Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0138

Għajnuna tal-KE għall-iżvilupp fir-rigward tas-servizzi tas-saħħa fl-Afrika ’l isfel mis-Saħara Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta’ Marzu 2009 dwar approċċ għall- “Għajnuna tal-KE għall-iżvilupp fir-rigward tas-servizzi tas-saħħa fl-Afrika ‘l isfel mis-Saħara”

OJ C 87E , 1.4.2010, p. 162–165 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 87/162


Il-Ħamis, 12 ta’ Marzu 2009
Għajnuna tal-KE għall-iżvilupp fir-rigward tas-servizzi tas-saħħa fl-Afrika ’l isfel mis-Saħara

P6_TA(2009)0138

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2009 dwar approċċ għall-“Għajnuna tal-KE għall-iżvilupp fir-rigward tas-servizzi tas-saħħa fl-Afrika ‘l isfel mis-Saħara”

2010/C 87 E/32

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 10/2008 tal-Qorti tal-Awdituri dwar “l-Għajnuna għall-Iżvilupp mogħtija mill-KE għas-Servizzi tas-Saħħa fl-Afrika ’l Isfel mis-Saħara”,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta’ Settembru 2000 li tistabbilixxi l-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju (MDGs) bħala kriterji stabbiliti b’mod konġunt mill-komunità internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-faqar,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ottubru 2005 bl-isem “It-Tħaffif tal-progress lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju - Il-kontribut tal-Unjoni Ewropea” (COM(2005)0132),

wara li kkunsidra l-Programm ta’ Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (1), li ġie adottat fl-1994,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni adottata fit-22 ta’ Novembru 2007 mill-Assemblea Konġunta tal-Parlament ACP-EU dwar l-aċċess għall-kura tas-saħħa u għall-prodotti mediċinali, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ mard traskurat (2),

wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Strateġija għall-Programmi Tematiċi 2007-2013 bl-isem “Investiment fin-nies”, ibbażat fuq ir-Regolament (KE) 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp,

wara li kkunsidra r-Rapport dwar is-Saħħa fid-Dinja tal-2008 mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO) bl-isem “Il-Kura primarja tas-Saħħa – Issa aktar min qatt qabel”,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millennju — il-punt f’nofs triq (3) u r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2008 - bi tħejjija għal-Laqgħa ta’ Livell Għoli tan-NU dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millenju tal-25 ta’ Settembru 2008 - dwar Imwiet marbuta mal-maternità (4),

wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali lill-Kummissjoni dwar ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri Nru 10/2008 dwar l-Għajnuna għall-iżvilupp mogħtija mill-KE għas-Servizzi tas-Saħħa fl-Afrika ’l Isfel mis-Saħara (O-0030/2009 - B6-0016/2009),

wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-fondi tal-KE għall-qasam tas-saħħa ma żdidux mis-sena 2000 bħala proporzjon tal-assistenza għall-iżvilupp totali tagħha minkejja l-impenji għall-MDGs u l-kriżi tas-saħħa fl-Afrika ’l Isfel mis-Saħara,

B.

billi l-KE m’għamlitx arranġamenti sistematiċi biex tiggarantixxi li jkun hemm biżżejjed ħila esperta fil-qasam tas-saħħa biex timplimenta l-politika tagħha tas-saħħa b’mod xieraq,

C.

billi, filwaqt li l-ħsieb attwali tal-għajnuna mill-baġit ġenerali jinkludi rabtiet mal-qasam tas-saħħa, l-implimentazzjoni tiegħu ma daħlitx fil-fond biżżejjed biex tesplora dawk ir-rabtiet u tindirizza l-ħtiġijiet tal-ifqar oqsma tal-popolazzjoni,

D.

billi s-sostenn tal-baġit tal-qasam, li jiffoka fuq il-qasam tas-saħħa, ftit ġie użat mill-Kummissjoni fl-Afrika ’l Isfel mis-Saħara,

E.

