Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0141

Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Messiku Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tat- 12 ta’ Marzu 2009 dwar Sħubija Strateġika UE-Messiku (2008/2289(INI))

OJ C 87E , 1.4.2010, p. 172–176 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 87/172


Il-Ħamis, 12 ta’ Marzu 2009
Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Messiku

P6_TA(2009)0141

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2009 dwar Sħubija Strateġika UE-Messiku (2008/2289(INI))

2010/C 87 E/35

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill ippreżentata minn José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra f’isem il-Grupp PPE-DE dwar Sħubija Strateġika UE-Messiku (B6-0437/2008),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Lulju 2008 bit-titolu “Lejn Sħubija Strateġika UE-Messiku” (COM(2008)0447),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Ottubru 2007 dwar qtil ta’ nisa (femiċidji) fil-Messiku u fl-Amerika Ċentrali, u l-irwol tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu (1),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u l-Istati Uniti Messikani, min-naħa l-oħra (2), iffirmat fit-8 ta’ Diċembru 1997 (Ftehim Globali),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-ħames laqgħat għolja tal-kapijiet tal-istati u tal-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea u tal-Amerika Latina u tal-Karibew u (UE-LAC), li s’issa saru f’Rio de Janeiro (fit-28 u d-29 ta’ Ġunju 1999), f’Madrid (fis-17 u t-18 ta’ Mejju 2002), fi Guadalajara (fit-28 u d-29 ta’ Mejju 2004), fi Vjenna (fit-12 u t-13 ta’ Mejju 2006) u f’Lima (fis-16 u s-17 ta’ Mejju 2008),

wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tar-Raba’ Laqgħa Għolja Messiku-UE li sar f’Lima, tas-17 ta’ Mejju 2008,

wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tat-Tmien Laqgħa tal-Kumitat Konġunt UE-Messiku li saret fil-Belt tal-Messiku fit-13 u l-14 ta’ Ottubru 2008,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-seba’-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari Konġunt (JPC) UE-Messiku, li saret fil-Belt tal-Messiku fit-28 u d-29 ta’ Ottubru 2008,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat-13 ta’ Ottubru 2008,

wara li kkunsidra l-messaġġ mill-Assemblea Parlamentari Euro-Latinoamericana (EuroLat) fil-Ħames Laqgħa Għolja UE-LAC tal-1 ta’ Mejju 2008,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ April 2008 dwar il-Ħames Laqgħa Għolja tal-Unjoni Ewropea u tal-Amerika Latina u l-Karibew f’Lima (3),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ San Salvador adottata waqt it-18-il Laqgħa Għolja Iberoamerikan tal-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet, li sar fid-29 u l-31 ta’ Ottubru 2008,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2006 dwar il-klawsola tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fi ftehim tal-Unjoni Ewropea (4),

wara li kkunsidra l-Artikoli 114(3) u 83(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0028/2009),

A.

billi l-Messiku u l-UE għandhom sett ta’ valuri fundamentali u prinċipji komuni u rabtiet storiċi u kulturali,

B.

billi r-rispett tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem, kif inhuma mfissra fil-klawsola tad-demokrazija, huma element essenzjali kemm tas-Sħubija Strateġika kif ukoll tal-Ftehim Globali, u għandhom jiġu applikati miż-żewġ partijiet,

C.

billi l-Messiku qiegħed aktar ma jmur jikkonsolida l-piż politiku tiegħu fix-xena internazzjonali, kif tikkonferma fil-livell dinji n-nomina reċenti tiegħu bħala membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (għall-2009-2010), u fil-livell reġjonali bil-presidenza tiegħu tas-Segretarjat Pro-Tempore tal-Grupp ta’ Rio (għall-2008-2010),

D.

billi huwa importanti li l-UE tirrikonoxxi l-kontribut tal-Messiku għas-sistema multilaterali ġaladarba l-multilateraliżmu huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi li ż-żewġ partijiet, il-Messiku u l-UE, impenjaw ruħhom li jippromwovu fl-isfera internazzjonali,

E.

billi l-Messiku beda skema ta’ riformi strutturali f’setturi strateġiċi u sar l-għaxar ekonomija bħala kobor fid-dinja, huwa membru tal-G-20 u tal-G-5 (il-Brażil, iċ-Ċina, l-Indja, l-Afrika t’Isfel u l-Messiku) u huwa, barra minn hekk, l-uniku pajjiż Latin-Amerikan li hu membru tal-OECD,

F.

