EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022R1345
Commission Implementing Regulation (EU) 2022/1345 of 1 August 2022 laying down rules for the application of Regulation (EU) 2016/429 of the European Parliament and of the Council with regard to registration and approval of establishments keeping terrestrial animals and collecting, producing, processing or storing germinal products (Text with EEA relevance)
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1345 tal-1 ta’ Awwissu 2022 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni ta’ stabbilimenti li jżommu annimali terrestri u li jiġbru, jipproduċu, jipproċessaw jew jaħżnu prodotti ġerminali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1345 tal-1 ta’ Awwissu 2022 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni ta’ stabbilimenti li jżommu annimali terrestri u li jiġbru, jipproduċu, jipproċessaw jew jaħżnu prodotti ġerminali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2022/5374
OJ L 202, 2.8.2022, p. 27–30
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
2.8.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 202/27 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1345
tal-1 ta’ Awwissu 2022
li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni ta’ stabbilimenti li jżommu annimali terrestri u li jiġbru, jipproduċu, jipproċessaw jew jaħżnu prodotti ġerminali
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 86(1) u (2) u l-Artikolu 96(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi regoli għall-mard tal-annimali trażmissibbli lill-annimali jew l-umani, inkluż ir-regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-istabbilimenti li jżommu annimali terrestri u li jiġbru, jipproduċu, jipproċessaw jew jaħżnu prodotti ġerminali. |
(2) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 billi jistabbilixxi regoli dettaljati dwar ir-reġistri li għandhom jinżammu mill-awtorità kompetenti tal-istabbilimenti rreġistrati u approvati li jżommu annimali terrestri u li jiġbru, jipproduċu, jipproċessaw jew jaħżnu prodotti ġerminali rreġistrati magħha jew approvati minnha. |
(3) |
B’mod partikolari, l-Artikolu 18, il-punt (d), tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jipprevedi li fir-reġistru tal-istabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma u tal-imfaqas irreġistrati magħha, l-awtorità kompetenti għandha tinkludi l-indirizz u l-koordinati ġeografiċi (latitudni u lonġitudni) tal-pożizzjoni tal-istabbiliment. Barra minn hekk, l-Artikolu 18, il-punt (h), tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jipprevedi li f’dak ir-reġistru, l-awtorità kompetenti għandha tinkludi informazzjoni dwar il-perjodu li matulu l-annimali jew il-bajd għat-tifqis jinżammu fl-istabbiliment jekk ma jkunx okkupat kontinwament, inkluż l-okkupazzjoni staġonali jew l-okkupazzjoni waqt avvenimenti partikolari. Filwaqt li l-Artikolu 84(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li l-operaturi tal-istabbilimenti li jżommu annimali terrestri jew li jiġbru, jipproduċu, jipproċessaw jew jaħżnu prodotti ġerminali għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti b’ċerta informazzjoni sabiex l-istabbilimenti tagħhom jiġu rreġistrati, dik l-informazzjoni ma tinkludix l-informazzjoni dettaljata kollha meħtieġa skont l-Artikolu 18, il-punti (d) u (h), tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035. Għalhekk jixraq li jiġi stabbilit rekwiżit għall-operaturi tal-istabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma u tal-imfaqas biex jipprovdu tali informazzjoni dettaljata lill-awtorità kompetenti għall-fini tar-reġistrazzjoni. |
(4) |
