This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022D1297
Commission Implementing Decision (EU) 2022/1297 of 22 July 2022 on the adequacy of the competent authorities of the United States of America pursuant to Directive 2006/43/EC of the European Parliament and of the Council (notified under document C(2022) 5113) (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1297 tat-22 ta’ Lulju 2022 dwar l-adegwatezza tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Unit tal-Amerka skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2022) 5113) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1297 tat-22 ta’ Lulju 2022 dwar l-adegwatezza tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Unit tal-Amerka skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2022) 5113) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2022/5113
ĠU L 196, 25.7.2022, p. 134–137
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
25.7.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 196/134 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1297
tat-22 ta’ Lulju 2022
dwar l-adegwatezza tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Unit tal-Amerka skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2022) 5113)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 47(3) tagħha,
Billi:
(1) |
Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1156 (2), il-Kummissjoni kkunsidrat li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerka, jiġifieri l-Public Company Accounting Oversight Board u s-Securities and Exchange Commission, jissodisfaw ir-rekwiżiti li huma adegwati għall-finijiet tal-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE. Din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tieqaf tapplika fil-31 ta’ Lulju 2022. Għalhekk jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerka għadhomx jissodisfaw ir-rekwiżiti li huma adegwati biex id-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra miżmuma mill-awdituri statutorji jew mid-ditti tal-awditjar kif ukoll ir-rapporti dwar spezzjonijiet jew investigazzjonijiet jiġu ttrasferiti lilhom. |
(2) |
Meta jitwettqu kontrolli jew investigazzjonijiet, l-awdituri statutorji u d-ditti tal-awditjar jenħtieġ li ma jitħallewx jagħtu aċċess, jew jittrażmettu dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerka taħt xi kundizzjoni oħra li mhix stipulata fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE. |
(3) |
L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-arranġamenti ta’ ħidma rikjesti mill-Artikolu 47(1)(d) tad-Direttiva 2006/43/KE dwar it-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra miżmumin mill-awdituri statutorji jew mid-ditti tal-awditjar kif ukoll ta’ rapporti dwar spezzjonijiet jew investigazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerka jiġu miftiehma abbażi ta’ reċiproċità, u jinkludu l-protezzjoni ta’ kull sigriet professjonali u informazzjoni kummerċjali sensittiva li tinsab f’dawn id-dokumenti li jikkonċernaw lill-entitajiet awditjati, inkluża l-proprjetà industrijali u intellettwali, jew tal-awdituri statutorji u tad-ditti tal-awditjar li jkunu awditjaw dawk l-entitajiet. |
(4) |
Meta t-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħra miżmumin minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar, u ta’ rapporti dwar spezzjonijiet jew investigazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti jkun jinvolvi d-divulgazzjoni ta’ data personali, dan it-trasferiment ikun skont il-liġi biss jekk jikkonforma wkoll mar-rekwiżiti tat-trasferimenti internazzjonali ta’ data stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Għaldaqstant, l-Artikolu 47(1)(e) tad-Direttiva 2006/43/KE jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-trasferiment ta’ data personali bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti se jkun konformi ma’ kwalunkwe prinċipju u regola applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu previsti salvagwardji xierqa għat-trasferiment ta’ data personali, f’konformità mal-Artikolu 46 ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti ma jkomplux jiddivulgaw data personali li tkun tinsab fid-dokumenti trasferiti mingħajr il-qbil minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati. |
(5) |