billi l-Messiku għandu popolazzjoni ta’ aktar minn 100 miljun bi predominanza ta’ żgħażagħ billi 45 % tal-Messikani huma taħt l-20 sena, u jokkupa pożizzjoni ġeostrateġika importanti bħala pont bejn l-Amerika ta’ Fuq u t’Isfel u bejn il-Karibew u l-Paċifiku,

G.

billi l-Ftehim Globali għandu tliet pilastri: id-djalogu politiku; il-ħolqien gradwali ta’ żona ta’ kummerċ ħieles; u l-koperazzjoni; billi, barra minn hekk, minn meta daħal fis-seħħ il-ftehim fis-sena 2000, ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat issaħħu u kkonsolidaw ruħhom aktar, kemm politikament kif ukoll fl-oqsma tal-kummerċ u l-koperazzjoni,

H.

billi waqt is-Laqgħa Għolja ta’ Lima l-UE u l-Messiku enfasizzat l-iżvilupp pożittiv fil-flussi kummerċjali u tal-investiment bil-Ftehim Globali,

I.

billi, kemm b’mod bilaterali u kif ukoll fil-qafas tal-Ftehim Globali, l-UE u l-Messiku saħħu l-kuntatti tagħhom fil-livelli kollha u fl-istituzzjonijiet kollha, b’mod partikolari fil-qasam parlamentari u fil-kuntest tal-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Messiku u l-EuroLat,

J.

billi l-proposta għal Sħubija Strateġika waslet fi żmien ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika internazzjonali, u hemm ir-riskju li din il-kriżi taffettwa l-bilanċ ekonomiku u soċjali tar-relazzjoni bilaterali,

K.

billi relazzjonijiet aktar fil-fond bejn l-UE u l-Messiku jistgħu jgħinu biex iseddqu l-kunsens bejn l-UE u s-sħab Latini-Amerikani tagħha dwar kwistjonijiet reġjonali u globali, hekk li jiffaċilitaw il-promozzjoni konġunta ta’ interessi u valuri komuni f’fora internazzjonali u reġjonali,

L.

billi s-Sħubija Strateġika teħtieġ li tiġi meqjusa bħala qabża kwalitattiva 'l quddiem fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Messiku f’żewġ livelli differenti: b’mod multilaterali, f’termini ta’ koordinazzjoni reċiproka fi kwistjonijiet ta’ importanza dinjija, u b’mod bilaterali, permezz tal-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejniethom u ta’ inizjattivi partikolari,

M.

billi l-proċessi ta’ integrazzjoni politika u ekonomika, il-fatt li l-globalizzazzjoni ekonomika qiegħda kull ma tmur tinfirex u l-importanza tad-dibattitu dwar id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent, inter alia, biddlu l-prijoritajiet fl-aġenda taż-żewġ reġjuni,

N.

billi l-qagħda strateġika tal-Messiku u n-network tal-ftehim kummerċjali tiegħu jfissru li huwa ta’ importanza strateġika kbira għall-esportazzjoni Ewropea, billi l-UE hija t-tieni sors tal-investiment barrani tiegħu,

O.

billi z-Zona ta’ Kummerċ Ħieles bejn il-Messiku u l-Unjoni Ewropea għandha rwol importanti fir-relazzjonijiet bilaterali tal-Unjoni Ewropea minħabba li għandha ambitu komprensiv ħafna (merkanzija, servizzi, akkwisti pubbliċi, kompetizzjoni, drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali, investiment u ħlasijiet relatati),

P.

billi l-emigrazzjoni Messikana lejn l-UE, inter alia, hija waħda mill-kwistjonijiet l-iktar importanti u sensittivi għall-Messiku, minħabba n-numru kbir ta’ immigranti Messikani, li ħafna minnhom huma kwalifikati ħafna, fl-Unjoni,

1.

Jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

(a)

jittama li s-Sħubija Strateġika tkun qabża kwalitattiva 'l quddiem fir-relazzjoniet bejn l-UE u l-Messiku, kemm multilateralment f’termini ta’ kwistjonijiet ta’ importanza dinjija, u kif ukoll fit-tisħiħ tal-iżvilupp ta’ relazzjonijiet bilaterali;

(b)

huwa favur li l-Laqgħat Għolja annwali UE-Messiku jiġu istituzzjonalizzati fil-qafas tas-Sħubija Strateġika, bħalma hu l-każ diġà tal-Laqgħat Għolja mal-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina u l-Brażil;

