Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1989

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1989 tal-20 ta’ Ottubru 2022 li jġedded deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd bit-tartaruni għall-makku (Aphia minuta) f’ċerti ibħra territorjali tal-Italja (Manfredonia)

C/2022/7403

ĠU L 273, 21.10.2022, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/05/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1989/oj

21.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 273/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1989

tal-20 ta’ Ottubru 2022

li jġedded deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd bit-tartaruni għall-makku (Aphia minuta) f’ċerti ibħra territorjali tal-Italja (Manfredonia)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi l-użu ta’ rkaptu rmunkat sa tliet mili nawtiċi mill-kosta jew sa livell ta’ fond ta’ 50 m meta dak il-fond jintlaħaq ’il ġewwa minn dik id-distanza mill-kosta.

(2)

Fuq talba ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tippermetti deroga mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, dment li jiġu ssodisfati għadd ta’ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9).

(3)

Fit-2 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/317 (2) li jistabbilixxi għall-ewwel darba deroga mill-Artikolu 13(1), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 f’konformità mal-proċedura skont l-Artikolu 13(5) tiegħu, fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għas-sajd bit-tartaruni għall-makku (Aphia minuta) f’ċerti ilmijiet territorjali tal-Italja (Manfredonia), li skada fit-8 ta’ Marzu 2021.

(4)

Fl-10 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni rċeviet talba mill-Italja għal estensjoni ta’ dik id-deroga.

(5)

L-Italja tat ġustifikazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi aġġornati għat-tiġdid ta’ dik id-deroga.

(6)

Fil-11 ta’ Frar 2022, l-Italja adottat b’Digriet (3) pjan ta’ ġestjoni f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 (“il-pjan ta’ ġestjoni Taljan”). Il-pjan ta’ ġestjoni adottat jiddaħħal biex jakkumpanja d-durata kollha tad-deroga.

(7)

It-talba tikkonċerna attivitajiet tas-sajd diġà awtorizzati mill-Italja u tkopri bastimenti rreġistrati fid-Direttorat marittimu ta’ Manfredonia li għandhom esperjenza fis-sajd ta’ aktar minn ħames snin u li joperaw taħt il-pjan ta’ ġestjoni Taljan li jirregola s-sajd bit-tartaruni għall-makku (Aphia minuta) fid-distrett tas-sajd ta’ Manfredonia.

(8)

Id-deroga mitluba mill-Italja tkopri b’kollox 60 bastiment, mill-100 bastiment awtorizzati fl-2018, b’massimu ta’ 30 bastiment awtorizzat kuljum, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ alternanza. Il-flotta ta’ Manfredonia li tistad għall-makku (Aphia minuta) b’kollox fit-tul hija iżgħar minn 15-il m. Il-pjan ta’ ġestjoni Taljan jeskludi kwalunkwe żieda futura fl-isforz tas-sajd, kif meħtieġ mill-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li d-deroga taffettwa għadd limitat ta’ bastimenti.

(9)

Dawk il-bastimenti huma inklużi f’lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(10)

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (“STECF”) ivvaluta l-estensjoni tad-deroga li talbet l-Italja u l-pjan ta’ ġestjoni fis-sessjonijiet plenarji tiegħu ta’ Marzu (4) u Lulju (5) 2021. Matul dawk is-sessjonijiet, l-STECF innota li l-pjan ta’ ġestjoni Taljan kien fih diversi elementi tekniċi li jridu jiġu ċċarati aktar. F’Marzu 2021, l-STECF enfasizza l-ħtieġa għal kjarifiki dwar il-livelli ta’ referenza, id-data dwar is-sajd, il-pożizzjonijiet tal-operazzjonijiet tas-sajd u l-ispeċifikazzjoni tekniċi tal-irkapti. F’Lulju 2021, wara l-preżentazzjoni ta’ pjan ta’ ġestjoni rivedut, l-STECF enfasizza li kien għad hemm bżonn ta’ kjarifiki dwar id-data soċjoekonomika, il-qabdiet aċċessorji, id-disinn tal-irkaptu u l-livelli ta’ referenza tal-punt ta’ attivazzjoni. Sabiex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet, l-awtoritajiet Taljani qablu li jaġġornaw il-pjan ta’ ġestjoni relatat ma’ dawk l-elementi.

