Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0142

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/142 tas-17 ta’ Jannar 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli stabbilit skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika fir-rigward tal-istabbiliment ta’ lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala esperti u l-adozzjoni r-regoli ta’ proċedura għall-panel ta’ esperti

ST/15459/2022/INIT

ĠU L 19, 20.1.2023, pp. 134–143 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/142/oj

20.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 19/134


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/142

tas-17 ta’ Jannar 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli stabbilit skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika fir-rigward tal-istabbiliment ta’ lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala esperti u l-adozzjoni r-regoli ta’ proċedura għall-panel ta’ esperti

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (il-“Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1907 (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2019.

(2)

Skont l-Artikolu 16.18(4), il-punt (d), tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (il-“Kumitat”) għandu jistabbilixxi lista ta’ mill-inqas 10 individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala esperti fuq il-panel li se jitlaqqa’ biex jeżamina kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-Artikoli rilevanti tal-Kapitolu 16.

(3)

Skont l-Artikolu 16.18(2) tal-Ftehim, il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura għall-panel ta’ esperti.

(4)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat, peress li d-deċiżjoni prevista se tkun vinkolanti għall-Unjoni.

(5)

Skont l-Artikolu 22.3(3) tal-Ftehim, il-Kumitat jista’ jieħu deċiżjonijiet bil-miktub,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli stabbilit skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika fir-rigward tal-istabbiliment tal-lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala esperti u l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura għall-panel ta’ esperti, kif imsemmi fl-Artikolu 16.18 ta’ dak il-Ftehim, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell is-17 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SVANTESSON


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1907 tal-20 ta’ Diċembru 2018 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (ĠU L 330, 27.12.2018, p. 1).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru .../2023 TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI SKONT IL-FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-ĠAPPUN GĦAL SĦUBIJA EKONOMIKA

ta’ …

dwar l-istabbiliment tal-lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala esperti, u l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura għall-panel ta’ esperti

IL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika (il-"FSE bejn l-UE u l-Ġappun") u b’mod partikolari l-paragrafu 2 u s-subparagrafu 4(d) tal-Artikolu 16.18 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-subparagrafu 4(d) tal-Artikolu 16.18 tal-FSE bejn l-UE u l-Ġappun jipprevedi li l-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (il-"Kumitat") għandu jistabbilixxi lista ta’ mill-inqas 10 individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala esperti skont dak l-Artikolu,

(2)

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 16.18 tal-FSE bejn l-UE u l-Ġappun jipprevedi li l-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura għall-panel ta’ esperti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-lista ta’ individwi li huma lesti u kapaċi jservu bħala esperti hija stabbilita kif jidher fl-Anness 1 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Ir-regoli ta’ proċedura għall-panel ta’ esperti huma adottati kif jidher fl-Anness 2 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Il-lista ta’ individwi u r-regoli ta’ proċedura għall-panel ta’ esperti stabbiliti fl-Anness 1 u l-Anness 2 ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mal-paragrafu 2 u s-subparagrafu 4(d) tal-Artikolu 16.18 tal-FSE bejn l-UE u l-Ġappun għandhom ikunu validi mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi ....

Għall-Kumitat għall-Kummerċ u l-

Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli

Il-President


ANNESS 1

LISTA TA’ ESPERTI MSEMMIJA FIS-SUBPARAGRAFU 4(d) TAL-ARTIKOLU 16.18 TAL-FSE BEJN L-UE U L-ĠAPPUN

Sottolista għall-Unjoni Ewropea

1.

Jorge CARDONA

2.

Karin LUKAS

3.

Laurence BOISSON DE CHAZOURNES

4.

Geert VAN CALSTER

Sottolista għall-Ġappun

1.

Shin-ichi AGO

2.

Yukari TAKAMURA

3.

Dai TAMADA

4.

Nobuyuki YAGI

Sottolista ta’ individwi li ma huma ċittadini tal-ebda Parti u li għandhom jaġixxu bħala l-president tal-panel

1.

Armand DE MESTRAL (il-Kanada)

2.

Jennifer A. HILLMAN (l-Istati Uniti)

3.

