Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0091

Trattatament u aċċess ugwali għall-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-ispettaklu Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 10 ta' Marzu 2009 dwar trattatament u aċċess ugwali għall-irġiel u n-nisa fl-ispettakli artistiċi (2008/2182(INI))

OJ C 87E , 1.4.2010, p. 27–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 87/27


It-Tlieta, 10 ta’ Marzu 2009
Trattatament u aċċess ugwali għall-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-ispettaklu

P6_TA(2009)0091

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2009 dwar trattatament u aċċess ugwali għall-irġiel u n-nisa fl-ispettakli artistiċi (2008/2182(INI))

2010/C 87 E/07

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dirtettiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għall-irġiel u għan-nisa fir-rigward tal-aċċess għall-impjiegi, it-taħriġ vokazzjonali u l-promozzjoni, kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva 97/80/KE tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar il-piż tal-prova fil-każijiet ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (2),

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali tal-artisti (3) u tat-3 ta' Settembru 2008 dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa - 2008 (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0003/2009),

A.

billi l-inugwaljanzi fil-possibiltajiet ta' impjiegi u l-opportunitajiet tan-nisa u l-irġiel huma qawwija u persistenti ħafna fl-ispettakli artistiċi,

B.

billi jeħtieġ li jiġu analizzati bis-serjetà l-mekkaniżmi li joħolqu dawn l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa,

C.

billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa għandu japplika għal dawk kollha involuti fis-settur tal-ispettakli artistiċi, fid-dixxiplini kollha, fit-tipi kollha ta' strutturi (ta' produzzjoni, tixrid u tagħlim) u fis-setturi kollha ta' attività (artistika, teknika, amministrattiva),

D.

billi l-irġiel u n-nisa m'humiex impenjati fl-istess proporzjoni fil-professjonijiet differenti tal-ispettakli artistiċi, u billi ma' din il-forma ta' inugwaljanza primarja trid tiżdied l-inugwaljanza ta' kundizzjonijiet ta' xogħol u ta' impieg, kif ukoll dik tar-remunerazzjoni,

E.

billi l-inugwaljanza ta' aċċess għat-teħid ta' deċiżjonijiet, għall-mezzi ta' produzzjoni u għan-netwerks ta' diffużżjoni tinstab f'livelli differenti fid-dixxiplini kollha tal-ispettakli artistiċi,

F.

billi l-iskop tal-ugwaljanza fil-professjonijiet tal-ispettakli artistiċi huwa li dan isir billi t-taħlit jiġi stabbilit sistematikament,

G.

billi t-talent mhuwiex biżżejjed biex iwassal għal xogħol artistiku ta' kwalità jew għas-suċċess ta' karriera professjonali u billi konsiderazzjoni aħjar għar-rappreżentanza ta' rġiel u nisa fl-oqsma tal-ispettakli artistiċi jkollha l-effett li terġa' jagħti dinamiċità lis-settur kollu,

H.

billi għalhekk jeħtieġ li jinbidlu s-sitwazzjonijiet attwali ta' segregazzjoni li għad baqa' fl-arti tal-ispettaklu, mhux biss permezz tal-modernizzazzjoni u d-demokratizzazzjoni tas-settur, imma wkoll billi jiġu ffissasti objettivi realistiċi rigward ugwaljanza li jippromwovu l-ġustizzja soċjali,

I.

billi l-inugwaljanzi li hemm ma jħallux li jintużaw kompetenzi u talenti u huma ta' ħsara għad-dinamika artistika, l-influwenza u l-iżvilupp ekonomiku ta' dan is-settur ta' attività,

J.

billi l-preġudizzji persistenti bosta drabi jwasslu għal imġiba diskriminatorja lejn in-nisa fil-proċess ta' għażla u ta' ħatriet, kif ukoll fir-relazzjonijiet fuq ix-xogħol, u billi n-nisa, minkejja li jkollhom livell ogħla ta' taħriġ, interess aqwa fit-taħriġ u netwerks aktar sodi, bosta drabi jkollhom dħul anqas minn dak tal-irġiel,

K.

billi l-ostakoli għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa f'dan is-settur ta' attività għandhom għeruq partikolarment fondi u jiġġustifikaw l-adozzjoni ta' approċċ speċifiku biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi, filwaqt li jitqies ukoll l-effett ta’ lieva li dan jista’ jkollu fuq is-soċjetà kollha kemm hi,

L.

billi jeżistu nuqqasijiet kbar fil-protezzjoni soċjali tal-artisti kemm nisa u kemm irġiel, u billi speċjalment fil-każ tan-nisa dan iwassal għal sitwazzjoni ta' dħul anqas,

1.

Jenfasizza l-firxa u l-persistenza tal-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa fl-ispettakli artistiċi u l-impatt li l-metodu inugwali kif inhu organizzat dan is-settur jista' jkollu fuq is-soċjetà kollha meta wieħed jikkunsidra in-natura partikulari tal-attivitajiet tiegħu;

2.

Jisħaq fuq il-ħtieġa assoluta li jiġi promoss u mħeġġeġ l-aċċess tan-nisa għall-professjonijiet artistiċi kollha fejn huma għadhom f'minorità;

3.

Ifakkar li l-proporzjoni ta’ nisa fil-professjonijiet artistiċi u li jokkupaw karigi uffiċjali fil-qasam kulturali huwa baxx ħafna u li n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed f'karigi ta' responsabbiltà fl-entitajiet kulturali jew fl-akkademji u fl-universtitajiet;

4.

