjoni tal-valuri demokratiċi fid-dinja kollha;

3.

Ifakkar li l-internet sar għodda indispensabbli għall-promozzjoni tal-inizjattivi demokratiċi, id-dibattitu politiku, il-litteriżmu diġitali u t-tixrid tal-għarfien; ifakkar li l-aċċess għall-internet jiggarantixxi u jiddependi mill-eżerċizju ta’ għadd ta’ drittijiet fundamentali ewlenin li jinkludu, iżda li mhumiex limitati għalihom, ir-rispett tal-ħajja privata, il-protezzjoni tad-data, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-kelma, il-libertà tal-assoċjazzjoni u l-libertà tal-istampa, il-fehma u l-parteċipazzjoni politika, in-nondiskriminazzjoni, l-edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika; jenfasizza li l-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati fil-livelli kollha għandhom għalhekk ir-responsabilità ġenerali li jagħtu s-sehem tagħhom biex jiggarantixxu li kulħadd ikun jista' jeżerċita d-dritt tiegħu li jipparteċipa fis-soċjetà tal-informazzjoni - b'mod partikulari l-anzjani, li jaffaċċjaw aktar problemi biex jiffamiljarizzaw irwieħhom mat-teknoloġiji l-ġodda - waqt li fl-istess ħin jittrattaw l-isfidi paralleli tal-illitteriżmu elettroniku u tal-esklużjoni demokratika fl-era elettronika;

4.

Jenfasizza speċjalment il-bżonn li tissaħħaħ l-evoluzzjoni ta’ approċċ “minn isfel għal fuq” u tad-demokrazija elettronika, filwaqt li jiġi garantit li jitwaqqfu salvagwardji sinifikanti kontra forom ġodda ta’ viġilanza, kontroll u ċensura minn atturi pubbliċi jew privati, sabiex il-libertà ta’ aċċess għall-internet u l-ħarsien tal-ħajja privata jkunu reali u mhux illużorji;

5.

Jenfasizza l-bżonn li jiġi protett u promoss il-wirt kulturali Ewropew, anke permezz tal-internet; hu tal-fehma li l-Internet għandu rwol vitali fit-tqanqil tal-innvovazzjoni u t-tnaqqis tad-distakk diġitali fl-Ewropa, soċjali u kulturali fil-kuntest ta’ nħawi oħra tad-dinja; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni tifhem l-importanza li jitnaqqas id-“distakk diġitali” u l-kwistjonijiet ta’ żvilupp involuti fil-governanza tal-internet; iqis, madankollu, li wieħed irid jiffoka wkoll fuq il-ħafna ċittadini ta’ età avvanzata kemm fid-dinja żviluppata u kemm f'dik li għadha qed tiżviluppa, li ta’ spiss iħossuhom abbandunati f'din id-dinja onlajn ġdida; jinnota li l-internet jista' jkun għodda effikaċi għall-inklużjoni soċjali u li ċ-ċittadini tagħna ta’ età avvanzata jridu jiġu inklużi; iħeġġeġ biex tittieħed azzjoni għall-promozzjoni tal-edukazzjoni dwar l-użu tar-riżorsi offruti mill-Internet u l-għażla tal-kriterji ta’ kif għandhom jintużaw dawk ir-riżorsi;

6.

Jirrikonoxxi li l-użu dejjem jikber tal-internet miċ-ċittadini, il-konsumaturi, il-kumpaniji u l-awtoritajiet ifisser li din l-għodda ta’ komunikazzjoni saret waħda mill-elementi fundamentali tat-twettiq tas-suq intern fl-UE; jisħaq f'dan ir-rigward fuq il-ħtieġa ta’ ħarsien xieraq tal-konsumaturi u tad-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-internet; jenfasizza wkoll li d-drittijiet u l-libertajiet ċivili tal-utenti tal-internet għandhom ikunu ggarantiti; jirrikonoxxi l-importanza tal-internet bħala mezz ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi;

7.