(c)

għandu fiduċja li s-Sħubija Strateġika se tagħti impetu ġdid lill-Ftehim Globali UE-Messiku fl-aspetti varji tiegħu - dawk politiċi (inklużi d-drittijiet tal-bniedem), dawk relatati mas-sigurtà, dawk li jirrigwardaw il-miżuri ta’ kontra t-traffikar tad-drogi, l-aspetti ambjentali, il-koperazzjoni (teknika u kulturali) u l-aspetti soċjoekonomiċi;

(d)

jawgura li l-kapitolu dwar il-kummerċ ikun ibbażat fuq trattament ugwali, solidarjetà, djalogu u rispett tal-karatteristiċi speċifiċi tal-Messiku u tal-Unjoni Ewropea;

(e)

itenni l-appoġġ tiegħu għall-Gvern Messikan u l-President Calderón fil-ħidma importanti ħafna tagħhom li jnaddfu ċerti istituzzjonijiet tal-Istat; hu tal-fehma li din il-kampanja hija essenzjali biex tiġi evitata l-korruzzjoni u jiġi żgurat li s-soċjetà ma titħalliex mingħajr protezzjoni;

(f)

jemmen li l-ġlieda kontra l-qtil tan-nisa fiż-żewġ reġjuni hija inkluża fl-isfera tal-attivitajiet tiegħu, fuq il-bażi tad-djalogu, il-koperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki;

(g)

għandu fiduċja li s-Sħubija Strateġika se twassal għal koordinazzjoni aktar mill-qrib ta’ pożizzjonijiet rigward sitwazzjonijiet ta’ kriżi u kwistjonijiet ta’ importanza dinjija fuq il-bażi ta’ preokkupazzjonijiet u interessi komuni;

(h)

jixtieq jara linji gwida ċari dwar kif l-aħjar tiġi żgurata koperazzjoni mill-qrib bil-għan li jiġi promoss il-multilateraliżmu effettiv u li jissaħħu l-kapaċitajiet tan-NU biex tinżamm u tiġi kkonsolidata l-paċi u jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jiġu indirizzati, fil-qafas tal-liġi internazzjonali, it-theddidiet komuni għall-paċi u għas-sigurtà bħalma huma t-traffikar tad-drogi u l-armi, il-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u t-traffikar tal-bnedmin, bi qbil mad-Dikjarazzjoni ta’ Lima;

(i)

jitlob li s-Sħubija Strateġika titqies bħala opportunità biex ikun hemm dibattitu dwar kif il-klawsola tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija tista’ ssir taħdem b’mod iżjed effettiv u dwar kif tiġi evalwata l-konformità magħha - inkluż billi tiġi żviluppata d-dimensjoni pożittiva tagħha - billi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jirrapreżentaw valuri essenzjali, fil-ftehim kollu u għaż-żewġ partijiet;

(j)

jesprimi, f’dan ir-rigward, l-appoġġ tiegħu għall-gvern Messikan fil-kontributi tiegħu għall-ħidma tan-NU u fil-ġlieda tiegħu kontra t-traffikar tad-drogi, it-terroriżmu internazzjonali u l-kriminalità organizzata, speċjalment minħabba li n-numru ta’ vittmi tat-traffikar u tal-użu tad-drogi kull ma jmur qed jikber;

(k)

għandu fiduċja li l-mekkaniżmi privileġġati tad-djalogu politiku li jirriżultaw mis-Sħubija Strateġika UE-Messiku se jwasslu biex tingħata spinta reali għar-relazzjonijiet mal-proċessi differenti ta’ integrazzjoni reġjonali kif ukoll bejniethom, għall-ħarsien tal-valuri u l-interessi tas-Sħubija Strateġika nnifisha u għat-tisħiħ tal-multilateraliżmu fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali;

(l)

jissuġġerixxi li l-Forum tas-Soċjetà Ċivili Messiku-UE jingħata aktar importanza u li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jiġu kkunsidrati kull fejn ikun possibbli;

(m)

jenfasizza l-irwol tas-Sħubija Strateġika bħala strument li għandu jgħin biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-partijiet fil-fora internazzjonali, bħalma huma l-Bank Dinji, l-Fond Monetarju Internazzjonali, l-OECD, il-G-20 u l-G8+G5, bl-iskop li jinstabu soluzzjonijiet għall-kriżi finanzjarja dinjija u li tingħata reazzjoni konġunta li jkollha l-għan li ġġib lura l-fiduċja fl-istituzzjonijiet finanzjarji, bi qbil mad-Dikjarazzjoni ta’ San Salvador;

