EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0393

Il-każ ta' Manuel Rosales fil-Veneżwela Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 7 ta' Mejju 2009 dwar il-każ ta' Manuel Rosales fil-Veneżwela

OJ C 212E , 5.8.2010, p. 113–115 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 212/113


Il-Ħamis, 7 ta’ Mejju 2009
Il-każ ta' Manuel Rosales fil-Veneżwela

P6_TA(2009)0393

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Mejju 2009 dwar il-każ ta' Manuel Rosales fil-Veneżwela

2010/C 212 E/18

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-qagħda fil-Veneżwela u b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-24 ta' Mejju 2007 dwar il-każ tal-istazzjon “Radio Caracas Televisión” fil-Veneżwela (1) u tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar l-iskwalifiki politiċi fil-Veneżwela (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

wara li kkunsidra l-qagħda politika mimlija tensjoni fil-Veneżwela, li f'dawn l-aħħar żminijiet għaddiet minn xejra allarmanti lejn l-awtoritarjaniżmu, riflessa fit-turment, it-theddid, l-intimidazzjoni u l-persekuzzjoni politika u kriminali diretta lejn l-oppożizzjoni u lejn is-sindki u l-gvernaturi tagħha eletti b'mod demokratiku, lejn il-moviment tal-istudenti u l-ġurnalisti, u t-tibdil fil-mod kif taħdem id-demokrazija, in-nuqqas totali ta' indipendenza min-naħa tal-poteri differenti tal-istat u n-nuqqas ta' rispett għal-liġijiet u l-kostituzzjoni tar-Repubblika Bolivarjana tal-Veneżwela,

B.

wara li kkunsidra l-każ tal-ex kandidat Presidenzjali, l-ex gvernatur tal-istat ta' Zulia, u tas-sindiku attwali elett b'mod demokratiku fil-belt ta' Maracaibo, Manuel Rosales, wieħed mill-kapijiet tal-oppożizzjoni li l-President Chavez ilu jhedded ripetutament u pubblikament bil-ħabs, u li kontrih eventwalment beda proċeduri legali bbażati fuq ilment tal-2004 dwar diskrepanza allegata f'dikjarazzjoni tad-dħul meta kien gvernatur tal-istat ta' Zulia, każ li jidher wieħed ta' persekuzzjoni politika, bl-ebda osservanza tal-proċeduri normali pertinenti u garanziji ġudizzjarji xierqa, u fejn il-verdett ġie deċiż minn qabel u huwa wieħed immotivat politikament,

C.

billi, bħala riżultat ta' din il-persekuzzjoni politika, Manuel Rosales talab kenn politiku fir-Repubblika ġara tal-Perù, li ngħata mill-awtoritajiet Peruvjani fid-dawl tal-aspetti politiċi u umanitarji tal-każ, u li wassal biex ġie rtirat minnufih l-Ambaxxatur Veneżwelan mill-Perù,

D.

billi dawn l-akkużi huma fondati b'mod ċar fuq motivi politiċi u l-eżekuttiv jikkontrolla bil-kbir il-ġudikatura u billi l-gvern tal-Venezwela qed jieħu miżuri ġodda li se jgħinu biex inaqqsu l-awtonomija tal-ġudikatura u għalhekk mhux mistenni li jsir proċess ġust fil-Veneżwela,

E.

billi l-Ġeneral irtirat Raúl Isaías Baduel, li sa ftit ilu kien il-Ministru tad-Difiża tal-President Chavez u li issa ssieħeb mal-oppożizzjoni, kien arrestat b'arma ma' rasu mill-aġenti militari tal-intelliġenza fit-2 ta' April 2009 u akkużat li seraq il-fondi tal-forzi armati meta kien Ministru tad-Difiża,

F.