Jenfasizza li l-governanza tal-internet għandha tiffaċilita l-kummerċ elettroniku u t-tranżazzjonijiet transkonfinali billi tiddeċentralizza r-rwoli awtoregolatorji, speċjalment meta jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ dħul għal kompetituri ġodda;

8.

Jitlob aċċess u żvilupp aktar faċli tal-internet fl-Istati Membri l-ġodda, b'mod partikolari fiż-żoni rurali, u f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, permezz ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea; jitlob ukoll biex dawn il-pajjiżi jkollhom influwenza akbar fit-tfassil tal-politika dwar il-governanza tal-internet;

9.

Iqis li, biex jitħares l-interess tal-UE li l-internet jinżamm bħala wirt pubbliku dinji, il-governanza tal-internet għandha tkun ibbażata fuq mudell wiesa' u bilanċjat bejn is-settur pubbliku u dak privat, li jevita d-dominanza minn entità individwali jew minn grupp ta’ entitajiet u tentattivi mill-istat jew minn awtoritajiet supranazzjonali biex jikkontrollaw il-fluss ta’ informazzjoni fl-internet, filwaqt li jaġixxi ma’ proċessi ta’ għadd ta’ partijiet interessati fir-rigward tal-governanza tal-internet li jkompu jipprovdu mekkaniżmu effikaċi għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni globali;

10.

Jenfasizza li l-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif imfissra fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, huma valuri ewlenin u għanijiet aħħara tal-Unjoni Ewropea; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-attivitajiet kollha marbuta mal-governanza tal-internet jikkonformaw ma’ dawn il-valuri u l-għanijiet, b'mod partikulari f'dawk il-fora dinjin ta’ governanza tal-internet li fihom jieħdu sehem pajjiżi li l-valuri tagħhom huma differenti ferm minn dawk tal-Ewropa; iqis li, fl-interess li jiġi evitat kunflitt, għandu jiżdied id-djalogu internazzjonali ma’ dawn il-pajjiżi fil-qasam tar-regolamentazzjoni tal-internet;

11.

Iqis li l-gvernijiet għandhom jiffukaw fuq kwistjonijiet li huma vitali għall-politika globali dwar l-internet minħabba li t-tmexxija mis-settur privat jeħtieġ li tkun ibbażata fuq ir-rispett tal-prinċipji tal-politika pubblika u l-leġiżlazzjoni eżistenti u jaderixxu wkoll mal-prinċipju tan-nonintervent, ħlief meta jkun meħtieġ f'ċirkustanzi straordinarji, u li anki f'dak il-każ l-intervent tagħhom għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-prinċipju tal-proporzjonalità;

12.

Iqis li l-gvernijiet għandhom jevitaw li jinvolvu rwieħhom fil-ġestjoni ta’ kuljum tal-internet, iżommu lura milli jfixklu l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni b'regolamentazzjoni bla bżonn, ta’ piż u restrittiva u ma jippruvawx jikkontrollaw lil dik li hija, u għandha tibqa', proprjetà pubblika globali;

13.

Jistieden lill-gvernijiet biex ma jimponux restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-internet permezz ta’ ċensura, imblukkar, filtrazzjoni jew b'mod ieħor, kif ukoll biex ma jitolbux lil entitajiet privati jagħmlu dan; jinsisti fuq is-salvagwardja ta’ internet miftuħ, fejn l-utenti jkunu jistgħu jaċċessaw u jqassmu informazzjoni jew iħaddmu applikazzjonijiet u servizzi tal-għażla tagħhom kif jipprovdi l-qafas regolatorju riformat tal-komunikazzjoni elettronika;

14.

Jenfasizza li kwalunkwe restrizzjoni li titqies bħala indispensabbli għandha tkun limitata għall-minimu meħtieġ f'soċjetà demokratika, għandha tkun ibbażata fuq il-liġi, u għandha tkun effikaċi u proporzjonata; jisħaq fuq il-fatt li l-protezzjoni tal-minorenni għandha tkun iggarantita, u jistieden lill-Istati membri biex huma wkoll jieħdu miżuri, pereżempju bl-użu tas-sistema ta’ notifika fl-interess pubbliku skont id-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttiva 2002/22/KE, id-Direttiva 2002/58/KE u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar id-drittijiet tal-utenti (Id-Direttiva dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini) (9) sabiex il-minorenni jkunu jistgħu jużaw l-internet u s-servizzi ta’ informazzjoni onlajn b'mod responsabbli, u biex jittejjeb il-livell ta’ għarfien ta’ theddid potenzjali minn servizzi ġodda;

15.

