Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0117

Is-sitwazzjoni soċjali tar-Roma u t-titjib tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol fl-UE Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 11 ta’ Marzu 2009 dwar is-sitwazzjoni soċjali tar-Roma u t-titjib tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol fl-UE (2008/2137(INI))

OJ C 87E , 1.4.2010, p. 60–69 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 87/60


L-Erbgħa, 11 ta’ Marzu 2009
Is-sitwazzjoni soċjali tar-Roma u t-titjib tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol fl-UE

P6_TA(2009)0117

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar is-sitwazzjoni soċjali tar-Roma u t-titjib tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol fl-UE (2008/2137(INI))

2010/C 87 E/12

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 6, 7, 29 u 149 tat-Trattat KE, b’ mod partikolari r-rekwiżit li l-Istati Membri għandhom jiżguraw opportunitajiet ugwali għaċ-ċittadini kollha,

wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li jippermetti lill-Komunità tieħu azzjoni xierqa għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata, inter alia, fuq l-oriġini razzjali jew etnika,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-28 ta’ April 2005 dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Unjoni Ewropea (1), tal-1 ta’ Ġunju 2006 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa Roma fl-Unjoni Ewropea (2), tal-31 ta’ Jannar 2008 dwar Strateġija Ewropea għar-Roma (3) u tal-10 ta’ Lulju 2008 dwar iċ-ċensiment tar-Roma fuq bażi tal-etniċità fl-Italja (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE (5),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (6) u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (7),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2008 dwar, ’Aġenda soċjali mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21’ (COM(2008)0412), (il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Aġenda Soċjali Mġedda),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2008 għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar il-promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd (9),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1 ta’ Frar 1995 u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-4 ta’ Novembru 1950,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) tal-10 ta’ Diċembru 1984 kontra t-Tortura u Trattamenti jew Kastigi Oħrajn li huma Krudili, Inumani jew Degradanti,

wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) dwar it-Titjib tas-Sitwazzjoni tar-Roma u tas-Sinti fi ħdan iz-Zona OSCE tas-27 ta’ Novembru 2003,

wara li kkunsidra r-rapport annwali 2007 tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar ir-razziżmu u l-ksenofobija fl-Istati Membri,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-Deċennju ta’ Inklużjoni tar-Roma tat-2 ta’ Frar 2005 kif ukoll it-twaqqif tal-Fond għall-Edukazzjoni tar-Roma fit-12 ta’ Mejju 2005,

wara li kkunsidra r-rapport tal- Kummissjoni dwar, ’Is-Sitwazzjoni tar-Roma f’Unjoni Ewropea Mkabbra’, ippubblikat mill- fl-2004,

wara li kkunsidra r-rapport, ’Minoranzi Etniċi fis-Suq tax-Xogħol: Sejħa Urġenti għal Inklużjoni Soċjali Aħjar’ tal-Grupp ta’ Esperti Konsultattiv ta’ Livell Għoli dwar l-Integrazzjoni Soċjali tal-Minoranzi Etniċi u l-Parteċipazzjoni Sħiħa tagħhom fis-Suq tax-Xogħol, ta’ April 2007,

wara li kkunsidra r-Rapport Finali dwar is-Sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tar-Roma, tas-Sinti u tan-Nomadi fl-Ewropa, ippubblikat mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa fl-2006,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew intitolata ’Integrazzjoni tal-minoranzi - Roma’ (10) (Opinjoni EESC),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0038/2009),

A.

billi wara t-tkabbir riċenti tal-Unjoni Ewropea, il-ħtieġa għall-integrazzjoni soċjali ħolqot sfidi ġodda fl-Unjoni Ewropea, li jridu jkunu ffaċċjati fil-kuntest ta’ ċirkustanzi ekonomiċi u demografiċi ġodda u billi għalkemm dawk l-isfidi jridu jkunu ffaċċjati fl-Istati Membri kollha, l-Istati Membri fiċ-ċentru u fil-Lvant tal-Ewropa huma milquta aktar minħabba t-trasformazzjoni soċjali, ekonomika u strutturali tagħhom matul l-aħħar għoxrin sena; jinnota, għalhekk, li l-gruppi soċjali vulnerabbli, bħar-Roma, huma fis-sitwazzjoni l-aktar perikoluża,

B.

billi f’dawk l-Istati Membri fejn is-setturi industrijali fallew, ir-reġjuni raw il-prospetti tagħhom tal-iżvilupp imorru lura u, bħala riżultat, bosta Roma b’mod partikolari, twarrbu fil-marġini tas-soċjetà permezz ta’ żieda mgħaġġla tal-faqar; billi l-Parlament jinnota u jtenni li, matul dan il-proċess, naqas il-valur tad-dritt tar-Roma għaċ-ċittadinanza nazzjonali u dik tal-UE għar-Roma u li l-benefiċċji mit-tkabbir ma waslux għandhom b’mod xieraq, u għalhekk kibret il-marġinalizzazzjoni tagħhom f’diversi modi,u filwaqt li żdied ir-riskju li jiffaċċjaw ta’ diskriminazzjoni multipla,

C.

billi l-kampanja aggressiva politika strateġika għall-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs għar-Roma trid titqabad ma’ sitwazzjoni soċjali estremament kumplessa, minħabba li r-Roma, l-ikbar minoranza etnika tal-Ewropa, għandhom l-istess żvantaġġi ta’ gruppi oħra, u billi din it-taqbida tista’ tiġi megħjuna bl-aktar mod effettiv bi strateġija komprensiva għar-Roma u b’sett ikkoordinat ta’ strumenti li jestendu għal firxa ta’ politiki settorjali u bl-għajnuna ta’ finanzjament għalihom,

D.

billi l-vjaġġaturi huma fenomenu etniku separat, li b’mod ġustifikat jista’ jiġi diskuss bħala kwistjoni separata kemm mil-lat tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll minn dak tal-kwistjonijiet soċjali u tas-suq tax-xogħol,

E.

billi l-proċess ta’ integrazzjoni tar-Roma fis-soċjetà mhuwiex wieħed unilaterali iżda multilaterali u hemm il-ħtieġa li r-Roma jkunu attivament involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet meta jitfasslu politiki għall-inklużjoni soċjali,

