EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0386

L-iżvilupp ta’ żona tal-UE għall-ġustizzja kriminali Rakkomondazzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 7 ta' Mejju 2009 dwar l-iżvilupp ta’ żona tal-UE għall-ġustizzja kriminali (2009/2012(INI))

OJ C 212E , 5.8.2010, p. 116–122 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 212/116


Il-Ħamis, 7 ta’ Mejju 2009
L-iżvilupp ta’ żona tal-UE għall-ġustizzja kriminali

P6_TA(2009)0386

Rakkomondazzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-iżvilupp ta’ żona tal-UE għall-ġustizzja kriminali (2009/2012(INI))

2010/C 212 E/19

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill minn Panayiotis Demetriou f'isem il-Grupp PPE-DE dwar l-iżvilupp ta’ żona tal-UE għall-ġustizzja kriminali (B6-0335/2008),

wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 29, 31(1)(c) and 34(2)(a) u (b) tat-Trattat UE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari l-Artikoli 47, 48, 49 u 50 kif ukoll il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, b'mod partikulari l-Artikoli 5, 6, 7 u 13,

wara li kkunsidra l-Green Papers tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2003 dwar Salvagwardji Proċedurali għal dawk Suspettati u Konvenuti fi Proċeduri Kriminali madwar l-Unjoni Ewropea (COM(2003)0075) u tas-26 ta' April 2006 dwar il-Preżunzjoni tal-Innoċenza (COM(2006)0174), il-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni qafas tal-Kunsill dwar ċerti drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali madwar l-Unjoni Ewropea (COM(2004)0328) u l-pożizzjoni tal-Parlament tat-12 ta' April 2005 dwar dan (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2004 lill-Kunsill dwar id-drittijiet tal-priġunieri fl-Unjoni Ewropea (2),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi fi kwistjonijiet kriminali li jimponu sentenzi jew miżuri ta' kustodja li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà għall-finijiet tal-infurzar tagħhom fl-Unjoni Ewropea (3) u l-pożizzjoni tal-Parlament tat-2 ta' Settembru 2008 dwar dan (4),

wara li kkunsidra r-rapport tal-2008 tal-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (CEPEJ) tal-Kunsill tal-Ewropa bit-titolu “Sistemi ġudizzjarji Ewropej: l-Effiċjenza tal-ġustizzja”,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Frar 2008 dwar il-ħolqien ta' Forum biex jiġu diskussi l-linji ta' politika u l-prattika tal-ġustizzja tal-UE (COM(2008)0038),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill ĠAI tas-27 u t-28 ta’ Novembru 2008 dwar it-twaqqif ta' Netwerk għal koperazzjoni leġiżlattiva bejn il-Ministeri tal-Ġustizzja tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Inizjattiva tar-Repubblika Franċiża bil-ħsieb li tkun adottata Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi netwerk ta' taħriġ ġudizzjarju Ewropew (5), il-pożizzjoni tal-Parlament tal-24 ta' Settembru 2002 dwar din l-inizjattiva (6), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2006 dwar it-taħriġ ġudizzjarju fl-Unjoni Ewropea (COM(2006)0356), u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fil-Kunsill dwar it-taħriġ tal-imħallfin, il-prosekuturi u l-istaff ġudizzjarju fl-Unjoni Ewropea (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 dwar l-irwol tal-imħallef nazzjonali fis-sistema ġudizzjarja Ewropea (8) bil-għan li tinħoloq kultura ġudizzjarja ġenwina tal-UE,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar l-irwol tal-Eurojust u tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu fl-Unjoni Ewropea (COM(2007)0644), il-verżjoni kkonsolidata tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (5347/2009), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/976/ĠAI tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (9) kif ukoll il-pożizzjonijiet tal-Parlament tat-2 ta' Settembru 2008 dwar dan (10),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/978/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi sabiex jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għall-użu fi proċedimenti f'materji kriminali (11) u l-pożizzjoni tal-Parlament tal-21 ta' Ottubru 2008 dwar dan (12),

wara li kkunsidra l-istudju intitolat “L-analiżi tal-ġejjieni tar-rikonoxximent reċiproku f'materji kriminali fl-Unjoni Ewropea” (13) ippubblikat reċentement mill-Université Libre de Bruxelles,

