Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0143

Ginea Bissaw Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta’ Marzu 2009 dwar il-Ginea Bissaw

OJ C 87E , 1.4.2010, p. 178–180 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 87/178


Il-Ħamis, 12 ta’ Marzu 2009
Ginea Bissaw

P6_TA(2009)0143

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2009 dwar il-Ginea Bissaw

2010/C 87 E/37

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-UE tat-2 ta’ Marzu 2009 dwar l-avvenimenti traġiċi fil-Ginea Bissaw,

wara li kkunsidra kemm l-elezzjonijiet presidenzjali ta’ Ġunju u Lulju 2005 u l-elezzjonijiet parlamentari tas-16 ta’ Novembru 2008 tal-Ginea Bissaw,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tat-3 ta’ Marzu 2009 dwar il-kriżi politika attwali fil-Ginea Bissaw,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana (AU) tat-2 ta’ Marzu 2009,

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi fit-2 ta’ Marzu 2009 suldati ribelli sparaw lill-President tal-Ginea Bissaw João Bernardo Vieira, bosta sigħat wara attakk bil-bombi li qatel lill-Kap tal-Istat maġġur tal-armata, il-Ġeneral Batista Tagmé Na Waié; billi l-qtil neħħa żewġ figuri u rivali b’saħħithom ħafna li kienu ħelsu minn diversi attentati fuq ħajjithom fl-aħħar erba’ xhur,

B.

billi l-attakki ma tqiesux bħala kolp ta’ stat, u billi l-Kunsill għall-Paċi u s-Sigurtà tal-AU ma ssospendiex lill-Ginea Bissaw bħalma għamel lill-ġirien tagħha l-Ginea u l-Mawritanja wara kolpi ta’ stat is-sena li għaddiet,

C.

billi l-Ispeaker li ġie elett dan l-aħħar tal-Assemblea Nazzjonali tal-Popli, Raimundo Pereira, ingħata l-ġurament tal-ħatra bħala president għal perjodu limitat sakemm isiru l-elezzjonijiet, kif stipulat fil-Kostituzzjoni; billi Raimundo Pereira appella lill-komunità internazzjonali biex tgħin tistabbilizza lill-pajjiż,

D.

billi l-għexieren ta’ snin ta’ instabilità politika fil-Ginea Bissaw wasslu lill-pajjiż fi kriżi serja, ikkaratterizzata b’nuqqas ta’ aċċess għal ilma nadif, għas-servizzi tas-saħħa u għall-edukazzjoni u b’ħaddiema tas-servizz ċivili f’ħafna ministeri li ilhom xhur ma jitħallsu, u billi l-pajjiż huwa wieħed minn numru żgħir ta’ Stati fuq l-aġenda tal-Kummissjoni għall-Bini tal-Paċi tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), li għandha l-għan li tgħin pajjiżi foqra biex jevitaw li jerġgħu lura għall-gwerra jew għall-kaws; billi l-assassinji waslu fi żmien ta’ involviment akbar mill-UE u mill-komunità internazzjonali bl-għan li jkun hemm Ginea Bissaw demokratika u stabbli,

E.

billi minn Ġunju 2008 ‘l hawn l-UE kienet qed tipprovdi pariri u għajnuna biex tiġi appoġġjata r-riforma tas-settur tas-sigurtà fil-Ginea Bissaw permezz tal-missjoni tagħha tal-ESDP “Riforma UE tas-Settur tas-Sigurtà (SSR) fil-Ginea Bissaw”,

F.

billi l-elezzjonijiet parlamentari ta’ Novembru 2008 kienu test importanti għall-Ginea Bissaw, li t-tranżizzjoni tagħha għat-tmexxija demokratika kellha bżonn kbir ta’ impetu ġdid; billi l-elezzjonijiet kienu mfaħħra kemm miċ-ċittadini u minn osservaturi internazzjonali, b’mod partikolari l-Missjoni ta’ Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet tal-UE, u wittiet it-triq għal appoġġ imsaħħaħ min-NU għall-isforzi tal-bini tal-paċi fil-pajjiż; billi, matul il-perjodu tal-elezzjonijiet, il-forzi militari ma involvewx ruħhom fil-proċess elettorali u baqgħu impenjati biex jiggarantixxu ambjent paċifiku,

G.

billi l-assassinji jidhru li kienu relatati mat-tensjoni politika li ġejja minn rivalitajiet antiki, diviżjonijiet etniċi u instabilità fl-armata, u l-preżenza li kulma jmur qed tikber ta’ interessi ta’ traffikar tad-drogi fil-pajjiż, li joħolqu sitwazzjoni ta’ sfond kumplessa u perikoluża ħafna li l-ħin kollu ddgħajjef l-abilità tal-pajjiż li jirkupra,

H.

billi l-Ginea Bissaw qed tiffaċċja problema ta’ traffikar ta’ drogi u sservi ta’ punt ta’ tranżitu ewlieni għad-drogi bejn l-Amerika ta’ Isfel u l-Ewropa, u billi t-traffikar tad-drogi huwa theddida serja għall-istabilità politika tal-pajjiż,

I.

billi l-provi li kulma jmur qed jiżdiedu ta’ traffikar ta’ drogi li jseħħ fir-reġjun u li jgħaddi minnu juru kif dan sar periklu ewlieni għall-Afrika tal-Punent kollha kemm hi u diġà hu ta’ theddida kbira wkoll għall-Unjoni Ewropea billi jaffettwa r-reġjuni ġirien,

1.

Jikkundanna b’mod qawwi l-assassinji tal-President tal-Ginea Bissaw, Joao Bernardo Vieira, u tal-kap tal-forzi armati, il-Ġeneral Tagmé Na Waié;

2.