F.

billi l-kundizzjonijiet tal-għajxien tar-Roma, il-qagħda tas-saħħa tagħhom u l-livell ta’ edukazzjoni tagħhom jiddeterminaw is-sitwazzjoni soċjali u s-suq tax-xogħol tagħhom u spiss iservu bħala pretest għall-esklużjoni tagħhom minn soċjetajiet ta’ maġġoranza u għar-razziżmu, u billi dan kollu jxekkel it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tagħhom, u b’hekk ma jistgħux jiġu eżerċitati d-drittijiet ċivili u tal-bniedem l-aktar fundamentali,

G.

billi infrastruttura tat-trasport ħażina, nuqqas ta’ entitajiet u servizzi amministrattivi pubbliċi, b’mod partikulari ta’ istituzzjonijiet edukattivi u ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja u r-rilokazzjoni tan-negozji jġiegħlu liż-żgħażagħ jitbiegħdu mid-dar għal raġunijiet ekonomiċi, u għalhekk immorru għall-agħar id-disparitajiet reġjonali u l-gettoizzazzjoni,

H.

billi huwa mportanti ħafna li, preċiż qabel it-tmiem tat-tieni perjodu tal-Proċess ta’ Liżbona, tiġi evalwata s-sitwazzjoni soċjali u l-prospetti tal-impjieg tar-Roma u li jiġi deċiż x’għandu jsir,

I.

filwaqt li jagħraf l-importanza tal-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni għall-promozzjoni tal-integrazzjoni u filwaqt li jinnota li, minħabba l-kumplessità tal-problemi soċjali ffaċjati mir-Roma, mhuwiex konċepibbli li dawn jistgħu jiġu solvuti purament permezz tas-sistema ta’ proġetti karatteristika tal-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni,

J.

billi huwa bla dubju importanti li jiġu rikonoxxuti l-prattiki tajbin preċedenti, imma billi l-validità tagħhom hija limitata f’sens ta’ żmien u mkien,

K.

billi ħafna komunitajiet tar-Roma bħalissa għandhom tendenza li jibqgħu fejn huma, minflok ma jiċċaqilqu lejn zoni fejn jista’ jkun hemm aktar opportunitajiet ta’ xogħol,

Ir-Roma fis-suq tax-xogħol: aċċess jew esklużjoni?

1.

Jikkunsidra li hemm il-ħtieġa għal approċċ ikkoordinat biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għejxien tal-komunità tar-Roma li hu mmirat biex jintlaħqu dawn it-tliet għanijiet:

iż-żieda tal-opportunitajiet ekonomiċi għar-Roma;

il-bini ta’ kapital uman, u;

it-tisħiħ tal-kapital soċjali u l-iżvilupp tal-komunità;

2.

Jindika l-fatt li l-politiki mmirati lejn ir-Roma, f’ħafna każijiet, ma tejbux is-sitwazzjoni tagħhom; jitlob li, fl-azzjonijiet kollha tal-UE u tal-Istati Membri li jaffettwaw lir-Roma b’mod partikulari, dawk li għandhom sehem fil-komunità tar-Roma jieħdu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet, sabiex tiġi rispettata l-kapaċità u r-responsabiltà tagħhom li jorganizzaw lilhom infushom;

3.

Jinnota li l-aċċess mhux ugwali għas-servizzi u l-iżvantaġġi soċjoekonomiċi li jiffaċċjaw it-tfal tar-Roma fil-prattika ma jippermettulhomx żvilupp bikri u edukazzjoni ta’ kwalità għolja; jinnota li dawk l-iżvantaġġi, min-naħa tagħhom jaffettwaw b’mod negattiv l-iżvilupp emozzjonali, soċjali, fiżiku u personali tagħhom, kif ukoll l-opportunitajiet sussegwenti tagħhom fis-suq tax-xogħol u għalhekk jaffettwaw l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà ewlenija;

4.

Jinnota li s-sistemi edukattivi huma selettivi u li minkejja l-isforzi tal-Istati Membri biex jegħlbu s-segregazzjoni, il-ħafna sistemi diversi mfassla b’mod li jagħti l-impressjoni li qed jittrattaw is-segregazzjoni, fir-realtà bosta drabi jservu biex jaċċentwaw id-disparitajiet bejn il-gruppi soċjali u jiżvantaġġjaw ferm lill-fqar, b’mod partikulari r-Roma, li jsibu ruħhom fit-triq tan-niżla; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa għal politiki tal-edukazzjoni li jindirizzaw speċifikament lill-familji tar-Roma u li jinkoraġġixxu parteċipazzjoni attiva;

5.

Jenfasizza li, għalkemm il-proporzjon taż-żgħażagħ Roma fl-edukazzjoni sekondarja u ogħla żdied f’ċerti Stati Membri, il-livell tagħhom ta’ kwalifiki għadu baxx wisq meta mqabbel mal-medja tal-UE; jiġbed l-attenzjoni dwar il-qasma bejn nuqqasijiet ta’ ħaddiema minn naħa, u r-rata għolja tal-qgħad marbuta ma’ livelli baxxi ta’ snajja’ fost ir-Roma min-naħa l-oħra; jitlob b’insistenza, għalhekk, li l-Istati Membri u l-UE jappoġġjaw lir-Roma biex itejbu l-kwalifiki tagħhom bħala prijorità; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fl-assenza ta’ kwalifiki formali, il-pożizzjoni tar-Roma fis-suq tax-xogħol tista’ tittejjeb ukoll billi titfassal sistema għar-rikonoxximent ta’ ħiliet prattiċi;

6.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiggarantixxu li n-nisa u t-tfajliet Roma jkollhom aċċess ugwali għall-edukazzjoni ta’ kwalità għolja u biex jintroduċu inċentivi (pereżempju opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali) biex jattiraw għalliema ta’ kwalità għolja fi skejjel li jinstabu fiz-zoni soċjoekonomiċi l-aktar fqar u, b’mod partikulari, f’komunitajiet rurali bi proporzjon kbir ta’ Roma;

7.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex itejbu l-aċċess għan-nisa Roma għat-taħriġ vokazzjonali u sabiex jadottaw it-taħriġ vokazzjonali skont il-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol lokali sabiex in-nisa Roma jingħataw il-kapaċitajiet meħtieġa mis-suq;

8.

