This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022R1408
Commission Delegated Regulation (EU) 2022/1408 of 16 June 2022 amending Regulation (EU) 2021/2116 of the European Parliament and of the Council as regards the payment of advances for certain interventions and support measures provided for in Regulations (EU) 2021/2115 and (EU) No 1308/2013 of the European Parliament and of the Council
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1408 tas-16 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ħlas tal-pagamenti bil-quddiem għal ċerti interventi u miżuri ta’ appoġġ previsti fir-Regolamenti (UE) 2021/2115 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1408 tas-16 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ħlas tal-pagamenti bil-quddiem għal ċerti interventi u miżuri ta’ appoġġ previsti fir-Regolamenti (UE) 2021/2115 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
C/2022/3928
ĠU L 216, 19.8.2022, p. 1–2
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
19.8.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 216/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1408
tas-16 ta’ Ġunju 2022
li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ħlas tal-pagamenti bil-quddiem għal ċerti interventi u miżuri ta’ appoġġ previsti fir-Regolamenti (UE) 2021/2115 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 44(4),
Billi:
(1) |
L-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2021/2116 jipprevedi l-possibbiltà li l-Istati Membri jagħmlu pagamenti bil-quddiem lill-benefiċjarji ta’ ċerti interventi u miżuri oħra ta’ appoġġ. Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) diġà jipprevedi dik il-possibbiltà iżda hija biss għall-interventi fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex, l-inbid, iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda. |
(2) |
Sabiex jiġi żgurat il-ħlas koerenti u nondiskriminatorju tal-pagamenti bil-quddiem, jenħtieġ li l-possibbiltà li jagħmlu l-pagamenti bil-quddiem tiġi estiża għall-interventi kollha msemmija fit-Titolu III, il-Kapitolu III, tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
(3) |
Għal dik l-istess raġuni, il-possibbiltà li l-Istati Membri jagħmlu l-pagamenti bil-quddiem jenħtieġ li tiġi estiża għall-iskema ta’ għajnuna għall-provvista tal-frott u l-ħxejjex u tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fl-istabbilimenti edukattivi stabbiliti fil-Parti II, it-Titolu I, il-Kapitolu II, it-Taqsima 1, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Il-ħlas ta’ dawk il-pagamenti bil-quddiem jenħtieġ li jkun soġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 44(5) tar-Regolament (UE) 2021/2116. Peress li l-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dik l-iskema ta’ għajnuna huma bbażati fuq is-snin skolastiċi, kif definit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 (4), is-sistema tal-pagamenti bil-quddiem jenħtieġ li tapplika għall-għajnuna għas-sistema skolastika 2023/2024 u s-snin skolastiċi sussegwenti. |
(4) |
Il-miżuri eċċezzjonali li jappoġġaw is-swieq agrikoli f’konformità mal-Artikoli 219 sa 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom l-għan li jsolvu problemi speċifiċi jew tfixkil speċifiku fis-suq. Dawk il-miżuri eċċezzjonali jistgħu jieħdu l-għamla ta’ appoġġ finanzjarju straordinarju u temporanju mill-Unjoni għas-setturi milquta. Ir-regoli attwali ma jippermettux li l-Istati Membri jagħmlu l-pagamenti bil-quddiem ta’ tali appoġġ. Madankollu, l-esperjenza turi li l-miżuri eċċezzjoni ta’ appoġġ għas-suq irid ikollhom effett immedjat sabiex jiġi evitat deterjorament irrimedjabbli tas-suq. Għalhekk jixraq li l-Istati Membri jitħallew jagħmlu pagamenti bil-quddiem lill-benefiċjarji ta’ dawk il-miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq, soġġetti għall-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 44(5) tar-Regolament (UE) 2021/2116. |
(5) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2021/2116 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2021/2116, qed jiddaħħlu l-paragrafi 3a, 3b u 3c li ġejjin:
“3a. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu pagamenti bil-quddiem lill-benefiċjarji tal-interventi msemmija fit-Titolu III, il-Kapitolu III, tar-Regolament (UE) 2021/2115, soġġetti għall-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti skont il-paragrafu 5.
3b. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu pagamenti bil-quddiem skont l-iskema ta’ għajnuna stabbilita fil-Parti II, it-Titolu I, il-Kapitolu II, it-Taqsima 1, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-għajnuna għas-sena skolastika 2023/2024 u s-snin skolastiċi sussegwenti, soġġetti għall-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti skont il-paragrafu 5.
3c. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu pagamenti bil-quddiem lill-benefiċjarji tal-miżuri ta’ appoġġ għas-swieq agrikoli adottati skont l-Artikoli 219, 220 u 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, soġġetti għall-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti skont il-paragrafu 5.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ġunju 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta’ frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi (ĠU L 5, 10.1.2017, p. 1).