EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1195

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1195 tal-20 ta’ Ġunju 2023 li jistabbilixxi r-regoli għad-dettalji u l-format tal-informazzjoni li għandha ssir disponibbli mill-Istati Membri dwar ir-riżultati ta’ investigazzjonijiet uffiċjali li jikkonċernaw każijiet ta’ kontaminazzjoni bi prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika

C/2023/3907

ĠU L 158, 21.6.2023, p. 65–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1195/oj

21.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 158/65


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1195

tal-20 ta’ Ġunju 2023

li jistabbilixxi r-regoli għad-dettalji u l-format tal-informazzjoni li għandha ssir disponibbli mill-Istati Membri dwar ir-riżultati ta’ investigazzjonijiet uffiċjali li jikkonċernaw każijiet ta’ kontaminazzjoni bi prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 29(8), il-punt (b) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/848 jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jridu jiddokumentaw ir-riżultati tal-investigazzjonijiet u l-miżuri li jkunu ħadu fil-każ tal-preżenza ta’ prodotti u sustanzi li mhumiex awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) ta’ dak ir-Regolament. F’konformità mal-Artikolu 29(6) tar-Regolament (UE) 2018/848, l-Istati Membri għandhom jaqsmu l-informazzjoni mal-Istati Membri l-oħra u mal-Kummissjoni dwar kull miżura li jkunu ħadu għall-fini tal-formulazzjoni tal-aħjar prattiki u dwar kull miżura oħra biex tiġi evitata l-preżenza ta’ prodotti u sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fi produzzjoni organika.

(2)

L-Artikolu 29(9) tar-Regolament (UE) 2018/848 jirrikjedi li l-Istati Membri jittrażmettu b’mod elettroniku, permezz tas-sistema kompjuterizzata li poġġiet il-Kummissjoni għad-disponibbiltà tagħhom, l-informazzjoni rilevanti dwar każijiet li jinvolvu l-kontaminazzjoni bi prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati.

(3)

Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-mezzi li bihom l-Istati Membri jittrażmettu l-informazzjoni kollha meħtieġa mir-Regolament (UE) 2018/848 lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, id-dettalji u l-format li bih għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 29(6) ta’ dak ir-Regolament jistgħu jintużaw ukoll biex tiġi trażmessa l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 29(9) ta’ dak ir-Regolament. L-Istati Membri jenħtieġ li jużaw is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Biedja Organika (OFIS) għal dak il-għan.

(4)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Produzzjoni Organika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dettalji u format tal-informazzjoni dwar investigazzjonijiet uffiċjali, l-aħjar prattiki u miżuri ulterjuri relatati mal-kontaminazzjoni minn prodotti u sustanzi mhux awtorizzati

L-Istati Membri għandhom jużaw is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Biedja Organika (OFIS) u l-mudell stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament biex iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri l-oħra u tal-Kummissjoni r-riżultati dokumentati ta’ investigazzjonijiet uffiċjali li twettqu f’konformità mal-Artikolu 29(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2018/848 u kull miżura li ħadu l-awtoritajiet kompetenti għall-fini tal-formulazzjoni tal-aħjar prattiki, u miżuri ulterjuri biex tiġi evitata l-preżenza ta’ prodotti u sustanzi mhux awtorizzati, skont l-Artikolu 9(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament għall-użu fil-produzzjoni organika.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.


ANNESS

Mudelli tal-OFIS imsemmija fl-Artikolu 1

PARTI I

Informazzjoni dwar ir-riżultati tal-investigazzjonijiet uffiċjali msemmija fl-Artikolu 29(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2018/848 u dwar il-miżuri li twettqu biex tiġi evitata l-preżenza ta’ prodotti u sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika

1.

Referenza tal-investigazzjonijiet uffiċjali jew, jekk applikabbli, referenza tal-każijiet

2.

L-isem tal-prodott organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni jew materjal ieħor li ttieħed kampjun minnu:

(a)

 

Ikel

Għalf

Materjal veġetali

Ħamrija

Oħrajn (jekk jogħġbok speċifika)

(b)

 

Nomenklatura tal-prodott fil-kodiċi NM

3.