Jinnota li l-maġġoranza kbira tal-gradwati Roma ma jirritornawx lura lejn il-komunitajiet tagħhom wara li jispiċċaw l-università u li xi wħud minnhom jinnegaw l-oriġini tagħhom jew ma jibqgħux jiġu aċċettati fil-komunità tagħhom meta jippruvaw jirritornaw;

9.

Jirrakkomanda li jitfassal pakkett komprensiv ta’ progammi li jippromwovi u jagħti motivazzjoni għar-ritorn tal-gradwati Roma lejn il-komunitajiet tagħhom u għal-impjieg tar/Roma fi ħdan il-komunitajiet tagħhom u fl-interessi ta’ dawn;

10.

Jikkunsidra li ċ-ċittadini Roma f’xi Stati Membri jaffettwaw il-piramida tal-popolazzjoni b’mod speċifiku; jinnota li l-proporzjon ta’ tfal tar-Roma fil-popolazzjoni huwa għoli, filwaqt li l-medja tal-għomor meta jitwieldu hija ta’ 10 snin sħaħ inqas minn dik ta’ nies li jagħmlu parti mill-popolazzjoni ta’ maġġoranza;

11.

Jikkunsidra li, minkejja li l-Istati Membri użaw riżorsi sostanzjali tal-UE u tal-Istati Membri biex jgħinu lil min ikun qiegħed għal żmien twil isib xogħol, ma nstabet l-ebda soluzzjoni koerenti fil-livell tal-Unjoni Ewropea: l-Istati Membri qed jittrattaw is-sitwazzjoni b’modi differenti ħafna u f’miżuri differenti ħafna, u ma pprovdewx opportunitajiet ta’ ritorn għas-suq tax-xogħol fuq perjodu twil ta’ żmien, filwaqt li l-miżuri tagħhom, bħall-programmi ta’ impjieg pubbliċi, aggravaw aktar l-istigmatizzazzjoni tar-Roma; jitlob, għalhekk, li kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri jbiddlu l-politika tagħhom għal approċċ integrat li jindirizza l-aspetti kollha tal-privazzjoni tagħhom;

12.

Jistieden lill-Istati Membri biex jadattaw il-programmi ta’ taħriġ vokazzjonali tagħhom għall-bżonnijiet tas-swieq tax-xogħol lokali u jagħtu inċentivi lil min iħaddem biex jipprovdu xogħol lil nies mhux imħarrġa (inkluż in-nies Roma) u joffrulhom taħriġ u opportunitajiet biex dawn jakkwistaw esperjenza prattika direttament fuq il-post tax-xogħol;

13.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lokali biex iwettqu studji annwali separati skond is-sessi dwar ir-rata li biha jerġgħu jiġu impjegati dawk li jkunu ilhom qiegħda għal ħafna żmien (inkluzr-Roma) li lestew taħriġ għas-suq tax-xogħol u, skont l-esperjenza li jkunu ġabru, jitfasslu metodoloġiji ġodda u jitniedu programmi ġodda ta’ taħriġ adattati għall-abilitajiet lokali u l-ħtiġijiet ekonomiċi;

14.

Jistieden lill-Istati Membri biex jużaw il-fondi tal-UE biex jippreżervaw u jħarsu l-attivitajiet tradizzjonali tar-Roma;

15.

Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-adulti Roma, minħabba d-diversi żvantaġġi tagħhom, mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-popolazzjoni li taħdem u fit-tagħlim tul il-ħajja, ħafna drabi ma jkollhom ebda aċċess għall-ICT, u huma rappreżentati żżejjed fost min ikun qiegħed għal żmien twil u min jaħdem f’xogħol ta’ ftit prestiġju, żvantaġġi li joħolqu l-akbar ostakli għar-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; jitlob, għalhekk, l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2000/78/KE, li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fl-impjieg u fix-xogħol fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabiltà, età jew orjentazzjoni sesswali;

16.

Jikkunsidra li huwa importanti li wieħed jaħseb għal azzjoni speċifika tal-Komunità biex ikun promoss l-aċċess tar-Roma għal programmi ta’ taħrig professjonali;

17.

Jiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri li din id-dikotomija soċjali tista’ ġġiegħel lil ħafna nies Roma li jkunu qed ifittxu x-xogħol biex jaqilbu mill-ekonomija legali għall-ekonomija informali, u li hemm bżonn ta’ sforz ikkoordinat fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri biex dawn n-nies jitħajru lura għall-impjieg legali bi drittijiet marbuta max-xogħol u drittijiet tas-sigurtà soċjali;

18.

Jikkunsidra li għandhom jittieħdu passi għall-promozzjoni ta’ politika soċjali u ekonomika inklużiva, anke permezz ta’ miżuri ad hoc biex tiġi pprovduta akkomodazzjoni diċenti;

19.

Jiġbed attenzjoni partikulari għall-fatt li l-promozzjoni tal-mobiltà ta’ ħaddiema mingħajr kwalifiki u mingħajr ħiliet tista’ twassal għal diskriminazzjoni serja kontra n-nisa tar-Roma li diġà huma vulnerabbli ħafna għal diversi tipi ta’ diskriminazzjoni, u tista’ tkun ta’ xkiel għall-avvanz tagħhom fis-suq tax-xogħol;

20.

Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex itejbu l-indipendenza ekonomika tan-nisa Roma billi jippromwovu miżuri għal-self-employment u start-up ta’ impriż ta’ daqs żgħir jew medjufaċli,u l-aċċess għall-mikrokreditu, u billi jħeġġu ekonomija tas-servizzi fil-komunitajiet tagħhom sabiex l-għarfien u l-kompetenza tan-nisa tar-Roma jiżdiedu;

21.

Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri, inter alia, biex joħolqu sistemi ta’ inċentivi, permezz ta’ vantaġġi fiskali, għall-impriżi li jimpjegaw n-nisa Roma;

22.

