EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0357

L-ittikkettjar tal-konsum tal-enerġija tat-televiżjoni Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta' Mejju 2009 dwar l-abbozz ta' direttiva tal-Kummissjoni li timplimenta u temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE dwar l-ittikkettjar tal-konsum tal-enerġija tat-televiżjoni

OJ C 212E , 5.8.2010, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 212/6


L-Erbgħa, 6 ta’ Mejju 2009
L-ittikkettjar tal-konsum tal-enerġija tat-televiżjoni

P6_TA(2009)0357

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-abbozz ta' direttiva tal-Kummissjoni li timplimenta u temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE dwar l-ittikkettjar tal-konsum tal-enerġija tat-televiżjoni

2010/C 212 E/03

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE tat-22 ta' Settembru 1992 dwar l-indikazzjoni permezz tal-ittikkettjar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra skont l-apparat tad-dar (1) u b'mod partikolari l-Artikoli 9 u 12 tagħha,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' direttiva tal-Kummissjoni li timplimenta u temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE dwar l-ittikkettjar tal-konsum tal-enerġija tat-televiżjoni,

wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fit-30 ta' Marzu 2009 mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/75/KEE,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2006 bl-isem Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Enerġija: it-Twettiq tal-Potenzjal (COM(2006)0545),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta' ttikkettar u informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-energija (COM(2008)0778),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-5 ta' Mejju 2009 dwar id-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta' ttikkettar u informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-energija (tfassil mill-ġdid) (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (3),

wara li kkunsidra l-Artikolu 81(2) u (4)(b) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-għan ewlieni tad-Direttiva 92/75/KEE (id-Direttiva Qafas) kif dikjarat fl-Artikolu 1 tagħha hu li ‘li jippermetti l-armonizzazzjoni ta' miżuri nazzjonali dwar il-pubblikazzjoni, b'mod partikolari b'mezzi ta' ittikkettjar u b'informazzjoni dwar il-prodott, b'informazzjoni dwar il-konsum ta' enerġija u dwar riżorsi essenzjali oħra, u b'informazzjoni addizjonali dwar ċertu tip ta' apparat tad-dar, u b'hekk tħalli lill-konsumaturi jagħżlu apparat aktar effiċjenti fl-enerġija”,

B.

billi d-Direttiva Qafas tgħid ukoll li ‘l-provvediment ta' informazzjoni preċiża, relevanti u komparabbli dwar il-konsum speċifiku ta' enerġija ta' apparat tad-dar tista' tinfluwenza l-għażla tal-pubbliku favur dak l-apparat li jikkonsma inqas enerġija”,

C.

billi, kif muri fl-Evalwazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni li takkumpanja l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta' ttikkettar u informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-energija (SEC(2008)2862), it-tikketta oriġinali A-G, li kienet effettiva, serviet bħala mudell f'pajjiżi differenti madwar id-dinja, bħall-Brażil, iċ-Ċina, l-Arġentina, iċ-Ċilì, l-Iran, Iżrael u l-Afrika t'Isfel,

D.

billi t-televiżjoni huma apparat li jikkonsma ħafna enerġija, l-inklużjoni ta' din il-kategorija mal-iskema tal-ittikkettar tal-enerġija skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva Qafas, toffri potenzjal konsiderevoli biex tkun iffrankata l-enerġija,

E.

billi l-ittikkettar tal-enerġija ta' televiżjonijiet għandu jkun konsistenti kemm jista' jkun mal-iskemi tal-ittikkettar tal-enerġija stabbiliti għal apparat ieħor tad-dar,

F.

billi fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni msemmija hawn fuq hemm li ‘Il-klassifikazzjonijiet tal-ittikkettar eżistenti se jkunu aġġornati u kklassifikati mill-ġdid kull ħames snin jew kull meta żviluppi teknoloġiċi ġodda jiġġustifikaw li jsir dan, fuq il-bażi ta' studji tal-ekodisinn, bil-għan li t-tikketta A tkun mogħtija lill-10-20 % fost l-apparat l-aktar effiċjenti”,

G.

billi, huwa essenzjali biex ikun hemm implimentazzjoni b'suċċess tal-iskema tal-ittikkettar tal-enerġija, li jiddaħħlu miżuri li jagħtu informazzjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija ta' apparat tad-dar li tkun ċara, kompensiva, kumparabbli u faċli tiftiehem mill-konsumatur,

H.

billi l-fatt li l-konsumatur qed jagħżel li jixtri ammont akbar ta' apparat li jkun effiċjenti minflok apparat anqas effiċjenti se jżid id-dħul finanzjarju tal-produtturi tal-apparat,

I.

billi l-abbozz ta' direttiva tal-Kummissjoni, partikolarment fir-rigward tad-disinn tat-tikketta tal-enerġija u tal-klassi tal-effiċjenza tal-enerġija, tintroduċi bidla oħra billi żżid klassi A ġdida (pereżempju, A-20 %, A-40 %, A-60 %) li għandha l-possibilità li tħawwad aktar lill-konsumaturi, tfixkilhom milli jifhmu sew l-iskema tal-ittikkettar tal-enerġija u ddgħajjef il-kapaċità tagħhom li jagħżlu apparat li jkun aktar effiċjenti fl-enerġija,

J.

billi numru żgħir ta' bidliet tekniċi lit-tikketta jista' jwassal f'tikketta li tkun ferm aktar ċara u li tiftiehem aħjar mill-konsumaturi,

K.

billi l-evidenza turi li l-konsumaturi isibu l-iskala A-G ċara, imma l-Kummissjoni ma għamletx evalwazzjoni tal-impatt biex turi jekk il-klassi A-20 %, A-40 %, A-60 % flimkien mal-klassijiet inferjuri mingħajr klassifika jgħinux jew jiżgwidawx lill-konsumatur,

L.

billi r-riklassifikazzjoni tal-prodotti eżistenti fi skala magħluqa A-G partikolarment se tevita l-ħolqien ta' klassijiet inferjuri mingħajr klassifika li jistgħu jiżgwidaw lill-konsumaturi,

M.

billi l-introduzzjoni ta' klassijiet ta' effiċjenza addizzjonali fit-tikketti eżistenti A-G, anke fil-każ ta' prodotti oħra, x'aktarx iżid il-konfużjoni dwar jekk il-klassi ‘A” tirrapreżentax prodott effiċjenti jew ineffiċjenti,

N.

billi din il-miżura ma sservix biex jintlaħaq l-għan tal-istrument bażiku li tkun provduta informazzjoni preċiża, relevanti u kumparabbli lill-konsumaturi,

O.

billi l-Kummissjoni ressqet proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva Qafas li tista' tintroduċi aktar bidliet li jista' jkollhom effett fuq il-miżuri implimentattivi proposti,

1.

Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz tad-direttiva tal-Kummissjoni li timplimenta u temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE dwar l-ittikkettar tal-konsum tal-enerġija tat-televiżjoni;

2.

Jikkunsidra li din id-direttiva qafas tal-Kummissjoni mhijiex kumpatibbli mal-għan tal-istrument bażiku;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tirtira l-abbozz tad-direttiva u tressaq oħra ġdida, ibbażata fuq l-iskala A-G, lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/75/KEE malajr kemm jista' jkun, u definittivament mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2009;

4.

Iqis id-disinn tat-tikketta bħala element essenzjali tad-direttiva tat-tikketta dwar l-enerġija, li għandu jkun deċiż bħala parti mir-reviżjoni u mir-riformulazzjoni attwali skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 297, 13.10.1992, p. 16.

(2)  Testi adottati, P6_TA(2009)0345.

(3)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


Top