Jitlob li jkun hemm aktar inizjattivi għat-tisħiħ tal-esplorazzjoni b'aktar sikurezza tal-internet mit-tfal, sabiex jixxerrdu l-aħjar prattiki fid-dinja, u biex tissaħħaħ il-koperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-kontenut onlajn ta’ ħsara u illegali, b'mod partikulari fir-rigward tal-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet;

16.

Iqis ukoll il-ħtieġa speċjali li l-persuni vulnerabbli jitħarsu, partikolarment il-minorenni, permezz ta’ azzjoni konġunta minn partijiet interessati pubbliċi u privati; itenni l-fatt li fil-ġlieda kontra l-kriminalità ċibernetika u l-pornografija tat-tfal, il-kontenut kriminali għandu jitħassar fis-sors qabel ma jitqies li jiġu mblokkati s-siti elettroniċi;

17.

Iqis li, apparti l-prinċipji ta’ governanza stipulati mill-Kummissjoni, il-gvernijiet għandhom jimplimentaw ukoll il-prinċipji li ġejjin:

(i)

it-trasparenza, l-multilateraliżmu, id-demokrazija u l-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali li jissodisfaw l-istandards tal-UE;

(ii)

ir-rispett għal natura miftuħa, interoperabbli, teknoloġikament newtrali u “end-to-end” tal-infrastruttura tal-internet,

(iii)

ir-responsabilità pubblika esterna tal-entitajiet tas-settur privat li jimmaniġġjaw ir-riżorsi globali tal-internet fuq bażi ta’ kuljum,

(iv)

il-promozzjoni tal-governanza tal-internet globali, permezz tal-interazzjoni mal-proċessi ta’ għadd ta’ partijiet interessati u l-inkuraġġiment ulterjuri tagħhom, filwaqt li tiġi indirizzata wkoll il-ħtieġa li tittejjeb il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

(v)

il-protezzjoni tal-integrità tal-internet globali u l-libertà tal-komunikazzjoni billi jevitaw kwalunkwe miżura reġjonali, bħalma hi r-revoka tal-indirizzi IP jew tal-ismijiet tad-dominju f'pajjiżi terzi;

18.

Jenfasizza li l-UE għandha tiżviluppa l-implimentazzjoni, permezz tal-kunsens, tal-prinċipji fundamentali tal-governanza tal-internet u tiddefendiha bil-qawwa fil-fora internazzjonali u fir-relazzjonijiet bilaterali;

19.

Jilqa' l-aspetti tal-governanza tal-internet tal-“Istrateġija ta’ Granada” tal-Presidenza Spanjola, u d-dispożizzjonijiet tar-rapport Parlamentari dwar Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu (10) dwar it-tfassil ta’ Karta Ewropea tad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Konsumaturi fl-ambjent diġitali u l-iżvilupp tal-“Ħames Libertà” li tippermetti ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-kontenut u l-għarfien;

20.

Jinnota l-“internet Policy 3.0” il-ġdida tal-Gvern Amerikan, imħabbra fl-24 ta’ Frar 2010;

21.

Jenfasizza li l-UE għandha tindirizza tliet kwistjonijiet kritiċi tal-politika pubblika:

(i)

il-ħarsien tal-infrastruttura tal-internet biex jitħarsu l-ftuħ, id-disponibilità, is-sigurtà u r-reżistenza għall-attakki ċibernetiċi,

(ii)

id-dipendenzi Ewropej fuq soluzzjonijiet tas-suq dominanti u r-riskji assoċjati tas-sigurtà pubblika, u

(iii)

il-ħarsien tad-dejta u l-privatezza, l-aktar fir-rigward tal-istabbiliment ta’ mekkaniżmi internazzjonali effettivi għas-soluzzjoni ta’ tilwimiet; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għall-adattament tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għall-ambjent diġitali attwali;

22.