(11)

L-STECF ivvaluta l-estensjoni tad-deroga mitluba mill-Italja u l-pjan ta’ ġestjoni rivedut Taljan relatat fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Novembru 2021 (6). Il-valutazzjoni ġenerali mill-STECF hija pożittiva u l-abbozz tal-pjan ta’ ġestjoni fih l-elementi ewlenin meħtieġa biex tiġi appoġġata t-talba. L-STECF iqis li pjan ta’ ġestjoni rivedut tjieb b’mod sinifikanti, u jistabbilixxi aktar punti ta’ attivazzjoni prekawzjonarji u azzjonijiet ta’ rimedju fil-każ ta’ bijomassa baxxa. L-STECF jikkonkludi wkoll li l-miżuri l-ġodda introdotti fil-pjan ta’ ġestjoni Taljan huma aktar restrittivi milli fil-pjan preċedenti. Madankollu, l-STECF innota li d-data kollha prevista li trid tinġabar taħt il-pjan ta’ ġestjoni Taljan (id-data dwar il-qbid tal-ispeċijiet kollha, id-daqs tal-kompożizzjonijiet, il-qbid skartat u dik soċjoekonomika) jenħtieġ li tiġi deskritta b’mod ċar u jenħtieġ li d-data tinġabar, tiġi analizzata u rrapportata b’mod konsistenti sabiex l-effettività tal-pjan ta’ ġestjoni tiġi mmonitorjata b’mod adegwat. L-Italja qablet li fil-pjan tinkludi monitoraġġ aktar mill-qrib tal-operazzjonijiet tas-sajd tal-flotta.

(12)

Id-deroga li talbet l-Italja hi konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(13)

B’mod partikolari, hemm limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi meta wieħed iqis kemm id-daqs limitat tal-blata kontinentali u kemm il-firxa spazjali tal-ispeċijiet fil-mira, li hija limitata esklussivament għal ċerti żoni kostali f’fond ta’ anqas minn 50 metru. Għalhekk, il-postijiet għas-sajd huma limitati.

(14)

Is-sajd bit-tartaruni ma għandux impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar u huwa selettiv ħafna billi t-tartaruni jinġibdu fil-kolonna tal-ilma u ma jmissux qiegħ il-baħar, peress li l-ġbir tal-materjal minn qiegħ il-baħar kieku jagħmel ħsara lill-ispeċijiet fil-mira u l-għażla tal-ispeċijiet maqbuda tkun virtwalment impossibbli minħabba d-daqs żgħir ħafna tagħhom.

(15)

Is-sajd bit-tartaruni jsir qrib il-kosta f’baħar baxx. Minħabba n-natura tiegħu, dan it-tip ta’ sajd ma jista’ jsir bl-ebda rkaptu ieħor tas-sajd.

(16)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 minħabba li l-pjan ta’ ġestjoni Taljan jipprojbixxi b’mod ċar is-sajd fuq ħabitats protetti.

(17)

Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ konformità mal-qisien minimu tal-malji, preċedentement l-Italja awtorizzat deroga mill-qies minimu tal-malji stabbilit fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 abbażi tal-issodisfar tar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(7) ta’ dak ir-Regolament minħabba n-natura selettiva ħafna tas-sajd ikkonċernat, l-effett negliġibbli tiegħu fuq l-ambjent tal-baħar u minħabba li mhuwiex affettwat mid-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) 1967/2006.

(18)

L-Anness IX, il-Parti B, il-punt 4 tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jippermetti l-applikazzjoni kontinwa ta’ derogi mill-qisien minimi tal-malji maħruġa fil-qafas tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 sakemm ma jkunx iddeterminat mod ieħor permezz tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/1241.

(19)

Il-Kummissjoni vvalutat din it-talba ta’ estensjoni tad-deroga mill-Italja u kkonkludiet li tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) 2019/1241u fil-punt 4 tal-Parti B tal-Anness IX ta’ dak ir-Regolament (UE) 2019/1241, peress li ma twassalx għal deterjorament tal-istandards ta’ selettività, b’mod partikolari f’termini ta’ żieda fil-qabdiet ta’ ħut li għadu qed jikber, eżistenti fl-14 ta’ Awwissu 2019, u għandha l-għan li tikseb l-objettivi u l-miri stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dak ir-Regolament.

(20)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jitwettqu f’distanza qasira ħafna mill-kosta f’ilmijiet baxxi fi ħdan l-istrixxa tat-tliet mili nawtiċi u għaldaqstant ma jfixklux l-attivitajiet ta’ bastimenti oħra jew irkaptu ieħor għajr ix-xbieki tat-tkarkir, it-tartaruni jew ix-xbieki rmunkati simili.