wara li kkunsidra l-proposta għal Deċiżjoni ta’ Qafas tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni, bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għad-detenzjoni provviżorja (17506/2008),

wara li kkunsidra r-rapporti tal-evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (14),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummssjoni tal-20 ta’ Novembru 2008 bit-titolu “Profitt mill- kriminalità organizzata - nassiguraw li ‘kriminalità ma ġġibx profitt’” (COM(2008)0766),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2008“Lejn Strateġija Ewropea tal-Ġustizzja Elettronika” (COM(2008)0329), il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar strateġija dwar il-Ġustizzja Elettronika, ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-18 ta’ Diċembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Ġustizzja Elettronika (15), kif ukoll il-pożizzjoni tal-Parlament tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar ir-Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/XX/ĠAI (16) u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar rapport dwar il-progress li sar matul il-Presidenza Franċiża fil-qasam tal-Ġustizzja Elettronika adottati fil-Kunsill ĠAI tas-27 u t-28 ta' Novembru 2008,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu (17) lill-Kunsill,

wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Liżbona, b'mod partikulari l-Kapitolu 4, Artikoli 82 sa 86 (koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-ħtieġa li jiġi identifikat l-aħjar mod biex tiġi żviluppata żona tal-UE għall-ġustizzja kriminali,

wara li kkunsidra l-abbozzar tal-programm futur ta' Stokkolma,

wara li kkunsidra l-ħtieġa li jissaħħaħ id-djalogu dwar dawn il-kwistjonijiet mal-parlamenti nazzjonali, mas-soċjetà ċivili u mal-awtoritajiet ġudizzjarji;

wara li kkunsidra l-Artikolu 114(3) u l-Artikolu 94 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0262/2009),

A.

billi l-amministrazzjoni tal-ġustizzja taqa' fil-kompetenzi nazzjonali tal-Istati Membri,

B.

billi, fir-rigward tat-Trattat ta' Liżbona, għandu jiġi enfasizzat li, ladarba jidħol fis-seħħ, se jwessa' l-kompetenzi tal-UE fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u se jintroduċi l-proċess ta’ leġiżlar permezz tal-kodeċiżjoni f'dan il-qasam billi titneħħa s-sistema tal-pilastri,

C.

billi l-Programm ta’ The Hague, bħall-Programm ta’ Tampere, stabbilixxa l-ħolqien ta’ Żona Ewropea għall-Ġustizzja bħala prijorità u enfasizza li t-tisħiħ tal-ġustizzja għandu jseħħ permezz tal-bini ta’ fiduċja u l-fiduċja reċiproka, l-implimentazzjoni tal-programm ta’ rikonoxximent reċiproku, l-iżvilupp ta’ standards ekwivalenti għad-drittijiet proċedurali fil-proċedimenti kriminali, l-approssimazzjoni tal-liġijiet - sabiex jiġi evitat li l-kriminali jibbenefikaw mid-differenzi fis-sistemi ġudizzjarji u biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jiġu protetti indipendentement minn fejn jisnabu fl-UE - u bil-għan li jitkattar l-iżvilupp tal-Eurojust,

D.

billi, skont ir-Rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 dwar l-Implimentazzjoni tal-Programm ta’ The Hague għall-2007 (COM(2008)0373), il-livell ta’ suċċess fil-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali kien pjuttost baxx, b'politika blokkata u dewmien li huma riflessi fl-għadd dejjem jonqos ta’ strumenti adottati, filwaqt li ġew irreġistrati żviluppi sodisfaċenti f'oqsma oħrajn, bħall-koperazzjoni f'materji ċivili, l-immaniġġjar tal-fruntieri, il-migrazzjoni legali kif ukoll dik illegali u l-politiki tal-ażil,

E.

billi l-proċedimenti kriminali għandhom implikazzjonijiet relevanti u numerużi f'termini ta’ drittijiet fundamentali kemm tal-vittmi tal-kriminalità kif ukoll ta' dawk suspettati u tal-konvenuti,

F.

billi l-ħarsien tad-drittijiet, bħad-dritt għal smigħ ġust, id-dritt ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, id-dritt għal difiża, id-drittijiet tal-vittimi tal-kriminalità kif ukoll il-prinċipju ta’ ne bis in idem u salvagwardji proċedurali minimi fid-detenzjoni ta’ qabel ma tibda l-kawża huma prinċipalment essenzjali fil-proċedimenti kriminali,

