EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0385

Id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2008 u l-Politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 7 ta' Mejju 2009 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2008 u l-Politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni (2008/2336(INI))

OJ C 212E , 5.8.2010, p. 60–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 212/60


Il-Ħamis, 7 ta’ Mejju 2009
Id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2008 u l-Politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni

P6_TA(2009)0385

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Mejju 2009 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2008 u l-Politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni (2008/2336(INI))

2010/C 212 E/11

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-għaxar Rapport Annwali tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (2008) (Dokument tal-Kunsill 14146/1/2008),

wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 6, 11, 13 u 19 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 177 u 300 tat-Trattat tal-KE,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali rilevanti kollha tad-drittijiet tal-bniedem (1),

wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet kollha tan-Nazzjonijiet Uniti tad-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

wara li kkunsidra l-istrumenti reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi b'mod partikolari l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, il-Protokoll Fakultattiv dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika, il-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2009 dwar is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża (2) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u tar-Relazzjonijiet Esterni tas-27 ta' Jannar 2009 dwar il-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani,

wara li kkunsidra d-dħul fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2002 tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament relatati mal-QKI (3),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar Azzjoni kontra t-Traffikar ta' Bnedmin tal-Kunsill tal-Ewropa u l-pjan 2005 tal-Unjoni Ewropea dwar l-aħjar prassi, standards u proċeduri għall-ġlieda kontra u l-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin (4),

wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB), rigward it-tneħħija tal-piena tal-mewt fiċ-ċirkustanzi kollha,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra (il-Konvenzjoni kontra t-Tortura),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa u l-protokoll fakultattiv tagħha,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (5),

wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija bejn l-AKP u l-KE u r-reviżjoni tiegħu (6),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta' strument ta' finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (7) (l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem jew l-EIDHR),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-ħames u s-seba' sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), adottati fis-7 ta' Ġunju 2007 (8) u l-21 ta' Frar 2008 rispettivament (9), u dwar ir-riżultati tan-negozjati dwar l-UNHRC,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2006 dwar il-klawsola tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-ftehimiet tal-Unjoni Ewropea (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-1 ta' Frar 2007 (11) u tas-26 ta' April 2007 (12) dwar l-inizjattiva għal moratorju universali dwar il-piena tal-mewt u r-Riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 2007 dwar moratorju dwar l-użu tal-piena tal-mewt,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Settembru 2001 dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili (13), li tafferma li kull forma ta' mutilazzjoni bħal din, ta' kwalunkwe grad, hija att ta' vjolenza kontra n-nisa u tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2007 dwar il-funzjonament tad-djalogi u l-konsultazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi (14), inklużi d-drittijiet tan-nisa li għandhom jiġu indirizzati espliċitament id-djalogi kollha tad-drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2008 dwar l-evalwazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE bħala parti mill-azzjonijiet u l-linji politiċi tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2008 dwar “Lejn strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal” (16),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 dwar il-libertà tal-espressjoni fuq l-Internet (17),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet kollha adottati minnu dwar każijiet urġenti ta' ksur ta' drittijiet tal-bniedem, demokrazija u r-regola tal-liġi,

wara li kkunsidra l-Forum tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-OMG tal-Unjoni Ewropea, li sar f'Liżbona f'Diċembru 2007,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà, li kien iffirmat mill-Komunità Ewropea u l-maġġoranza tal-Istati Membri tagħha fit-30 ta' Marzu 2007 u li tistabbilixxi obbligu biex jiġu inkorporati l-interessi u t-tħassib ta' persuni b'diżabiltajiet f'azzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem lejn pajjiżi terzi,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-attivitajiet tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sitwazzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha minn Għejbien Infurzat, adottata f'Diċembru 2006,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni ta' konformità mal-liġi umanitarja internazzjonali (IHL) (18), dwar it-tfal u l-konflitt armat u dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll dwar il-piena tal-mewt, it-tortura u trattamenti krudili, inumani jew degradanti oħra, id-djalogi tad-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi u dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal u dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-ġlieda kontra kull xorta ta' diskriminazzjoni kontrihom,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Mejju 2008 dwar il-missjonijiet tal-UE ta' osservazzjoni ta' elezzjonijiet: l-objettivi, il-prattiki u l-isfidi tal-ġejjieni (19),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2009 dwar l-iżvilupp tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), inkluż ir-rwol tal-UE (20),

wara li kkunsidra r-Regoli 45 u 112(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0264/2009),

A.

billi d-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni ta' dawn id-drittijiet jistrieħu fuq ir-rikonoxximent tad-dinjità tal-persuna umana; billi wieħed għandu jiftakar f'dan ir-rigward li l-kliem tal-ftuħ tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittjiet tal-Bniedem tgħid: “billi r-rikonoxximent tad-dinjità inerenti u tad-drittijiet indaqs u inaljenabbli tal-membri kollha tal-familja umana hu l-pedament tal-libertà, tal-ġustizzja u tal-paċi fid-dinja”,

B.

billi l-ġustizzja, il-libertà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt jirriżultaw minn rikonoxximent awtentiku tad-dinjità tal-persuna umana, u billi tali rikonxximent huwa l-pedament tad-drittijiet kollha tal-bniedem,

C.

billi l-għaxar Rapport Annwali tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (2008) ippreżentat mill-Kunsill u l-Kummissjoni jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem ġewwa u barra l-Unjoni Ewropea,

D.

billi din ir-riżoluzzjoni tipproponi li teżamina, tevalwa u, f'każijiet speċifiċi, toffri kritika kostruttiva tal-attivitajiet tad-drittijiet tal-bniedem tal-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament,

E.

billi r-rekord intern tad-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni Ewropea għandu impatt dirett fuq il-kredibiltà u l-abiltà li tiġi implimentata politika esterna effettiva tad-drittijiet tal-bniedem,

F.

billi jridu jsiru sforzi biex tingħata attenzjoni akbar lir-rispett ta' drittijiet bażiċi tal-bniedem, b'mod partikolari drittijiet politiċi, fin-negozjazzjoni u l-implimentazzjoni ta' ftehimiet kummerċjali bilaterali jew reġjonali, anke dawk milħuqa ma' msieħba kummerċjali importanti,

G.

billi l-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet appoġġjati mill-Unjoni Ewropea u l-membri tagħha ta' pajjiżi terzi trid tiġi mħarsa,

H.

billi l-linji politiċi li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem jibqgħu mhedda f'reġjuni varji tad-dinja, billi l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem inevitabbilment imur id f'id ma' sforz mill-vjolaturi tagħhom biex inaqqsu l-impatt ta' kwalunkwe politika li tippromovihom, b'mod partikolari f'pajjiżi fejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem huwa kruċjali għaż-żamma ta' gvern mhux demokratiku fil-poter,

1.

Jikkunsidra li l-UE jeħtieġ tavvanza lejn politika koerenti u konsistenti li tiddefendi u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, u jenfasizza l-ħtieġa li politika bħal din titmexxa b'mod aktar effettiv;

2.

Jisħaq fuq il-konvinzjoni tiegħu li, sabiex ikun hemm titjib fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) tal-UE jeħtieġ li tissaħħaħ, u huwa meħtieġ li, fid-djalogi u fir-relazzjonijiet istituzzjonali tal-UE mal-pajjiżi kollha tad-dinja, jiġi żgurat li tkun implimentata strettament il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bħala l-għan ewlieni tal-PESK, kif imsemmi fl-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

3.

Jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jagħmlu sforzi akbar biex itejbu l-ħila tal-Unjoni Ewropea biex tirreaġixxi malajr għal ksur ta' drittijiet tal-bniedem minn pajjiżi terzi; jenfasizza l-irwol importanti tal-UE fil-qasam tad-drittijiet umani fid-dinja attwali u ż-żieda fl-aspettattivi f'dan ir-rigward; jitlob li tinżamm linja komuni tal-UE rigward id-drittijiet tal-bniedem kemm fil-politika esterna kif ukoll ġewwa l-fruntieri tagħha;

4.

Jitlob li tinżamm l-ikbar sorveljanza fir-rigward tal-klawsola dwar id-drittijiet umani fil-ftehimiet tal-Unjoni Ewropea ma' pajjiżi terzi, kif ukoll li klawsoli ta' dan it-tip jiġu inklużi b'mod sistematiku fi ftehimiet sussegwenti ; ifakkar li l-klawsola li tikkonċerna d-drittijiet tal-bniedem, peress li titqies bħala element essenzjali, għandha tkun applikata fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehima; jisħaq li din il-klawsola għandha tkun sistematikament akkumpanjata minn mekkaniżmu ġenwin ta' infurzar;

Ir-Rapport Annwali tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem 2008

5.

Jenfasizza r-rilevanza tar-Rapport Annwali tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-analiżi u fl-evalwazzjoni tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni Ewropea, u jirrikonoxxi li l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-UE f'dan il-qasam għandhom rwol pożittiv;

6.

Jisħaq li t-talba tiegħu li informazzjoni addizzjonali aħjar għandha tkun provduta għall-evalwazzjoni ta' linji politiċi u li għandhom ikunu proposti elementi u linji gwida biex itejbu l-approċċ ġenerali, inaqqsu l-kontradizzjonijiet eventwali tagħhom u jaġġustaw il-prijoritajiet tal-politika fuq bażi ta' kunsiderazzjoni għal kull pajjiż individwali, bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Strateġija tal-Pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem, jew għall-inqas, kapitlu tad-drittijiet tal-bniedem fid-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiż; itenni s-sejħa tiegħu għal evalwazzjoni perjodika tal-użu u tar-riżultati tal-politiki, l-istrumenti u l-inizjattivi tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi; jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jiżviluppaw indiċijiet u punti ta' referenza speċifiċi u li jistgħu jiġu kwantifikati sabiex titkejjel l-effettività ta' dawk il-linji politiċi;

7.

Jilqa' l-preżentazzjoni pubblika tar-Rapport tal-2008 mill-Kunsill u l-Kummissjoni fil-laqgħa tas-Sottokumitat tal-Parlament dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li saret fl-4 ta' Novembru 2008, li taħbat mas-sittin anniversarju tad-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-10 ta' Diċembru 1948, u l-preżentazzjoni tiegħu f'sessjoni plenarja fl-istess ġurnata tal-għoti tal-Premju Sakharov annwali tiegħu għal-Libertà tal-Ħsieb lil Hu Jia miċ-Ċina;

8.

Jerġa' jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jidentifikaw il-“pajjiżi ta' tħassib partikolari” fejn il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem hija partikolarment diffiċli, kif ukoll il-pajjiżi fejn qed jinkisru d-drittijiet tal-bniedem, u, għal dak il-għan, jiżviluppaw kriterji li bihom jitkejlu l-pajjiżi b'referenza għall-punteġġ tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, biex b'hekk ikunu jistgħu jiġu stabbiliti prijoritajiet speċifiċi tal-politika;

9.

Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu sforzi akbar sabiex jifirxu u jwasslu r-rapport annwali tiegħu dwar id-drittijiet umani lill-ikbar pubbliku possibbli; jitlob ukoll li jitwettqu kampanji informattivi pubbliċi li jagħtu aktar viżibiltà lir-rwol tal-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam;

10.

Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li jwettqu stħarriġ regolari sabiex janalizzaw l-impatt u l-għarfien dwar l-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-drittijiet umani min-naħa tas-soċjetà;

11.

Jikkunsidra li r-rapport juri li l-Unjoni Ewropea, minkejja li jeżisti stħarriġ f'bosta Stati Membri, ma mxietx għall-evalwazzjoni tal-prattiki tal-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-politika tal-Gvern tal-Istati Uniti taħt il-Presidenza ta' George Bush fil-qafas tal-ġlieda kontra t-terroriżmu;

12.

B'konformità mar-riżoluzzjoni adottata unanimament mill-Kungress Peruvjan f'April 2008, jistieden lill-Kunsill biex iqis l-inklużjoni tal-Movimiento Revolucionario Túpac Amaru (MRTA) fuq il-lista Ewropea ta' organizzazzjonijiet terroristiċi;

13.

Jenfasizza li, f'setturi kbar tal-opinjoni pubblika madwar id-dinja, il-politika tal-immigrazzjoni hija sfida għall-kredibiltà tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

L-attivitajiet tal-Kunsill u l-Kummissjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-fora internazzjonali

14.

Jikkunsidra li titjib kwantitattiv u kwalitattiv tas-segretarjat tad-drittijiet tal-bniedem tal-Kunsill jgħin lill-Unjoni Ewropea biex tgħolli aktar il-profil tagħha biex tippromwovi u tiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-politika esterna tagħha; jistenna li l-ħatra futura ta' Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, li jkun ukoll Viċi-President tal-Kummissjoni, ittejjeb b'mod konsiderevoli l-koerenza u l-effettività tal-UE jekk it-Trattat ta' Liżbona jidħol fis-seħħ;

15.

Jikkunsidra li huwa essenzjali li, minħabba l-importanza ta' kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem f'sitwazzjonijiet ta' konflitt u ta' wara l-konflitt, ir-rappreżentanti speċjali kollha tal-Unjoni Ewropea fil-ġejjieni għandu jkollhom mandat li jsemmi speċifikament il-promozzjoni u l-iżgurar tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

16.