Jistieden lill-Istati Membri biex, b'koordinazzjoni mal-Kummissjoni, jiżguraw il-protezzjoni tal-infrastruttura tal-internet kontra theddidiet u inċidenti permezz ta’ approċċ armonizzat tal-UE u billi jiġi kkompletat it-twaqqif ta’ timijiet nazzjonali ta’ rispons għall-emerġenzi u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejniethom;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom sabiex tiżdied is-sigurtà tal-ispazju ċibernetiku fi ħdan l-UE kif ukoll biex tipparteċipa b'mod adegwat fil-kooperazzjoni internazzjonali dwar din il-kwistjoni u jenfasizza l-bżonn ta’ approċċ ta’ għadd ta’ partijiet interessati sabiex jiġi pprovdut fehim u sensibilizzazzjoni aħjar fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-kriminalità ċibernetika u l-“cloud computing”, imsejjes fuq bażi ta’ livell ugwali u t-twaqqif ta’ obbligi u responsabilitajiet ċari għal kull parti interessata;

24.

Jenfasizza l-importanza tas-sigurtà tas-servizzi elettroniċi, speċjalment tal-firem elettroniċi, u tal-bżonn tal-ħolqien tal-Infrastruttura Ewlenija Pubblika (PKI) fil-livell Pan-Ewropew, u jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf Gateway tal-Validazzjoni tal-Awtoritajiet Ewropej sabiex tiżgura interoperabilità transkonfinali għal firem elettroniċi u sabiex iżżid is-sigurtà tat-tranżazzjonijiet li jsiru permezz tal-internet;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi gwida ċara lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx u ma implimentawx il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Kriminalità Ċibernetika sabiex l-Istati Membri kollha jkunu involuti fi sforz ta’ kooperazzjoni kontra l-kriminalità ċibernetika u l-ispam, għat-tisħiħ tal-fiduċja tal-utenti u għall-iżgurar tal-ispazju ċibernetiku tal-Unjoni Ewropea kontra kull tip ta’ delitt jew reat; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Kriminalità Ċibernetika;

26.

Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu li tippermetti l-iżvilupp ta’ bażi għal kooperazzjoni internazzjonali kontra l-użu terroristiku tal-internet fil-forma ta’ attakki fuq skala kbira fuq u permezz ta’ sistemi tal-kompjuter li jheddu s-sigurtà nazzjonali, is-sikurezza pubblika jew il-benesseri ekonomiku;

27.

Barra minn hekk jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu favur sigurtà u stabilità ikbar tal-internet permezz ta’ miżuri mmirati biex iżidu d-diversità tan-netwerks u tas-sistema permezz tal-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni, l-istandards tal-UE u l-politika ta’ akkwist, kif ukoll billi:

(i)

jappoġġjaw il-ħidma tal-ICANN fuq is-sigurtà u l-istabilità tas-sistema tal-ismijiet ta’ dominju,

(ii)

jappoġġjaw il-ħidma f'fora internazzjonali bħalma huma l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp u l-Kunsill tal-Ewropa dwar oqfsa leġiżlattivi u koordinament nazzjonali mtejba;

28.

Jenfasizza li s-suċċess tan-netwerks soċjali, flimkien mal-kapaċitajiet tekniċi tal-internet f'dak li jirrigwarda l-memorja u trattament tad-dejta, qed iqajjem problemi dwar iż-żamma tad-dejta u l-użu tad-dejta arkivjati; jiddeplora l-fatt, f'dan ir-rigward, li għalissa għad m'hemm l-ebda “dritt għan-nisi” fuq l-internet;

29.

Jisħaq fuq il-bżonn li jinstab bilanċ xieraq bejn il-protezzjoni tal-privatezza tal-utenti u r-reġistrazzjoni tad-data personali;

30.