Arthur Edmond APPLETON (l-Istati Uniti)

4.

Nathalie BERNASCONI (l-Iżvizzera)


ANNESS 2

REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-PANEL TA’ ESPERTI

Fi proċeduri tal-panel ta’ esperti skont il-Kapitolu 16 (Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika, japplikaw ir-regoli li ġejjin:

I.   Definizzjonijiet

1.

F'dawn ir-Regoli ta' Proċedura:

(a)

“persunal amministrattiv”, fir-rigward ta’ espert, tfisser persuni taħt id-direzzjoni u l-kontroll tal-espert, minbarra l-assistenti;

(b)

“konsulent” tfisser persuna miżmuma minn Parti biex tagħti pariri jew tassisti lil dik il-Parti għall-finijiet tal-proċedura tal-panel, minbarra rappreżentanti ta’ dik il-Parti;

(c)

“Ftehim” tfisser il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika;

(d)

“assistent” tfisser persuna li, skont it-termini tal-ħatra ta’ espert, twettaq riċerka jew tipprovdi assistenza lil dak l-espert;

(e)

“Kodiċi ta’ Kondotta” tfisser il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Arbitri msemmiija fl-Artikolu 21.30 tal-Ftehim u adottat bid-Deċiżjoni Nru 1/2019 tal-10 ta’ April 2019 tal-Kumitat Konġunt tal-Ftehim;

(f)

“Kumitat” tfisser il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli stabbilit skont l-Artikolu 22.3 tal-Ftehim;

(g)

"jiem" tfisser jiem tal-kalendarju;

(h)

“espert” tfisser membru ta’ panel;

(i)

“panel” tfisser panel ta’ esperti mlaqqa’ skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 16.18 tal-Ftehim;

(j)

“proċedimenti” tfisser il-proċedimenti tal-panel;

(k)

“rappreżentant” fir-rigward ta' Parti tfisser uffiċjal jew kwalunkwe persuna oħra ta' dipartiment jew aġenzija tal-gvern jew kwalunkwe entità pubblika oħra ta' Parti u persunal ieħor, li l-Parti tinnomina bħala r-rappreżentant tagħha għall-proċedimenti tal-panel;

(l)

“Parti rikjedenti” tfisser il-Parti li titlob it-tlaqqigħ ta’ panel skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 16.18 tal-Ftehim; u

(m)

“Parti rispondenti” tfisser il-Parti li tirċievi talba mill-Parti rikjedenti biex jitlaqqa’ panel ta’ esperti skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 16.18 tal-Ftehim.

II.   Ħatra tal-esperti

2.

Il-kopresident tal-Parti tal-Kumitat li tagħmel it-talba stabbilit skont l-Artikolu 16.13 tal-Ftehim għandu jkun responsabbli għall-organizzazzjoni tal-lott imsemmi fis-subparagrafu 4(c) tal-Artikolu 16.18 tal-Ftehim, u għandu jinforma lill-kopresident mill-Parti rispondenti, b’antiċipazzjoni xierqa, dwar id-data, il-ħin u l-post tal-lott. Il-kopresident mill-Parti rispondenti jista’ jkun preżenti jew ikun rappreżentat minn persuna oħra meta jittellgħu l-poloz. Ir-rappreżentanti taż-żewġ Partijiet jistgħu jkunu preżenti wkoll. F'kull każ, il-lott issir bil-Parti jew bil-Partijiet li jkunu preżenti.

3.

Il-partijiet għandhom jinfurmaw bil-miktub lil kull individwu li jkun inħatar biex iservi bħala espert skont l-Artikolu 16.18 tal-Ftehim dwar il-ħatra tiegħu. Kull individwu għandu jikkonferma d-disponibbiltà tiegħu liż-żewġ Partijiet fi żmien ħamest ijiem mid-data li fiha jkun ġie infurmat bil-ħatra tiegħu.

III.   Kodiċi ta' Kondotta

4.

Il-Kodiċi ta’ Kondotta għandu japplika, mutatis mutandis, għall-esperti li jservu fil-Panel ta’ Esperti.

IV.   Laqgħa organizzazzjonali

5.