Jisħaq fuq il-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u lil pajjiżi terzi li magħhom ikunu għaddejjin negozjati għal adeżjoni futura jew għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet biex jiffirmaw, u jirratifikaw, il-konvenzjonijiet ewlenin kollha tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiet tal-bniedem, u l-protokolli fakultattivi tagħhom u biex jikkoperaw mal-proċeduri u mal-mekkaniżmi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob speċifikament biex tiġi konkluża ftehima ta' qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-UNHCR sabiex jiġu promossi r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti mill-Istati Membri kollha;

17.

Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu bl-isforzi vigorużi tagħhom biex jippromwovu r-ratifika universali tal-Istatut ta' Ruma u l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni nazzjonali, f'konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/PESK tas-16 ta' Ġunju 2003 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali (21) u l-Pjan ta' Azzjoni tal-2004 biex ikun hemm azzjoni ta' segwitu għall-Pożizzjoni Komuni; jitlob li sforzi bħal dawn ikunu estiżi biex jinkludu r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-QKI, li huwa għodda operazzjonali importanti għall-QKI; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li r-ratifiki tal-Istatut ta' Ruma mill-Madagaskar, il-Gżejjer ta' Cook u s-Suriname fl-2008 tellgħu n-numru totali ta' Stati Kontraenti għal 108 f'Lulju 2008; jitlob li r-Repubblika Ċeka, billi huwa l-uniku Stat Membru tal-UE li għadu ma rratifikax l-Istatut ta' Ruma, fl-aħħar jagħmel dan mingħajr aktar dewmien (22); iħeġġeġ lir-Rumanija biex tirrexxindi l-Ftehim Bilaterali ta' Immunità tagħha mal-Istati Uniti;

18.

Jitlob lill-Presidenzi kollha tal-UE biex iqajmu l-importanza tal-koperazzjoni mal-QKI fis-samits u fid-djalogi kollha tal-UE ma' pajjiżi terzi, inkluż fis-samit bejn l-UE u r-Russja u d-djalogi bejn l-UE u ċ-Ċina, u jħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE kollha biex iżidu l-koperazzjoni mal-Qorti u jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar l-infurzar tas-sentenzi, kif ukoll dwar il-protezzjoni tax-xhieda u l-vittmi; jirrikonoxxi wkoll il-Ftehima ta' Koperazzjoni u Assistenza bejn l-UE u l-QKI u, fuq din il-bażi, jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jipprovdu lill-Qorti bl-assistenza kollha meħtieġa, inkluż appoġġ fuq il-post, fil-każijiet tagħha li għadhom għaddejjin; f'dan il-qafas, jilqa' b'sodisfazzjon l-assistenza tal-Belġju u tal-Portugall meta f'Mejju 2008 Jean-Pierre Bemba ġie arrestat u kkunsinnat lill-QKI;

19.

Jitlob għar-ratifika immedjata mill-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabiltajiet; jinsisti li l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni għandu jitqies bħala parti integrali tagħha, u jitlob għall-adeżjoni simultanja għall-Konvenzjoni u l-Protokoll (23);

20.

Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ aktar l-involviment attiv tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fir-rispett ta' kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom f'għadd ta' fora internazzjonali fl-2009, inkluż fil-ħidma tal-UNHRC, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill Ministerjali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-Kunsill tal-Ewropa;

21.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-Konferenza tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem iffinanzjata mill-EIDHR, li saret fil-Parlament Ewropew fi Brussell fis-7-8 ta' Ottubru 2008, bħala inizjattiva interistituzzjonali ewlenija mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u n-Nazzjonijiet Uniti, biex jitfakkar is-60 Anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

22.

Jilqa' l-koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa li qed isseħħ fil-qafas ta' Memorandum ta' Fehim iffirmat f'Mejju 2007;jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa li qed isseħħ fi ħdan il-qafas ta' Memorandum ta' Ftehim iffirmat f'Mejju 2007; Jilqa' b'sodisfazjon il-fatt li saru l-laqgħat bejn erba' partijiet fit-23 ta' Ottubru 2007 u l-10 ta' Marzu 2008 bejn il-Presidenza tal-UE, il-Kummissjoni, is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa u l-President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa; jafferma mill-ġdid l-importanza li tkun promossa aktar il-koperazzjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija pluralista, li huma l-valuri kondiviżi ta' dawk iż-żewġ organizzazzjonijiet u tal-Istati Membri kollha tal-UE;

23.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim iffirmat fit-18 ta' Ġunju 2008 bejn il-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Ewropa dwar il-koperazzjoni fl-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali; jirrimarka li l-ftehim jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni ta' laqgħat regolari, l-iskambju ta' informazzjoni u l-kordinazzjoni ta' attivitajiet;

24.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Konvenzjoni dwar Munizzjon tat-tip “Cluster” ġiet adottata mill-Konferenza Diplomatika ta' Dublin, li saret bejn id-19 u t-30 ta' Mejju 2008; huwa mħasseb li mhux l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea ffirmaw it-trattat fil-Konferenza tal-Iffirmar f'Oslo fit-3 ta' Diċembru 2008, u jitlobhom jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli (24); jinnota li l-Konvenzjoni timponi projbizzjoni immedjata u bla kundizzjonijiet fuq il-munizzjoni kollha tat-tip “cluster” li jikkawżaw dannu mhux aċċettabbli lin-nies ċivili;

25.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni tas-Serbja fl-arrest u t-trasferiment ta' Radovan Karadžić għat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal ex-Jugoslavja (TKIJ); jinnota bi tħassib li Ratko Mladić u Goran Hadžić għadhom maħrubin u għadhom ma tressqux quddiem it-TKIJ; f'dan ir-rigward, jitlob lill-awtoritajiet Serbi biex jiżguraw koperazzjoni sħiħa mat-TKIJ, li għandha twassal għall-arrest u t-trasferiment tal-bqija tal-akkużati kollha, sabiex tinfetaħ it-triq għar-ratifika ta' Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni;

26.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jikkollaboraw bis-sħiħ fil-mekkaniżmi internazzjonali tal-Ġustizzja kriminali, u speċjalment biex dawk maħruba jiġu arrestati u jittellgħu l-qorti; jinnota bi tħassib kbir in-nuqqas persistenti tas-Sudan li jarresta u jittrasferixxi għall-QKI lil Ahmad Muhammad Harun (“Ahmad Harun”) u lil Ali Muhammad Ali Abd-Al-Rahman (“Ali Kushayb”), u b'dan il-mod ma tax kas l-obbligi tiegħu skont ir-Riżoluzzjoni 1593 (2005) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; jikkundanna bil-qawwa kollha r-ritaljazzjoni tas-Sudan wara li l-QKI ħarġet mandat għall-arrest tal-President al-Bashir u jesprimi t-tħassib kbir tiegħu għall-azzjonijiet ripressivi reċenti li saru fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li wasslu għall-arrest ta' Mohammed el-Sari f'Ġunju 2008, li ġie kkundannat għal 17-il sena ħabs talli kkollabora mal-QKI; jilqa' b'sodisfazzjon ir-rilaxx ta' Hassan al-Turabi, il-mexxej tal-grupp ewlieni tal-oppożizzjoni, il-Popular Congress Party (PCP), wara xahrejn ta' kustodja, minħabba l-istqarrija tiegħu li fiha talab lill-President al-Bashir jassumi r-responsabilità politika għad-delitti mwettqa fid-Darfur; fl-aħħar nett, ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar is-Sudan u l-Qorti Kriminali Internazzjonali (25) u jitlob għal darb'oħra lill-Presidenzi tal-UE u lill-Istati Membri biex iwettqu u jaġixxu skont dak li qalu kif ġie espress fid-dikjarazzjoni tal-UE ta' Marzu 2008 u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sudan ta' Ġunju 2008, fejn ġie ddikjarat li l-UE “hija lesta biex tikkunsidra miżuri kontra l-individwi responsabbli għal nuqqas ta' koperazzjoni mal-QKI, jekk l-obbligu skont ir-Riżoluzzjoni 1593 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-koperazzjoni mal-QKI ikompli jitwarrab fil-ġenb”;

27.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftuħ, fis-26 ta' Jannar 2009, tal-ewwel proċess li qatt sar fil-QKI kontra Thomas Lubanga tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), u jinnota li dan jirrappreżenta l-ewwel proċess fl-istorja tal-liġi kriminali internazzjonali bil-parteċipazzjoni attiva tal-vittmi fil-proċeduri; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-QKI biex tintensifika l-isforzi fl-attivitajiet esterni tagħha sabiex il-komunitajiet fil-pajjiżi f'sitwazzjonijiet ta' kriżi jiġu involuti fi proċess ta' interazzjoni kostruttiva mal-QKI, imfassal biex ikunu promossi l-fehim u l-appoġġ għall-mandat tagħha, biex ikunu ġestiti l-aspettativi u biex dawk il-komunitajiet ikunu jistgħu jsegwu u jifhmu l-proċess tal-ġustizzja kriminali internazzjonali; jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo fit-trasferiment ta' Thomas Lubanga, Germain Katanga u Mathieu Ngudjolo f'idejn il-QKI; madankollu, jiddeplora l-fatt li l-mandat tal-QKI għall-arrest ta' Bosco Ntaganda għadu ma ġiex eżegwit, u jitlob biex fil-laqgħat futuri tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u tar-Relazzjonijiet Esterni jintalab li Bosco Ntaganda jiġi immedjatament arrest u kkunsinnat lill-QKI; jinnota bi tħassib li s-sitwazzjoni diġà instabbli fir-RDK dan l-aħħar ġiet destabbilizzata iktar bl-attakki l-ġodda tal-Lord's Resistance Army (LRA), li mmassakraw brutalment mill-inqas 620 pesuna ċivili u ħatfu aktar minn 160 tifel u tifla bejn l-24 ta' Diċembru 2008 u t-13 ta' Jannar 2009 fit-Tramuntana tar-RDK; għalhekk jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-kmandanti tal-LRA jiġu arrestati, kif intalab fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-21 ta' Ottubru 2008 dwar l-att ta' akkuża u t-tressiq ta' Joseph Kony quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (26); jinnota bi tħassib li l-mandati tal-QKI għall-arrest ta' erba' membri tal-Lord's Resistance Army fl-Uganda għandhom ma ġewx eżegwiti;

28.

Jinnota b'sodisfazzjon l-ewwel dikjarazzjonijiet promettenti dwar il-QKI mill-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti, fejn ġie rikonoxxut li l-QKI “tixtieq issir strument importanti u kredibbli biex il-mexxejja ewlenin responsabbli għall-atroċitajiet li twettqu fil-Kongo, l-Uganda u d-Darfur (27) jirrispondu għal għemilhom”, u jappella lill-Istati Uniti tal-Amerika biex terġa' tagħti l-firma tagħha u tinvolvu aktar ruħha fil-QKI, speċjalment billi tikkoperaw f'sitwazzjonijiet li huma s-suġġett ta' investigazzjoni jew ta' analiżi preliminari min-naħa tal-QKI;

29.

Jinnota għal darba'oħra b'sodisfazzjon l-adozzjoni mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Dikjarazzjoni dwar id-drittijiet tal-popli indiġeni, li toħloq qafas li fih l-Istati jistgħu jħarsu u jippromwovu d-drittijiet ta' poplu indiġenu mingħajr esklużjoni jew diskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, biex issegwi fuq l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni, b'mod partikolari permezz tal-EIDHR, filwaqt li b'mod partikolari tordna lill-Istati Membri kollha biex jirratifikaw bħala kwistjoni ta' urġenza l-Konvenzjoni 169 dwar Popli Indiġeni u Tribali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), li tappoġġja l-prinċipji stabbiliti fid-dikjarazzjoni inkwistjoni bi strument li jorbot legalment; madankollu, jilqa' l-attivitajiet tal-Kummissjoni li huma immirati lejn il-popli indiġeni u jilqa' l-proġett bl-isem “Promozzjoni tad-Drittijiet ta' Popli Indiġeni u Tribali permezz ta' Pariri Legali, Bini ta' Ħiliet u Djalogu”, li nbeda bħala proġett bi tmexxija konġunta bejn il-Kummissjoni u l-ILO; jinnota li, kważi għoxrin sena wara d-dħul fis-seħħ tagħha, huma biss tliet Stati Membri li rratifikaw il-Konvenzjoni tal-ILO, jiġifieri d-Danimarka, l-Olanda u Spanja; għalhekk, jinkoraġġixxi inizjattivi biex jiżdied l-għarfien dwar dan l-istrument leġiżlattiv importanti u biex titkabbar l-effikaċja tiegħu fid-dinja kollha billi jkun żgurat li jiġi rratifikat mill-Istati Membri kollha;

30.