G.

billi l-koperazzjoni ġuridika ta' kuljum fil-qasam tal-kwistjonijiet kriminali għada msejsa fuq strumenti ta' assistenza reċiproka bħall-Konvenzjoni tal-2000 dwar l-Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropea tal-1959 dwar l-Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali;

H.

billi fil-limiti tal-għanijiet u l-prinċipji tal-liġi Ewropea, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jimplika li meta tingħata sentenza minn awtorità ġudizzjarja kompetenti fi Stat Membru partikolari, din jibda jkollha effett sħiħ u dirett fit-territorju kollu tal-Unjoni, u l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri li fit-territorju tagħhom id-deċiżjoni tista’ tkun esegwita, jassistu fl-eżekuzzjoni tas-sentenza bħal li kieku kienet sentenza mogħtija minn awtorità kompetenti f'dak l-Istat Membru, sakemm l-istrument li bih tkun implimentata iqiegħed limiti fuq l-eżekuzzjoni tagħha,

I.

billi l-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, stabbilita bħala l-bażi tal-koperazzjoni ġudizzjarja mill-Kunsill Ewropew ta' Tampere 'l quddiem għadha l-bogħod milli tintlaħaq b'mod sodisfaċenti, u jeħtieġ li tiġi akkumpanjata minn sett uniformi ta’ garanziji u salvagwardji proċedurali,

J.

billi, fejn ġie implimentat, kif kien il-każ tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku kien effettiv u kien ta’ valur miżjud kbir għall-koperazzjoni ġudizzjarja fl-Unjoni Ewropea,

K.

billi, sabiex ikun effettiv għal kollox, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jiddependi l-iktar fuq il-ħolqien ta’ kultura ġudizzjarja komuni Ewropea bbażata fuq il-fiduċja reċiproka, prinċipji komuni, koperazzjoni u ċertu livell ta’ armonizzazzjoni - pereżempju fid-definizzjoni ta’ ċerti reati u fis-sanzjonijiet - u permezz ta’ ħarsien ġenwin tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikulari fir-rigward tad-drittijiet proċedurali, tal-istandards minimi tal-kundizzjonijiet u r- reviżjoni tad-detenzjoni, id-drittijiet tal-priġunieri u mekkaniżmi aċċessibbli ta’ rimedju għal individwi,

L.

billi t-taħriġ ġudizzjarju, inkluż dak tal-imħallfin, prosekuturi, avukati difensuri u oħrajn involuti fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, għandu rwol ewlieni fil-bini ta’ fiduċja reċiproka u l-iżvilupp ta’ kultura komuni ġudizzjarja Ewropea, filwaqt li fl-istess ħin jinżamm bilanċ bejn l-interessi tal-prosekuzzjoni pubblika u dawk tad-difiża u biex jiġu żgurati kontinwità u difiża effettiva f'każijiet transkonfinali;

M.

billi ttieħdu ħafna passi 'l quddiem fil-qasam tat-taħriġ ġudizzjarju, b'mod partikolari bis-saħħa tal-kontribuzzjoni offruta min-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN) u l-attivitajiet tiegħu,

N.

billi, minkejja r-riżultati importanti li nkisbu s'issa, l-irwol tal-EJTN kien limitat minn restrizzjonijiet marbuta mal-istruttura organizzattiva tiegħu u min-nuqqas ta' riżorsi biżżejjed,

O.

billi - ladarba teżisti s-sitwazzjoni msemmija hawn fuq - l-awtoritajiet ġudizzjarji bħalissa m'għandhomx għad-dispożizzjoni tagħhom l-istrumenti ta' taħriġ li għandhom bżonn sabiex japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-UE kif suppost, u biss parti żgħira mill-ġudikatura għandha aċċess għal taħriġ ġudizzjarju ffukat fuq l-UE,

P.

billi azzjoni futura lejn l-iżvilupp taz-zona tal-ġustizzja kriminali tal-UE ma jistax ikollha bażi oħra għajr monitoraġġ oġġettiv, imparzjali, trasparenti, preċiż u kontinwu tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE u l-istrumenti legali, kif ukoll tal-kwalità u l-effiċjenza tal-ġustizzja fl-Istati Membri,

Q.

billi l-ebda monitoraġġ komprensiv, kostanti u ċar tal-politiki tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja kriminali, jew tal-kwalità u l-effiċjenza tal-ġustizzja, ma jinsab attwalment fis-seħħ ġewwa l-UE,