L-Istati Membri jistgħu jaċċettaw li l-ispezzjonijiet isiru mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom b’mod konġunt mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti fejn dan ikun meħtieġ biex jiżguraw superviżjoni effettiva. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li sseħħ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerka fil-forma ta’ spezzjonijiet konġunti jew permezz ta’ osservaturi mingħajr poteri ta’ spezzjoni jew ta’ investigazzjoni u mingħajr aċċess għad-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar kunfidenzjali, jew għal dokumenti oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar, jew li jispezzjonaw jew jinvestigaw ir-rapporti. Huwa meħtieġ li tali kooperazzjoni sseħħ dejjem skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 47(2) tad-Direttiva 2006/43/KE, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu rrispettati s-sovranità, il-kunfidenzjalità u r-reċiproċità. Kwalunkwe spezzjonijiet konġunti li jsiru fl-Unjoni mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerka skont l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE se jkunu mmexxija mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru konċernat. |
(6) |
Skont l-Att Sarbanes-Oxley tal-2002 (4), fl-Istati Uniti tal-Amerika, il-Public Company Accounting Oversight Board għandu kompetenza fis-sorveljanza pubblika, fl-aċċertament estern tal-kwalità, fl-investigazzjoni u fis-sanzjonijiet tal-awdituri u tad-ditti tal-awditjar. Il-Public Company Accounting Oversight Board jimplimenta salvagwardji adegwati li jipprojbixxu u jissanzjonaw id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-impjegati attwali u ta’ qabel lil kwalunkwe persuna jew awtorità terza. Skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Uniti tal-Amerka, il-“Public Company Accounting Oversight Board” jista’ tittrasferixxi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dokumenti ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE. Fuq dik il-bażi, il-Public Company Accounting Oversight Board għadha tissodisfa rekwiżiti li jenħtieġ li jiġu ddikjarati adegwati għall-iskopijiet tal-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE. |
(7) |
Skont l-Att Sarbanes-Oxley tal-2002, fl-Istati Uniti tal-Amerika, is-Securities and Exchange Commission għandha awtorità ta’ sorveljanza u infurzar fuq il-Public Company Accounting Oversight Board. Is-Securities and Exchange Commission għandha l-kompetenza li tinvestiga awdituri u ditti tal-awditjar; Għaldaqstant din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tkopri biss il-kompetenzi tas-Securities and Exchange Commission tal-Istati Uniti li tinvestiga awdituri u ditti tal-awditjar. Is-Securities and Exchange Commission timplimenta salvagwardji adegwati li jipprojbixxu u jissanzjonaw id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-impjegati attwali jew ta’ qabel tagħha lil kwalunkwe persuna jew awtorità terza. Skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Uniti tal-Amerka, is-Securities and Exhange Commission tista’ tittrasferixxi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dokumenti ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE li jkollhom x’jaqsmu ma’ investigazzjonijiet li tkun għamlet fuq awdituri u ditti tal-awdituri bħal dawn. Fuq din il-bażi, is-Securities and Exchange Commission għadha tissodisfa r-rekwiżiti li għandhom jiġu ddikjarati adegwati għall-finijiet tal-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE. |
(8) |
Il-Kumitat tal-Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar ivvaluta mill-ġdid il-qafas legali fl-Istati Uniti, abbażi tal-Att Sarbanes-Oxley li, minn mindu ġiet adottata d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1156 ma nbidilx fundamentalment. B’kunsiderazzjoni tal-valutazzjoni teknika tal-Kumitat tal-Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar imsemmi fl-Artikolu 30(7)(c) tar-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), is-Securities and Exchange Commission u l-Public Company Accounting Oversight Board għadhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ddikjarati bħala xierqa għall-finijiet tal-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE. |
(9) |
Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li ma taffettwax l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni msemmijin fl-Artikolu 25(4) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). |
(10) |
Kwalunkwe konklużjoni dwar l-adegwatezza tar-rekwiżiti milħuqa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 47(3) tad-Direttiva 2006/43/KE ma tippreġudika l-ebda deċiżjoni li l-Kummissjoni tadotta dwar l-ekwivalenza tas-sorveljanza pubblika, l-aċċertament tal-kwalità, l-investigazzjoni u l-penali għall-awdituri u l-entitajiet tal-awditjar ta’ dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 46(2) ta’ dik id-Direttiva. |
(11) |
Diversi awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom arranġamenti ta’ ħidma mal-Public Company Accounting Oversight Board, kif jissemma fl-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, hemm ukoll Ftehim dwar il-Protezzjoni tad-Data skont ir-Regolament (UE) 2016/679 jew skont il-liġi nazzjonali bbażata fuq id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), li tħassret minn dak ir-Regolament. |