Jisħaq fuq is-sejħa tiegħu għall-iżvilupp ta' strateġija ta' qafas Ewropew fuq ir-Roma, minħabba s-sitwazzjoni soċjali speċjali tal-komunitajiet tar-Roma fl-Unjoni Ewropea, fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi involuti fil-proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni; jinnota b'sodisfazzjoni l-ewwel “Samit bejn l-UE u r-Roma” tal-Kummissjoni, li sar f'Settembru 2008 taħt il-patroċinju konġunt tal-President tal-Kummissjoni u l-Presidenza Franċiża, li kellu l-għan li jippromwovi impenn sod biex jiġu solvuti problemi konkreti u biex jinħolqu mekkaniżmi li permezz tagħhom ikun żgurat fehim aħjar tas-sitwazzjoni tar-Roma mal-Ewropa kollha;

31.

Jilqa' l-kunens li ntlaħaq fil-Konferenza ta' Reviżjoni ta' Durban dwar dokument tal-eżitu tal-21 ta' April 2009 bħala segwitu għall-Konferenza Dinjija Kontra r-Razziżmu; li fost l-oħrajn jipproteġi b'mod sħiħ id-dritt tal-libertà tal-espressjoni kif iddefinit skont il-liġi internazzjonali, jafferma u jsaħħaħ is-sejħa għall-ħarsien tad-drittijiet tal-migranti, u jirrikonoxxi forom multipli u aggravati ta' diskriminazzjoni. jikkundanna d-diskors tal-President Mahmoud Ahmadinejad, li jikkontradixxi l-ispirtu u l-għan tal-konferenza, jiġifieri li tingħeleb il-pjaga tar-razziżmu; jilqa' s-sessjonijiet sostantivi tal-UNHRC, li qed taġixxi bħala l-kumitat ta' tħejjija għall-Konferenza ta' Reviżjoni ta' Durban, li saru mill-21 ta' April sat-2 ta' Mejju 2008 u mis-6 sas-17 ta' Ottubru 2008;

32.

Jinsab diżappuntat għan-nuqqas ta' tmexxija min-naħa tal-Kunsill u għan-nuqqas ta' abilità tal-Istati Membri biex jaqblu dwar strateġija komuni waqt il-Konferenza ta' Reviżjoni ta' Durban kontra r-Razziżmu, d-Diskriminazzjoni Razzjali, il-Ksenofobija u Nuqqas ta' Tolleranza Relatata li saret f'Ġinevra mill-20 sal-24 ta' April 2009 (Durban II); Jikkundanna bil-qawwa n-nuqqas ta' unità u koperazzjoni, b'mod partikolari kontra l-isfond ta' intensifikazzjoni mistennija tal-politika barranija tal-UE skont it-Trattat il-ġdid tal-UE; Jistieden lill-Kummissjoni u speċjalment lill-Kunsill biex jispjegaw lill-Parlament jekk l-Istrateġija tal-UE kinetx pjanata u xi sforzi saru biex tinstab linja komuni u biex isir rapport dwar x'kien ġara u dwar l-implikazzjonijiet tal-eżitu ta' Durban II;

33.

Jilqa' b'sodisfazzjon it-tieni Forum Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal organizzat mill-Kummissjoni f'Marzu 2008, li ffoka fuq il-kwistjoni ta' mekkaniżmi ta' allarm tat-tfal għal tfal neqsin u fuq il-kwistjonijiet tal-faqar tat-tfal u l-esklużjoni soċjali, b'attenzjoni speċjali għat-tfal tar-Roma;

34.

Jilqa' b'sodisfazzjon is-Sena Ewropea ta' Djalogu Interkulturali 2008, li nbdiet mill-Kummissjoni u ġiet stabbilita b'deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; jisħaq li d-djalogu interkulturali għandu rwol dejjem aktar importanti fit-trawwim ta' identità u ċittadinanza Ewropea; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex iressqu strateġiji sabiex jitrawwem id-djalogu interkulturali, jippromwovu, fl-ambitu ta' kompetenza tagħhom, l-objettivi tal-Alleanza taċ-Ċivilizzazzjonijiet, u jkomplu l-appoġġ politiku tagħhom għal din l-Alleanza;

Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti

35.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-UNHRC u jagħmel enfasi fuq l-irwol kruċjali tiegħu fi ħdan l-arkitettura ġenerali tan-NU u l-potenzjal tiegħu li jiżviluppa qafas siewi għall-isforzi multilaterali tad-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni Ewropea; jinnota li dan il-korp il-ġdid irid ikompli jaħdem biex jikseb aktar kredibiltà;

36.

Jenfasizza li l-irwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa indispensabbli għall-effikaċja tal-UNHRC;

37.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-bidu tar-Reviżjoni Perjodika Universali u l-ewwel rawnd tar-reviżjoni, li sar f'April u Mejju 2008 u ntemm bl-adozzjoni tar-rapporti tar-riżultati mis-sessjoni plenarja tal-Kunsill f'Ġunju 2008; jinnota li l-implimentazzjoni tal-ewwel żewġ ċikli tal-mekkaniżmu l-ġdid ikkonfermat il-potenzjal tar-Reviżjoni Perjodika Universali u jemmen li l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tar-Reviżjoni Perjodika Universali se tikseb aktar riżultati konkreti u titjib; jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex isegwu mill-qrib u jimmonitorjaw l-impenji tar-Reviżjoni Perjodika Universali, u jitlob lill-Kunsill biex jikkonsulta l-Parlament dwar din il-kwistjoni;

38.

Jinnota li, kif jirrimarka r-Rapport Annwali, l-Istati Membri tal-UE huma minoranza fil-UNHCR, jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu azzjoni konġunta biex jinstab rimedju għal din is-sitwazzjoni, filwaqt li jiżviluppaw alleanzi adegwati ma' dawk il-pajjiżi u l-atturi mhux statali li qed ikomplu jiddefendu l-universalità u l-indiviżibiltà tad-drittijiet umani;

39.

F'dan ir-rigward, jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex isaħħu l-impenn tagħhom mal-gvernijiet demokratiċi minn gruppi reġjonali oħrajn fi ħdan l-UNHRC, bil-ħsieb li jtejbu ċ-ċans tas-suċċess ta' inizjattivi mmirati lejn ir-rispett għall-prinċipji li jinsabu fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi rapport annwali dwar ix-xejriet tal-votazzjonijiet fin-Nazzjonijiet Uniti rigward kwistjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem, fejn jiġi analizzat kif dawn ġew affettwati mill-politiki tal-UE u l-Istati Membri tagħha u dawk ta' blokki oħrajn;

40.

Jitlob li jkun hemm koperazzjoni msaħħa bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi u l-ħarsien ta' lingwi reġjonali u tal-minoranzi, billi jintużaw l-għodod legali tan-nondiskriminazzjoni biex ikunu appoġġjati d-diversità u t-tolleranza;

41.

Jafferma mill-ġdid l-importanza vitali tal-proċeduri speċjali u l-mandati tal-pajjiżi fi ħdan l-UNHRC; jikkunsidra li l-proċess għat-tiġdid ta' mandati għandu jkun trasparenti; jilqa' b'sodisfazzjon il-manwal il-ġdid tal-proċeduri speċjali tan-NU u jinsisti li għandhom ikomplu l-isforzi biex jinħatru kandidati indipendenti u tal-esperjenza li jkunu rappreżentanti xierqa, kemm ġeografikament kif ukoll f'termini ta' sessi; jinnota l-iżviluppi reċenti fil-mandati tematiċi u tal-pajjiżi; jilqa' b'sodisfazzjon il-mandati tematiċi stabbiliti reċentement, li għandhom x'jaqsmu mal-forom kontemporanji tal-iskjavitù u l-aċċess għal ilma tax-xorb sigur u s-sanità; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan ġie estiż sa Ġunju 2009;

42.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-UE tat bidu għall-organizzazzjoni ta' sessjoni speċjali tal-UNHRC f'Burma f'Ottubru 2007, li kellha l-qofol tagħha fl-adozzjoni ta' riżoluzzjoni f'Ġunju 2008 li tikkundanna l-ksur sistematiku li qed isir tad-drittijiet tal-bniedem u r-reklutaġġ ta' suldati tfal f'Burma u tħeġġeġ lill-Gvern ta' Burma biex jeħles mingħajr kundizzjonijiet lill-priġunieri politiċi kollha immedjatament;

Prestazzjoni fir-rigward tal-linji gwida tad-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni Ewropea

43.

Jikkunsidra li, minkejja d-dewmien fir-ratifika finali tat-Trattat ta' Liżbona, it-tħejjijiet għall-ħolqien tas-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna l-ġdid għandhom jintużaw b'mod proattiv biex ikunu armonizzati l-approċċi tal-missjonijiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni barra fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, billi jinqasmu strutturi u staff sabiex jinħolqu “ambaxxati tal-Unjoni Ewropea” ġenwini;

44.

Jieħu nota tal-ispinta tal-Presidenzi tas-Slovenja u ta' Franza biex jiffinalizzaw il-linji gwida tad-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tat-tfal; qed jistenna bil-ħerqa li jirċievi matul is-sena d-dieħla l-miżuri speċifiċi ta' implimentazzjoni li ser jikkonċentraw fuq l-implimentazzjoni ta' approċċ olistiku u komprensiv li l-linji gwida ewlenin jiżviluppaw;

45.

Jikkunsidra li għandhom jittieħdu l-miżuri sabiex ikun żgurat li l-kwistjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem ikunu segwiti b'mod akar sistematiku mill-missjonijiet tal-UE, pereżempju billi jintgħażlu punti fokali għad-drittijiet tal-bniedem u jiġu inklużi linji gwida dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-implimentazzjoni tagħhom fil-programmi ta' taħriġ tal-istaff tal-missjonijiet tal-UE;

Is-sitwazzjoni tan-nisa, il-vjolenza kontra n-nisa u l-femiċidji

46.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Presidenza Franċiża, fit-tieni nofs tal-2008, tat lill-problema tas-sitwazzjoni tal-mara prijorità ġdida fl-azzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jagħmel enfasi partikolari fuq il-ħtieġa li jiġu ffaċċjati l-fenomeni traġiċi tal-vjolenza kontra n-nisa (inkluża l-prattika taċ-ċirkonċiżjoni femminili) u l-femiċidju (inkluża l-prattika tal-abort abbażi tas-sess tat-tarbija);

47.

Meta jitqies in-nuqqas tal-komunità internazzjonali li ġġib bidla għall-aħjar fiż-Żimbabwe – katastrofi għad-drittijiet tal-bniedem – huwa jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jeżaminaw ir-raġunijiet għal dan, jistabbilixxu politiki aktar effettivi u jinformaw lill-Parlament x'azzjoni biħsiebhom jieħdu, minħabba l-grad ta' relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u ħafna pajjiżi Afrikani, speċjalment fin-Nofsinhar tal-Afrika;

48.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-linji gwida ġodda fit-8 ta' Diċembru 2008, li stabbilixxew strateġija komprensiva għat-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE biex tittejjeb is-sigurtà tan-nisa, speċjalment f'pajjiżi milquta minn konflitti, kif ukoll f'pajjiżi oħra; jiddeplora, madankollu l-fatt li l-Parlament ma ġiex involut aktar mill-qrib fl-abbozzar tal-linji gwida l-ġodda u jitlob, f'dan ir-rigward, biex fil-ġejjieni jiġi stabbilit mekkaniżmu għal konsultazzjoni mal-Parlament kemm meta jkunu qed jitfasslu l-linji gwida l-ġodda u kemm meta jkunu qed jiġu evalwati u riveduti;

49.

Juri, madanakollu, in-nuqqasijiet li jeżistu fl-iżvilupp ta' politiki u azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mmirati lejn id-drittijiet umani tan-nisa; dawn in-nuqqasijiet jidhru fir-Rapport tal-Kunsill li fl-evalwzzjoni ta' bosta kwistjonijiet tematiċi ma jipprovdix dettall;

Il-piena tal-mewt

50.

Ifakkar fir-riżoluzzjoni dwar moratorju dwar l-użu tal-piena tal-mewt (ir-Riżoluzzjoni 62/149) adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 2007, li ssejjaħ għal moratorju globali dwar l-użu tal-piena tal-mewt; jenfasizza li r-riżoluzzjoni tintemm billi ssejjaħ lill-Istati Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti biex jistabbilixxu moratorju dwar l-eżekuzzjonijiet bil-ħsieb li tkun abolita l-piena tal-mewt;

51.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-Dikjarazzjoni Konġunta kontra l-piena tal-mewt, iffirmata fl-10 ta' Ottubru 2008 mill-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, f'isem l-UE, u mill-President tal-Assemblea Parlamentari, il-President tal-Kumitat tal-Ministri u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, fil-“Jum Ewropew kontra l-Piena tal-Mewt”, li jiġi ċċelebrat fl-10 ta' Ottubru ta' kull sena; jisħaq li l-projbizzjoni tal-piena tal-mewt hija waħda mid-dispożizzjonijiet ewlenin tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fejn l-Artikolu 2 jiddikjara b'mod espliċitu: “Ħadd m'għandu jiġi kkundannat għall-piena tal-mewt, jew titneħħielu ħajtu”;

52.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-verżjoni riveduta u aġġornata tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt; jisħaq li l-UE hija kontra l-piena tal-mewt fiċ-ċirkostanzi kollha, u jerġa' jenfasizza li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-titjib tad-dinjità tal-bniedem u l-iżvilupp progressiv tad-drittijiet tal-bniedem;

53.