R.

billi monitoraġġ bħal dan ikun fundamentali għal “dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE” meta jikkonċepixxu l-azzjonijiet leġiżlattivi l-iktar xierqa, fil-waqt li jkabbru l-fiduċja reċiproka fis-sistema ġudizzjarja ta' xulxin,

S.

billi dik l-evalwazzjoni tas-sistema għandha tqis is-sistemi eżistenti ta' evalwazzjoni mingħajr ma tidduplika l-isforzi jew ir-riżultati, u għandha tagħti rwol attiv lill-Parlament,

T.

billi l-“Forum tal-Ġustizzja” li għadu kif twaqqaf jista' jagħti kontribuzzjoni importanti lill-istadju ta' evalwazzjoni ex-ante tal-inizjattivi leġiżlattivi tal-UE,

U.

billi, sabiex tiġi żgurata l-koerenza u l-konsistenza fl-azzjoni tal-UE filwaqt li fl-istess ħin jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet fundamentali, proċess ta' konsultazzjoni pubblika permezz tal-proċeduri xierqa, inklużi l-evalwazzjonijiet ta' impatt, għandu jseħħ qabel ma l-proposti u l-inizjattivi għall-adozzjoni ta' strumenti leġiżlattivi tal-UE jitressqu mill-Kummissjoni jew l-Istati Membri,

V.

billi l-iskambju konsistenti ta' informazzjoni, prattiki u esperjenza fost awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri jikkontribwixxi b'mod fundamentali għall-iżvilupp ta' ambjent mibni fuq il-fiduċja reċiproka, kif juru r-riżultati notevoli li nkisbu fil-programm ta' skambju għall-awtoritajiet ġudizzjarji,

W.

billi għadha ma teżistix sistema ġenerali adegwata ta’ protezzjoni tad-data fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u fin-nuqqas tagħha d-drittijiet tas-suġġetti tad-data jeħtieġ li jiġu rregolati b'attenzjoni f'kull strument leġiżlattiv individwali,

X.

billi, sabiex tkun effettiva, iz-zona tal-UE ta’ ġustizzja kriminali trid tieħu vantaġġ mit-teknoloġiji l-ġodda waqt li tirrispetta d-drittijiet fundamentali, u tuża l-għodda tal-Internet fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE kif ukoll fit-tixrid u d-diskussjoni tal-informazzjoni u l-proposti,

Y.

billi l-irwol tal-qrati nazzjonali qed isir aktar u aktar relevanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità tranżnazzjonali u, fl-istess ħin, fil-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali,

Z.

billi korpi ta' koordinazzjoni bħall-Eurojust urew li jikkontribwixxu valur miżjud reali u l-ħidma tagħhom kontra l-kriminalità tranżnazzjonali kibret b'mod sinifikanti minkejja l-fatt li s-setgħat tagħhom għadhom limitati wisq u xi Stati Membri sabuha bi tqila biex jaqsmu l-informazzjoni f'dan il-kuntest,

AA.

billi l-koordinazzjoni għall-avukati tad-difiża hija nieqsa u għalhekk għandha tkun appoġġjata u endorsjata fuq il-livell tal-UE,

AB.

billi l-mafja u l-kriminalità organizzata b'mod ġenerali saru fenomenu transnazzjonali b'impatt soċjali, kulturali, ekonomiku u politiku fuq l-Istati Membri u l-pajjiżi ġirien tagħhom, li jeħtieġ li jiġu miġġielda wkoll fil-livell soċjali, b'koperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet demokratiċi,

1.

Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

(a)

fid-dawl tal-fatt li zona ta’ ġustizzja kriminali tal-UE trid tkun ibbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, terġa' taħdem fuq is-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali u b'mod partikulari tadotta mingħajr dewmien:

strument legali ambizzjuż dwar il-garanziji proċedurali fil-proċedimenti kriminali, ibbażat fuq il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, bħad-dritt ta’ “Ittra ta’ Drittijiet”, id-dritt għal parir legali, id-dritt għal parir legali bla ħlas fejn meħtieġ, kemm qabel u matul il-kawża, id-dritt tal-għoti tal-evidenza, id-dritt li wieħed ikun infurmat, b'lingwa li tinftiehem mill-persuna suspettata/konvenuta dwar in-natura u/jew ir-raġunijiet tal-akkużi kontrih u/jew tar-raġunijiet għalfejn qed ikun issusspettat, id-dritt għall-aċċess għad-dokumenti relevanti kollha b'lingwa li l-persuna suspettata/konvenuta tifhem, id-dritt għall-interpretu, id-dritt għal smigħ u d-dritt għad-difiża, protezzjoni għal persuni suspettati/konvenuti li ma jkunux jistgħu jifhmu jew isegwu l-proċeduri, standards minimi tad-detenzjoni, kundizzjonijiet u protezzjoni ta’ minorenni suspettati/konvenuti kif ukoll mekkaniżmi effettivi u aċċessibbli ta’ rimedju għall-individwi,

qafas legali komprensiv li joffri lill-vittmi tal-kriminalità l-akbar protezzjoni, inkluż kumpens adegwat u l-ħarsien tax-xhieda, partikolarment fil-każijiet li jirrigwardaw il-kriminalità organizzata,

strument legali dwar l-ammissibilità tal-evidenza fil-proċedimenti kriminali,

miżuri biex jiġu stabbiliti standards minimi għall-kundizzjonijiet tal-ħabs u tad-detenzjoni u sett komuni ta ' drittijiet tal-priġunieri fl-UE, inkluż, fost oħrajn, id-dritt ta' komunikazzjoni u ta’ assistenza konsulari,

miżuri biex jaġixxu bħala protagonist u sostenitur tas-soċjetà ċivili u ta’ istituzzjonijiet fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-mafja u jieħdu azzjoni fid-dawl tal-adozzjoni ta’ strument leġiżlattiv dwar il-konfiska tal-assi finanzjari u l-proprjetà ta’ organizzazzjonijiet kriminali internazzjonali u dwar l-użu tagħhom mill-ġdid għal skopijiet soċjali;

(b)

billi l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku huwa l-pedament li fuqu hija bbażata l-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, jitlob lill-Kunsill sabiex jadotta mingħajr dewmien dawk l-istrumenti legali tal-UE li għad hemm bżonn sabiex l-implimentazzjoni tiegħu tkun kompleta, kif ukoll biex jiżgura l-iżvilupp ta’ standards ekwivalenti għad-drittijiet proċedurali u l-approssimazzjoni ta’ regoli minimi dwar aspetti ta’ proċeduri kriminali;

(c)

li jimplimenta b'mod effettiv, flimkien mal-Istati Membri, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fil-qasam tal-ġustizzja kriminali, waqt li jagħti l-attenzjoni dovuta lid-diffikultajiet u l-kisbiet fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ kuljum tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew, filwaqt li jiżgura li fl-applikazzjoni tal-prinċipju min-naħa tal-Istati Membri, dawn jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji ġenerali tal-liġi kif stabbiliti fl-Artikolu 6 tat-Trattat tal-UE;

(d)

li jitlob lill-Istati Membri li japplikaw il-prinċipju ta' proporzjonalità waqt li jimplimentaw id-deċiżjoni ta’ qafas dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew u jiġbed l-attenzjoni lejn strumenti legali oħra bħal seduti permezz ta' vidjokonferenzi li jistgħu jkunu xierqa f'każijiet speċifiċi b'salvagwardji xierqa;

(e)

li jqis, f'koperazzjoni mal-Parlament, l-istat attwali tal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali ġewwa l-Unjoni Ewropea, b'kunsiderazzjoni kemm għan-nuqqasijiet u kemm għall-progress;

(f)

li jistabbilixxi, flimkien mal-Kummissjoni u mal-Parlament, kumitat ta' għorrief (ġuristi) bil-kompitu li jħejju studju dwar ix-xebħ u d-differenzi bejn is-sistemi tal-liġi kriminali tal-Istati Membri kollha u biex iressaq proposti għall-iżvilupp ta' zona tal-ġustizzja kriminali tal-UE li tibbilanċja l-effettività fi proċedimenti kriminali mal-ħarsien tad-drittijiet individwali;