billi nofs il-popolazzjoni tal-Afrika ’l Isfel mis-Saħara għadha tgħix fil-faqar, u billi l-Afrika huwa l-uniku kontinent li mhuwiex jagħmel progress lejn l-MDGs, speċjalment it-tliet MDGs relatati mas-saħħa – il-mortalità fost it-tfal, il-mortalità fil-maternità u l-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, it-tuberkolożi u l-malarja – li huma kruċjali biex jiġi indirizzat il-faqar iżda li l-anqas li hemm ċans jintlaħqu sal-2015,

F.

billi, minkejja l-problemi ta’ sostenibilità osservati fi proġetti relatati mas-saħħa, dan il-metodu ta’ għoti ta’ għajnuna ta prova li hu utli biex ikun sostnut il-qasam tas-saħħa fl-Aftrika ’l Isfel mis-Saħara,

G.

billi kull sena 3,5 miljun tifel u tifla jmutu qabel ma jagħlqu ħames snin bħala riżultat ta’ dijarea u pulmonite,

1.

Jikkunsidra li sistemi dgħajfa tas-saħħa, inkluża l-kriżi ta’ riżorsi umani, huma ostaklu maġġuri biex jinkisbu l-MDGs li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa, u jenfasizza li t-tisħiħ ta’ sistemi tas-saħħa għandu jkun element essenzjali fit-tnaqqis tal-faqar; jemmen li l-infrastruttura bażika tal-kura tas-saħħa teħtieġ appoġġ finanzjarju stabbli u fuq perjodu ta’ żmien twil jekk l-MDGs relatati mas-saħħa għandhom iħallu frott;

2.

Jikkunsidra li, bil-ħsieb li jinkisbu riżultati aħjar fis-saħħa u biex jintlaħqu l-miri tal-iżvilupp tas-saħħa li sar qbil dwarhom f’livell internazzjonali, hemm bżonn ta’ impenn komuni; f’dan il-kuntest, jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn min-naħa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jaħdmu lejn mira ta’ 15 % tal-baġits nazzjonali bħala investiment għas-saħħa skont l-impenji meħuda mill-kapijiet Afrikani f’Abuja, n-Niġerja, f’April 2001 (il-mira ta’ 15 % ta’ Abuja); jisgħobbih li l-KE allokat 5,5 % biss għas-saħħa mill-għajnuna totali taħt id-disa’ Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF);

3.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-appoġġ tagħha għas-servizzi tas-saħħa fl-Afrika ’l Isfel mis-Saħara u biex tirrevedi l-bilanċ tal-iffinanzjar tal-KE bil-ħsieb li tagħti prijorità lill-għajnuna għas-sistemi tas-saħħa;

4.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid il-fondi allokati għall-qasam tas-saħħa fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-għaxar EDF, indipendentement minn strateġija neċessarjament komprensiva li tinkludi appoġġ għal oqsma li għandhom impenn usa’ fuq ir-riżultati fis-saħħa, bħall-edukazzjoni, l-ilma u s-sistemi ta’ sanità, l-iżvilupp rurali u l-governanza;

5.

Jenfasizza li l-impenn meħud fil-kuntest tal-istrument għall-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) li 20 % mill-fondi jiġu ddedikati għas-saħħa u għall-edukazzjoni bażika sal-2009 għandu japplika għall-infiq kollu tal-politika Ewropea għall-iżvilupp, inkluż il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, sabiex ikun koerenti; jitlob lill-Kummissjoni biex tgħarraf lill-kumitati kompetenti tal-Parlament, sal-10 ta’ April 2009, x’inhu l-persentaġġ, għal kull pajjiż, mill-għajnuna totali għall-iżvilupp allokata għall-Afrika ’l Isfel mis-Saħara li kien iddedikat għall-edukazzjoni bażika u sekondarja u s-saħħa bażika;

6.