Jitlob lill-Presidenza biex tinkoraġġixxi lill-Italja, il-Latvja, il-Polonja u Spanja, li ffirmaw iżda għadhom ma rratifikawx il-Protokoll Nru 13 għall-ECHR dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fiċ-ċirkostanzi kollha, biex huma jagħmlu dan; jirrikonoxxi f'dak ir-rigward li l-Linji Gwida dwar il-Piena tal-Mewt jistgħu jiġu implimentati b'mod aktar koerenti jekk l-Istati Membri jiffirmaw u jirratifikaw protokolli u konvenzjonijiet bħal dawn;

54.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-piena tal-mewt qed tonqos, wara li ġiet abolita għad-delitti kollha fl-2008 mir-Rwanda u l-Użbekistan; jilqa' b'sodisfazzjon l-abbozz tal-kodiċi penali fl-Iran, li jipprojbixxi sentenzi ta' tħaġġir, u jħeġġeġ lill-parlament Iranjan biex jikkonkludi l-kodiċi penali sabiex ikun hemm provvediment għall-projbizzjoni assoluta tat-tħaġġir; jikkundanna l-fatt li r-reġim Iranjan għadu jikkundanna għall-mewt, u jiġġustizzja, akkużati taħt it-18-il sena (partikolarment dawk li l-uniku “reat” tagħhom skont il-liġi tax-xarija huwa t-twettiq ta' atti omosesswali); jenfasizza li l-Iran huwa l-uniku pajjiż li ġġustizzja delinkwenti minorenni fl-2008; huwa ferm imħasseb li fl-Iran mill-inqas 130 delinkwent minorenni oħra qed jistennew il-piena tal-mewt; għal darb'oħra jikkundanna l-użu dejjem jiżdied tal-piena tal-mewt mir-reġim Iranjan, li jqiegħed lill-Iran fit-tieni pożizzjoni, wara ċ-Ċina, fil-klassifika tal-pajjiżi li għandhom l-ogħla għadd ta' eżekuzzjonijiet; jinnota li ma ngħatat l-ebda sentenza għall-mewt fil-Gwatemala; madankollu, jesprimi l-inkwiet tiegħu għall-possibiltà li l-piena tal-mewt tista' terġa' tibda tiġi infurzata; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Gwatemala, għall-kuntrarju, biex jimpenja ruħu b'mod ġenwin għall-moratorju universali dwar il-piena tal-mewt; madankollu, jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjonijiet meħuda mill-President Colom f'Marzu 2008 li jistgħu jwasslu għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fil-Gwatemala; jesprimi t-tħassib tiegħu għaż-żamma tal-piena tal-mewt fil-leġiżlazzjoni domestika fil-Perù; jinnota li mill-2007 l-każijiet kollha tal-piena tal-mewt fiċ-Ċina ġew riveduti mill-Qorti Suprema; madankollu, jibqa' mħasseb li ċ-Ċina xorta twettaq l-akbar numru ta' eżekuzzjonijiet fid-dinja kollha; jikkundanna l-prattika tal-piena tal-mewt fil-Belarus li huwa l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għad għandu l-piena tal-mewt u għalhekk imur kontra l-valuri Ewropej;

It-tortura u trattament krudili, inumani jew degradanti ieħor

55 .

Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea li s'issa għadhom ma ffirmawx u/jew irratifikawx il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni Kontra t-Tortura (OPCAT) biex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli;

56.

Jibqa' mħasseb dwar l-impenn veru għad-drittijiet tal-bniedem tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jirrifjutaw li jiffirmaw l-Konvenzjoni Internazzjoni għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha minn Għejbien Infurzat imsemmi aktar qabel; jilqa' b'sodisfazzjon ir-ratifika ta' din il-Konvenzjoni min-naħa tal-Arġentina f'Mejju tal-2008 u jitlob lill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea li m'għamlux dan biex jiffirmawha u jirratifikawha immedjatament (28);

57.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-verżjoni riveduta tal-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tortura, adottati mill-Kunsill f'April 2001 u aġġornati fl-2008, li l-mira tagħhom hija li jipprovdu lill-UE b'għodda operazzjonali li għandha tintuża f'kuntatti ma' pajjiżi terzi fil-livelli kollha kif ukoll f'fora multilaterali tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jappoġġaw u jsaħħu l-isforzi dejjem għaddejjin għall-prevenzjoni u l-eradikazzjoni tat-tortura u t-trattament ħażin fil-partijiet kollha tad-dinja; jisħaq li l-UE hija impenjata bis-sħiħ biex tappoġġa l-projbizzjoni assoluta tat-tortura u t-trattamenti krudili, inumani u degradanti;

58.

Jistenna li l-Kunsill u l-Kummissjoni jtejbu l-koperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa sabiex tinħoloq zona mal-Ewropa kollha li tkun ħielsa mit-tortura u minn forom oħra ta' trattament ħażin, bħala sinjal ċar li l-pajjiżi Ewropej huma impenjati sew li jeradikaw dawn il-prattiki l-ewwel nett ġewwa l-fruntieri tagħhom, biex b'hekk jagħtu eżempju lill-pajjiżi l-oħra tad-dinja fejn b'xorti ħażina għadhom jeżistu prattiki bħal dawn;

59.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-evalwazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani u Degradanti oħra, li tinkludi rakkomandazzjonijiet ġodda u miżuri ta' implimentazzjoni mfassla biex isaħħu aktar l-azzjoni f'dan il-qasam; jinnota b'sodisfazzjoni l-inkorporazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-istudju bl-isem “L-Implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra”, ippreżentat lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament fit-28 ta' Ġunju 2007 u lill-COHOM f'Diċembru 2007; jinnota b'sodisfazzjoni il-konklużjonijiet li ħarġu mill-istudju tal-implimentazzjoni tal-linji gwida; jilqa' l-miżuri ta' implimentazzjoni, li huma mfassla biex jipprovdu gwida f'dak ir-rigward lill-missjonijiet tal-UE u d-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni; f'dan il-kuntest, jilqa' l-kriterji speċifiċi għall-azzjoni dwar każijiet individwali, u jiddispjaċih bin-nuqqas ta' miżuri biex jipprevjenu t-trasferiment ta' persuni lejn pajjiż fejn jistgħu jkunu f'riskju ta' tortura jew pieni inumani jew degradanti oħrajn' f'dan il-kuntest, għal darb'oħra jħeġġeġ lill-UE biex tikkonforma man-normi u l-istandards stabbiliti mill-istrumenti internazzjonali u reġjonali li għandhom x'jaqsmu mat-tortura u t-trattament ħażin;

60.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-Riżoluzzjoni 62/148 dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani u degradanti oħra, kosponsorizzata mill-UE u adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-4 ta' Marzu 2008, li tfakkar li l-libertà mit-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani u degradanti oħra hija dritt bażiku li għandu jitħares fiċ-ċirkostanzi kollha; jinnota li n-Netwerk tal-Kumitati Parlamentari għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea kellu t-tieni laqgħa tiegħu fil-Parlament Ewropew fil-25 ta' Ġunju 2008, b'iffukar speċjali fuq il-ġlieda kontra t-tortura, fil-preżenza tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura, Manfred Nowak;

61.

Iħeġġeġ lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex ikomplu bil-prassi ta' proċeduri politiċi fir-rigward tal-imsieħba internazzjonali kollha tal-Unjoni Ewropea dwar ir-ratifika u l-implimentazzjoni ta' konvenzjonijiet internazzjonali li jipprojbixxu l-użu tat-tortura u t-trattament ħażin, kif ukoll id-dispożizzjoni ta' assistenza ta' rijabilitazzjoni lill-vittmi ta' tortura; jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jikkunsidraw l-ġlieda kontra t-tortura u t-trattament ħażin bħala prijorità għolja tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni mtejba tal-linji gwida tal-Unjoni Ewropea u l-istrumenti l-oħra kollha tal-Unjoni Ewropea bħall-EIDHR, u billi jiżguraw li l-Istati Membri joqgħodu lura milli jaċċettaw assigurazzjonijiet diplomatiċi minn pajjiżi terzi fejn hemm riskju reali li persuni jkunu suġġetti għal tortura jew trattament ħażin;

62.

Jinnota l-importanza tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 tas-27 ta' Ġunju 2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, tortura jew trattamenti jew kastigi oħrajn krudili, inumani jew degradanti (29), li jipprojbixxi l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' oġġetti li m'għandhom ebda użu prattiku għajr għall-iskopijiet ta' piena kapitali, tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, u li daħal fis-seħħ fit-30 ta' Lulju 2006; iħeġġeġ lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jagħmlu evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament mill-Istati Membri, u biex jesploraw il-possibiltajiet biex jitwessa' l-ambitu tar-Regolament;

63.

Jiddeplora l-fatt li hemm 1 350 000 persuni spustjati fid-DRK, li jinkludu 850 000 spustjati fil-Kivu tat-Tramuntana; jenfasizza għal darb'oħra l-ħtieġa li tittieħed azzjoni urġenti fil-forma ta' investigazzjoni sħiħa li jkollha l-għan li tarresta u ttella' l-qorti dawk il-persuni responsabbli għall-qtil ta' madwar 150 persuna mill-ġellieda tas-CNDP (National Congress for the Defence of the People) u Mai Mai f'Kiwanja f'Novembru 2008; jitlob lill-gvernijiet tar-RDK u tar-Rwanda biex iwiegħdu l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-MONUC (il-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-RDK) fir-reġjun, biex twettaq il-mandat tagħha ta' żamma tal-paċi, u biex issir ħidma ħalli l-persuni ċivili fir-reġjun jiġu protetti mill-vjolenza u mill-atroċitajiet kbar li kien hemm s'issa; jitlob ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jappoġġjaw investigazzjoni dwar il-ksur serju tal-liġi umanitarja internazzjonali li qed ikun hemm kuljum, inklużi l-istupri, il-qtil u t-tortura ekstraġudizzjarji, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi implimentata strateġija b'saħħitha tal-UE li tgħin biex tiġi iffaċilitata bidla fir-reġjun;

64.

Jibqa' ferm imħasseb dwar il-kriżi umanitarja devastanti fiż-Żimbabwe, l-epidemija tal-kolera, u r-rifjut kontinwu tar-reġim ta' Mugabe biex jirreaġixxi b'mod effettiv għall-kriżi; jitlob ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkundannaw bil-qawwa l-azzjonijiet tar-reġim ta' Mugabe, u jaffermaw mill-ġdid l-impenn li ħadu mal-poplu taż-Żimbabwe li jieħu l-forma ta' programm għal terminu twil ta' għajnuna umanitarja; jiddenunzja wkoll l-intimidazzjoni u d-detenzjoni ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ta' membri tas-soċjetà ċivili, bħal Jestina Mukoko, mir-reġim ta' Mugabe, u jitlob biex dawk ħatja ta' dawn l-atti jiġu arrestati u jittellgħu l-qorti;

Id-drittijiet tat-tfal

65.

Jenfasizza għal darb'oħra l-ħtieġa kruċjali biex ikunu implimentati l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati; iħeġġeġ lill-Istati kollha biex jadottaw l-Impenji ta' Pariġi tal-2007 biex it-tfal jitħarsu mir-reklutaġġ illegali jew minn użu minn forzi armati jew gruppi armati;

66.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-verżjoni aġġornata ta' dawk il-linji gwida, adottata fis-16 ta' Ġunju 2008, u jinnota b'sodisfazzjoni li l-UE tat struzzjonijiet lill-ambaxxaturi biex ifasslu strateġiji individwali dwar it-13-il pajjiż prijoritarju għall-implimentazzjoni tas-sitt kwistjonijiet tematiċi ġodda identifikati fil-linji gwida: reklutaġġ, qtil u mmankar, attakki fuq skejjel u sptarijiet, imblokkar ta' aċċess umanitarju, vjolenza sesswali u bbażata fuq is-sessi u vjolazzjonijiet u abbużi;

67.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni f'Ġunju 2008 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar id-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari tfal affettwat minn konflitti armati; jinnota li l-Kunsill talab lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex ikomplu jiżguraw il-koerenza, il-komplementarjetà u l-koordinazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-linji politiċi tas-sigurtà u l-iżvilupp u l-programmi intiżi biex jindirizzaw l-impatti fuq żmien qasir, medju, u twil ta' konflitti armati fuq it-tfal b'mod effettiv, sostenibbli, u komprensiv;

68.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni mill-UE f'Ġunju 2008 tal-lista ta' kontroll riveduta, litimmira biex tintegra l-protezzjoni tat-tfal affettwati minn konflitti armati fil-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża; jinnota li din tinkludi titjib sostanzjali, partikolarment dwar l-elaborazzjoni tad-definizzjoni tal-protezzjoni tat-tfal, taħriġ speċifiku fir-rigward ta' tfal affettwati minn konflitti armati, monitoraġġ u rapportar, titjib tal-viżibiltà u kuxjenza, il-possibiltà li jkun hemm nies esperti speċifiċi fuq il-kamp, u titjib tal-komunikazzjoni esperta bejn il-missjonijiet/operazzjonijiet u Brussell;

69.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi tal-Presidenza dwar tfal affettwati minn konflitti armati; jinnota l-konferenza bl-isem “Inżidu l-Impatt fil-Post - Kollaborazzjoni bejn l-NGOs u l-UE fil-Qasam Tematiku tat-Tfal Affettwati minn Konflitti Armati”, organizzat mill-Presidenza Slovena f'April 2008;

70.