Jikkunsidra li huwa neċessarju li jitqies il-fatt li fil-prattika, huwa diffiċli li l-eliminazzjoni tal-komunitajiet tar-Roma titwettaq bl-użu tar-riżorsi tal-UE skont ir-regoli li attwalment japplikaw għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, għax fil-każ ta’ Stati Membri li daħlu wara l-2004, iċ-ċifra minima tal-popolazzjoni biex il-komunitajiet ikunu eliġibbli għall-iffinanzjar mill-baġits għall-akkomodazzjoni hija tali li huma preċiżament dawk li qed jgħixu fl-iktar kundizzjonijiet ħżiena, fl-iżgħar kolonji, li ma jistgħux jintlaħqu;

23.

Jenfasizza l-fatt li s-soluzzjoni għall-problemi soċjali u ekonomiċi tar-Roma tirrikjedi approċċ komprensiv u soluzzjoni għal tul ta’ żmien ikkoordinata li tinvolvi lo-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, il-kura għas-saħħa u l-politiki għas-suq tax-xogħol; għalhekk jissuġġerixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-miżuri kollha mmirati għat-titjib tas-sitwazzjoni tar-Roma għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti inseparabbli mill-miżuri mfassla għall-appoġġ għall-iżvilupp reġjonali u l-inklużjoni soċjali;

24.

Jikkunsidra li l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mir-reviżjoni tar-regoli dwar il-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni li tagħti aktar skop għall-programmi kumplessi billi jiġi permess it-trasferiment ta’ iżjed minn 10 % bejn il-fondidifferenti;

25.

Jinnota l-proposta għal direttiva komprensiva ġdida biex tingħeleb d-diskriminazzjoni barra l-impjieg fuq bażi ta’ età, diżabiltà, orjentazzjoni sesswali, reliġjon jew twemmin u jappella għall-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2000/43/KE; jikkunsidra li, fl-ispirtu tal-Aġenda Soċjali, il-Kummissjoni għandha tidentifika objettivi speċifiċi u tfassal programmi bbilanċjati sew bil-għan li titneħħa d-diskriminazzjoni kontra r-Roma u l-istigmatizzazzjoni tar-Roma u l-kriminalizzazzjoni tal-komunitajiet tar-Roma;

26.

Jenfasizza l-fatt li l-prerekwiżit bażiku għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-aċċess għas-suq tax-xogħol għar-Roma huwa li dawn jingħataw drittijiet soċjali u politiċi ugwali; jistieden lill-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati, f’dan ir-rigward, biex jistabbilixxu strateġija għat-titjib tal-parteċipazzjoni tar-Roma fl-elezzjonijet bħala votanti u kandidati fil-livelli kollha;

27.

Japprova l-importanza tal-mikrokreditu, u li huma rakkomandati minn diversi prospettivi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Aġenda Soċjali Mġedda u fl-opinjoni tal-EESC u li, bl-għoti ta’ riżors minimu, jistgħu jpoġġu l-ifqar nies fuq it-triq tal-otteniment tar-responsabiltà personali, tal-ħiliet tan-negozju u tal-iżvilupp tal-ħiliet kreattivi tagħhom, anke billi jiġi pprovdut kreditu għall-ispejjeż ta’ self-employment;

28.

Jappoġġjal-proposta tal-istituzzjonijiet tal-UE li, b’konformità mal-prinċipju tat-trattament ugwali, in-numru ta’ Roma li jaħdmu fis-servizzi pubbliċi għandu jiżdied; madankollu jinnota li sabiex dan isir possibbli huwa neċessarju mhux biss li l-gvernijiet isegwu politiki tal-istaff u tal-forza tax-xogħol li jħeġġu dan, imma wkoll li jsiru sforzi speċjali u jiġi pprovdut appoġġ attiv biex isir aktar faċli li l-pubbliku jaċċetta l-prinċipju;

29.

Jenfasizza, inter alia, li s-suq soċjali, il-kura tas-saħħa, l-għajnuna fid-djar, il-kejtering pubbliku u l-forniment ta’ servizzi għall-appoġġ tal-kura tat-tfal eċċ jistgħu joħolqu impjiegi ġodda għar-Roma li m’għandhomx xogħol, speċjalment in-nisa; jirriafferma, madankollu, li s-suq soċjali jeħtieġ ħolqa li tgħaqqad b’mod permanenti lil min jipprovdi u lil min juża s-servizzi u li, għalhekk, żieda fl-impjiegi għar-Roma f’dawk l-oqsma tkun possibbli biss f’kuntest ta’ aċċettazzjoni soċjali, iżda tali impjieg jippromwovi wkoll l-aċċettazzjoni soċjali;

30.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri xierqa biex tiġi eliminata l-mibegħda razzjali u t-tixwix għad-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra r-Roma fil-mezzi tax-xandir u f’kull forma ta’ teknoloġija tal-komunikazzjoni, u jħeġġeġ lill-mezzi tax-xandir biex jistabbilixxu prattiċi tajbin fir-reklutaġġ tal-ħaddiema b’tali mod li dan jirrifletti l-mod kif inhi mqassma l-popolazzjoni kollha;

31.

Josserva li ħafna drabi n-nisa Roma huma parti mill-ekonomija informali u għandhom rata baxxa ħafna ta’ impjieg u jqis li, sabiex tingħeleb id-diskriminazzjoni multipla, u l-livell għoli ta’ faqar u qgħad, il-politiki mmirati għandhom jiffukaw fuq il-ħolqien ta’ aċċess veru għas-suq tax-xogħol għan-nisa Roma, aċċess li huwa prerekwiżit sabiex jittejjeb l-istatus soċjali u tal-familja tagħhom;

32.

Jikkunsidra li l-impjieg tan-nisa Roma għandu jkun promoss ukoll permezz ta’ tħaddim li jiffavorixxi l-impjieg tas-sistemi ta’ appoġġ soċjali kif ukoll permezz ta’ taħriġ xieraq u opportunitajiet ta’ speċjalizzazzjoni, sabiex jitħejjew fil-futur imbiegħed għal xogħol li jistgħu jaqilgħu l-għajxien minnu, kif ukoll sabiex jirrikonċiljaw il-ħajja tal-familja u x-xogħol; jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri li jgħinu biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ kura għat-tfal Roma anke jekk ommhom tkun id-dar mat-tfal l-oħra tagħha;

33.