billi l-kap tal-oppożizzjoni u s-sindku ta' Caracas, Antonio Ledezma, li kien elett demokratikament fit-23 ta' Novembru 2008, għadu ma jistax jaqdi dmirijietu ta' sindku minħabba li s-sede tal-Kunsill tal-belt fil-Palazz tal-Gvern ġiet okkupata illegalment mill-forzi tal-gvern, u l-Ministeru tal-Intern tal-Venezwela s'issa għad m'għamel l-ebda sforz biex ineħħihom; billi l-President Chavez dan l-aħħar għadda liġi li tolqot b'mod dirett il-poteri tas-sindku, li biha persuna għolja fil-ġerarkija magħżula mill-President tar-Repubblika nħatar kap tal-Gvern ta' Caracas, b'awtorità fuq is-sindku ta' Caracas, li se jitneħħielu prattikament il-poter kollu, fosthom l-amministrazzjoni tad-djar għall-pubbliku, it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' żvilupp u s-sorveljanza fuq l-istituzzjonijiet tal-amministratur deċentralizzat tad-Distrett tal-Kapitali,

G.

billi, barra milli tneħħewlu prattikament il-poteri kollha, is-sindku ta' Caracas qiegħed fil-mira ta' kampanja aggressiva ta' turment, theddid, insulti u intimidazzjoni, orkestrata direttament mill-Presidenza tar-Repubblika,

H.

billi, fix-xahar ta' Marzu 2009, bl-ordni tal-President tar-Repubblika, ħafna portijiet u ajruporti kienu okkupati mill-militar, fil-parti l-kbira minnhom f'reġjuni fejn l-oppożizzjoni kienet fil-poter, b'riżultat ta' liġi li reġgħet għaddiet ir-responsabilità għat-tmexxija ta' dawn il-faċilitajiet lill-Gvern Veneżwelan; billi l-għan ta' din il-miżura hu l-limitazzjoni finanzjarja u l-ħanqa ekonomika tal-avversarji politiċi; billi, skont l-Artikolu 164(10) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Bolivarjana tal-Veneżwela, l-amministrazzjoni tal-portijiet, l-ajruporti, it-toroq u l-awtostradi hija r-responsabilità unika tal-gvernijiet statali, f'koperazzjoni mal-awtoritajiet ċentrali u fl-ebda ċirkostanza m'hija r-responsabilità unika ta' dawn tal-aħħar,

I.

billi, f'sentenza politika bla preċedenti mogħtija mill-Imħallef Marjori Calderón, il-mara ta' mexxej anzjan tal-PSUV, il-kummissarji tal-pulizija Ivan Simonovis, Làzaro Forero u Henry Vivas, flimkien ma' tmien uffiċjali metropolitani tal-pulizija, ġew ikkundannati mingħajr ħarira evidenza ta' min joqgħod fuqha, għal 30 sena ħabs, is-sentenza massima li tinstab fil-kodiċi penali tal-Veneżwela, wara li kienu miżmuma b'kustodja preventiva għal aktar minn ħames snin f'għases tal-pulizija bla dawl naturali, wara dak li kien l-itwal proċess fl-istorja tal-Veneżwela u li kien mimli irregolaritajiet u li matulu ġew imkasbra l-iktar drittijiet legali bażiċi; billi, barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tar-reati li saru fil-11 ta' April 2002, u li għal tlieta minnhom l-akkużati ġew ikkundannati bla evidenza, baqgħu ma ġewx ikkastigati, minkejja li xhieda mifruxa, filmati televiżivi u evidenza dokumentata indikaw li dawk responsabbli kienu persuni armati Bolivarjani li setgħu jintgħarfu b'mod ċar,

J.

billi f'bosta okkażjonijiet il-President tar-Repubblika tkellem b'mod offensiv u inġurjuż kontra għadd ta' dinjitarji barranin u minkejja dan, meta kien fil-mira tal-kritika f'pajjiżu, hu rreaġixxa billi ordna t-tkeċċija immedjata ta' ċittadini barranin li azzardaw jikkritikawh, fosthom it-tkeċċija vjolenti ta' Membru ta' dan il-Parlament,