Jinnota r-riżoluzzjoni dwar it-tfal u l-konflitti armati adottata fit-22 ta' Frar 2008 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU u r-Rapport tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju-Ġenerali tan-NU; jikkundanna bil-qawwa r-reklutaġġ u l-użu ta' tfal f'konflitti armati fiċ-Ċad u l-Iraq;

71.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-Rapport Annwali u l-konklużjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati; jikkundanna bil-qawwa l-ksur serju tad-drittijiet tat-tfal u l-użu kontinwu ta' tfal fil-konflitti armati fis-Sri Lanka, Burma, il-Filippini, is-Somalja, il-Kongo u l-Burundi;

72.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li 16-il Stat Membru (30) tal-Unjoni Ewropea ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta' Ġinevra dwar il-Vjolenza Armata u l-Iżvilupp, biex b'hekk l-għadd totali ta' Stati Kontraenti tela' għal 97; iħeġġeġ lill-11-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li baqa' li għadhom ma ffirmawx id-Dikjarazzjoni ta' Ġinevra biex jagħmlu dan mingħajr dewmien u mill-aktar fis possibbli;

73.

Jitlob lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jiffirmaw u jirratifikaw mingħajr dewmien il-protokolli fakultattivi tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (31);

74.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fl-2008 tnediet mill-Kummissjoni, fi ħdan il-qafas tal-programm tematiku bl-isem “Investiment fin-Nies”, sejħa għal proposti għal proġetti minn organizzazzjonijiet mhux governattivi (OMG) għal tfal affettwati minn konflitti armati u t-traffikar tat-tfal; jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tiddedika attenzjoni speċjali għas-sitwazzjoni tat-tfal affettwati minn konflitti armati;

Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem

75.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-Konferenza tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem li saret fis-7-8 ta' Ottubru 2008; jisħaq fuq l-impenn tal-Unjoni Ewropea biex tħares aħjar lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-ġlieda tagħhom biex iwettqu l-viżjoni mgħarrfa fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

76.

Jiġbed l-attenzjoni għall-abbuż u l-isfruttament sesswali ta' miljuni ta' tfal mad-dinja kollha; jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu dak kollu possibbli biex jipprevjenu u jiġġieldu l-isfruttament sesswali u l-abbuż sesswali tat-tfal, jipproteġu d-drittijiet tal-vittmi tfal ta' dan it-tip ta' sfruttament u abbuż, u jippromwovu l-koperazzjoni nazzjonali u internazzjonali fil-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali u l-abbuż sesswali tat-tfal;

77.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-Dikjarazzjoni dwar l-azzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa biex ittejjeb l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tippromwovi l-attivitajiet tagħhom, adottata mill-Kumitat tal-Ministri fis-6 ta' Frar 2008;

78.

Jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif fl-2006 mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSCE ta' punt fokali għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem sabiex tkun immonitorjata s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi kollha tal-OSCE; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex isaħħu l-appoġġ tagħhom lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem billi joħolqu punt fokali fil-Parlament Ewropew, fil-Kunsill u fil-Kummissjoni biex jitjieb is-segwitu li jingħata lil każijiet individwali u l-koordinazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u Ewropej oħrajn;

79.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-verżjoni riveduta tal-2008 tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-inklużjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu l-appoġġ u l-protezzjoni li jingħataw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem mill-missjonijiet tal-UE, bħall-istrateġiji lokali għall-implimentazzjoni tal-linji gwida, il-gruppi ta' ħidma lokali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjoni ta' laqgħat mill-inqas darba fis-sena bejn id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u d-diplomatiċi; fl-istess ħin jilqa' b'sodisfazzjon l-inklużjoni tal-possibiltà li jinħarġu viżi ta' emerġenza u jiġi ffaċilitat il-kenn temporanju fl-Istati Membri tal-UE bħala miżuri biex tingħata assistenza u protezzjoni fil-pront lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi;

80.

Għal darb'oħra jitlob lill-Kunsill u l-Istati Membri biex jikkunsidraw f'termini konkreti l-kwistjoni ta' viżi ta' emerġenza għal difensuri tad-drittijiet tal-bniedem billi tiġi inkluża referenza ċara għas-sitwazzjoni speċifika tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi l-ġdid, biex b'hekk tinħoloq proċedura speċifika u aċċellerata għall-viżi li tista' tkun ibbażata fuq l-esperjenza tal-gvernijiet tal-Irlanda u ta' Spanja f'din il-kwistjoni; jinnota d-diskussjoni dwar il-ħruġ ta' viżi għaċ-ċaqliq temporanju ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li huma f'riskju immedjat jew li jeħtieġu protezzjoni, u jitlob lill-COHOM biex tieħu passi ulterjuri dwar din il-kwistjoni; jikkunsidra li l-kunfidenzjalità tal-proċeduri politiċi tal-Unjoni Ewropea favur id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kultant hija utli iżda jitlob li, minkejja dik il-kunfidenzjalità, l-istaff lokali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi b'mod sistematiku u kunfidenzjali l-informazzjoni utli kollha dwar dawk il-proċeduri politiċi lill-NGOs fil-kamp, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll lill-familji tagħhom;

81.

Jirreferi għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Belarus fit-13 ta' Ottubru 2008 u d-dikjarazzjoni maħruġa mill-Presidenza fit-30 ta' Settembru 2008 dwar l-elezzjonijiet parlamentari li sar f'dak ix-xahar f'Belarus; jiddispjaċih li l-elezzjonijiet ma kinux ta' standard internazzjonali u naqsu li jissodisfaw il-kriterji demokratiċi tal-OSKE; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħelsien tal-aħħar priġunier politiku magħruf internazzjonalment, Alyaksandr Kazulin, qabel l-elezzjonijiet; madankollu, jibqa' mħasseb li mill-inqas 10 attivisti għadhom jiskontaw sentenzi ta' “libertà ristretta” li jippermettulhom joqogħdu d-dar jew imorru x-xogħol biss; jibqa' ferm imħasseb dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarus;

82.

Jikkundanna t-tisħiħ tar-restrizzjonijiet imposti mill-gvern Ċiniż fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qabel il-Logħob Olimpiku li pprojbixxielhom jikkomunikaw bit-telefon jew bl-Internet, rrintraċċa l-movimenti tagħhom u ssottoponihom għal gradi differenti ta' arrest domiċiljari u għal sorveljanza u monitoraġġ li qatt ma kien hemm bħalhom qabel, u minħabba f'hekk bosta attivisti għażlu li jipposponu jew jissospendu xogħolhom sakemm għadda l-Logħob;

83.

Jiġbed attenzjoni speċifika għall-impatt sinifikanti li d-dritt għal-libertà tal-espressjoni fuq l-Internet jista' jkollu fuq komunitajiet magħluqa, u jitlob lill-UE biex tappoġġja lid-dissidenti ċibernetiċi fid-dinja kollha; għaldaqstant, jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jittrattaw ir-restrizzjonijiet kollha għall-provvista ta' servizzi tal-Internet u s-soċjetà tal-informazzjoni minn kumpaniji Ewropej fil-pajjiżi terzi bħala parti mill-politika kummerċjali esterna tal-UE u biex jikkunsidraw l-ostakli għall-kummerċ bħala limitazzjonijiet mhux meħtieġa għall-provvista ta' dawn is-servizzi;

84.

Jinsab ferm imħasseb li fl-2008 l-Iran kompla jissopprimi difensuri indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u membri tas-soċjetà ċivili, u li għadu għaddej ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; jikkundanna l-arrest arbitrarju, it-tortura u l-priġunerija ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem minħabba xogħolhom, bl-akkuża ta' “attivitajiet li jmorru kontra s-sigurtà nazzjonali”; jiddispjaċih dwar il-politika kurrenti tal-gvern diretta kontra l-għalliema u l-akkademiċi, li tipprojbixxi studenti milli jkollhom aċċess għal edukazzjoni ogħla, u jikkundanna l-persekuzzjoni u l-priġunerija ta' attivisti studenti;

85.

Juri t-tħassib tiegħu għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa u fil-Venezwela u għall-attakki u għall-fastidju li bosta organizzazzjonijiet huma suġġetti għalihom fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem f'dawk il-pajjiżi; f'dan is-sens, jitlob lill-gvernijiet tan-Nikaragwa u l-Venezwela u lill-awtoritajiet tagħhom biex jaġixxu ħalli jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet demokratiċi u l-istat tad-dritt;

86.

Jisħaq dwar il-pożizzjoni tiegħu rigward ir-rebbieħa Kubani tal-Premju Sakharov Oswaldo Payá Sardiñas u l-grupp magħruf bħala d-“Damas de Blanco” (“In-nisa lebsin l-abjad”); iqis li hija ħaġa intollerabbli li pajjiż li miegħu l-UE reġgħet daħlet fi djalogu politiku dwar kull tip ta' kwistjoni, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, għandu jirrifjuta li jippermetti kemm lil Oswaldo Payá u lil Damas de Blanco milli jipparteċipaw fiċ-ċerimonja li tfakkar l-20 anniversarju tal-Premju ; jopponi bil-qawwa kollha l-vjolenza sistematika u l-atti rikorrenti ta' fastidju fil-konfront tar-rebbieħa tal-Premju Sakharov; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Gvern Kuban biex jeħles immedjatament lill-priġunieri politiċi kollha u l-priġunieri tal-kuxjenza u biex jirrikonoxxi d-dritt li l-Kubani kollha jidħlu u jħallu l-pajjiż b'mod ħieles;

Linji gwida dwar djalogi tad-drittijiet tal-bniedem u konsultazzjonijiet rikonoxxuti ma' pajjiżi terzi

87.

Jinnota l-verżjoni riveduta tal-linji gwida, adottata tul il-Presidenza Franċiża, relatati mad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiżi terzi; għal darb'oħra jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jagħtu bidu għal evalwazzjoni komprensiva ta' dawk il-linji gwida, ibbażata fuq evalwazzjoni dettaljata ta' kull djalogu u r-riżultati miksuba u, għal dan il-għan, biex jiżviluppaw indikaturi ċari għall-impatt ta' kull djalogu u l-kriterji għall-bidu, it-tmiem u t-tkomplija ta' djalogi; jenfasizza l-ħtieġa li jitkomplew il-laqgħat interistituzzjonali informali qabel u wara kull djalogu sabiex jiżdied l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u, jekk meħtieġ, tittejjeb il-koordinazzjoni; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li l-adozzjoni ta' strateġiji għad-drittijiet tal-bniedem pajjiż b'pajjiż se tgħin biex tittejjeb il-koerenza tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

88.

Jenfasizza għal darb'oħra f'dan il-kuntest il-proposti stabbiliti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament imsemmija hawn fuq tas-6 ta' Settembru 2007 dwar il-funzjonament tad-djalogi tad-drittijiet tal-bniedem u konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem ma'pajjiżi terzi;

89.