Volum ta’ prodotti kkontaminati (kilogrammi, litri jew, fejn rilevanti n-numru ta’ unitajiet):

4.

L-isem tal-prodott(i) mhux awtorizzat(i) jew is-sustanza/i misjuba:

5.

Il-kwantità tal-prodott(i) mhux awtorizzat(i) jew tas-sustanza/i misjuba:

Il-kontaminazzjoni li nstabet kienet ’il fuq mil-Livell Massimu ta’ Residwi stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (1) ?

Iva

Le

Mhux applikabbli (N/A)

6.

L-istadju tal-katina tal-provvista fejn tkun instabet il-preżenza ta’ prodott(i) jew sustanza/i mhux awtorizzati:

Produzzjoni

Fil-każ biss ta’ produzzjoni ta’ pjanti

Qabel il-ħsad

Wara l-ħsad

Preparazzjoni

Ipproċessar/ippriservar

Ippakkjar

Tbiċċir, tqattigħ, tindif jew tħin

Distribuzzjoni

Ħżin

Tqegħid fis-suq

Bejgħ bl-imnut

Bejgħ bl-ingrossa

Importazzjoni

Post ta’ kontroll fuq il-fruntiera

Punt ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa

Esportazzjoni

Il-prodott huwa:

Ippakkjat

Bl-ingrossa

7.

Sors u kawża tal-preżenza tal-prodott(i) jew tas-sustanza/i mhux awtorizzati:

L-operatur uża prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati fil-produzzjoni organika

Tifrix tal-bexx ta’ prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati fil-produzzjoni organika

Taħlit ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni ma’ prodotti mhux organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni

Bejgħ ta’ prodotti mhux organiċi jew prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni bħala organiċi

L-operatur ma ħax il-miżuri ta’ prekawzjoni msemmija fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament (UE) 2018/848

Nuqqas ta’ traċċabbiltà

Il-kontaminazzjoni seħħet fi stadju preċedenti tal-katina tal-provvista (jekk jogħġbok speċifika liema stadju jekk hu magħruf)

Is-sors u l-kawża tal-kontaminazzjoni ma ġewx identifikati (jekk jogħġbok speċifika r-raġuni)

Oħrajn (jekk jogħġbok speċifika)

8.

Miżuri meħuda

Il-kummerċjalizzazzjoni jew l-użu tal-prodott(i) kienet ipprojbita skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) 2018/848:

Iva

Le

Mhux applikabbli (N/A)

[informazzjoni fakultattiva addizzjonali]

9.

Informazzjoni oħra:

PARTI II

L-aħjar prattiki

Jekk jogħġbok ipprovdi ħarsa ġenerali annwali tal-aħjar prattiki dokumentati fl-Istat Membru tiegħek matul is-sena preċedenti skont l-Artikolu 29(6) tar-Regolament (UE) 2018/848 biex tiġi evitata l-preżenza ta’ prodotti u sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika.

 

Nota:

informazzjoni dwar każijiet li jinvolvu l-kontaminazzjoni bi prodotti jew sustanzi li mhumiex awtorizzati skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2018/848 għall-użu fil-produzzjoni organika fl-Istat Membru rilevanti

L-Istati Membri jistgħu jużaw il-mudell fil-Parti I biex jibagħtu lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, il-każijiet ta’ kontaminazzjoni identifikati mill-awtorità kompetenti matul is-sena ta’ qabel, jew, fejn xieraq, mill-awtorità ta’ kontroll jew mill-korp ta’ kontroll, meta jkunu qed iwettqu l-kontrolli uffiċjali f’konformità mal-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) 2018/848 jew investigazzjonijiet uffiċjali f’konformità mal-Artikolu 29 ta’ dak ir-Regolament.

Il-każijiet ta’ kontaminazzjoni li ma tkunx ingħalqet l-investigazzjoni uffiċjali dwarhom sal-31 ta’ Diċembru għandhom jiddaħħlu fit-trażmissjoni għas-sena ta’ wara.


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwi ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali, u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1). Japplika biss għall-ikel u l-għalf.


Top