Jiddeplora l-fatt li l-użu dejjem jikber tan-netwerks tal-internet għadu ma jimxix id f'id ma’ regoli li lill-utenti jħalluhom jimmaniġġjaw id-dejta personali li jqiegħdu f'dawk in-netwerks;

31.

Josserva li ġestjoni trasparenti u responsabbli tal-internet jista' jkollha rwol importanti fis-sorveljanza tal-mod kif is-search engines jittrattaw l-informazzjoni globalment;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta biex testendi l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (11) biex jinkludu l-ksur tal-protezzjoni tad-dejta u tal-privatezza, u jistieden lill-Kunsill biex jawtorizza li jsiru negozjati bil-għan li jintlaħaq ftehim internazzjonali li jippermetti li jkun hemm rimedju effettiv għal individwi tal-UE f'każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom, skont il-liġi tal-UE, għall-protezzjoni tad-dejta u għall-privatezza;

33.

Isostni l-promozzjoni tal-prinċipju “privacy by design” li permezz tiegħu r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-privatezza u tad-data għandhom jiddaħħlu kemm jista' jkun malajr fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ żviluppi teknoloġiċi ġodda, b'hekk liċ-ċittadini jiġi garantit ambjent sikur u ta’ użu faċli għaċ-ċittadini;

34.

Jinnota li ċ-ċertifikazzjoni ta’ sigurtà tal-websajts qed issir neċessarja biex trawwem iktar fiduċja fil-konsumaturi sabiex jaċċessaw l-informazzjoni u s-servizzi onlajn;

35.

Jenfasizza li l-istituzzjonijiet, entitajiet u l-Istati Membri tal-UE għandhom jikkoordinaw l-approċċ tagħhom għall-governanza tal-internet fl-entitajiet Internazzjonali li jindirizzawha, bħalma hi l-ICANN u l-entitajiet konsultattivi tagħha, inkluż il-Government Advisory Committee (GAC);

36.

Jenfasizza r-rwol tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA) fil-ħolqien ta’ spazju ta’ informazzjoni Ewropew uniku; jinnota li l-ENISA jista' jkollha rwol importanti, b'mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni, l-indirizzar u r-reazzjoni għall-problemi ta’ sigurtà tal-informazzjoni u tan-netwerk, u jilqa' l-proposta li l-Kummissjoni se tippreżenta biex timmodernizza l-ENISA;

37.

Jenfasizza l-bżonn ta’ żieda ulterjuri fl-effikaċja tal-ENISA billi:

jiġu identifikati l-prijoritajiet ta’ riċerka, f'livell Ewropew, fl-oqsma ta’ flessibilità tan-netwerking u fis-sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni, u jiġu offruti għarfien dwar il-ħtiġijiet tal-industrija lill-istituzzjonijiet ta’ riċerka potenzjali;

tinġibed l-attenzjoni ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għat-teknoloġiji l-ġodda f'oqsma relatati mas-sigurtà;

jiġu żviluppati fora għall-qsim ta’ informazzjoni u jingħata appoġġ lill-Istati Membri;

38.

Jenfasizza li l-appoġġ tal-ENISA huwa ffukat fuq Stati Membri bi bżonnijiet partikolari u jirrakkomanda li l-ENISA tkompli tiżviluppa fora għall-qsim ta’ informazzjoni bejn Stati Membri u oħrajn;

39.

Iqis li l-Kummissjoni għandha rwol ċentrali fit-tnedija u l-koordinazzjoni tal-aspetti kollha relatati mal-organizzazzjoni interna tal-UE biex tiżgura approċċ koerenti tal-UE, inkluż fir-rigward tal-IGF;

40.

Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tibni kapaċità għal rappreżentanza ġenwina tas-soċjetà ċivili Ewropea f'fora internazzjonali tal-governanza tal-internet u f'organizzazzjonijiet jew konsorzji tal-istandards tal-internet;

41.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-adozzjoni ta’ approċċ koerenti u komprensiv tal-UE fl-IGF u f'laqgħat oħra dwar il-governanza tal-internet, billi, fi żmien sostanzjalment qabel dawn il-laqgħat, tippreżenta abbozz ta’ dokument ta’ pożizzjoni tal-UE lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għad-dibattitu;

42.