Jiddispjaċih li ċ-Ċina pposponiet il-ħdax-il laqgħa għolja bejn l-UE u ċ-Ċina minħabba ż-żjara tad-Dalai Lama fl-Ewropa; jenfasizza l-ħtieġa għall-intensifikazzjoni radikali u l-impostazzjoni ġdida tad-djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem; jesprimi l-inkwiet tiegħu għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina u jenfasizza li, minkejja l-wegħdiet magħmula mir-reġim qabel il-Logħob Olimpiku f'Awwissu 2008, is-sitwazzjoni ta' hemmhekk dwar id-drittijiet tal-bniedem ma marritx għall-aħjar; barra minn hekk, josserva li r-restrizzjonijiet għal-libertà tal-assoċjazzjoni, tal-espressjoni u tar-reliġjon saru aktar iebsa; jikkundanna bil-qawwa kollha l-azzjonijiet ripressivi kontra t-Tibetani wara l-mewġa ta' protesti li kien hemm fit-Tibet kollu mill-10 ta' Marzu 2008 u r-ripressjoni mill-gvern Ċiniż li żdiedet fit-Tibet minn dak iż-żmien “l hawn, u jitlob biex jerga” jibda djalogu sinċier u orjentat lejn ir-riżultati bejn iż-żewġ partijiet ibbażat fuq il-“Memorandum dwar l-Awtonomija Ġenwina għall-Poplu Tibetan”; jinnota li, minkejja assigurazzjonijiet ripetuti mill-gvern Ċiniż tal-intenzjoni tiegħu li jirratifika l-Wegħda Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, ir-ratifika għadha pendenti; jirreferi għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-17 ta' Jannar 2008 dwar l-arrest tad-dissident Ċiniż Hu Jia (32), li ġie ppremjat bil-Premju Sakharov 2008 għal-Libertà tal-Ħsieb; jitlob lill-gvern Ċiniż biex jeħles lil Hu Jia immedjatament u biex martu Zeng Jinyan u bintu ma jibqgħux arrestati f'darhom; jikkundanna l-mewġa ta' ripressjoni kontra l-firmatarji tal-“Karta 08”, dokument li jitlob għal riformi demokratiċi fiċ-Ċina u l-ħelsien ta' Liu Xiaobo, dissident li ilu arrestat sa mid-9 ta' Diċembru 2008; jesprimi tħassib li s-sistema legali tibqa' vulnerabbli għal interferenza arbitrarja u ta' spiss politikament motivata, inkluża s-sistema ta' Sigrieti tal-Istat, li tipprevjeni t-trasparenza meħtieġa għall-iżvilupp ta' governanza tajba u sistema li fiha jipprevali l-istat tad-dritt; f'dan il-kuntest, jiddeplora l-ikkastigar sistematiku ta' avukati li jagħmlu ħilithom biex is-sistema legali Ċiniża tiffunzjona bi qbil mal-liġijiet taċ-Ċina stess u d-drittijiet taċ-ċittadini tagħha; jinnota l-fraġilità persistenti tal-libertà tal-Internet fiċ-Ċina u f'dan ir-rigward jitlob lin-negozji Ewropej li jipprovdu servizz ta' ħħostjar għall-kontenut tal-Internet biex ma jiżvelaw lill-ebda uffiċjal barrani informazzjoni li tidentifika personalment utent partikolari tas-servizz inkwistjoni għajr għal skopijiet leġittimi ta' infurzar ta' liġijiet barranin f'konformità mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

90.

Jibqa' mħasseb li d-djalogu tad-drittijiet tal-bniedem mal-Iran ilu interrott mill-2004 minħabba n-nuqqas ta' kwalunkwe progress pożittiv fit-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u nuqqas ta' koperazzjoni mill-Iran; jitlob lill-awtoritajiet Iranjani biex ikomplu dan id-djalogu bil-għan li jiġu appoġġati l-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili li huma impenjati għad-demokrazija, u biex isaħħu – permezz ta' mezzi paċifiċi u mhux vjolenti – proċessi eżistenti li jistgħu jrawmu riformi demokratiċi, istituzzjonali u kostituzzjonali, jiżguraw is-sostenibiltà ta' dawk ir-riformi u jikkonsolidaw l-involviment tad-difensuri Iranjani kollha tad-drittijiet tal-bniedem u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-tfassil ta' politika, it-tisħiħ tar-rwol tagħhom fid-diskors politiku ġenerali; huwa mħasseb sew li, fl-2008, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran marret għall-agħar u r-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni u l-ġabra għadhom jeżistu; f'dan il-kuntest, huwa mħasseb sew mis-soppressjoni tal-ġurnalisti, il-kittieba, l-istudjużi, l-attivisti tad-drittijiet tan-nisa u tad-drittijiet tal-bniedem; jibqa' mħasseb dwar ir-repressjoni tal-minoranzi etniċi u reliġjużi fl-Iran; jikkundanna l-użu dejjem jiżdied tal-piena tal-mewt fl-Iran, inkluż fir-rigward ta' minorenni;

91.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' riżultati mill-konsultazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem; jiddispjaċih li l-awtoritajiet Russi rrifjutaw li jipparteċipaw fil-laqgħat ta' diskussjoni li saru bi tħejjija għall-konsultazzjonijiet li kienu jinvolvu OMG domestiċi u internazzjonali; jinnota li matul il-konsultazzjonijiet l-Unjoni Ewropea qajmet tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem u b'iffukar partikolari fuq il-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni, il-funzjonament tas-soċjetà ċivili, id-drittijiet tal-minoranzi, il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija u d-drittijiet tat-tfal u n-nisa, kif ukoll l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem kemm tal-UE u kemm tar-Russja; jiddispjaċih li minkejja dan l-Unjoni Ewropea ma rnexxielha tikkawża l-ebda bidla ta' politika fir-Russja, b'mod partikolari fir-rigward tal-impunità u tal-indipendenza tal-ġudikatura, it-trattament ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-priġunieri politiċi inkluż Mikhail Khodorkovsky, l-indipendenza tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni, it-trattament tal-minoranzi etniċi u reliġjużi, ir-rispett għall-istat tad-dritt u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-forzi armati, id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali kif ukoll kwistjonijiet oħrajn; jirreferi għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar is-Samit tal-UE-Russja tas-26-27 ta' Ġunju 2008 fi Khanty-Mansiysk (33); jesprimi għal darb'oħra t-tħassib tiegħu għas-sitwazzjoni li sejra għall-agħar ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u d-diffikultajiet li jsibu quddiemhom l-OMG fir-rigward tar-reġistrazzjoni tagħhom u fil-qadi tal-attivitajiet tagħhom; jisħaq dwar it-tħassib tiegħu dwar il-Liġi Kontra l-Estremiżmu, li tista' taffettwa l-fluss liberu ta' informazzjoni u li jista' jwassal biex l-awtoritajiet Russi jirrestrinġu aktar id-dritt għall-espressjoni libera ta' ġurnalisti indipendenti u opponenti politiċi; esprimi aktar tħassib, fuq l-istess linji tar-Rapport tal-Amnesty International tal-2008, dwar in-nuqqas kontinwu tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li jirrispetta d-dritt ta' Mikhail Khodorkovsky u s-sieħeb tiegħu Platon Lebedev għal proċess ġust bi qbil mal-istandards internazzjonali, u jiddispjaċih ħafna għat-trattament li ngħata l-eks-Viċi President ta' Yukos Vasily Aleksanian, li r-rifjut tiegħu li jixhed il-falz kontra Mikhail Khodorkovsky wassal lill-awtoritajiet Russi biex iħallu li l-kundizzjoni medika tiegħu tiddeterjorja sa stat terminali; jingħaqad mal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fit-talba lill-awtoritajiet Russi biex “jużaw il-mezzi legali kollha disponibbli” biex jassiguraw il-ħelsien ta' Igor Sutiagin u Valentin Danilov; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħelsien ta' Mikhail Trepashkin; jiddispjaċih ħafna li missjoni ta' monitoraġġ elettorali tal-ODIHR li segwiet l-elezzjoni presidenzjali Russa ta' Marzu 2008 kellha tkun ikkanċellata minħabba restrizzjonijiet u limitazzjonijiet imposti mill-awtoritajiet Russi fuq dik il-missjoni;

92.

Jinnota l-eżistenza ta' sottokumitati tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu lill-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran (il-Marokk, it-Tuneżija, il-Libanu, il-Ġordan, l-Eġittu, l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana) fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iwaqqfu sottokumitati tad-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiżi ġirien kollha, Jerġa' jagħmel is-sejħa tiegħu għall-parlamentari biex ikunu assoċjati mat-tħejjijiet għal-laqgħat ta' sottokumitati bħal dawn u biex ikunu informati dwar il-konklużjonijiet tagħhom; jilqa' b'sodisfazzjon il-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, kemm qabel kif ukoll wara, mid-delegazzjoni tal-Kummissjoni fil-pajjiż ikkonċernat u mid-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni fi Brussell; huwa dubjuż, madankollu, rigward l-effikaċja u l-koerenza tal-metodoloġija użata, u b'mod partikolari, rigward il-kriterji biex jiġu evalwati d-diskussjonijiet li saru f'dawn is-sottokumitati; jemmen li dawn is-sottokumitati għandhom jippermettu li l-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem inklużi fil-pjan ta' azzjoni jiġu segwiti b'mod speċifiku imma jenfasizza li d-diskussjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem ċertament m'għandhomx ikunu ristretti għal dawn is-sottokumitati, u jenfasizza l-importanza ta' koordinazzjoni mas-sottokumitati l-oħrajn li għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem, bħall-migrazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li dawn il-kwistjonijiet ikunu inklużi fid-djalogu politiku sal-ogħla livell sabiex tiżdied il-koerenza tal-politika tal-UE f'dan il-qasam; huwa konvint li l-Politika Ewropea tal-Viċinat kif tfasslet u ġiet strutturata (pjan ta' azzjoni, rapport ta' segwitu u sottokumitati) jista' jkollha influwenza reali biex ikunu promossi d-drittijiet tal-bniedem jekk l-Unjoni Ewropea turi rieda politika ġenwina li tiżgura r-rispett għall-prevalenza tad-drittijiet tal-bniedem b'mod koerenti, sistematiku u mifrux; jemmen, għalhekk, li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-prinċipji demokratiċi jrid ikun prerekwiżit għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u pajjiż terz; fil-kuntest tal-ilħuq ta' ftehim ta' qafas mal-Libja, jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jagħtu l-attenzjoni xierqa għad-djalogu u l-koperazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem;

93.

Jikkundanna bil-qawwa kollha l-eskalazzjoni militari riċenti u d-deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża, filwaqt li fl-istess ħin jesprimi s-simpatija bla kundizzjonijiet tiegħu lill-popolazzjoni ċivili fin-Nofsinhar tal-Iżrael; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jimplimentaw b'mod sħiħ ir-Riżoluzzjoni 1860 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex ikun żgurat twaqqif permanenti tal-ġlied; jenfasizza l-bżonn urġenti għal responsabilità effettiva f'każijiet ta' ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali; jilqa' b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward id-deċiżjoni tal-UNHRC biex tkun maħtura missjoni indipendenti għat-tfittxija tal-fatti biex tinvestiga reati tal-gwerra u ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fuq iż-żewġ naħat matul il-kunflitt riċenti f'Gaża; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jikkoperaw mal-investigaturi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU; Jieħu nota tal-impenn tal-Kunsill tar-Relazzjonijiet Esterni tas-27 ta' Jannar 2009 li jsegwi dawk l-investigazzjonijiet mill-qrib u jitlob lill-Kummissjoni biex tiddeċiedi, b'konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, dwar azzjoni ulterjuri li għandha tittieħed meta jkunu magħrufa r-riżultati;

94.

Jirrikonoxxi t-tieni sensiela ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-UE-Użbekistan, li saret fil-5 ta' Ġunju 2008; jinnota s-seminar dwar il-libertà tal-midja, li sar f'Tashkent fit-2 u t-3 ta' Ottubru 2008; madankollu, jikkunsidra li s-seminar naqas li jikseb il-mira tiegħu, jiġifieri li jipprovdi diskussjoni miftuħa dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-midja fl-Użbekistan, kif kien intiż oriġinarjament; jinnota n-nuqqas kontinwu ta' inkjesta internazzjonali indipendenti għall-massakru ta' Andijan u n-nuqqas ta' kwalunkwe titjib fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Użbekistan; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħelsien ta' żewġ difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, Dilmurod Mukhiddinov u Mamarajab Nazarov; jikkundanna l-fatt li difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti indipendenti qed jinżammu fil-ħabs fuq akkużi politikament immotivati u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Użbeki biex jilliberaw lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem u l-priġunieri politiċi l-oħra; Jerġa' jsemmi t-tħassib serju tiegħu għall-priġunerija ta' Salijon Abdurakhmnanov, ġurnalist indipendenti, u Agzam Turgunov, attivist tad-drittijiet tal-bniedem; jinnota l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2008 dwar l-Użbekistan; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Użbeki biex jaċċettaw l-akkreditazzjoni tad-Direttur tal-Pajjiż il-ġdid ta' Human Rights Watch u biex jippermettu li l-organizzazzjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali u OMG oħra joperaw mingħajr xkiel; jitlob lill-Użbekistan biex jikkopera bis-sħiħ u b'mod effettiv mar-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar it-tortura u dwar il-libertà tal-espressjoni u biex jirrevoka restrizzjonijiet għar-reġistrazzjoni u l-operazzjoni ta' OMG fl-Użbekistan; jinnota li l-Kunsill iddeċieda biex ma jġeddidx ir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar applikabbli għal ċerti individwi li huma msemmija fil-Pożizzjoni Komuni 2007/734/PESK (34), li ġew sospiżi bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15-16 ta' Ottubru 2007 u d-29 ta' April 2008; jilqa' l-fatt li l-Kunsill madankollu ddeċieda li jġedded, għal perjodu ta' 12-il xahar, l-embargo fuq l-armi impost minn dik il-Pożizzjoni Komuni; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirrevedu s-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Użbekistan; Jerġa' jagħmel is-sejħa tiegħu għal-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha; jinnota d-dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-UE tas-17 ta' Diċembru 2008 dwar każijiet indivwali;

95.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Unjoni Ewropea u t-Turkmenistan kellhom l-ewwel sensiela ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem f'Lulju 2008; jilqa' b'sodisfazzjon it-tqajjim tat-tħassib dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkmenistan, b'mod partikolari fir-rigward tal-libertà tal-opinjoni u tal-assoċjazzjoni, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-funzjonament tas-soċjetà ċivili; jirreferi għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar Strateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali (35) u jisħaq li t-Turkmenistan għandu jagħmel progress f'oqsma ewlenin sabiex l-UE tkun tista' tikkonkludi l-Ftehim Temporanju, fost oħrajn billi jippermetti l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar l-aċċess liberu u bla xkiel, billi jirriforma s-sistema edukattiva skont l-istandards internazzjonali, billi jeħles mingħajr kundizzjonijiet lill-priġunieri politiċi kollha u l-priġunieri ta' kuxjenza, billi jabolixxi l-impedimenti kollha tal-gvern għall-ivvjaġġar, u billi jippermetti lill-OMG u l-korpi kollha tad-drittijiet tal-bniedem biex joperaw liberament fil-pajjiż; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jartikolaw b'mod ċar, qabel l-iffirmar tal-Ftehima Interim, it-titjib speċifiku fil-jeddijiet tal-bniedem u għal dak il-għan, jadottaw roadmap b'termini ċari għall-ottemperanza;

96.