(g)

li jistabbilixxi, flimkien mal-Kummissjoni u mal-Parlament, f'koperazzjoni mal-Kumitati rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa, bħas-CEPEJ, u man-networks Ewropej eżistenti li joperaw fuq kwistjonijiet kriminali, sistema ta' monitoraġġ u evalwazzjoni oġġettiva, imparzjali, trasparenti, komprensiva, orizzontali u kontinwa, tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE u tal-istrumenti legali f'dan il-qasam, kif ukoll tal-kwalità u l-effiċjenza, l-integrità u l-imparzjalità tal-ġustizzja, filwaqt li jqis ukoll il-livell ta’ implimentazzjoni tal-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem min-naħa tal-Istati Membri, fuq il-mudell tas-sistema ta' evalwazzjoni minn esperti oħra u li tkun kapaċi tipproduċi rapporti kredibbli minn tal-inqas darba fis-sena. B'mod partikulari, is-sistema ta' evalwazzjoni għandha:

twaqqaf network ta' evalwazzjoni kompost kemm minn livell politiku u kemm minn livell tekniku,

tidentifika, fuq il-bażi ta' reviżjoni tas-sistemi eżistenti ta' evalwazzjoni: prijoritajiet, kamp ta’ applikazzjoni, kriterji u metodi, waqt li tqis li l-evalwazzjoni m'għandhiex tkun teoretika iżda għandha tevalwa l-impatt tal-politiki tal-UE fil-kamp u fuq il-ġestjoni ta’ kuljum tal-ġustizzja kif ukoll il-kwalità u l-effiċjenza, l-integrità u l-imparzjalità tal-ġustizzja, filwaqt li tqis ukoll il-livell ta’ implimentazzjoni tal-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem min-naħa tal-Istati Membri,

tevita d-duplikazzjoni ta' u trawwem sinerġiji mas-sistemi ta' evalwazzjoni eżistenti,

tuża approċċ imħallat magħmul kemm mill-informazzjoni statistika u leġiżlattiva u kemm minn evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-istrumenti tal-UE fil-post,

tiġbor data kumparabbli u tqis, kemm jista' jkun, id-data diġà disponibbli,

tinvolvi lill-Parlament mill-qrib kemm fil-livell politiku u kemm f'dak tekniku tas-sistema ta' evalwazzjoni,

(h)

li jqis, flimkien mal-Kummissjoni u mal-Parlament, l-istat attwali tat-taħriġ ġudizzjarju fl-Unjoni Ewropea, il-punti dgħajfa u l-ħtiġijiet tagħha, u jieħu azzjoni immedjata filwaqt li tkun evitata kull duplikazzjoni mhux meħtieġa tal-isforz, sabiex jippromwovi l-ħolqien ta' kultura ġudizzjarja tal-UE ġenwina billi joħloq Skola Ġudizzjarja Ewropea għall-imħallfin, il-prosekuturi, l-avukati tad-difiża u oħrajn involuti fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, li għandha:

tkun mibnija, (l-ewwelnett l-EJTN eżistenti u fil-perspettiva tal-iżvilupp lejn l-Istitut tal-UE marbut ma' aġenziji eżistenti), bi struttura solida u xierqa, li fi ħdanha għandu jingħata rwol pre-eminenti lill-iskejjel nazzjonali ġudizzjarji, netwerks ġudizzjarji u organizzazzjonijiet oħra, bħall-Akkademja tal-Liġi Ewropea u organizzazzjonijiet ta' difiża tad-drittijiet u b'rabta mal-Kummissjoni,

timmaniġġja u tkompli tiżviluppa programm ta' skambju għall-awtoritajiet ġudizzjarji,

tistabbilixxi kurrikuli għat-taħriġ ġudizzjarju li jiżgura li l-komponent Ewropej huwa preżenti kif ukoll relevanti fid-diversi oqsma tal-liġi,

toffri, fuq bażi volontarja, kemm taħriġ inizjali kif ukoll kontinwu għall-imħallfin u l-prosekuturi Ewropej u avukati difensuri,

issaħħaħ il-ħiliet lingwistiċi tal-awtoritajiet ġudizzjarji, l-avukati u parteċipanti oħra involuti,

toffri dan it-taħriġ lill-pajjiżi kandidati wkoll u lill-Stati oħra li magħhom l-UE kkonkludiet ftehimiet ta' koperazzjoni u sħubija,