Jenfasizza li titjib fl-akkomodazzoni u fis-servizzi tas-saħħa jista’ jgħin sabiex in-nisa Roma jkollhom aċċess aħjar għas-suq tax-xogħol u jżid iċ-ċans tagħhom li jżommu xogħolhom għal perjodu itwal ta’ żmien;

34.

Jinnota li l-politiki soċjali u tax-xogħol għandhom jagħtu kontribut għall-potenzjal tal-individwi u għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini u joħolqu aktar opportunitajiet għall-akbar grupp ta’ ħaddiema bħal min hu ikbar fl-età, nies b’diżabilitajiet, nies bla ħiliet u fqar, inklużi r-Roma;

35.

Jinnota li d-diskriminazzjoni multipla li jħabbtu wiċċhom magħha n-nisa Roma għandha tiġi rikonoxxuta u indirizzata speċifikament fil-politiki mmirati għan-nisa Roma li jista’ jkollhom impatt pożittiv doppju u għal żmien twil, fuqhom u fuq membri oħra tal-familja, partikolarment it-tfal;

36.

Huwa kontra l-opinjoni li s-sussidji maħsuba biex jgħinu n-nies qiegħda għal tul ta’ żmien (anke lil ħafna Roma) isibu xogħol, kemm jekk jitħallsux lil min iħaddem kif ukoll jekk jitħallsu lill-impjegati, imorru kontra l-prinċipju tan-newtralità kompetittiva, għax ir-reintegrazzjoni tar-Roma hija objettiv tal-politika soċjali li jirrikjedi l-ħolqien ta’ pożizzjonijiet tas-suq issussidjati; jesprimi l-opinjoni li s-sussidju għall-impjiegi fis-suq tax-xogħol għar-reintegrazzjoni tal-ħaddiema tar-Roma huwa aħjar mis-sussidju għal min ikun qiegħed għal żmien twil;

37.

Jagħraf li xi wħud mix-xogħlijiet tradizzjonali tar-Roma, bħall-arti u s-snajja’, jistgħu jgħinu kemm biex il-karatteristiċi speċifiċi ta’ din il-komunità jinżammu, kif ukoll biex jitjiebu s-sitwazzjoni materjali u l-livell ta’ integrazzjoni soċjali tagħhom, u jqis li huwa mixtieq li jiġu megħjuna ċerti attivitajiet professjonali;

Il-ġlieda għas-sopravivenza fil-marġini tas-soċjetà

38.

Jinnota li fost il-kulturi tal-Unjoni Ewropea, dik tar-Roma hija bbażata fuq tradizzjoni b’saħħitha tal-familja; josserva li l-immaġini tal-familji tar-Roma, fl-opinjoni pubblika, titfa’ enfasi fuq l-irwoli tas-sessi tradizzjonali, fuq in-numru kbir ta’ tfal, fuq il-koabitazzjoni ta’ ħafna ġenerazzjonijiet, fuq it-tendenza li l-familjari jgħixu qrib xulxin, u fuq il-kultivazzjoni estensiva tar-relazzjonijiet, jikkunsidra għalhekk,li fil-programmi tal-UE u tal-Istati Membri għall-familji tar-Roma, huwa meħtieġ li nibnu fuq dawn il-punti b’saħħithom ta’ dan in-netwerk ta’ appoġġ naturali;

39.

Jenfasizza l-importanza li jiġu kkonservati u asseriti l-karatteristiċi kulturali speċifiċi tar-Roma sabiex titħares l-identità tagħhom u jitnaqqsu l-preġudizzji kontrihom, u għalhekk jikkunsidra li huwa meħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkollhom parti aktar attiva fl-appoġġ tal-ħajja spiritwali tal-minoranza tar-Roma;

40.

Jaqbel mal-opinjoni tal-EESC li n-nisa tar-Roma għandhom status baxx fil-ġerarkija tal-familja, jiżżewġu kmieni, ħafna drabi jbatu minn vjolenza domestika, u ta’ spiss jisfaw vittmi tal-prostituzzjoni u tat-traffikar tal-bnedmin;

41.

Jikkunsidra għalhekk li l-programmi tal-UE u tal-Istati Membri għar-Roma għandhom jimmiraw lejn l-emanċipazzjoni individwali mill-ġerarkiji tradizzjonali u l-indipendenza soċjoekonomika tal-membri tal-komunità tar-Roma, speċjalment in-nisa;

42.

Jinnota li t-tendenza tat-tfal tar-Roma li jitilqu kmieni mill-iskola hija ta’ ħsara għall-edukazzjoni personali, l-kapaċita’ tagġhom li jintegraw fis-soċjeta’, u l-opportunitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol, filwaqt li fil-każ tan-nisa tar-Roma, is-saħħa fiżika u psikoloġika tagħhom u l-fatt li jitilqu kmieni mill-iskola jaffettwaw ukoll is-saħħa u l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom, u dan jiffaċilita l-esklużjoni soċjali tagħhom; għalhekk jenfasizza l-importanza ta’ servizzi li jżidu l-għarfien permezz tal-għoti ta’ informazzjoni lin-nisa tar-Roma;

43.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiggarantixxu li l-oqfsa legali attwali u futuri jinkludu dispożizzjonijiet biex jipprevjenu u jindirizzaw il-forom differenti ta’ diskriminazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa Roma sabiex itejbu l-istatus soċjoekonomiku tagħhom u biex jiżguraw l-aċċess tagħhom għal kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja, il-kura tat-tfal u l-edukazzjoni bħala prekondizzjonijiet għall-impjieg;

44.