Jappoġġa r-rieda tal-Kunsill biex jistabbilixxi d-djalogi tad-drittijiet tal-bniedem ma' kull wieħed mill-bqija tal-pajjiżi tal-Ażja Ċentrali; jitlob li d-djalogi jkunu intiżi għal riżultati u f'konformità bis-sħiħ mal-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ma' Pajjiżi Terzi, biex jiggarantixxu l-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-Parlament Ewropew; jitlob għall-istabbiliment tad-djalogi biex jitqabblu ma' riżorsi xierqa fi ħdan is-segretarjati tal-Kunsill u l-Kummissjoni;

97.

Jinnota l-importanza tal-impenn kemm tat-Turkija u tal-UE għall-proċess ta' adeżjoni tat-Turkija għar-riformi li għaddejjin tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija; jikkunsidra d-deċiżjoni tal-gvern li jippermetti x-xandir ta' televiżjoni Kurda bħala pass pożittiv lejn il-libertà tal-kelma fit-Turkija; jiddispjaċih, madankollu, mill-fatt li l-użu tal-lingwa Kurda għadu pprojbit fil-Parlament u fil-kampanji politiċi; itenni li huma meħtieġa aktar riformi leġiżlattivi biex ikunu żgurati r-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi u l-libertà sħiħa tal-espressjoni, fil-liġi u fil-prattika, skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; jinnota bi tħassib li ma sar l-ebda progress rigward ir-ratifika tal-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari, l-OPCAT, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabiltà u l-Protokolli Addizzjonali Numri 4, 7 u 12 għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

98.

Iħeġġeġ lill-Gvern Pakistani l-ġdid biex jieħu passi xierqa lejn it-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Pakistan; jirreferi għat-talba tal-Amnesty International li tħeġġeġ lill-Gvern Pakistani biex Jerġa' jaħtar lill-imħallfin kollha li tneħħew mill-kariga illegalment mill-president preċedenti Pervez Musharraf fl-2007; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-UE bagħtet missjoni indipendenti ta' osservazzjoni tal-elezzjoni għall-elezzjonijiet parlamentari ġenerali fi Frar 2008; jinnota b'sodisfazzjon li l-elezzjonijiet kienu kompetittivi u rriżultaw f'kunfidenza akbar tal-pubbliku fil-proċess demokratiku; jinnota li l-UE hija impenjata biex tappoġġa t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jappoġġaw il-moviment għad-demokrazija mibdi mill-ġudikatura u l-avukatura, b'mod partikolari billi jestendu stediniet lil uħud mir-rappreżentanti tagħhom, inkluż is-Sur Choudhry; jenfasizza l-ħtieġa li d-drittijiet tal-bniedem ikunu waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-UE fi ħdan il-qafas ta' djalogu kontinwu mal-Pakistan;

99.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposti tal-Kunsill li jitwettqu djalogi dwar id-drittijiet umani mal-pajjiżi differenti tal-Amerika Latina; jenfasizza li dawn id-djalogi għandhom imorru id f'id ma' talbiet sodi, konkreti u tanġibbli fir-rigward ta' kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, li bl-istess mod se jimponu obbligi fuq l-istituzzjonijiet tal-UE fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pajjiżi kkonċernati; jenfasizza li jkun jaqbel li jiġu inklużi l-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali; jinnota l-iffirmar tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR) mill-gvern Kuban fi Frar 2008; jitlob biex dawn il-Wegħdiet jiġu ratifikati mingħajr riservi; jitlob lill-gvern Kuban biex jeħles lill-priġunieri politiċi kollha u jonora d-drittijiet protetti fit-trattati ffirmati; jinnota d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2008 biex ineħħi s-sanzjonijiet informali fil-konfront ta'Kuba; jinnota li l-Kunsill se jiddeċiedi fl-2009 jekk ikomplix bid-djalogu politiku ma' Kuba, skont jekk kienx hemm titjib sinifikanti jew le fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

100.

Jitlob lir-Russja bħala poter okkupanti fil-Ġeorġja biex jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem fl-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar, inkluż id-dritt taċ-ċittadini biex jirritornaw lura lejn djarhom; jitlob lill-partijiet kollha biex ikomplu jimplimentaw l-impenji tagħhom skont il-ftehimiet tat-12 ta' Awwissu u t-8 ta' Settembru 2008; jitlob lill-gvernijiet kollha konċernati biex jipprovdu mapep dettaljati u informazzjoni dwar iz-zoni kollha affettwati mill-konflitt fejn ġew sparati bombi tat-tip “cluster”, sabiex tkun faċilitata t-tneħħija ta' munizzjonijiet ta' armi tat-tip “cluster” u biex dawk iz-zoni jsiru siguri għan-nies ċivili; jikkunsidra li ż-żewġ gvernijiet għandhom ukoll jiżguraw li l-pubbliku jkun mgħarraf bil-perikli ta' materjal mhux splodut permezz ta' kampanji pubbliċi ta' informazzjoni; jitlob lill-amministrazzjonijiet responsabbli biex jaqblu li jintbagħtu monituri internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ossezja tan-Nofsinhar u l-Abkażja;

101.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' progress fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Burma, speċjalment minħabba l-elezzjonijiet li ġejjin skedati għall-2010; jikkundanna l-arresti u l-kundanni reċenti wara l-proċessi taparsi ta' aktar minn mitt membru tal-Oppożizzjoni ta' Burma, u s-sentenzi ħorox li ngħataw; iħeġġeġ lill-gvern ta' Burma biex jeħles immedjatament lill-priġunieri politiċi kollha; jikkunsidra li l-Parlament għandu jibgħat missjoni ta' livell għoli f'Burma, ladarba s-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem għadha mhix qed titjieb minkejja s-sanzjonijiet kollha, u li l-pressjoni internazzjonali fuq ir-reġim ta' Burma trid tissaħħaħ;

Skrutinju ġenerali tal-attivitajiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni inklużi l-prestazzjonijiet taż-żewġ Presidenzi

102.

Jitlob lill-Presidenza tal-Kunsill biex tiffoka fuq il-pajjiżi ta' tħassib partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem;

103.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-avvenimenti u d-diskussjonijiet li qegħdin isiru fi ħdan il-qafas tas-Sena Ewropea għad-Djalogu Interkulturali 2008, jinnota b'sodisfazzjoni l-inizjattivi meħuda taħt iż-żewġ presidenzi;

104.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-għaxar Forum dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-OMG tal-Unjoni Ewropea organizzat mill-Presidenza Franċiża u l-Kummissjoni li sar fl-10 ta' Diċembru 2008 dwar it-tema tas-60 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u li ffoka b'mod partikolari fuq id-diskriminazzjoni kontra n-nisa;

105.

Jitlob sforzi ikbar u azzjoni iktar determinata tal-Unjoni Ewropea sabiex tgħin li titwaqqaf ftehima politika fil-kunflitt ta' Darfur u tiffaċilita l-implimentazzjoni ta' ftehima globali ta' paċi; jenfasizza l-ħtieġa li jtemm is-sitwazzjonijiet ta' impunità, billi timponi sistema ta' sanzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti; jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea għall-mandati ta' arrest maħruġa mill-QKI fir-rigward tad-Darfur, li għandhom ikunu eżegwiti mill-aktar fis possibbli;

106.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-Riżoluzzjoni 1834 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-24 ta' Settembru 2008 li testendi l-mandat tal-Missjoni tan-NU fir-Repubblika Ċentro-Afrikana u ċ-Ċad sa Marzu 2009, flimkien mal-intenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti biex tawtorizza li jintbagħat komponent militari tan-NU biex ikompli fuq l-EUFOR Ċad/CAR kemm fiċ-Ċad u r-Repubblika tal-Afrika Ċentrali;

107.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kunsill jistabbilixxi u jaġġorna regolarment listi ta' pajjiżi li qegħdin fil-mira u li fir-rigward tagħhom isiru sforzi konċertati addizzjonali intiżi biex jiġu implimentati l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar it-tfal u l-konflitti armati, dwar il-piena tal-mewt (hekk imsejħa “pajjiżi li waslu biex jadottaw bidliet f'dan ir-rigward”) u dwar difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

108.

Jerġa' jagħmel it-talba tiegħu sabiex id-diskussjonijiet kollha tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija ma' pajjiżi terzi, l-istrumenti, id-dokumenti u r-rapporti, inklużi r-Rapporti Annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem, jindirizzaw b'mod espliċitu kwistjonijiet ta' diskriminazzjoni inklużi l-kwistjonijiet ta' minoranzi etniċi, nazzjonali u lingwistiċi, libertajiet reliġjużi inkluża l-intolleranza kontra kwalunkwe reliġjon u prattiċi diskriminatorji lejn reliġjonijiet ta' minoranzi, diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet ta' popli indiġeni, id-drittijiet umani tan-nisa, id-drittijiet tat-tfal, persuni b'diżabiltà inklużi persuni b'diżabiltajiet intellettwali, u persuni ta' kull orjentazzjoni sesswali, u ta' kull identità tal-ġeneru billi jinvolvu bis-sħiħ l-organizzazzjonijiet tagħhom, kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea u f'pajjiżi terzi, fejn xieraq;

109.

Jinnota l-inizjattiva tal-Unjoni għall-Mediterran mnedija mill-Presidenza Franċiża bħala sfida ġdida sabiex tkun promossa d-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fiz-zona tal-Mediterran; juri li l-iżvilupp tal-inizjattivi l-ġodda tal-Unjoni għall-Mediterran ma tistax tinvolvi tnaqqis tal-attenzjoni u tal-prijorità li qed tingħata biex tippromwovi r-riformi adegwati rigward id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fiz-zona;

Il-programmi ta' għajnuna esterna tal-Kummissjoni u l-EIDHR

110.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-prijoritajiet tal-Parlament ġew meqjusa fid-dokumenti ta' pprogrammar tal-2007 u l-2008 tal-EIDHR;

111.

Jitlob għall-aġġornament tal-kompendji elettroniċi, li huma intiżi biex ikopru l-proġetti kollha tal-EIDHR organizzati ġeografikament u tematikament;

112.

Jinnota b'sodisfazzjoni l-interess muri fil-preżentazzjoni ta' proġetti taħt l-objettiv il-ġdid ta' appoġġ għal difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-possibiltà ta' azzjoni urġenti għall-protezzjoni tagħhom; jinnota li l-Kummissjoni għażlet 11-il benefiċjarju biex jimplimenta dawn il-proġetti u jistenna li l-attivitajiet attwali jibdew fil-bidu tal-2009;

113.

Għal darb'oħra jitlob lill-Kummissjoni biex taġġusta l-livell tal-istaff allokat għall-implimentazzjoni tal-EIDHR, kemm fil-kwartieri ġenerali u fid-delegazzjonijiet, sabiex jitqiesu l-karatteristiċi u l-problemi ta' dan l-istrument il-ġdid;

114.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura koerenza bejn il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni u l-proġetti u l-programmi li hija tappoġġa, b'mod partikolari f'konnessjoni mal-ipprogrammar bilaterali tagħha ma' pajjiżi terzi;

Assistenza elettorali u osservazzjoni ta' elezzjonijiet

115.

Jinnota b'sodisfazzjoni li l-UE qed tuża dejjem aktar l-assistenza elettorali u l-osservazzjoni ta' elezzjonijiet biex tippromwovi d-demokrazija f'pajjiżi terzi, biex b'hekk ittejjeb ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt, u li l-kwalità u l-indipendenza ta' dawn il-missjonijiet huma rikonoxxuti sew;

116.

Jenfasizza li l-metodoloġija komprensiva tal-UE, li tkopri ċ-ċiklu elettorali kollu u tinkludi kemm l-assistenza elettorali u l-osservazzjoni ta' elezzjonijiet, irnexxiet għall-UE, biex b'hekk saret organizzazzjoni ewlenija għall-osservazzjoni ta' elezzjonijiet internazzjonali;

117.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-ewwel Manwal għal osservazzjoni ta' elezzjoni tal-UE, maħruġ f'April 2008; jinnota b'sodisfazzjon it-taqsima speċifika dwar kwistjonijiet tas-sessi; jinnota li l-Manwal il-ġdid jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tal-metodoloġija tal-missjoni tal-UE ta' osservazzjoni ta' elezzjonijiet u deskrizzjoni ta' kif il-missjonijiet huma ppjanati, mibgħuta u implimentati kif ukoll kif jintużaw l-istandards internazzjonali għall-evalwazzjoni u r-rapportar;

118.