(21)

Il-pjan ta’ ġestjoni Taljan jirregola l-attivitajiet tas-sajd bit-tartaruni sabiex jiżgura li jkun hemm qabdiet minimi tal-ispeċijiet imsemmijin fl-Anness IX, il-Parti A tar-Regolament (UE) 2019/1241, li jissostitwixxi l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. Barra minn hekk, skont il-kapitolu 5.1.2 tal-pjan ta’ ġestjoni Taljan, is-sajd għall-makku (Aphia minuta) huwa limitat biss għall-istaġun tas-sajd bejn l-1 ta’ Novembru u l-31 ta’ Mejju ta’ kull sena u massimu ta’ 60 jum f’kull staġun tas-sajd għal kull dgħajsa.

(22)

It-tartaruni huma selettivi ħafna u ċ-ċefalopodi mhumiex fil-mira tagħhom.

(23)

Il-pjan ta’ ġestjoni Taljan fih miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif previst fl-Artikolu 13(9), it-tielet subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(24)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-irrekordjar stipulati fl-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (8).

(25)

Għalhekk jenħtieġ li l-estensjoni tad-deroga mitluba tingħata għal tliet snin.

(26)

Jenħtieġ li l-Italja tibgħat rapport lill-Kummissjoni fiż-żmien dovut u f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ previst fil-pjan ta’ ġestjoni Taljan.

(27)

Jenħtieġ li tiġi introdotta limitazzjoni fuq id-durata tad-deroga, sabiex ikunu jistgħu jittieħdu fil-pront il-miżuri ta’ ġestjoni korrettivi f’każ li r-rapport lill-Kummissjoni juri status ħażin ta’ konservazzjoni tal-istokk sfruttat, filwaqt li jitħalla ambitu biex tissaħħaħ il-bażi xjentifika għal pjan ta’ ġestjoni mtejjeb.

(28)

Peress li d-deroga mogħtija bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/317 skadiet fit-8 ta’ Marzu 2021 u l-istaġun tas-sajd jibda fl-1 ta’ Novembru ta’ kull sena, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika b’effett mill-1 ta’ Novembru 2021.

(29)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza.

(30)

Il-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura ma tax opinjoni fiż-żmien stabbilit mill-president tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Deroga

1.   L-Artikolu 13(1), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika fl-ilmijiet territorjali tal-Italja li jmissu mal-kosta tal-Golf ta’ Manfredonia, għat-tartaruni użati minn bastimenti li jistadu għall-makku (Aphia minuta)

2.   It-tartaruni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintużaw minn bastimenti:

(a)

irreġistrati fid-Direttorat marittimu ta’ Manfredonia;

(b)

li għandhom aktar minn ħames snin esperjenza fis-sajd u mhux se jiżdidilhom l-isforz tas-sajd fil-futur; kif ukoll

(c)

li għandhom awtorizzazzjoni tas-sajd u joperaw skont il-pjan ta’ ġestjoni adottat mill-Italja f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

Artikolu 2

Pjan ta’ monitoraġġ u rapportar

Fi żmien sena minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, l-Italja għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni mfassal f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta’ ġestjoni Taljan imsemmi fl-Artikolu 1(2), il-punt (c).

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2021 sal-31 ta’ Mejju 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 409, 30.12.2006, verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/317 tat-2 ta’ Marzu 2018 li jistabbilixxi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għat-tartaruni li jistadu għall-makku (Aphia minuta) f’ċerti ibħra territorjali tal-Italja (ĠU L 62, 5.3.2018, p. 1).

(3)   Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana 88, 14.4.2022, p. 55.

(4)  Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries – 66th Plenary Report (Plen 21-01). EUR 28359 EN, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2021, disponibbli hawn: https://stecf.jrc.ec.europa.eu/reports/plenary/-/asset_publisher/oS6k/document/id/2871668

(5)  Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries – 67th Plenary Report (Plen 21-02). EUR 28359 EN, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2021, disponibbli hawn: https://stecf.jrc.ec.europa.eu/reports/plenary/-/asset_publisher/oS6k/document/id/10267322

(6)  Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries – 68th Plenary Report (Plen 21-03). EUR 28359 EN, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2021, disponibbli hawn: https://stecf.jrc.ec.europa.eu/reports/plenary/-/asset_publisher/oS6k/document/id/15101327

(7)  Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).


Top