Jikkunsidra li l-proċess ta’ integrazzjoni jrid jibda fi stadju bikri tal-ħajja, sabiex jiġu pprovduti b’mod effettiv alternattivi għall-faqar u l-esklużjoni soċjali; jikkunsidra għalhekk li jeħtieġ lijitwaqqaf qafas istituzzjonali għal servizzi soċjali u edukattivi bbażati fuq il-komunità għat-tfal u l-familji li jissodisfaw il-ħtiġijiet personali u reġjonali, sabiex ikun iggarantit l-aċċess ugwali għal servizzi ta’ kwalità għolja; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ partikolari għal programmi għall-integrazzjoni bikrija tat-tfal Roma fil-pajjiżi kollha fejn hemm aċċess għar-riżorsi tal-UE bħall-Istrument għall-Għajnuna ta’ Qabel l-Adeżjoni jew il-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni;

45.

Jinnota li hemm wisq tfal Roma fl-iskejjel speċjali, li proporzjon kbir tagħhom jintbagħtu fi skejjel bħal dawn mingħajr ġustifikazzjoni, l-aktar minħabba d-diskriminazzjoni; jinnota li l-fatt li t-tfal jiġu mġiegħla jattendu skejjel speċjali wara li, kontra l-liġi, jkunu ġew klassifikati bħala mentalment diżabbli, huwa diskriminatorju u jikser serjament id-dritt fundamentali tagħhom għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja u jinħolqu diffikultajiet għal studju ulterjuri u biex isibu xogħol, u għal probbabilita’ ta’ aktar inattività fuq is-suq tax-xogħol, waqt li fl-istess ħin joħloq piż fuq il-baġits;

46.

Jaqbel mas-suġġeriment fl-opinjoni tal-EESC li, fl-interess tal-iżvilupp tat-tfal żgħar, hemm bżonn ta’ forom kumplessi ta’ għajnuna li huma mmirati għall-familja sħiħa u li, filwaqt li jkunu magħmulin għall-bżonnijiet tal-familja, jipprovdu għajnuna prattika li tkun magħmula apposta għalihom bħall-programm “bidu ċert”;

47.

Jaqbel mal-opinjoni espressa fl-opinjoni tal-EESC li, minħabba l-karatteristiċi demografiċi tagħha, l-komunità Roma – għandha aċċess asimetriku għall-benefiċċji soċjali; jenfasizza li l-benefiċċji soċjali huma intenzjonati biex jibbilanċjaw il-piżijiet jew in-nuqqasijiet li joħorġu minn sitwazzjonijiet tal-ħajja individwali, l-impenn biex jieħdu ħsieb it-tfal u impenji soċjali utli oħra;

48.

Jaqbel ir-rakkomandazzjoni fl-opinjoni tal-EESC li, sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol uffiċjali, għandu jiġi provdut appoġġ supplimentari lil dawk li jkunu qed ibiddlu l-impjieg; jenfasizza li xogħol iddikjarat għandu jsir vantaġġuż kemm għall-impjegati kif ukoll għal min iħaddem;

49.

Jenfasizza li l-parti mill-ħajja attiva li r-Roma jkunu għexu f’qagħda ta’ esklużjoni xxekkel l-aċċess tagħhom għas-servizzi tal-kura tas-saħħa u hija responsabbli għas-sitwazzjoni tagħhom fix-xjuħija; jenfasiżża li minħabba li jibdew jaħdmu ta’ età żgħira, il-qgħad frekwenti, nuqqas ta’ protezzjoni fl-impjieg, xogħol inviżibbli li jkun sar fl-ekonomija informali, li ħafna drabi jkun fiżikament iebes, filwaqt li ma tingħatalhom l-ebda pensjoni li għal tali perjodi ta’ impjieg, ir-Roma ma’ jkollhomx pensjonijiet xierqa u xjuħija dinjituża;

50.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva li tidentifika l-aktar modi effikaċi għall-appoġġ tal-integrazzjoni soċjali, ekonomika u kulturali tal-ikbar minoranza fl-Unjoni Ewropea, u jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-gvernijiet tal-Istati Membri sabiex tittieħed azzjoni speċifika mmirata biex issolvi l-problemi transkonfinali kumplessi tar-Roma;

Konklużjonijiet

51.

Jikkunsidra li l-ħarsien tal-lingwa u l-kultura tar-Roma huwa valur Ewropew; madankollu, ma jaqbilx mal-idea li r-Roma għandhom ikunu membri ta’ ’nazzjon Ewropew’ mingħajr stat, għax din assolvi lill-Istati Membri minn kull responsabilità u tpoġġi dubji kbar fuq il-possibilità ta’ integrazzjoni;

52.

Jiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri fuq ir-riskju li jekk jiġu adottati wisq miżuri fir-rigward tal-komunitajiet Roma, dan jista’ jwassal biex is-sitwazzjoni diġà drammatika tal-minoranza ssir agħar u tista’ tipperikola ċ-ċansijiet tagħhom ta’ integrazzjoni;

53.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), il-komunitajiet u l-mexxejja tar-Roma sabiex jiżviluppaw pjan aċċettabbli mill-partijiet kollha għall-inklużjoni soċjali tar-Roma biex jiġi implimentat fi sħubija stretta;

54.

Jistieden lill-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw proġetti bil-għan li jingħelbu l-isterjotipi negattivi dwar ir-Roma fil-livelli kollha li jistgħu jkunu appoġġjati mill-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni kif ukoll minn programmi speċifiċi bħal Progress u iniżjattivi bħalma huma s-Sena Ewropea għad-Djalogu Interkulturali 2008 u s-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali 2010;

55.

Josserva li, minkejja li t-titjib tas-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma kien kunsiderazzjoni importanti fil-proċess tat-tkabbir, il-progress kien ġeneralment limitat; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jirrevedu l-programmi u l-inizjattivi eżistenti u tal-passat u jevalwaw ir-riżultati tagħhom; jikkunsidra li l-Unjoni Ewropea għandha d-dmir li tikkoordina strumenti ta’ inklużjoni soċjali aħjar u iktar mill-qrib u li tali ko-ordinazzjoni għandha tgħin fil-ġlieda kontra l-faqar, iħeġġeġ l-aċċess tar-Roma għal impjieg aħjar, għal żmien itwal u aktar stabbli, iwitti t-triq għal sforzi biex l-inklużjoni soċjali u s-sistemi ta’ protezzjoni jsiru iżjed effettivi, u jkun mezz li bih jiġu analizzati l-esperjenza politika u t-tagħlim reċiproku u tinħoloq sistema għall-analiżi koerenti tal-aħjar prattiċi;