Jappoġġja t-tkomplija u l-iżvilupp tal-mudell tal-IGF fuq livell globali, reġjonali – inkluż il-EuroDIG – u nazzjonali, billi jinżammu l-karatteristiċi ewlenin tiegħu bħala proċess ta’ għadd ta’ partijiet interessati mhux vinkolanti, u filwaqt li jibqa' bħala fora miftuħa għad-djalogu u għall-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-gvernijiet, is-soċjetà ċivili u s-settur privat u forma ġdida ta’ parteċipazzjoni demokratika;

43.

Jisħaq fuq l-importanza li l-atturi Asjatiċi jiġu kkooptjati fit-taħditiet dwar il-governanza tal-internet, waqt li titqies in-natura speċifika tas-suq Asjatiku;

44.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li anke l-konsumaturi finali jiġu involuti fil-proċess biex jinħoloq mudell ta’ governanza, waqt li titqiegħed l-enfasi fuq il-koperazzjoni bejn l-universitajiet u d-dinja tal-impriżi fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

45.

Jirrakkomanda li l-IGF jittejjeb billi:

(i)

tiżdied il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li tingħata attenzjoni għall-iffinanzjar tal-parteċipazzjoni tagħhom,

(ii)

tiżdied il-viżibilità fil-mezzi ta’ komunikazzjoni,

(iii)

ikun hemm organizzazzjoni aktar effiċjenti tal-laqgħat, pereżempju, billi jitnaqqas in-numru ta’ laqgħat li jsiru simultanjament, li titwaqqaf pjattaforma stabbli biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni globali, u multilingwiżmu akbar,

(iv)

jittejbu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-fora globali, reġjonali u nazzjonali dwar il-governanza tal-internet, u

(v)

tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali kemm permezz tal-użu tal-mezzi teknoloġiċi kollha disponibbli bħalma huma l-vidjokonferenza kif ukoll permezz tal-IPEX (Netwerk Komunitarju ta’ Skambju ta’ Informazzjoni Interparlamentari);

46.

Jappoġġja l-ħidma tal-Kummissjoni u tal-Presidenzi ta’ Spanja u tal-Belġju fir-rigward tal-laqgħa tal-IGF ta’ Vilnjus f'Settembru 2010, u jitlob parteċipazzjoni ikbar tal-Parlament Ewropew;

47.

Jappoġġja b'mod ġenerali l-pożizzjoni favorevoli tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-mudell attwali tal-ICANN għall-immaniġġjar ibbażat fuq it-tmexxija mis-settur privat;

48.

Jirrikonoxxi li l-ICANN irnexxielha tiggarantixxi l-istabbiltà tas-Sistema tal-Ismijiet tad-Domains;

49.

Jappoġġja l-kontinwazzjoni tal-proċess li nbeda riċentement mill-ICANN biex jingħataw ismijiet tad-domain f'alfabeti differenti mill-alfabett Latin;

50.

Jitlob li jkun hemm dominju ġeneriku ġdid tal-ogħla livell għall-organizzazzjonijiet kulturali, punti ta’ bejgħ, il-midja u l-artisti, pereżempju, “.culture” jew “.art”;

51.

Jitlob għal aktar responsabilità min-naħa tal-kumpaniji privati li jirreġistraw u jqassmu l-ismijiet tad-dominji, billi dawn jagħtu servizz li s-soċjetà saret tiddependi ħafna minnu; iqis, f'dan ir-rigward, li jeħtieġ tiġi stabbilita sensiela komuni ta’ kriterji li għandhom jiġu segwiti, bil-għan li tikber it-trasparenza u biex jiġi żgurat li dawn il-kumpaniji jieħdu iktar responsabilitajiet fuq spallejhom;

52.

Jistieden lill-EURid, ir-reġistratur tad-domain.eu, biex jagħmel kampanja medjatika u onlajn, biex jippromwovi d-domain.eu fost l-Istati Membri, sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ ambjent onlajn Ewropew ibbażat fuq il-valuri, il-karatteristiċi u l-politiki tal-Unjoni Ewropea;

53.