Jitlob lill-Kunsill ipoġġi l-EDF fil-baġit tal-UE, kif diġà ntalab ripetutament mill-Parlament, li jippermetti aktar koerenza tal-politika u kontroll parlamentari fuq l-infiq għall-iżvilupp;

7.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm biżżejjed għarfien fis-saħħa sabiex ikollha sehem effettiv fid-djalogu tal-qasam tas-saħħa billi tiżgura li kull delegazzjoni fejn is-saħħa tkun qasam iffukat ikollha speċjalisti tas-saħħa, billi taħdem aktar mill-qrib ma’ konsulenti tas-saħħa tad-dipartiment tal-Għajnuna Umanitarja tal-Komunità Ewropea (ECHO) f’pajjiżi li jkunu ħarġu minn gwerra, billi tifforma sħubiji aktar mill-viċin mal-WHO sabiex tipprofitta mill-għarfien tagħhom, u billi tidħol fi ftehimiet formali mal-Istati Membri tal-UE biex jużaw l-għarfien tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tibgħat lill-kumitati kompetenti tal-Parlament, sal-10 ta’ April 2009, ħarsa ġenerali tan-numru rispettiv ta’ esperti tas-saħħa u l-edukazzjoni li għamlet disponibbli fir-reġjun, fil-livell ta’ delegazzjoni kif ukoll fil-kwartjieri ġenerali tagħha, u skeda ta’ żmien/ħarsa ġenerali preċiża għall-2009 u 2010 fejn tindika kif beħsiebha żżid dan l-ammont u fejn se jiġu allokati dawk il-persuni, sabiex it-tweġibiet tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati għall-proċedura ta’ kwittanza għall-2007;

8.

Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ ta’ assistenza teknika għall-Fond Globali għall-Ġlieda kontra l-AIDS, it-Tuberkolożi u l-Malarja (GFATM) fil-livell tal-pajjiżi fit-tħejjija ta’ applikazzjonijiet għal għotjiet u fl-implimentazzjoni ta’ kuntratti ta’ għotjiet u biex tipprovdi feedback lill-kwartjieri ġenerali tal-KE sabiex tiżgura li jkollha rwol effettiv fil-bord eżekuttiv tal-GFATM;

9.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid il-kapaċità tagħha fi staff u riżorsi, kemm fil-livell ta’ kwartjieri ġenerali u delegazzjonijiet, sabiex tappoġġja l-istateġija tagħha tas-saħħa fil-pajjiżi kkonernati u biex tiżgura l-effettività tal-ħlasijiet tal-GFATM; u jitlob sabiex tingħata prijorità akbar lill-mard li faċilment jista’ jiġi evitat, bħall-mard tad-dijarea, li jista’ jiġi evitata bil-kbir permezz ta’ aċċess universali għas-sapun u kampanji xierqa li jqajmu kuxjenza dwar il-ħasil tal-idejn;

10.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni wkoll biex tagħmel użu akbar ta’ għajnuna mill-baġit ġenerali biex tissaħħaħ il-kura tas-saħħa b’indikaturi ta’ prestazzjoni dwar il-progress lejn il-mira ta’ 15 % ta’ Abuja u rati ta’ implimentazzjoni (dgħufija speċifika fl-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi u s-sejħiet għall-offerti), l-assistenza teknika dwar id-djalogu tal-politika fil-qasam tas-saħħa u sistemi tajba tal-istatistika;

11.

Jikkonferma li l-kuntratti tal-MDG għandhom il-potenzjal li jiżguraw investiment sostenibbli u fuq perjodu ta’ żmien twil fis-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex jgħinhom jiksbu l-MDGs, iżda biss jekk il-Kummissjoni tiżgura li l-kuntratti tal-MDGs jikkonċentraw primarjament fuq is-saħħa u l-oqsma tal-edukazzjoni; jenfasizza, madankollu, li l-kuntratti tal-MDGs huma biss parti mis-soluzzjoni meta wieħed jiġi għal titjib fl-effettività u biex jitgħaġġel il-progress lejn l-ilħuq tal-MDGs li jirrigwardaw is-saħħa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni wkoll biex tiżviluppa approċċi alternattivi, speċjalment għal dawk il-pajjiżi li għadhom mhumiex eliġibbli għall-kuntratti tal-MDGs, li spiss jinsabu aktar ‘il bogħod milli jiksbu l-MDGs dwar is-saħħa u li għandhom l-akbar bżonn ta’ għajnuna għall-iżvilupp;

12.