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-Partijiet għandhom jiltaqgħu mal-panel fi żmien sebat ijiem mid-data tat-twaqqif tal-panel sabiex jiddeterminaw dawk il-kwistjonijiet li l-Partijiet jew il-panel iqisu xierqa, inklużi:

(a)

ir-rimunerazzjoni u l-ispejjeż li għandhom jitħallsu lill-esperti li għandhom ikunu skont l-istandards u l-kriterji tad-WTO;

(b)

l-ispejjeż għal kwalunkwe assistent jew persunal amministrattiv li espert jista’ jiddeċiedi li jimpjega, bl-ammont totali ta’ remunerazzjoni għall-assistent jew il-persunal amministrattiv ta’ kull espert ma jaqbiżx il-50 % tar-remunerazzjoni ta’ dak l-espert, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor; u

(c)

l-iskeda ta’ żmien għall-proċedimenti, li għandha tiġi stabbilita abbażi taż-żona tal-ħin tal-Parti rispondenti.

L-arbitri u r-rappreżentanti tal-Partijiet li jkunu uffiċjali jew persuni oħra ta' dipartiment jew aġenzija tal-gvern jew kwalunkwe entità pubblika oħra biss jistgħu jipparteċipaw f'din il-laqgħa fiżikament jew permezz ta' konferenza bit-telefon jew bil-vidjo.

V.   Notifiki

6.

Kwalunkwe talba, notifika, sottomissjoni bil-miktub jew dokument trażmess:

(a)

mill-panel għandha tintbagħat liż-żewġ Partijiet fl-istess ħin;

(b)

minn Parti lill-panel għandha tiġi kkuppjata lill-Parti l-oħra fl-istess ħin; u

(c)

minn Parti lill-Parti l-oħra għandha tiġi kkuppjata lill-panel fl-istess ħin, kif xieraq.

7.

Kwalunkwe notifika msemmija fil-paragrafu 6 għandha ssir b'email jew, fejn xieraq, b'mezzi oħra ta' telekomunikazzjoni li jipprovdu rekord tal-bgħit tagħha. Sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor, tali notifika għandha titqies bħala li ġiet irċevuta fid-data tal-bgħit tagħha.

8.

Żbalji minuri ta' natura klerikali f'talba, notifika, preżentazzjoni bil-miktub jew dokument ieħor relatat mal-proċedimenti tal-panel jistgħu jiġu kkoreġuti billi jintbagħat dokument ġdid li jindika l-modifiki b'mod ċar.

9.

Jekk l-aħħar jum għall-preżentazzjoni ta' dokument ikun jum ta' vaganza legali tal-Ġappun jew tal-Unjoni Ewropea jew fi kwalunkwe jum ieħor li fih l-uffiċċji tal-Gvern ta' Parti jkunu magħluqin b'mod uffiċjali jew b'force majeure, id-dokument għandu jitqies li jkun ġie riċevut fil-jum tax-xogħol li jkun imiss. Fil-laqgħa organizzazzjonali msemmija fil-paragrafu 5, kull Parti għandha tissottometti lista tal-jiem ta' vaganza legali tagħha u kwalunkwe jum ieħor li fih l-uffiċċji tagħha jkunu magħluqa b'mod uffiċjali. Kull Parti għandha żżomm il-lista tagħha aġġornata matul il-proċedura tal-panel.

VI.   Sottomissjonijiet bil-miktub

10.

Il-Parti rikjedenti għandha tippreżenta s-sottomissjoni tagħha bil-miktub mhux aktar tard minn 20 jum wara d-data tal-istabbiliment tal-panel. Il-Parti rispondenti għandha tippreżenta l-kontrosottomissjoni tagħha bil-miktub mhux aktar tard minn 20 jum wara d-data tal-wasla tas-sottomissjoni bil-miktub tal-Parti rikjedenti.

VII.   Talbiet għal informazzjoni u pariri

11.

F’konformità mal-paragrafu 3 tal-Artikolu 16.18 tal-Ftehim, il-panel jenħtieġ li jfittex informazzjoni u pariri mill-organizzazzjonijiet jew mill-korpi internazzjonali rilevanti għal kwistjonijiet relatati mal-istrumenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol jew mal-ftehimiet ambjentali multilaterali, kif iqis xieraq.