56.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa speċifikament l-impatt tal-għanijiet u tal-istrumenti ta’ kull waħda mill-politiki settorjali tagħha dwar ir-Roma, fl-istess waqt li tiżviluppa strateġija politika koerenti u tilħaq livell għoli ta’ koordinazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex titlob lill-Istati Membri, f’rapporti dwar indikaturi integrati u l-metodu miftuħ tal-koordinazzjoni għall-inklużjoni soċjali, biex jagħtu attenzjoni sabiex tinbidel is-sitwazzjoni tar-Roma; jistieden lill-Kummissjoni biex timmoniterja l-kobor tad-diskriminazzjoni, tevalwa regolarment is-sitwazzjoni tar-Roma fir-rigward tal-bidliet fl-oqsma tal-edukazzjoni, tal-impjieg, tas-saħħa, tal-akkomodazzjoni u fil-qasam soċjalifl-Istati Membri u fil-pajjiżi kandidati;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jadottaw politiki tal-impjieg ċari għal gruppi żvantaġġjati, inkluża l-popolazzjoni attiva tar-Roma, malajr kemm jista’ jkun, b’miżuri ta’ appoġġ li jiffaċilitaw l-integrazzjoni gradwali tagħhom fis-suq tax-xogħol, miżuri li se jegħlbu l-effetti tad-dipendenza maħluqa mis-sistema tas-sigurtà soċjali;

58.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkopera mad-diversi organizzazzjonijiet internazzjonali u tappoġġja l-iżvilupp ta’ netwerk akkademiku ta’ esperti Roma li għandu jipprovdi dejta xjentifika u appoġġ permezz tar-riċerka, l-analiżi u l-ġbir ta’ evidenza u t-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet, sabiex jiġu analizzati l-kwistjonijiet marbuta mal-integrazzjoni tar-Roma, jiġu stabbiliti aġendi, jiġu deskritti l-kwistjonijiet tar-Roma bis-serjetà dovuta fuq il-bażi ta’ rapporti fil-qosor imfassla minn dawk l-organizzazzjonijiet, u biex tagħmel evalwazzjoni ġenerali tal-UE mill-inqas darba kull sentejn;

59.

Jikkritika lill- Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali; jistieden lil dawk l- Istati Membri - - biex jirratifikaw il-Konvenzjoni urġentement; jistieden lill-Istati Membri li ħarġu dikjarazzjonijiet restrittivi taħt il-Konvenzjoni Qafas li jaffettwaw ir-rikonoxximent tar-Roma bħala minoranza nazzjonali biex jirtiraw dawk id-dikjarazzjonijiet;

60.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri:

(a)

iwaqqfu grupp ta’ esperti fil-livell tal-UE li jinkludi rappreżentanti tar-Roma biex jikkoordina l-istrateġija tal-Istati Membri rigward ir-Roma u l-użu tal-fondi tal-UE għall-promozzjoni tagħha;

(b)

jistabbilixxu sħubiji bejn id-diversi organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tar-Roma u l-istituzzjonijiet adattati tal-Istati Membri;

(c)

ifasslu strumenti bħall-kreditu konċessjonarju jew l-għotjiet pubbliċi u li, fl-ippjanar tas-sussidji għall-irziezet, jagħmluha objettiv importanti li ċ-ċittadini tar-Roma jkunu jistgħu jiksbu kundizzjonijiet li fihom jistgħu jaqilgħu l-għajxien mill-biedja; sabiex, minbarra jew minflok ma jfittxu impjieg imħallas fil-biedja, ikunu miftuħin għall-idea li jfittxu forom innovattivi ta’ xogħol agrikolu, inklużi l-kooperattivi soċjali, biex b’hekk ikun iġġustifikat il-provvista tar-riżorsi meħtieġa;

61.

Jikkunsidra li f’xi Stati Membri l-gruppi fil-mira (f’komunitajiet Roma jew f’partijiet minn komunitajiet) jistgħu jiġu milħuqa b’mod effettiv billi tiġi użata d-definizzjoni ta’ “żvantaġġi multipli”, iżda li huwa diffiċli li jintlaħqu taqsimiet iżgħar bħall-familji u l-individwi permezz ta’ dawk il-ġruppi ta’ mira;

62.

Jikkunsidra, madankollu, li għandhom jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet legali sabiex ikun jista’ jibda l-ġbir volontarju u anonimu tad-dejta u l-ħolqien ta’ bażi ta’ dejta kumparabbli, filwaqt li jiġu kkunsidrati kif suppost il-ħarsien tad-dejta u r-regoli għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u mingħajr ma wieħed jirrikorri għal metodi li jiksru d-dinjità tal-bniedem; jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha tipproponi li jsiru l-emendi meħtieġa tal-leġiżlazzjoni;

63.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita t-tfassil, il-verifikazzjoni u l-konferma ta’ sett tal-aħjar prattiċi fi programmi għar-Roma, fir-rigward, inter alia, tal-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u l-impjieg, wara analiżi mwettqa minn korp indipendenti;

64.

Jikkunsidra li l-ħolqien ta’ bażi ta’ dejta mhux alternattiva iżda prekundizzjoni għal sistema ta’ stima u ta’ evalwazzjoni li tista’ tibbilanċja l-impatt tal-iskambji tal-aħjar prattiki u tal-użu tar-riżorsi; jemmen li, għal dan il-għan, hija meħtieġa sistema ta’ indikaturi li testendi għall-oqsma kollha tal-ħajja u li tista’ tintuża minn kulħadd, u li barra l-indikaturi ta’ output u ta’ input, tittratta wkoll l-użu ta’ indikaturi tar-riżultati u tal-impatti soċjali, anke bħala kundizzjoni għall-finanzjament; jirrakkomanda, għaldaqstant, li l-Kummissjoni tistabbilixxi din is-sistema ta’ indikaturi fir-Regolament Qafas dwar il-Fondi Strutturali u fir-regolamenti relatati ma’ tipi oħra ta’ għotjiet pubbliċi;