K.

billi fi Frar 2009, il-President Chavez għadda bil-forza referendum għat-tieni darba biex japprova l-elezzjoni mill-ġdid indefinita tal-President u tal-karigi uffiċjali pubbliċi kollha, minkejja li kien tilef ir-referendum ta' Diċembru 2007 dwar ir-riformi kostituzzjonali li kienu jinkludu l-istess proposta, u b'hekk kiser il-Kostituzzjoni tal-Veneżwela li biha l-proposta għall-istess riforma ma tistax titressaq aktar minn darba fl-istess sessjoni tal-Assemblea,

L.

billi l-awtoritajiet tal-Veneżwela dehrilhom li ma kinitx mixtieqa l-preżenza ta' delegazzjoni uffiċjali tal-Parlament Ewropew li kellha żżur il-pajjiż fl-ewwel ġimgħa ta' Marzu 2009, wara li din iż-żjara kienet ġiet posposta bla raġuni bosta drabi mill-awtoritajiet Veneżwelani,

1.

Jesprimi t-tħassib profond tiegħu għat-tħassir tal-qagħda u tal-kwalità tad-demokrazija fil-Veneżwela, li hija mhedda serjament minħabba l-konċentrazzjoni ta' poter u l-awtoritarjaniżmu li kulma jmur qiegħed jiżdied min-naħa tal-President tar-Repubblika;

2.

Jesprimi solidarjetà ma' dawk kollha li qed ibatu l-persekuzzjoni politika fil-Veneżwela, sitwazzjoni li bħalissa hija simbolu tagħha l-persuna ta' Manuel Rosales; jilqa' d-deċiżjoni li ħa l-Gvern Peruvjan li jagħti kenn politiku lil Manuel Rosales; jikkundanna bil-qawwa l-użu tat-theddid u l-vjolenza, l-abbuż tal-poter, l-infamar u l-isfruttar tal-korpi ġuridiċi bħala arma politika mfassla biex tintimida u telimina l-avversarji;

3.

Jiġbed l-attenzjoni li, skont il-Karta Demokratika Inter-Amerikana tal-Organiżazzjoni tal-Istati Amerikani, sabiex ikun hemm aċċess għall-eżerċizzju tal-poter f'demokrazija, barra mil-leġittimità ċara tal-oriġini, fondata u miksuba b'elezzjoni, irid ikun hemm leġittimità tal-eżerċizzju, li għandha tkun fondata fuq l-osservanza tar-regoli stabbiliti, il-kostituzzjoni, il-liġijiet u l-istat tad-dritt bħala garanzija ta' demokrazija li tiffunzjona bis-sħiħ u billi dan għandu b'neċessità jinkludi r-rispett għal oppożizzjoni politika paċifika u demokratika, b'mod speċjali meta l-oppożizzjoni tkun ġiet eletta u tgawdi mandat popolari;

4.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-pajjiż, b'mod partikolari l-President tar-Repubblika, biex ikomplu bl-azzjoni politika tagħhom permezz tad-djalogu, l-osservanza tal-istat tad-dritt u tal-legalità kostituzzjonali u t-tolleranza lejn l-avversarji politiċi, sabiex ikun iggarantit li l-għażla politika differenti magħżula u appoġġjata mill-poplu tal-Veneżwela tgawdi influwenza u rappreżentanza xierqa fil-ħajja politika;

5.

Iħeġġeġ lill-Gvern Veneżwelan ukoll biex jikkonforma mal-ftehimiet internazzjonali ffirmati u rratifikati mill-Veneżwela, fosthom il-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'referenza speċifika għad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet politiċi stipulati fl-Artikolu 23(1) u fl-Artikoli 2 u 25 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana, lill-Parlament tal-Mercosur, u lill-Gvern u l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Veneżwela.


(1)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 484.

(2)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0525.


Top