12.

Qabel ma jfittex informazzjoni u pariri mill-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 11, il-panel għandu jippermetti lill-Partijiet l-opportunità li jikkummentaw dwar il-lista ta’ entitajiet u t-talbiet li għandhom jiġu indirizzati lilhom.

13.

Il-panel għandu jissottometti kwalunkwe informazzjoni miksuba skont il-paragrafu 11 lill-Partijiet, li għandu jkollhom l-opportunità li jikkummentaw dwar tali informazzjoni.

VIII.   Operat tal-panel

14.

Il-president tal-panel għandu jippresiedi fil-laqgħat kollha tiegħu. Panel jista' jiddelega lill-president l-awtorità biex jagħmel deċiżjonijiet amministrattivi u proċedurali.

15.

Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 16.18 tal-Ftehim jew f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, il-panel jista’ jwettaq l-attivitajiet tiegħu bi kwalunkwe mezz, inklużi t-trażmissjonijiet bit-telefon, bil-faks jew bil-kompjuter.

16.

Meta tinqala’ kwistjoni proċedurali li ma tkunx koperta mill-Artikolu 16.18 tal-Ftehim jew minn dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jew il-Kodiċi ta’ Kondotta, il-panel, wara konsultazzjoni mal-Partijiet, jista’ jadotta proċedura xierqa li tkun kompatibbli ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.

17.

Il-panel fi kwalunkwe ħin jista' jimmodifika perjodu barra mill-perjodu ta' żmien stabbilit fil-Kapitolu 16.18 tal-Ftehim u jagħmel kwalunkwe aġġustament proċedurali jew amministrattiv fil-proċedimenti wara li jikkonsulta mal-Partijiet. Meta l-panel jikkonsulta mal-Partijiet, għandu jinforma lill-Partijiet bil-miktub dwar il-modifika jew l-aġġustament proposti u r-raġuni għalihom.

IX.   Seduti ta’ smigħ

18.

Abbażi tal-iskeda determinata skont il-paragrafu 5, wara konsultazzjoni mal-Partijiet u l-esperti l-oħra, il-president tal-panel għandu jiddetermina d-data u l-ħin tas-seduta ta’ smigħ.

19.

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-post għandu jalterna bejn il-Partijiet bl-ewwel seduta ta’ smigħ li ssir fil-Parti rispondenti. Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, il-Parti li fiha ssir is-seduta ta’ smigħ għandha:

(a)

tiddetermina l-post tas-seduta tas-smigħ u tinforma lill-president tal-panel b’dan; u

(b)

tkun responsabbli għall-amministrazzjoni loġistika tas-seduta ta' smigħ.

20.

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, u mingħajr ħsara għall-paragrafu 49, il-Partijiet għandhom jaqsmu l-ispejjeż derivati mill-amministrazzjoni loġistika tas-seduta ta' smigħ.

21.

Il-President tal-panel għandu jinnotifika fi żmien debitu lill-Partijiet, bil-miktub, bid-data, il-ħin u l-post tas-seduta ta’ smigħ. Din l-informazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mill-Parti li fiha ssir is-seduta ta’ smigħ, sakemm is-seduta ta’ smigħ ma tkunx magħluqa għall-pubbliku.

22.

Bħala regola ġenerali, jenħtieġ li jkun hemm seduta ta' smigħ waħda biss. Jekk it-tilwim ikun jinvolvi kwistjonijiet ta' kumplessità eċċezzjonali, il-panel jista' jlaqqa' flimkien seduti ta' smigħ addizzjonali fuq inizjattiva tiegħu stess jew, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet, wara li jikkonsulta mal-Partijiet. Għal kull waħda mis-seduti ta' smigħ addizzjonali, il-paragrafi 18 sa 21 japplikaw mutatis mutandis.

23.

Kwalunkwe seduta ta' smigħ tal-panel għandha tkun miftuħa għall-pubbliku sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor jew dment li s-sottomissjonijiet u l-argumenti ta' Parti ma jkunx fihom informazzjoni kunfidenzjali. Ma għandu jkun hemm l-ebda reġistrazzjoni tas-smigħ mill-pubbliku, tal-awdjo jew viżiva. Is-seduti ta’ smigħ li jsiru f’sessjoni magħluqa għandhom ikunu kunfidenzjali skont il-paragrafu 39.