65.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadotta aspettattivi aktar konsistenti u uniformi mill-programmi kollha tal-iżvilupp iffinanzjati mir-riżorsi tal-UE li minnhom huwa possibbli li jintalab kont tal-prevenzjoni jew tat-treġġigħ lura tal-esklużjoni soċjali tar-Roma; jikkunsidra li l-korpi tal-Istati Membri u tal-UE għandhom jeżaminaw l-iżvilupp kollu li hu ffinanzjat mill-Fondi Strutturali u tal-Koeżjoni mill-perspettiva tal-impatt li l-programm għandu fuq l-integrazzjoni soċjali tar-Roma; jirrakkomanda wkoll li fil-każ ta’ kull programm fl-istadju tas-selezzjoni, għandha tingħata prijorità lill-dawk l-iżviluppi li huma mfassla wkoll biex itejbu s-sitwazzjoni tar-Roma li jgħixu f’kolonji partikolarment żvantaġġjati u li huma foqra u bla xogħol;

66.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, f’koperazzjoni mal-Istati Membri, tiżviluppa u timplimenta kampanja ta’ tagħrif wiesgħa indirizzata għall-pubbliku in ġenerali u n-nies Roma dwar programmi tal-Istati Membri għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għejxien tar-Roma u l-implimentazzjoni tagħhom, u kontinwa;

67.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ kontinwu tal-miżuri u l-attivitajiet u l-impatt tagħhom fuq it-titjib tal-pożizzjoni tar-Roma fis-suq tax-xogħol;

68.

Jixtieq li riżorsi, li d-deċiżjonijiet dwarhom jittieħdu fil-livell tal-UE, jintużaw, fost oħrajn, għal programmi “mmirati” li jinvolvu wkoll esperti minn organizzazzjonijiet b’esperjenza f’dan il-qasam biex jipprovdu appoġġ u pariri, li jfittxu li jpattu għall-iżvantaġġi li jbatu minnhom ir-Roma fl-edukazzjoni u fil-kwalifiki; jikkunsidra li l-Istati Membri, biex jallokaw fondi tal-UE u fondi tagħhom stess, għandhom, meta jkunu qed jiddeċiedu dwar il-finanzjament ta’ oqsma li mhumiex l-iżvilupp f’età żgħira u l-edukazzjoni pubblika, jikkunsidraw jekk il-korpi tal-gvernijiet lokali, l-organizzazzjonijiet, eċċ., li applikaw għal appoġġ, ikkonformawx mal-obbligi tagħhom li jeliminaw is-segregazzjoni;

69.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet nazzjonali biex iwaqqfu l-prattika diskriminatorja li jkeċċu lir-Roma mill-kerrejiet u minflok, jiżviluppaw proġetti konkreti ta’ akkomodazzjoni bl-appoġġ tat-tagħrif espert tekniku u l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ ta’, inter alia, il-Kummissjoni, il-Bank Dinji u l-NGOs li jiffukaw fuq ir-Roma; jemmen li s-soluzzjoni tal-problemi tal-akkomodazzjoni tar-Roma li jgħixu f’partijiet rurali għandha tkun prijorità u għandha ssir kwistjoni ta’ interess speċjali u qasam fejn tittieħed azzjoni;

70.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari mhux biss lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili iżda ukoll lill-kapaċità tar-Roma li jorganizzaw ruħhom u li jagħtu appoġġ lill-politika tal-integrazzjoni, biex tappoġġja l-iżvilupp tal-komunitajiet partikolarment permezz ta’ proġetti li jżidu l-parteċipazzjoni tar-Roma fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u r-responsabilità tagħhom għal deċiżjonijiet meħuda magħhom;

71.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex f’koperazzjoni mal-NGOs li jiffukaw fuq ir-Roma jeżaminaw il-politiki u l-programmi eżistenti sabiex jitgħallmu mill-proġetti li fallew fil-passat;

72.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-NGOs li jiffukaw fuq ir-Roma, f’livell tal-UE, nazzjonali u lokali, sabiex twettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi mmirati għar-Roma, kif ukoll l-edukazzjoni tal-Komunità dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

73.

Jipproponi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jistabbilixxu forum mifrux mal-UE kollha li fih il-movimenti soċjali, it-trejdjunjins u l-NGOs li jirrappreżentaw lir-Roma u l-interessi tagħhom ikunu jistgħu jikkonsultaw lil xulxin fuq bażi kontinwa sabiex jitfasslu linji gwida u jsiru skambji tal-aħjar prattiki, bil-għan li jitħeġġeġ approċċ ikkoordinat fuq livell tal-UE;

74.

Jistieden lill-Istati Membri biex ikunu aktar proattivi meta jinkoraġġixxu t-trasferiment tal-impjiegi fejn hemm il-komunitajiet tar-Roma, kif ukoll biex jinkoraġġixxu lir-Roma jiċċaqilqu lejn fejn hemm ix-xogħol;

75.

Ifakkar lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni li, filwaqt li s-sistema soċjali għandha rwol ċentrali fl-appoġġ u t-tisħiħ tal-komunitajiet żvantaġġjati bħal dawk tar-Roma, il-promozzjoni biex dawn jgħinu lilhom infushom hija importanti wkoll; jikkunsidra li kultura ta’ indipendenza, aktar minn dik ta’ dipendenza, għandha tkun l-għan għall-futur imbiegħed;

76.

Jikkunsidra li għandha tingħata ħafna aktar prijorità lill-provvista ta’ impjiegi lokali u l-inkoraġġiment tal-intraprenditorija u tal-artiġjani lokali, kif ukoll l-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi għal dawn, sabiex jiġu żviluppati prosperità akbar kif ukoll stima akbar tagħhom infushom;

*

* *

77.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati.


(1)  ĠU C 45 E, 23.2.2006, p. 129.

(2)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 283.

(3)  Testi adottati, P6_TA(2008)0035.

(4)  Testi adottati, P6_TA(2008)0361.

(5)  Testi adottati, P6_TA(2008)0467.

(6)  ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(7)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(8)  Testi adottati, P6_ΤΑ(2008)0286.

(9)  ĠU C 102 Ε, 24.4.2008, p. 321.

(10)  ĠU C 27, 3.2.2009, p.88.


Top