Jilob lill-Kummissjoni biex tuża l-miri li jkejlu direttament ir-riżultati ta’ politiki u biex tistabilixxi mekkaniżmi u għodda ta’ monitoraġġ biex tiżgura li proporzjon adegwat ta’ għajnuna mill-appoġġ tal-baġit ġenerali issostni l-ħtiġijiet bażiċi, partikolarment is-saħħa; jenfasizza li dan għandu jkun akkumpanjat minn għajnuna għall-bini ta’ kapaċitajiet; jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament sa tmiem l-2009 dwar il-passi li tkun ħadet;

13.

Jitlob għall-bini ta’ kapaċitajiet fil-ministeri kollha bil-ħsieb li tiġi żgurata effettività akbar fil-qasam tas-saħħa permezz ta’ nfiq addizzjonali tal-baġit, peress li s-sjieda mill- pajjiżi sikwit wisq tkun limitata għall-ministeri tal-finanzi;

14.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel użu akbar tal-appoġġ tal-baġit tal-qasam; jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi r-rekwiżit ġenerali li l-appoġġ tal-baġit tal-qasam jista’ jintuża biss jekk is-saħħa tkun qasam fokali u biex terġa’ tikkunsidra d-distribuzzjoni attwali tagħha ta’ riżorsi bejn l-appoġġ tal-baġit tal-qasam u l-appoġġ tal-baġit ġenerali;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ għal skrutinju tal-appoġġ baġitarju mill-parlamenti, mis-soċjetà ċivili u mill-awtoritajiet lokali sabiex tkun żgurata rabta soda u ċara bejn l-għajnuna mill-appoġġ tal-baġit u l-ilħuq tal-MDGs;

16.

Jikkundanna l-fatt li biss f’numru limitat ta’ pajjiżi sħab (sitta) is-saħħa intgħażlet bħala qasam fokali taħt l-għaxar EDF; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b’mod sistematiku tinkoraġġixxi pajjiżi biex iżidu l-baġit nazzjonali tas-saħħa billi jużaw indikaturi tal-prestazzjoni billi timmira għal dawn iż-żidied fil-Ftehimiet ġenerali tagħha ta’ Finanzjament ta’ Sostenn għall-Baġit;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni biex ikollha sehem aktar b’saħħtu bħala faċilitatur tad-djalogu bejn il-gvernijiet tal-pajjiżi sħab u s-soċjetà ċivili, il-qasam privat u l-parlamenti nazzjonali;

18.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi u tqassam gwida ċara dwar meta kull strument għandu jintuża u kif dawn jistgħu jintużaw flimkien biex tintlaħaq l-akbar sinerġija possibli; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm koerenza bejn l-istrumenti finanzjarji differenti, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni fil-pajjiżi individwali, sabiex ikun garantit progress fl-MDGs relatati mas-saħħa;

19.

Jinsisti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jużaw il-Kodiċi ta’ Mġiba tal-UE dwar il-Koperazzjoni ta’ Żvilupp għat-Tqassim tax-Xogħol biex ikun żgurat li l-infiq u l-programmi relatati mas-saħħa jkunu kkoordinati aħjar u biex tkun garantita konċentrazzjoni aħjar fuq il-pajjiżi li ma jirċievu għajnuna ta’ xejn (“aid-orphan countries”) u li ġew ittraskurati, inkluż pajjiżi fi kriżi u stati fraġli;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni, f’koperazzjoni mill-qrib mal-Qorti tal-Awdituri, biex tidentifika kif in-nuqqasijiet innutati fir-Rapport tal-Qorti tal-Awdituri jistgħu jkunu indirizzati u sabiex jintbaghat rapport dwar l-eżitu ta’ dawn id-diskussjonijiet lill-kumitati kompetenti tal-Parlament sa tmiem l-2009;

21.

Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Qorti tal-Awdituri, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi Afrikani kkonċernati.


(1)  A/CONF.171/13/Rev.1.

(2)  ĠU C 58, 1.3.2008, p. 29.

(3)  ĠU C 146E, 12.6.2008, p. 232.

(4)  Testi adottati: P6_TA(2008)0406.


Top