24.

L-esperti kollha għandhom ikunu preżenti matul is-seduta ta’ smigħ kollha.

25.

Sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor, il-persuni li ġejjin jistgħu jattendu s-seduta ta’ smigħ, irrispettivament minn jekk is-seduta ta’ smigħ tkunx miftuħa għall-pubbliku jew le:

(a)

ir-rappreżentanti tal-Partijiet;

(b)

konsulenti;

(c)

assistenti u persunal amministrattiv;

(d)

interpreti, tradutturi u korrispondenti tal-qorti tal-panel; u

(e)

rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet jew korpi internazzjonali rilevanti, kif deċiż mill-panel skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 16.18 tal-Ftehim.

26.

Mhux aktar tard minn ħamest ijiem qabel id-data ta' seduta tas-smigħ, kull Parti għandha tagħti lill-panel lista bl-ismijiet ta' dawk il-persuni li jkunu sejrin jagħmlu argumenti orali jew preżentazzjonijiet matul is-seduta ta' smigħ f'isem dik il-Parti, u ta' rappreżentanti jew konsulenti oħrajn li jkunu sejrin jattendu s-seduta ta' smigħ.

27.

Il-panel għandu jmexxi s-seduta ta’ smigħ bil-mod li ġej, filwaqt li jiżgura li l-Parti rikjedenti u l-Parti rispondenti jingħataw l-istess ħin kemm fl-argument kif ukoll fil-kontroargument:

L-Argument

(a)

l-argument tal-Parti rikjedenti; u

(b)

l-argument tal-Parti konvenuta.

Il-Kontroargument

(a)

ir-replika tal-Parti rikjedenti; u

(b)

il-kontrorisposta tal-Parti konvenuta.

28.

Il-panel jista' jindirizza mistoqsijiet diretti lil kwalunkwe waħda mill-Partijiet fi kwalunkwe ħin matul is-seduta ta' smigħ.

29.

Il-panel għandu jara li titħejja traskrizzjoni tas-seduta ta' smigħ u li din tiġi ppreżentata lill-Partijiet mill-aktar fis wara s-seduta ta' smigħ. Il-Partijiet jistgħu jikkummentaw dwar it-traskrizzjoni, u l-panel jista' jqis dawn il-kummenti.

30.

Kull Parti tista’ tagħti sottomissjoni supplimentari bil-miktub rigward kwalunkwe kwistjoni li tkun qamet matul is-smigħ fi żmien 10 ijiem mid-data tas-smigħ.

X.   Deliberazzjonijiet

31.

L-esperti biss jistgħu jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet tal-panel.

XI.   Mistoqsijiet bil-miktub

32.

Fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti, il-panel jista' jissottometti mistoqsijiet bil-miktub lil waħda mill-Partijiet jew lit-tnejn li huma. Kwalunkwe mistoqsija li ssir lil waħda mill-Partijiet għandha tiġi kkupjata lill-Parti l-oħra.

33.

Kull Parti għandha tipprovdi wkoll lill-Parti l-oħra b'kopja tar-risposti tagħha għall-mistoqsijiet tal-panel. Kull Parti għandha tingħata opportunità li tipprovdi kummenti bil-miktub dwar ir-risposta tal-Parti l-oħra fi żmien ħamest ijiem mill-irċevuta ta’ din il-kopja.

XII.   Sostituzzjoni ta’ esperti

34.

Jekk xi wieħed mill-esperti tal-panel oriġinali jirtira, ma jkunx jista’ jipparteċipa, jew jeħtieġ li jiġi sostitwit fi proċedimenti tal-panel skont l-Artikolu 16.18 tal-Ftehim, il-paragrafu 4 tal-Artikolu 16.18 tal-Ftehim japplika mutatis mutandis.