Jirrikonoxxi l-bżonn li jinbdew jittieħdu miżuri speċifiċi f'dan is-settur biex janalizzaw il-mekkaniżmi u l-imġiba li joħolqu dawn l-inugwaljanzi;

5.

Ifakkar li l-imġiba tista' tindibdel biss meta rġiel u nisa jaħdmu flimkien u jkun hemm kumplimentarjetà ta' punti di vista, sensibilità, metodi u interessi;

6.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi promoss l-aċċess tan-nisa għall-professjonijiet artistiċi kollha u għall-professjonijiet kollha tal-ispettaklu fejn huma jinsabu f'minoranza u jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex ineħħu kull ostakolu għall-aċċess tan-nisa għall-ogħla istituzzjonijiet kulturali, akkademiċi u universitarji;

7.

Jenfasizza li d-diskriminazzjoni fil-konfront tan-nisa tippenalizza l-iżvilupp tas-settur kulturali billi ċċaħħdu mit-talent u l-kompetenzi, u jinnota l-fatt li t-talenti għandhom bżonn kuntatt mal-pubbliku biex jiġu rikonoxxuti;

8.

Jitlob li jiddaħħlu miżuri li jkollhom l-iskop li jtejbu l-preżenza tan-nisa fil-bordijiet tad-diretturi tal-istituzzjonijiet, b'mod partikulari permezz tal-promozzjoni tal-ugwaljanza f'intrapriżi u fi stabbilimenti kulturali u organizzazzjonijiet professjonali;

9.

Jistieden lil dawk attivi fil-qasam kulturali biex itejbu l-preżenza ta' nisa kreattivi u tax-xogħlijiet tagħhom fil-programmazzjonijiet, kollezzjonijiet, publikazzjonijiet jew konsulenzi;

10.

Jinnota li l-progress li nkiseb rigward l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jippermetti li tiddaħħal b'mod progressiv t-taħlita ta' rġiel u nisa fi gruppi tax-xogħol, l-ippjanar ta' programmi u l-laqgħat professjonali li attwalment ħafna drabi jaħdmu fuq sistema ta' seprazzjoni tas-sessi li ftit hi kompatibbli mal-ħtiġijiet tas-soċjetà tagħna;

11.

Jenfasizza l-importanza li kull meta jkun possibbli tkun garantità l-anonimità tal-kandidati u jinsisti fuq il-ħtieġa li tinżamm l-użanza li fir-reklutaġġ ta' mużiċisti tal-orkestri, l-awdizzjonijiet isiru wara paraventu li għen biex in-nisa jidħlu f'orkestri;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex għall-ġlieda kontra l-inugwljanzi fl-arti tal-ispettaklu jipprevedu sa minn issa mira realista inizjali li tikkonsisti fl-iżgurar tal-preżenza ta' talanqas terz tal-persuni ta' sess minoritarju fil-fergħat kollha tas-settur:

13.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri:

a)

biex jikkunsidraw flimkien mal-istituzzjonijiet kulturali l-aħjar mod kif jidentifikaw il-mekkaniżmi li jipproduċu l-inugwaljanzi sabiex tiġi evitata kemm jista' jkun possibbli kull diskriminazzjoni marbuta mas-sess;

b)

biex ineħħu kull ostakolu għall-aċċess tan-nisa għall-ogħla pożizzjonijiet tal-istituzzjonijiet u organizzazzjhonijiet kulturali l-aktar magħrufa;

c)

biex f'dan is-settur jistabbilixxu modi godda ta' organizzazzjoni tax-xogħol, ta' delegar ta' responsabbiltajiet u ta' ġestjoni tal-ħin u li jikkunsidraw ir-restrizzjonijiet tal-ħajja personali tal-irġiel u n-nisa;

d)

biex jagħrfu li f'dan is-settur, fejn il-ħinijiet atipiċi huma ħaġa normali, ikun tajjeb li jinstabu soluzzjonijiet biex jiżguraw il-kura tat-tfal (ftuħ ta' crèches fl-intrapriżi kulturali b'ħinjiet li jkun adatti għas-sigħat tal-provi u tal-ispettakli);

14.

Ifakkar lill-istituzzjonijiet kulturali fil-ħtieġa assoluta li jwettqu bil-fatti l-prinicpju demokratiku ta' paġa ugwali għal xogħol għal-irġiel u n-nisa, prinċipju li fil-qasam artistiku, kif ukoll f'għadd ta' setturi oħrajn, mhux dejjem jiġi applikat;

15.

Fl-aħħar nett, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex fis-setturi tal-arti tal-ispettaklu jistabbilixxu analiżi komparattiva tas-sitwazzjonijiet attwali fil-pajjiżi differenti tal-Unjoni sabiex jiffaċilitaw il-ħolqien u l-implimentazzjoni ta' politiki komuni u jitfasslu statistiċi biex il-progress li jsir ikun jista' jitkejjel u jitqabbel;

16.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex itejbu l-qagħda soċjali fil-qasam tal-arti u tal-kultura, filwaqt li jikkunsidraw l-kategoriji differenti tax-xogħol, u sabiex jiggarantixxu protezzjoni soċjali aħjar;

17.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 269, 5.10.2002, p.15.

(2)  ĠU L 14, 20.1.1998, p. 6.

(3)  ĠU C 125 E, 22.5.2008, p. 223.

(4)  Testi adottati ta' dik id-data, P6_TA(2008)0399.


Top