Joffri l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji tal-President Joao Bernardo Vieira u tal-Ġeneral Tagmé Na Waié, li mietu, u lill-poplu tal-Ginea Bissaw;

3.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Ginea Bissaw biex jinvestigaw bir-reqqa dawn id-delitti u jressqu lil dawk li kienu responsabbli quddiem il-ġustizzja, u jistieden lill-komunità internazzjonali biex tuża l-influwenza kollha meħtieġa u tipprovdi l-appoġġ kollu meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan; jirrimarka li l-każijiet li jinvolvu l-assassinji tal-Ġenerali Ansumane Mané (2000) u Veríssimo Correia Seabra (2004) għadhom ma ġewx solvuti, u l-qattiela rispettivi lanqas ġew misjuba, mħarrka u mtella’ l-qorti; jenfasizza li l-impunità mhix soluzzjoni;

4.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-wegħda tal-armata li tirrispetta l-Kostituzzjoni tal-Ginea Bissaw, u jitlob rispett strett tal-ordni kostituzzjonali tal-pajjiż;

5.

Iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex isolvu t-tilwimiet tagħhom pemezz ta’ mezzi politiċi u paċifiċi fil-qafas tal-istituzzjonijiet tal-Ginea Bissaw u jopponi kwalunkwe tentattiv biex jinbidel il-gvern b’mezzi li jmorru kontra l-kostituzzjoni;

6.

Jittama li l-elezzjonijiet presidenzjali jseħħu fi żmien 60 ġurnata, kif stipulat fil-Kostituzzjoni, u jistieden lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali biex jiżguraw li l-Ginea Bissaw tirċievi l-appoġġ finanzjarju u tekniku li teħtieġ biex torganizza elezzjonijiet kredibbli;

7.

Jenfasizza li hemm il-periklu li l-Ginea Bissaw tibqa’ instabbli u inkapaċi li tindirizza l-korruzzjoni rampanti jew li tbiddel l-istatus tagħha bħala pajjiż ta’ tranżitu ewlieni għad-drogi sakemm l-istituzzjonijiet tagħha jibqgħu strutturalment dgħajfa;

8.

Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-AU, lill-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS), lill-Komunità ta’ Pajjiżi li fihom hu mitkellem il-Portugiż (CPLP) u membri oħra tal-komunità internazzjonali biex jimmoniterjaw l-iżviluppi fil-Ginea Bissaw, biex jgħinu sabiex jiġi ppreservat l-ordni kostituzzjonali u biex ikomplu jappoġġjaw l-isforzi tal-bini tal-paċi fil-pajjiż;

9.

Jitlob li jkun hemm taħdidiet immedjati bejn id-diversi fazzjonijiet politiċi fil-pajjiż bil-għan li jsir programm li l-partijiet interessati kollha jimpenjaw ruħhom fir-rigward tiegħu, li jkun jinkludi t-tħaffif tar-riformi fis-settur tas-sigurtà, liġi elettorali riveduta, riforma tal-amministrazzjoni pubblika, miżuri kontra l-korruzzjoni, l-istabbilizzazzjoni makroekonomika u l-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili dwar ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali;

10.

Jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni li ttieħdet fit-3 ta’ Marzu 2009 mill-ECOWAS biex tintbagħat delegazzjoni ministerjali fil-Ginea Bissaw, li tkun magħmula minn ministri min-Niġerja, mill-Burkina Faso, mill-Kap Verde, mill-Gambja u mis-Senegal, akkumpanjata mill-President tal-Kummissjoni tal-ECOWAS, u d-deċiżjoni simili li ttieħdet l-istess ġurnata mis-CPLP biex tintbagħat missjoni politika fil-Ginea Bissaw, immexxija mis-Segretarju tal-Istat Portugiż għall-Affarijiet Barranin u l-Koperazzjoni, li t-tnejn li huma jinvolvu l-partijiet interessati kollha fi sforz biex jerġa’ jkun hemm fiduċja fost il-parteċipanti politiċi, il-forzi tas-sigurtà u s-soċjetà ċivili u biex il-pajjiż jerġa’ jirritorna għan-normalità kostituzzjonali;

11.

Jiġbed l-attenzjoni, bi tħassib serju, dwar it-theddida li t-trasbord tad-drogi minn postijiet ’il bogħod bħall-Kolombja u l-Afganistan u t-traffikar tal-persuni jippreżentaw għall-konsolidazzjoni tal-paċi fil-Ginea Bissaw u għall-istabilità tar-reġjun tal-Afrika tal-Punent, u jistieden lill-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, b’appoġġ xieraq mill-ECOWAS, biex jiżviluppaw pjan reġjonali ta’ azzjoni biex jindirizzaw din l-isfida;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni għall-Bini tal-Paċi tan-NU biex tgħin sabiex l-għajnuna li ġiet imwiegħda (kemm finanzjarja u kif ukoll teknika) mid-donaturi tibqa’ għaddejja, b’mod partikolari għar-riformi tas-settur tas-sigurtà u dawk amministrattivi u l-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi;

13.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jibqgħu jipprovdu pariri u għajnuna biex tiġi appoġġjata r-riforma fis-settur tas-sigurtà fil-Ginea Bissaw permezz tal-missjoni ESDP “UE SSR Ginea Bissaw” u biex jirrapportaw dwar il-progress li diġà sar;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarji Ġenerali tan-NU u tal-ECOWAS, lill-istituzzjonijiet tal-AU, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE, lis-Segretarjat tas-CPLP u lill-Gvern u l-Parlament tal-Ginea Bissaw.


Top