35

Meta Parti tqis li espert ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta’ Kondotta u għal din ir-raġuni għandu jiġi sostitwit, dik il-Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra fi żmien 15 jum minn meta tkun kisbet biżżejjed evidenza tan-nuqqas tal-espert li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta’ Kondotta.

36.

Meta Parti tqis li espert għajr il-president ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta’ Kondotta, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u, jekk jaqblu dwar dan, jagħżlu espert ġdid skont il-paragrafu 34.

Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar il-ħtieġa li jiġi sostitwit l-espert, kull Parti tista’ titlob li din il-kwistjoni tiġi riferuta lill-president tal-panel, li d-deċiżjoni tiegħu għandha tkun finali.

Jekk, skont din it-talba, il-president isib li l-espert ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta’ Kondotta, għandu jintgħażel espert ġdid skont il-paragrafu 34.

37.

Jekk Parti tqis li l-president tal-panel ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi tal-Kondotta, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw u, jekk jaqblu dwar dan, jagħżlu president ġdid skont il-paragrafu 34.

Jekk il-Partijiet jonqsu milli jaqblu dwar il-ħtieġa li jinbidel il-president, kull Parti tista’ titlob li l-kwistjoni tiġi riferuta liż-żewġ esperti li jkun fadal. L-esperti għandhom jiddeċiedu, mhux aktar tard minn 10 ijiem wara d-data tal-wasla tat-talba, jekk hemmx bżonn li jinbidel il-president tal-panel. Id-deċiżjoni mill-esperti dwar il-ħtieġa li jinbidel il-president għandha tkun finali.

Jekk l-esperti jiddeċiedu li l-president ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Kodiċi ta’ Kondotta, għandu jintgħażel president ġdid skont il-paragrafu 34.

38.

Il-proċedimenti għandhom jiġu sospiżi għall-perjodu ddedikat biex jitwettqu l-proċeduri previsti fil-paragrafi 34 sa 37.

XIII.   Kunfidenzjalità

39.

Il-panel u l-Partijiet għandhom iqisu bħala kunfidenzjali kwalunkwe informazzjoni sottomessa minn Parti lill-panel li dik il-Parti tkun iddeżinjat bħala kunfidenzjali. Meta parti tissottometti verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjonijiet tagħha bil-mikub lill-panel, fuq talba tal-Parti l-oħra u fi żmien 20 jum mid-data tat-talba, din għandha tipprovdi wkoll verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjonijiet li jistgħu jiġu ddivulgati lill-pubbliku. Xejn f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura ma jipprekludi Parti milli tiżvela s-sottomissjonijiet tagħha lill-pubbliku sal-punt li ma tiżvela l-ebda informazzjoni mmarkata mill-Parti l-oħra bħala kunfidenzjali. Il-panel għandu jiltaqa' f'sessjoni magħluqa jekk is-sottomissjonijiet u l-argumenti ta' Parti jkun fihom informazzjoni kunfidenzjali. Il-panel u l-Partijiet għandhom iżommu l-kunfidenzjalità tas-seduta ta' smigħ tal-panel meta s-seduta ta' smigħ issir f'sessjoni magħluqa.

XIV.   Kuntatti ex parte

40.

Il-panel ma għandux jiltaqa' jew jikkomunika ma' Parti fl-assenza tal-Parti l-oħra.

41.

Espert ma għandu jiddiskuti l-ebda aspett tas-suġġett tal-proċedimenti ma’ Parti waħda jew maż-żewġ Partijiet fin-nuqqas tal-esperti l-oħra.

XV.   Sottomissjonijiet amicus curiae

42.

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor fi żmien tlett ijiem mid-data tal-istabbiliment tal-panel, il-panel jista’ jirċievi sottomissjonijiet bil-miktub mhux mitluba minn kwalunkwe persuna fiżika ta’ Parti jew persuni ġuridiċi stabbiliti f’Parti, li jkunu indipendenti mill-Gvernijiet tal-Partijiet, dment li s-sottomissjonijiet jaslu fi żmien 10 ijiem mid-data tal-istabbiliment tal-panel.

43.