Bl-istess mod, l-Artikolu 21, il-punti (d) u (h), tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035 jipprevedi wkoll li fir-reġistru tagħha tal-istabbilimenti approvati minnha, l-awtorità kompetenti għandha tinkludi l-istess informazzjoni dettaljata meħtieġa mill-Artikolu 18, il-punti (d) u (h), ta’ dak ir-Regolament Delegat. Filwaqt li l-Artikolu 96(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 jirrikjedi li l-operaturi jipprovdu lill-awtorità kompetenti b’ċerta informazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħhom għall-approvazzjoni tal-istabbiliment tagħhom, dik l-informazzjoni ma tinkludix l-informazzjoni dettaljata kollha meħtieġa skont l-Artikolu 21, il-punti (d) u (h), tar-Regolament Delegat (UE) 2019/2035. Għalhekk jixraq li jiġi stabbilit rekwiżit għall-operaturi tal-istabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma u tal-imfaqas biex jipprovdu tali informazzjoni dettaljata lill-awtorità kompetenti għall-fini tal-approvazzjoni. |
(5) |
Barra minn hekk, l-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li permezz ta’ deroga mill-Artikolu 84(1) ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti li jippreżentaw riskju insinifikanti għas-saħħa tal-annimali jew dik pubblika. Tali eżenzjonijiet jistgħu jingħataw biss jekk dawk il-kategoriji ta’ stabbilimenti jkunu ta’ tip li jaqa’ taħt ir-regoli stabbiliti f’att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 86(2) ta’ dak ir-Regolament. Għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jikkonċernaw it-tipi ta’ stabbilimenti li jippreżentaw riskju insinifikanti li jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 85. |
(6) |
Ċerti stabbilimenti, b’mod partikolari dawk li jżommu l-ungulati, ma jistgħux jitqiesu li jippreżentaw riskju insinifikanti, kif imsemmi fl-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) 2016/429, minħabba għadd ta’ mard elenkat li jista’ jiġi trażmess mill-ungulati u li jista’ jaffettwa l-istat ta’ saħħa tal-annimali tal-istabbilimenti jew taż-żoni f’dak ir-rigward. Bl-istess mod, il-klieb, il-qtates u l-inmsa miżmuma fi stabbiliment għal finijiet ta’ tnissil ma jistgħux jitqiesu li jippreżentaw riskju insinifikanti, speċjalment mill-perspettiva tas-saħħa tal-bniedem. |
(7) |
Il-moviment ta’ annimali, prodotti ġerminali jew prodotti ta’ oriġini mill-annimali jikkostitwixxi fattur ta’ riskju importanti għas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem. Għalhekk, l-istabbilimenti fejn iseħħu l-movimenti, li b’mod partikolari jinvolvu movimenti lejn jew minn Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi, jenħtieġ li jitqiesu li ma jippreżentawx riskju insinifikanti. Madankollu, l-istabbilimenti fejn annimali, prodotti ġerminali jew prodotti ta’ oriġini mill-annimali jinżammu b’ċerta kontinwità u l-iskop primarju mhuwiex il-moviment ta’ dawk l-annimali, il-prodotti ġerminali jew il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali lejn l-istabbiliment jew barra minnu, jistgħu jitqiesu li jippreżentaw riskju insinifikanti, anki jekk tali movimenti jseħħu fuq bażi okkażjonali. |
(8) |
Ħafna drabi l-operaturi jżommu annimali terrestri ta’ diversi speċijiet fl-istess stabbiliment. Jekk Stat Membru jeżenta mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni ċerti kategoriji ta’ stabbilimenti li jippreżentaw riskju insinifikanti, kif previst fl-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) 2016/429, mhuwiex proporzjonat mar-riskju involut li l-operaturi jintalbu jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 84(1), il-punt (b)(iii), rigward l-annimali terrestri miżmuma li għalihom l-istabbiliment jista’ jiġi eżentat mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament daqslikieku dawk l-annimali kienu l-uniċi annimali miżmuma f’dak l-istabbiliment. |
(9) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jikkonċernaw:
(a) |
l-informazzjoni li għandha tingħata mill-operaturi tal-istabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma u tal-imfaqas għall-fini tar-reġistrazzjoni tal-istabbilimenti tagħhom, kif previst fl-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/429; |
(b) |
it-tipi ta’ stabbilimenti li jżommu annimali terrestri li jippreżentaw riskju insinifikanti, li l-Istati Membri jistgħu jeżentawhom mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) 2016/429; |
(c) |
l-informazzjoni li għandha tingħata mill-operaturi tal-istabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma u tal-imfaqas fl-applikazzjoni tagħhom għall-approvazzjoni tal-istabbilimenti tagħhom f’konformità mal-Artikolu 96(1) tar-Regolament (UE) 2016/429. |