Jenfasizza l-importanza tal-GAC fil-proċess ta’ tfassil tal-politika tal-ICANN u jirrakkomanda li l-effikaċja tal-GAC tissaħħaħ fost affarijiet oħrajn permezz tat-twaqqif ta’ segretarjat b'kapaċitajiet ta’ appoġġ adegwati; u jqis li huwa importanti li kull Stat Membru tal-UE jieħu parti attiva fil-ħidma ta’ dan il-kumitat;

54.

Iqis li għandu jsir titjib fl-ICANN:

(i)

bl-introduzzjoni - matul l-analiżi tar-rendiment tal-mekkaniżmi eżistenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim (Panel Indipendenti ta’ Revizjoni u Ombudsman tal-ICANN) - ta’ mekkaniżmu alternattiv u estern għas-soluzzjoni tat-tilwim li jippermetti lill-partijiet interessati li jagħmlu reviżjoni effettiva, newtrali, f'waqtha u finanzjarjament sostenibbli, tad-deċiżjonijiet tal-ICANN,

(ii)

billi tiddaħħal gradwalment struttura ta’ finanzjament diversifikat, b'limitu massimu ta’ finanzjament minn kwalunkwe entità jew settur individwali, sabiex jiġi evitat li jkun hemm influwenza mhix xierqa fuq l-attivitajiet tal-ICANN minn kwalunkwe entità jew grupp ta’ entitajiet;

(iii)

b'rappreżentanza adegwata tal-partijiet kollha interessati fl-ICANN,

(iv)

billi jiġi żgurat li l-bord u t-tmexxija ewlenija tal-ICANN ikunu jirrappreżentaw sensiela ta’ interessi u reġjuni;

(v)

bl-użu ta’ parti raġonevoli mill-fond ta’ riżerva tagħha sabiex jingħata impetu lill-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-fora tal-governanza tal-internet (speċjalment mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw);

55.

Jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni li l-ftehimiet tal-IANA għandhom jinkludu mekkaniżmi għar-responsabilità multilaterali, u jafferma li fil-futur l-ebda gvern individwali m'għandu jeżerċita influwenza dominanti fuq il-IANA, funzjoni li għandha tkun soġġetta għal internazzjonalizzazzjoni progressiva li twassal għal superviżjoni multilaterali;

56.

Iqis li l-“affermazzjoni tal-impenji” tal-2009 tista' tkun bażi pożittiva għall-iżvilupp ulterjuri tal-ICANN, filwaqt li jenfasizza li:

(i)

l-UE, l-aktar permezz tal-Kummissjoni, għandha jkollha rwol attiv fl-implimentazzjoni, inkluż permezz tal-bords ta’ reviżjoni u billi tiżgura li l-membri ta’ dawn il-bords ikunu indipendenti, ma jkollhom ebda kunflitti ta’ interess u jirrappreżentaw reġjuni differenti,

(ii)

b'segwitu għall-konsultazzjoni pubblika, ir-rakkomandazzjonijiet tal-bords ta’ reviżjoni għandhom ikunu implimentati mill-ICANN u, f'każ li dan ma jseħħx, għandhom jingħataw raġunijiet għal dan;

57.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapporti ta’ kull sena dwar eventi li kellhom x'jaqsmu mal-governanza organizzati waqt is-sena preċedenti, bl-ewwel rapport jingħata sa Marzu 2011;

58.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.


(1)  ĠU C 104, 14.4.1999, p. 128.

(2)  ĠU C 343, 5.12.2001, p. 286.

(3)  ĠU C 27 E, 31.1.2002, p. 84.

(4)  ĠU C 133 E, 8.6.2006, p. 140.

(5)  ĠU C 286 E, 23.11.2006, p. 495.

(6)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 879.

(7)  ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 80.

(8)  Testi adottati, P6_TA(2009)0194.

(9)  ĠU L 337, 18.12.2009, p. 11.

(10)  Testi adottati, P7_TA(2010)0133.

(11)  ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.


Top