Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0139

L-implimentazzjoni taz-Zona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta’ Marzu 2009 dwar l-implimentazzjoni taz-Zona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA)

OJ C 87E , 1.4.2010, p. 166–167 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 87/166


Il-Ħamis, 12 ta’ Marzu 2009
L-implimentazzjoni taz-Zona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA)

P6_TA(2009)0139

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2009 dwar l-implimentazzjoni taz-Zona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA)

2010/C 87 E/33

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ Mejju 2006 dwar iz-Zona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro,

wara li kkunsidra d-Dokument Speċjali Nru 71 t’Awwissu 2007 dwar l-impatt ekonomiku taz-Zona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro ppubblikat mill-Bank Ċentrali Ewropew,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern (1) (Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Ottubru 2008 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità (COM(2008)0640),

wara li kkunsidra s-Sitt Rapport dwar il-Progress tas-SEPA mill-Bank Ċentrali Ewropew ta’ Novembru 2008,

wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi z-Zona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA) hija intiża bħala suq integrat għas-servizzi tal-pagament, li hu suġġett għal kompetizzjoni effettiva u fejn m’hemm l-ebda distinzjoni bejn pagamenti transkonfinali u nazzjonali bl-euro,

B.

billi s-SEPA mhix biss inizjattiva ta’ awtoregolazzjoni mill-Kunsill Ewropew tal-Ħlasijiet (EPC), iżda wkoll inizjattiva ewlenija ta’ politika pubblika li ssaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja kif ukoll l-Aġenda ta’ Liżbona; billi s-SEPA hija appoġġata mid-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament, li tipprovdi l-qafas legali armonizzat meħtieġ; u billi s-suċċess tagħha huwa, għalhekk, ta’ interess partikolari għall-Parlament,

C.

billi l-migrazzjoni għas-SEPA bdiet uffiċjalment fit-28 ta’ Jannar 2008 bit-tnedija tal-istrument tas-SEPA għat-trasferiment tal-kreditu, waqt li l-qafas tas-SEPA dwar il-ħlasijiet bil-kards ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2008, u l-iskema ta’ Debitu Dirett tas-SEPA hija skedata biex tibda fl-1 ta’ Novembru 2009,

D.

billi ma kienet stabbilita l-ebda data vinkolanti għat-tmiem tal-migrazzjoni lejn l-istrumenti tas-SEPA, u billi l-partijiet kollha involuti issa jaqblu li din hija imperattiva sabiex is-SEPA tkun ta’ suċċess,

E.

billi l-migrazzjoni lejn is-SEPA qed issir bil-mod iktar min-normal: sal-1 t’Ottubru 2008, 1,7 % biss tat-tranżazzjonijiet totali saru permezz tal-format tat-Trasferiment tal-Kreditu tas-SEPA,

F.

billi huwa importanti li l-partijiet interessati rilevanti kollha - leġiżlaturi, l-industrija bankarja u l-utenti tas-servizzi ta’ pagament (b’mod partikolari s-settur pubbliku, li huwa utent li jagħmel użu kbir minn prodotti ta’ pagament) - jikkontribwixxu għat-temma tas-SEPA,

G.

billi l-użu tal-istrumenti tas-SEPA sempliċement għal transazzjonijiet ta’ pagament transkonfinali ma jwasslux għas-suċċess tal-proġett tas-SEPA, minħabba li l-frammentazzjoni tippersisti u l-benefiċċji mistennija għall-industrija bankarja kif ukoll għall-klijenti tagħha ma jkunux jistgħu jiġu realizzati,

H.

billi fl-4 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew indikaw lill-EPC li huma jkunu lesti li jappoġġaw l-idea ta’ ħlas għall-interskambju multilaterali (MIF) għal debiti diretti transkonfinali fil-qafas tas-SEPA bil-kundizzjoni li ħlasijiet bħal dawn ikunu ġġustifikati oġġetivament u applikabbli għal perjodu limitat biss,

I.

billi l-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni għat-tħassib rigward l-MIF eżistenti, u l-industrija qed issib diffikultà biex issib soluzzjoni xierqa,

J.

billi għandha tiġi solvuta wkoll il-kwistjoni tal-applikazzjoni ta’ MIF fir-rigward tas-soluzzjoni ta’ kard tal-UE bbażata fuq il-qafas tas-SEPA dwar il-ħlasijiet bil-kards,

K.

billi għandu jkun żgurat li se tinżamm il-validità legali ta’ mandati eżistenti ta’ debitu dirett, minħabba li l-obbligu li jkunu ffirmati mandati ġodda meta wieħed jibdel minn skemi nazzjonali ta’ debitu dirett għall-iskema ta’ Debitu Dirett tas-SEPA jkun ta’ piż,

1.

Jenfasizza li se jkompli jappoġġa l-ħolqien tas-SEPA, li tkun suġġetta għall-kompetizzjoni effettiva u fejn ma ssir l-ebda distinzjoni bejn il-ħlasijiet transkonfinali u nazzjonali bl-euro;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffissa data tat-tmiem ċara, xierqa u vinkolanti, li m’għandhiex tkun iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012, għall-migrazzjoni lejn l-istrumenti tas-SEPA, data li warajha l-ħlasijiet kollha bl-euro jkunu jridu jsiru skont l-istandards tas-SEPA;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel dispożizzjoni għaċ-ċarezza legali rigward l-applikazzjoni ta’ MIF għal debiti diretti transkonfinali, b’mod partikulari tistabbilixxi perijodu tranżizzjonali li meta jispiċċa għandu jkun possibbli li l-MIFs jibqgħu fis-seħħ dment li dawn ikunu konformi mal-linji ta’ gwida tal-Kummissjoni li għandhom jiġu adottati kemm jista’ jkun malajr u għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji tat-trasparenza u l-komparabilità kif ukoll fuq l-osservazzjoni tal-ispejjeż tas-servizzi mogħtija mill-fornituri tas-servizzi ta’ pagament, u ħlasijiet rikjesti fuq dawn is-servizzi;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara l-kwistjoni tal-MIF għall-pagamenti bil-kard;

5.

Jitlob iktar ħidma sabiex jinstabu soluzzjonijiet xierqa fl-Istati Membri sabiex jiżguraw li tinżamm il-validità legali ta’ mandati eżistenti ta’ debitu dirett fl-iskema ta’ Debitu Dirett tas-SEPA;

6.

Jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom biex jużaw l-istrumenti tas-SEPA malajr kemm jista’ jkun u sabiex jagħtuhom l-irwol tal-mutur fil-proċess ta’ migrazzjoni;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-migrazzjoni tal-istrumenti tas-SEPA ma tirriżultax f’sistemi ta’ pagament iktar għaljin għaċ-ċittadini tal-Unjoni;

8.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.


Top