(n)

jenfasizza l-ħtieġa, speċjalment fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja dinjija, li jiġi promoss l-iżvilupp tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, minħabba l-irwol importanti ħafna tagħhom fit-tisħiħ tat-tessut ekonomiku u soċjali u fil-ħolqien ta’ impjiegi dinjitużi;

(o)

jenfasizza l-importanza tal-ftehim bilaterali kollu konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Messiku, speċjalment il-Ftehim Globali, li jinkludi z-Zona ta’ Kummerċ Ħieles (FTA), u s-Sħubija Strateġika;

(p)

jenfasizza l-effetti pożittivi li kellha l-applikazzjoni tal-Ftehim Globali għaż-żewġ partijiet, b’ żieda ta’ iktar minn 100 % fil-kummerċ bilaterali;

(q)

jenfasizza li s-Sħubija Strateġika se tagħti impetu ġdid lir-relazzjoni bilaterali u se tiffavorixxi l-espansjoni u t-titjib tal-programmi ta’ koperazzjoni bħalma hu l-Programm Integrali ta’ Għajnuna għall-Intrapriżi ta’ Daqs Żgħir u Medju (PIAPYME), li r-riżultati tiegħu jkunu ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet; jitlob, f’dan il-kuntest, biex issir kampanja ta’ informazzjoni biex tagħti pubbliċità lill-programmi kollha li minnhom jistgħu jibbenefikaw iż-żewġ partijiet fil-qafas tal-approfondiment tar-relazzjonijiet tagħhom; jirrimarka li s-Sħubija Strateġika se tgħin biex il-koordinazzjoni bejn iż-żewġ partijiet fil-forums u l-istituzzjonijiet multilaterali prinċipali tkun ikkonsolidata iktar;

(r)

jirrakkomanda li l-Messiku għandu jsir membru permanenti tal-istruttura finanzjarja u ekonomika internazzjonali ġdida tal-G-20 minħabba li, f’dan il-kuntest, is-sħubija strateġika bilaterali mal-Unjoni Ewropea ssir iktar rilevanti milli diġà hi;

(s)

jenfasizza l-bżonn li jinstabu punti ta’ qbil biex titfassal strateġija ambizzjuża għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, bi tħejjija għall-Konferenza tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima li se ssir f’Kopenħagen fl-2009, u biex jintlaħaq ftehim globali;

(t)

iħeġġeġ biex isiru aktar sforzi koerenti biex ikun promoss it-trasferiment xjentifiku u teknoloġiku, bil-ħsieb li tingħata spinta lill-koperazzjoni reali fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u t-titjib tal-ħarsien ambjentali;

(u)

jixtieq jara aktar progress fl-iżvilupp ta’ djalogu komprensiv u strutturat dwar l-immigrazzjoni, kemm legali u kif ukoll illegali, kif ukoll dwar ir-rabtiet li hemm bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp, bi qbil mal-esperjenzi kemm tal-Messiku kif ukoll tal-UE dwar dawn is-suġġetti kif ukoll mad-Dikjarazzjoni ta’ Lima;

(v)

jitlob lill-Kunsill Konġunt, fuq il-bażi tal-klawsola dwar l-iżviluppi futuri prevista fl-Artikolu 43 tal-Ftehim Globali, biex jikkunsidra jekk wasalx iż-żmien li jiġix stabbilit, inter alia, ftehim dwar politika ta’ immigrazzjoni bejn iż-żewġ partijiet, partikolarment fir-rigward tal-proċeduri tal-Modalità 4;

(w)

jitlob li jkun hemm affermazzjoni mill-ġdid tal-impenji għall-ilħuq tal-Miri ta’ Żvilupp tal-millenju u għal għarfien imġedded tal-ħtieġa ta’ koperazzjoni mill-qrib fl-oqsma tal-koeżjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-bidla fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli, il-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, it-traffikar tad-drogi u l-kriminalità organizzata, u l-ġlieda kontra l-faqar;

(x)

hu tal-fehma li jeħtieġ li jkun hemm fluss regolari ta’ informazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Gvern tal-Messiku għall-Parlament Ewropew, l-EuroLat u l-Kumitat Parlamentari Konġunt Messiku-UE dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tas-Sħubija Strateġika u l-monitoraġġ tal-attivitajiet imnedija minnha;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta’ informazzjoni, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Kungress tal-Istati Uniti Messikani.


(1)  ĠU C 227 E, 4.9.2008, p. 140.

(2)  ĠU L 276, 28.10.2000, p.45.

(3)  Testi adottati, P6_TA(2008)0177.

(4)  ĠU C290 E, 29.11.2006, p. 107.


Top