(12) |
L-għan aħħari tal-kooperazzjoni dwar is-sorveljanza tal-awditjar bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerka huwa li tinkiseb fiduċja reċiproka fis-sistemi ta’ sorveljanza ta’ xulxin. B’dan il-mod, it-trasferimenti tad-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar kif ukoll ta’ rapporti dwar spezzjonijiet jew investigazzjonijiet għandhom ikunu eċċezzjoni. Il-fiduċja reċiproka tkun ibbażata fuq l-ekwivalenza tas-sistemi ta’ sorveljanza tal-awdituri tal-Unjoni u tal-Istati Uniti. |
(13) |
Wara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1156, diversi awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti organizzaw spezzjonijiet konġunti. Xi awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri implimentaw dipendenza parzjali, inkluż billi wettqu spezzjonijiet ta’ kontroll tal-kwalità li l-Bord tas-Sorveljanza tal-Kontabbiltà tal-Kumpaniji Pubbliċi għamel xi dipendenza fuqhom, u billi ddividew xi oqsma ta’ prijorità tal-ispezzjonijiet tal-files bejniethom. Għall-funzjonament tas-swieq kapitali, huwa importanti li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti jkunu jistgħu jkomplu jikkooperaw sew wara l-31 ta’ Lulju 2022 bil-għan li tintlaħaq dipendenza reċiproka fuq is-sistemi ta’ sorveljanza ta’ xulxin. Madankollu, fin-nuqqas ta’ dipendenza sħiħa, meta jitqies li d-deroga prevista fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2006/43/KE hija bbażata fuq il-prinċipju tar-reċiproċità, din id-Deċiżjoni għandha tkun applikabbli għal perjodu limitat. |
(14) |
Minkejja l-limitazzjoni taż-żmien, il-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat tal-Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar, se timmonitorja fuq bażi regolari l-iżviluppi tas-suq, l-evoluzzjoni tal-oqfsa superviżorji u regolatorji u l-effettività u l-esperjenza tal-kooperazzjoni superviżorja. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tista’ twettaq reviżjoni speċifika ta’ din id-Deċiżjoni fi kwalunkwe ħin qabel il-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha fil-każ li żviluppi rilevanti li jseħħu jagħmluha neċessarja li d-dikjarazzjoni ta’ adegwatezza mogħtija b’din id-Deċiżjoni tiġi vvalutata mill-ġdid. Tali rivalutazzjoni tista’ twassal għar-revoka ta’ din id-Deċiżjoni. |
(15) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u ta opinjoni fit-13 ta’ Mejju 2022. |
(16) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2006/43/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Public Company Accounting Oversight Board tal-Istati Uniti tal-Amerka u s-Securities and Exchange Commission tal-Istati Uniti tal-Amerka jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom jiġu kkunsidrati bħala adegwati skont l-Artikolu 47(1)(c) tad-Direttiva 2006/43/KE għall-finijiet ta’ trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħrajn miżmuma minn awdituri statutorji jew minn ditti tal-awditjar kif ukoll rapporti dwar spezzjonijiet jew investigazzjonijiet skont l-Artikolu 47(1) ta’ dik id-Direttiva.
Artikolu 2
1. Meta d-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra li jkunu għand awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar jinżammu esklussivament minn awditur statutorju jew ditta tal-awdituri rreġistrata fi Stat Membru ieħor barra l-Istat Membru fejn huwa rreġistrat l-awditur tal-grupp u li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun irċeviet talba mingħand kwalunkwe awtorità msemmija fl-Artikolu 1, dawn il-karti jew id-dokumenti għandhom jiġu ttrasferiti lill-awtorità kompetenti tat-talba f’każ biss li l-awtorità kompetenti tal-ewwel Stat Membru tkun qablet espliċitament mat-trasferiment.
2. Kwalunkwe arranġament ta’ ħidma bilaterali bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Awwissu 2022 sal-31 ta’ Lulju 2028.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2022.
Għall-Kummissjoni
Mairead MCGUINNESS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1156 tal-14 ta’ Lulju 2016 dwar l-adegwatezza tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerka skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 83).
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(4) Il-Liġi Pubblika 107–204, it-30 ta’ Lulju 2002, 116 Stat 745.
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta’ entitajiet ta’ interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (ĠU L 158, 27.5.2014, p. 77).
(6) Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).
(7) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.)
(8) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).