(i)

li jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ u mingħajr dewmien id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-Eurojust u jemendaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/JHA (5613/2008) (18) biex jinkoraġġixxu l-awtoritajiet nazzjonali jinvolvu lill-Eurojust fl-istadji bikrin tal-proċeduri ta’ koperazzjoni, biex jegħlbu n-nuqqas ta’ rieda ta’ skambju ta’ informazzjoni u biex jikkoperaw bis-sħiħ, hekk kif deher fil-livell nazzjonali, u biex jinvolvu lill-Parlament bis-sħiħ flimkien mal-Kummissjoni u l-Eurojust, u mill-qrib fl-attivitajiet li ġejjin bil-għan ta’ implimentazzjoni korretta tad-Deċiżjoni li timplimenta l-Eurojust,

(j)

li jfassal plan għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni msemmija hawn fuq, b'mod partikulari fir-rigward tal-kompetenzi tal-Eurojust:

fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-ġurisdizzjoni,

il-poter biex isiru investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet,

(k)

li jieħu azzjoni bil-għan li jiġi ppublikat, kull sena, rapport komprensiv dwar il-kriminalità fl-UE, rapporti ta’ konsolidazzjoni relatati ma’ zoni speċifici bħalma hija l-OCTA (Evalwazzjoni tat-Theddida mill-Kriminalità Organizzata), ir-rapport annwali tal-Eurojust eċċ.,

(l)

jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu bil-ħidma dwar l-inizjattiva tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u tar-Renju tal-Isvezja dwar Deċiżjoni ta’ Qafas tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' kunflitti ta' ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali (5208/2009) li jirrispettaw id-drittijiet tal-persuna suspettata jew tal-akkużat li jkun infurmat u involut fl-istadji kollha tal-għażla tal-proċess tal-ġuriżdizzjoni kriminali, u li jikkonsulta lill-Parlament mill-ġdid fuq il-bażi tal-progress miksub waqt in-negozjati fil-Kunsill,

(m)

jagħti attenzjoni xierqa lill-vantaġġi li qed joffru t-teknoloġiji l-ġodda u biex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal li joffri l-internet biex tixxerred l-informazzjoni, biex jissaħħaħ l-irwol tal-forum il-ġdid “Forum dwar il-Ġustizzja”, biex jinkoraġixxi l-iżvilupp ta' metodi ġodda ta' tagħlim (tagħlim elettroniku), u biex tiġi miġbura u jkun hemm skambju ta' data, jiġu msaħħa l-bażi ta' data eżistenti bħalma huma l-bażi tad-data doganali, li huma essenzjali fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin, filwaqt li fl-istess ħin jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali u b'mod partikulari livell għoli ta’ protezzjoni tal-privatezza ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas tal-koperazzjoni mal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali.

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 159.

(2)  ĠU C 102 E, 28.4.2004, p. 154.

(3)  ĠU L 327, 5.12.2008, p. 27.

(4)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0381.

(5)  ĠU C 18, 19.1.2001, p. 9.

(6)  ĠU C 273 E, 14.11.2003, p. 99.

(7)  ĠU C 299, 22.11.2008, p. 1.

(8)  Testi adottati ta' din id-data, P6_TA(2008)0352.

(9)  ĠU L 348, 24.12.2008, p. 130.

(10)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0384 u P6_TA(2008)0380.

(11)  ĠU L 350, 30.12.2008, p. 72.

(12)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0486.

(13)  Gisèle Vernimmen-Van Tiggelen u Laura Surano, l-Istitut għall-Istudji Ewropej, Université Libre de Bruxelles ECLAN – European Criminal Law Academic Network.

(14)  COM(2006)0008 u dokumenti tal-Kunsill 8409/2008, 10330/1/2008, 7024/1/2008, 7301/2/2008, 9617/2/2008, 9927/2/2008, 13416/2/2008, 15691/2/2008 u 17220/1/2008.

(15)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0637.

(16)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0465.

(17)  Rakkomandazzjoni tal-14 ta’ Ottubru 2004 lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew dwar il-futur taż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, kif ukoll dwar il-miżuri meħtieġa sabiex tittejjeb il-leġittimità u l-effettività tagħha (ĠU C 166 E, 7.7.2005, p. 58), u r-rakkomandazzjoni tat-22 ta’ Frar 2005 lill-Kunsill dwar il-kwalità tal-ġustizzja kriminali u l-armonizzazzjoni tal-liġi kriminali fl-Istati Membri (ĠU C 304 E, 1.12.2005, p. 109).

(18)  Għadħa mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


Top