Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1089

Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1089 tal-5 ta’ Ġunju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

ST/7487/2023/INIT

ĠU L 146, 6.6.2023, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1089/oj

6.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 146/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2023/1089

tal-5 ta’ Ġunju 2023

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (2) jagħti effett lil miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2014/145/PESK.

(2)

Fil-5 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1094 (3), li emendat wieħed mill-kriterji għall-elenkar ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, biex jiġu inklużi negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja u l-membri tal-familja immedjati tagħhom, jew persuni fiżiċi oħra, li jibbenefikaw minnhom, kif ukoll negozjanti, persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa.

(3)

Din l-emenda taqa’ fl-ambitu tat-Trattat u għalhekk hija neċessarja azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni biex tiġi implimentata, b’mod partikolari bl-intenzjoni li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha fl-Istati Membri kollha.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 269/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 3(1), il-punt (g), tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja u l-membri tal-familja immedjati tagħhom, jew persuni fiżiċi oħra, li jibbenefikaw minnhom, jew negozjanti, persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna; jew”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data ta' wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6).

(3)  Ara l-paġna 20 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


Top