Jitlob għal aktar viġilanza fir-rigward tal-kriterji għall-għażla tal-pajjiżi li fihom għandu jkun hemm assistenza elettorali/osservazzjoni tal-elezzjonijiet, u għall-konformità mal-metodoloġija u r-regoli stabbiliti f'livell internazzjonali, partikolarment dwar in-natura indipendenti tal-missjoni;

119.

Jerġa' jagħmel is-sejħiet tiegħu sabiex il-proċess elettorali, inklużi l-istadji ta' qabel u ta' wara l-elezzjoni, ikun inkorporat fil-livelli differenti ta' djalogu politiku mal-pajjiżi terzi konċernati, sabiex tkun żgurata l-koerenza tal-linji politiċi tal-UE u jkun affermat mill-ġdid ir-rwol kruċjali tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

L-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem

120.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli timmonitorja mill-qrib l-għoti ta' benefiċċji ta' “Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi +” (GSP+) lil pajjiżi li wrew nuqqasijiet serji fl-implimentazzjoni tat-tmien konvenzjonijiet tal-ILO relatati ma' standards ewlenin tax-xogħol, minħabba ksur ta' drittijiet ċivili u politiċi jew l-użu ta' xogħol sfurzat; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa l-kriterji li jiddeterminaw meta l-GSP għandha titneħħa għal raġunijiet ta' drittijiet tal-bniedem;

Drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali (ESK)

121.

Jenfasizza li d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali huma importanti daqs id-drittijiet ċivili u politiċi; jenfasizza l-impenn tal-UE biex tappoġġa l-kisbiet tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, kif stipulati fil-konklużjonijiet tal-Kunsilli Ewropej li saru f'Diċembru 2007 u Ġunju 2008;

122.

Jitlob lill-UE biex tintegra l-protezzjoni tad-drittijiet ESK fir-relazzjonijiet esterni tagħha ma' pajjiżi terzi, billi tqegħedhom regolarment fuq l-aġenda ta' djalogi u konsultazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi u tippressa għall-implimentazzjoni tal-Protokoll Fakultattiv għall-Wegħda Internazzjonali dwar Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, speċjalment intiża għall-funzjonament effettiv tal-proċedura ta' lment individwali tiegħu;

123.

Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw il-koerenza tad-drittijiet ESK fil-linji politiċi tal-iżvilupp, il-kummerċ estern u d-drittijiet tal-bniedem tal-UE, u, għal dak il-għan, biex jistabbilixxu grupp ta' ħidma ta' interservizzi dwar drittijiet ESK;

124.

Jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem jinkludu wkoll drittijiet għal ikel, għal akkomodazzjoni xierqa, għal edukazzjoni, għal ilma, għal art, għal xogħol deċenti, għal sigurtà soċjali u għall-iffurmar ta' trejdjunjin, u li huwa importanti speċjalment li jkun żgurat li dawk id-drittijiet jitgawdew minn gruppi estremament vulnerabbli bħal persuni f'pajjiżi li huma l-inqas żviluppati, li ħerġin minn konflitt jew li qegħdin jiżviluppaw, popli indiġeni, refuġjati tal-bidla fil-klima, migranti, eċċ.;

125.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel sforz speċjali sabiex tiżgura d-dritt għall-ikel fil-kriżi preżenti tal-ikel u dik ekonomika ġenerali;

126.

Jenfasizza l-ħtieġa għall-promozzjoni tar-responsabiltà soċjali korporattiva u l-obbligu ta' kumpaniji transnazzjonali bi kwartieri ġenerali fl-Istati Membri tal-UE biex jirrispettaw, fl-operazzjonijiet tagħhom f'pajjiżi terzi, ir-regolamenti rilevanti tal-ILO;

127.

Jinnota bi pjaċir li r-reġim tal-GSP+, billi jgħaqqad id-drittijiet tal-bniedem mal-kummerċ internazzjonali, jinkoraġġixxi l-iżvilupp sostenibbli kif ukoll governanza tajba, u jsejjaħ għall-monitoraġġ effettiv ta' konformità mal-klawsola ta' element essenzjali;

128.

Għal darb'oħra jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu inizjattivi tal-UE f'livell internazzjonali sabiex jiġġieldu kontra l-persekuzzjoni u d-diskriminazzjoni bbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tas-sessi, pereżempju bil-promozzjoni ta' riżoluzzjoni dwar din il-kwistjoni fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti u l-għoti ta' appoġġ lil OMG u partijiet li jippromwovu l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni;

L-effettività tal-interventi tal-Parlament Ewropew f'każijiet tad-drittijiet tal-bniedem

129.

Jistenna li riżoluzzjonijiet u dokumenti ewlenin oħra relatati ma' kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ikunu tradotti għal-lingwa mitkellma fiz-zoni mmirati;

130.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjoni rivoluzzjonarja, appoġġjata minn 66 nazzjon inklużi l-Istati Membri tal-UE kollha, preżentata fl-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta' Diċembru 2008, dikjarazzjoni li tikkonferma d-drittijiet tal-bniedem fuq livell internazzjonali inklużi l-orjentazzjoni sesswali, l-identità sesswali u li terġa tafferma l-prinċipju tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni, li jitlob li d-drittijiet tal-bniedem għandhom japplikaw b'mod ugwali għal kull persuna irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali jew mill-identità tal-ġeneru tagħha;

131.

Jitlob lill-Kunsill biex jirrispondi b'mod sostanzjali għax-xewqat u t-tħassib espressi f'komunikazzjonijiet formali tal-Parlament, partikolarment rigward ir-riżoluzzjonijiet ta' urġenza;

132.

Ifakkar lid-delegazzjonijiet tal-Parlament li jżuru pajjiżi terzi li huma b'mod sistematiku għandhom jinkludu fl-aġenda dibattitu interparlamentari dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll laqgħat ma' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, sabiex isiru jafu direttament dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż ikkonċernat u biex jagħtuhom, fejn ikun xieraq, viżibiltà u protezzjoni internazzjonali;

133.

Huwa konvint li korp imsaħħaħ favur id-drittijiet tal-bniedem biss fil-Parlament Ewropew ikun jista' jippromwovi politika koerenti, effikaċi, sistematika u transversali tad-drittijiet tal-bniedem fl-istituzzjoni tagħna u vis-à-vis il-Kunsill u l-Kummissjoni, b'mod partikulari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Liżbona fil-kwistjoni tal-affarijiet barranin;

134.

Jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif tan-Netwerk Sakharov, kif ġie mħabbar fl-20 anniversarju tal-Premju Sakharov; jemmen li għandu jiddeċiedi malajr dwar l-arranġamenti operattivi tiegħu u jistabbilixxi r-riżorsi meħtieġa biex jilħaq l-objettivi tiegħu; itenni t-talba tiegħu sabiex ir-rebbieħa kollha tal-Premju Sakharov u, b'mod partikolari, Aung San Suu Kyi, Oswaldo José Payá Sardiñas, l-għaqda Kubana Damas de Blanco u Hu Jia jingħataw aċċess għall-istituzzjonijiet Ewropej; jiddeplora l-assenza ta' kwalunkwe rispons sinifikanti għas-sejħiet tal-UE lill-awtoritajiet taċ-Ċina, tal-Burma u ta' Kuba biex jirrispettaw il-libertajiet fundamentali, speċjalment il-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni politika;

*

* *

135.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u l-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati, lin-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, u lill-gvernijiet tal-pajjiżi u t-territorji msemmija f'din ir-riżoluzzjoni.


(1)  Għat-testi bażiċi rilevanti kollha, ikkonsulta t-tabella fl-Anness III tar-rapport A6-0128/2007 tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.

(2)  Testi adottati, P6_TA(2009)0025.

(3)  ĠU C 379, 7.12.1998, p. 265; ĠU C 262, 18.9.2001, p. 262; ĠU C 293 E, 28.11.2002, p. 88; ĠU C 271 E, 12.11.2003, p. 576; Testi adottati, 22 ta' Mejju 2008, P6_TA(2008)0238; Testi adottati, 21 ta' Ottubru 2008, P6_TA(2008)0496.

(4)  ĠU C 311, 9.12.2005, p. 1.

(5)  ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.

(6)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3; ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27.

(7)  ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1.

(8)  ĠU C 125 E, 22.5.2008, p. 220.

(9)  Testi adottati, P6_TA(2008)0065.

(10)  ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 107.

(11)  ĠU C 250 E, 25.10.2007, p. 91.

(12)  ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 775.

(13)  ĠU C 77 E, 28.3.2002, p. 126.

(14)  ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 214.

(15)  Testi adottati, P6_TA(2008)0405.

(16)  ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 24.

(17)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 879.

(18)  ĠU C 327, 23.12.2005, p. 4.

(19)  Testi adottati, P6_TA(2008)0194.

(20)  Testi adottati, P6_TA(2009)0021.

(21)  ĠU L 150, 18.6.2003, p. 67.

(22)  Sat-18 ta' Lulju 2008, 85 stat kienu għadhom ma rratifikawx l-Istatut ta' Ruma: l-Alġerija, l-Angola, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Baħamas, il-Baħrejn, il-Bangladexx, il-Belarus, il-Butan, il-Brunej, il-Kamerun, il-Kap Verde, iċ-Ċili, iċ-Ċina, il-Kosta tal-Avorju, Kuba, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, l-Eġittu, El Salvador, il-Ginea Ekwatorjali, l-Eritrea, l-Etjopja, il-Grenada, il-Gwatemala, il-Ginea-Bissaw, il-Ħaiti, l-Indja, l-Indoneżja, l-Iran, l-Iraq, l-Iżrael, il-Ġamajka, il-Każakstan, il-Kiribati, il-Kuwajt, il-Kirgiżtan, il-Laos, il-Libanu, il-Libja, il-Malasja, il-Maldive, il-Mawritanja, l-Istati Federali tal-Mikroneżja, il-Moldova, Monako, il-Marokk, il-Możambik, il-Mijanmar/Burma, in-Nepal, in-Nikaragwa, l-Oman, il-Pakistan, il-Palau, il-Papwa-Ginea Ġdida, il-Filippini, il-Qatar, il-Federazzjoni Russa, ir-Rwanda, Santa Luċija, Sao Tome u Prinċipe, l-Għarabja Sawdita, is-Seychelles, Singapore, il-Gżejjer Solomon, is-Somalja, is-Sri Lanka, is-Sudan, is-Sważiland, is-Sirja, it-Tajlandja, Togo, Tonga, it-Tuneżija, it-Turkija, it-Turkmenistan, Tuvalu, l-Ukraina, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Użbekistan, il-Vanwutu, il-Vjetnam, il-Jemen, iż-Żimbabwe.

(23)  Minn Novembru 2008, l-Awstrija, l-Ungerija, is-Slovenja u Spanja rratifikaw kemm il-Konvenzjoni u l-Protokoll Fakultattiv.

(24)  Fost l-Istati Membri tal-UE, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja għadhom ma ffirmawx il-Konvenzjoni.

(25)  Testi adottati, P6_TA(2008)0238.

(26)  Testi adottati, P6_TA(2008)0496.

(27)  Dikjarazzjoni mill-Ambaxxatriċi Susan E. Rice, Rappreżentanta Permanenti tal-Istati Uniti, dwar ir-rispett għal-Liġi Umanitarja Internazzjonali, fil-Kunsill tas-Sigurtà, fid-29 ta' Jannar 2009.

(28)  Firmatarji (sa Novembru 2008): il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, Ċipru, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovakkja, l-Islovenja, il-Finlandja,, l-Iżvezja (huma biss ħames pajjiżi – l-Albanija, l-Arġentina, Franza, il-Ħonduras u l-Messiku – li rratifikaw il-Konvenzjoni, li teħtieġ 20 ratifika għad-dħul fis-seħħ.).

(29)  ĠU L 200, 30.7.2005, p. 1.

(30)  Il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza,, l-Italja, l-Ungerija, Ċipru, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Islovenja, l-Iżvezja il-Finlandja u r-Renju Unit.

(31)  Il-Protokoll Mhux Obbligatorju għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-bejgħ ta' tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal (sa Novembru 2008): mhux ratifikat mir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, , l-Irlanda, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, il-Finlandja jew ir-Renju Unit.Il-Protokoll Mhux Obbligatorju għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar l-involviment tat-tfal f'konflitti armati (sa Novembru 2008): mhux ratifikat mill-Estonja, l-Olanda jew l-Ungerija.

(32)  ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 82.

(33)  Testi adottati, P6_TA(2008)0309.

(34)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/734/PESK tat-13 ta' Novembru 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Użbekistan (ĠU L 295, 14.11.2007, p. 34).

(35)  Testi adottati, P6_TA(2008)0059.


Top