Artikolu 2
Informazzjoni li għandha tingħata mill-operaturi għall-fini tar-reġistrazzjoni tal-istabbiliment tagħhom
1. Qabel jibdew tali attivitajiet, l-operaturi tal-istabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma u tal-imfaqas imsemmija fl-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 għandhom, flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 84(1), il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament, jipprovdu lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni li ġejja:
(a) |
l-indirizz u l-koordinati ġeografiċi (latitudni u lonġitudni) tal-pożizzjoni tal-istabbiliment li għandu jiġi rreġistrat; |
(b) |
il-perjodu li matulu l-annimali terrestri jew il-bajd għat-tifqis jinżammu fl-istabbiliment irreġistrat jekk ma jkunx okkupat kontinwament, inkluż l-okkupazzjoni staġonali jew l-okkupazzjoni waqt avvenimenti partikolari. |
2. L-operaturi tal-istabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma msemmija fl-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 ma għandhomx ikunu obbligati jipprovdu lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 84(1), il-punt (b)(iii), ta’ dak ir-Regolament, fir-rigward tal-annimali terrestri miżmuma li jaqgħu taħt id-deroga użata mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Tipi ta’ stabbilimenti li jżommu annimali terrestri li jistgħu jiġi eżentati mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni mill-Istati Membri
1. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mir-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni l-istabbilimenti li jżommu annimali terrestri li jippreżentaw riskju insinifikanti, kif previst fl-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) 2016/429, jekk jiġu ssodisfati l-kriterji li ġejjin:
(a) |
ma jinżamm l-ebda ungulat fl-istabbiliment; |
(b) |
ma jinżamm l-ebda kelb, qattus jew nemes għat-tnissil fl-istabbiliment; |
(c) |
l-istabbiliment ma jkun involut fl-ebda moviment ta’ annimali terrestri miżmuma, prodotti ġerminali jew prodotti ta’ oriġini mill-annimali lejn jew minn Stat Membru jew pajjiż terz; |
(d) |
l-annimali terrestri miżmuma, il-prodotti ġerminali jew il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali fl-istabbiliment mhumiex maħsuba għall-moviment barra mill-istabbiliment. |
2. L-Istati Membri li jeżentaw l-istabbilimenti f’konformità mal-paragrafu 1 jistgħu jistabbilixxu kriterji addizzjonali dwar il-limiti fuq l-għadd ta’ annimali terrestri miżmuma li jistgħu jinżammu f’tali stabbilimenti u jirrestrinġu l-pożizzjoni ġeografika ta’ dawk l-istabbilimenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-prossimità tagħhom għal stabbilimenti rreġistrati jew approvati mill-awtorità kompetenti.
Artikolu 4
Informazzjoni li għandha tingħata mill-operaturi fl-applikazzjoni tagħhom għall-approvazzjoni tal-istabbiliment tagħhom
L-operaturi tal-istabbilimenti tal-annimali terrestri miżmuma u tal-imqafas, għall-fini tal-applikazzjoni tagħhom għall-approvazzjoni tal-istabbiliment tagħhom kif previst fl-Artikolu 94(1) u l-Artikolu 95, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/429, flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 96(1) ta’ dak ir-Regolament, għandhom jipprovdu l-awtorità kompetenti bl-informazzjoni li ġejja:
(a) |
l-indirizz u l-koordinati ġeografiċi (latitudni u lonġitudni) tal-pożizzjoni tal-istabbiliment li għandu jiġi approvat; |
(b) |
il-perjodu li matulu l-annimali jew il-bajd għat-tifqis jinżammu fl-istabbiliment approvat jekk ma jkunx okkupat kontinwament, inkluż l-okkupazzjoni staġonali jew l-okkupazzjoni waqt avvenimenti partikolari; |
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Awwissu 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2035 tat-28 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-istabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri u l-imfaqas, u t-traċċabbiltà ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma u tal-bajd għat-tifqis (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 115).