Is-sottomissjonijiet għandhom ikunu konċiżi u qatt ma għandhom ikunu itwal minn 15-il paġna bi spazji doppji, u għandhom ikunu rilevanti direttament għal kwistjoni fattwali jew legali meqjusa mill-panel. Is-sottomissjonijiet għandu jkun fihom deskrizzjoni tal-persuna li tipprovdi s-sottomissjonijiet inkluż:

(a)

għal persuna fiżika, in-nazzjonalità tagħha; u

(b)

għal persuna ġuridika, il-post ta' stabbiliment tagħha, in-natura tal-attivitajiet tagħha, l-istatus ġuridiku tagħha, l-objettivi ġenerali tagħha u s-sors ta' finanzjament tagħha.

Fis-sottomissjonijiet tagħha, kull persuna għandha tispeċifika l-interess li għandha fil-proċedimenti. Is-sottomissjonijiet għandhom jiġu abbozzati bil-lingwi magħżula mill-Partijiet skont il-paragrafi 45 u 46 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.

44.

Fir-rapport tiegħu, il-panel għandu jelenka s-sottomissjonijiet kollha li jkun irċieva skont il-paragrafi 42 u 43. Fir-rapport tiegħu, il-panel mhuwiex obbligat jindirizza l-argumenti li jkunu saru f'tali sottomissjonijiet. Dawk is-sottomissjonijiet għandhom jiġu pprovduti lill-Partijiet għall-kummenti tagħhom. Il-kummenti lill-Partijiet li jkunu ġew sottomessi lill-panel fi żmien 30 jum għandhom jitqiesu mill-panel.

XVI.   Lingwa u traduzzjoni

45.

Matul il-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16.17 tal-Ftehim, u mhux aktar tard miż-żmien tal-laqgħa organizzazzjonali msemmija fil-paragrafu 5, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaqblu dwar lingwa ta' ħidma komuni għall-proċedimenti quddiem il-panel. Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra, mhux aktar tard minn 90 jum wara l-adozzjoni ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura mill-Kumitat skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 16.18 tal-Ftehim, lista ta’ lingwi li għalihom għandha preferenza. Il-lista għandha tinkludi mill-anqas lingwa ta' ħidma waħda tad-WTO.

46.

Jekk il-Partijiet ma jkunux jistgħu jaqblu dwar lingwa ta' ħidma komuni, kull parti għandha tagħmel is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha bil-lingwa tal-għażla tagħha, filwaqt li fl-istess ħin tipprovdi traduzzjoni għal waħda mil-lingwi ta' ħidma tad-WTO nnotifikati mill-Parti l-oħra skont il-paragrafu 45, meta jkun xieraq. Il-Parti responsabbli mill-organizzazzjoni tas-seduta ta' smigħ orali għandha tagħmel arranġamenti għal sottomissjonijiet orali bl-istess lingwa ta' ħidma tad-WTO, meta jkun xieraq.

47.

Ir-rapport interim u finali tal-panel għandu jinħareġ bil-lingwa ta' ħidma komuni. Jekk il-Partijiet ma jkunux qablu dwar lingwa ta' ħidma komuni, ir-rapport interim u finali tal-panel għandu jinħareġ bil-lingwi ta' ħidma tad-WTO imsemmija fil-paragrafu 46.

48.

Parti tista’ tipprovdi kummenti dwar il-preċiżjoni tat-traduzzjoni ta’ kwalunkwe verżjoni tradotta ta’ dokument imfassal f’konformità ma’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

49.

F'każ li tkun neċessarja traduzzjoni jew interpretazzjoni ta' sottomissjonijiet bil-miktub jew orali ta' Parti fil-lingwa ta' ħidma rilevanti tad-WTO, dik il-Parti għandha ġġarab l-ispejjeż tagħha.

XVII   Rapport tal-Panel

50.

Il-panel għandu jippreżenta rapport interim u finali lill-Partijiet skont il-paragrafu 5 tal-Artikolu 16.18 tal-Ftehim. Ir-rapport finali għandu jkun disponibbli għall-pubbliku. Jenħtieġ li l-panel ma jiżvelax ir-rapport tiegħu qabel il-pubblikazzjoni mill-Partijiet.

XVIII   Reviżjoni

51.

Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jiġu riveduti bi ftehim bejn il-Partijiet.

Top