This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022R1031
Regulation (EU) 2022/1031 of the European Parliament and of the Council of 23 June 2022 on the access of third-country economic operators, goods and services to the Union’s public procurement and concession markets and procedures supporting negotiations on access of Union economic operators, goods and services to the public procurement and concession markets of third countries (International Procurement Instrument – IPI) (Text with EEA relevance)
Regolament (UE) 2022/1031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2022 dwar l-aċċess ta’ operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi ta’ pajjiżi terzi għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, il-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni ta’ pajjiżi terzi (Strument għal Akkwist Internazzjonali — IPI) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament (UE) 2022/1031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2022 dwar l-aċċess ta’ operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi ta’ pajjiżi terzi għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, il-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni ta’ pajjiżi terzi (Strument għal Akkwist Internazzjonali — IPI) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
PE/15/2022/REV/1
ĠU L 173, 30.6.2022, p. 1–16
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
30.6.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 173/1 |
REGOLAMENT (UE) 2022/1031 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-23 ta’ Ġunju 2022
dwar l-aċċess ta’ operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi ta’ pajjiżi terzi għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, il-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni ta’ pajjiżi terzi (Strument għal Akkwist Internazzjonali — IPI)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni tiddefinixxi u teżerċita politiki komuni u azzjonijiet, u ttejjeb il-kooperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali sabiex, inter alia, tħeġġeġ l-integrazzjoni tal-pajjiżi kollha fl-ekonomija dinjija, inkluż permezz tal-abolizzjoni progressiva tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali. |
(2) |
Skont l-Artikolu 206 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni, permezz tal-istabbiliment tal-unjoni doganali, għandha tikkontribwixxi, fl-interess komuni, għall-iżvilupp armonjuż tal-kummerċ dinji, għall-abolizzjoni progressiva ta’ restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali u fuq l-investiment barrani dirett, kif ukoll għat-tnaqqis tal-ostakoli doganali u ta’ xort’oħra. |
(3) |
Skont l-Artikolu 26 tat-TFUE, l-Unjoni għandha tadotta miżuri bil-ħsieb li tistabbilixxi jew li tiżgura l-funzjonament tas-suq intern, inkluż żona bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skont it-Trattati. L-aċċess ta’ operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi ta’ pajjiżi terzi għas-swieq tal-akkwist pubbliku jew tal-konċessjoni tal-Unjoni jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni. |
(4) |
L-Artikolu III:8 tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 u l-Artikolu XIII tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi jeskludu l-akkwist pubbliku mid-dixxiplini prinċipali multilaterali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). |
(5) |
Fil-qafas tad-WTO u permezz tar-relazzjonijiet bilaterali tagħha, l-Unjoni saħqet fuq ftuħ ambizzjuż tas-swieq internazzjonali tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni tal-Unjoni u s-sħab kummerċjali tagħha, fi spirtu ta’ reċiproċità u benefiċċju reċiproku. |
(6) |
Il-Ftehim plurilaterali tad-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku u l-ftehimiet kummerċjali tal-Unjoni li jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-akkwist pubbliku jipprevedu aċċess għas-suq għall-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni biss għas-swieq tal-akkwist pubbliku jew tal-konċessjoni ta’ pajjiżi terzi li huma partijiet għal dawk il-ftehimiet. |
(7) |
Meta pajjiż terz huwa Parti għall-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku jew ikkonkluda ftehim dwar il-kummerċ mal-Unjoni li jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-akkwist pubbliku, il-Kummissjoni jenħtieġ li ssegwi l-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni jew proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim stipulati f’dawk il-ftehimiet fejn l-prattiki restrittivi jkunu marbuta ma’ akkwist pubbliku kopert minn impenji għall-aċċess għas-suq li ttieħdu minn dak il-pajjiż terz fir-rigward tal-Unjoni. |
(8) |
Bosta pajjiżi terzi jsibuha bi tqila sabiex jiftħu s-swieq tal-akkwist pubbliku jew tal-konċessjoni tagħhom għall-kompetizzjoni internazzjonali. jew sabiex itejjbu l-aċċess għal dawk is-swieq. Bħala konsegwenza ta’ dan, l-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni jaffrontaw prattiki restrittivi tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni minn bosta pajjiżi terzi li jwasslu għal telf f’opportunitajiet sostanzjali ta’ kummerċ. |
(9) |
Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistipula r-regoli u l-proċeduri sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni taħt il-ftehimiet kummerċjali internazzjonali konklużi mill-Unjoni. Ma jeżistu l-ebda regoli u proċeduri ta’ dan it-tip għat-trattament ta’ operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi li mhumiex koperti minn ftehimiet internazzjonali bħal dawn. |
(10) |
L-impenji għall-aċċess għas-suq internazzjonali li ttieħdu mill-Unjoni fil-konfront ta’ pajjiżi terzi fil-qasam tal-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet jeħtieġu, inter alia, it-trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi minn dawk il-pajjiżi terzi. Konsegwentement, il-miżuri adottati fil-qafas ta’ dan ir-Regolament jistgħu japplikaw biss għal operaturi ekonomiċi, prodotti jew servizzi minn pajjiżi terzi li mhumiex partijiet għall-Ftehim plurilaterali tad-WTO dwar l-Akkwisti Pubbliċi jew għal ftehimiet kummerċjali bilaterali jew multilaterali konklużi mal-Unjoni li jinkludu impenji dwar l-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku jew tal-konċessjoni, jew għall-operaturi ekonomiċi, prodotti jew servizzi minn pajjiżi li huma partijiet għal tali ftehimiet iżda biss fir-rigward ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal prodotti, servizzi jew konċessjonijiet li mhumiex koperti minn dawk il-ftehimiet. F’konformità mad-Direttivi 2014/23/UE (4), 2014/24/UE (5) u 2014/25/UE (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u kif iċċarat mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2019 dwar gwida dwar il-parteċipazzjoni ta’ offerenti u oġġetti minn pajjiżi terzi fis-suq tal-akkwist tal-UE, l-operaturi ekonomiċi minn pajjiżi terzi li ma għandhom l-ebda ftehim li jipprevedi l-ftuħ tas-suq tal-akkwist tal-UE, jew li l-prodotti, is-servizzi u x-xogħlijiet tagħhom mhumiex koperti minn tali ftehim, ma għandhomx aċċess sigur għall-proċeduri ta’ akkwist fl-UE u jistgħu jiġu esklużi. |
(11) |
L-applikazzjoni effettiva ta’ kwalunkwe miżura adottata skont dan ir-Regolament bil-ħsieb ta’ titjib fl-aċċess tal-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku jew tal-konċessjoni ta’ ċertu pajjiżi terzi teħtieġ sett ċar ta’ regoli ta’ oriġini għall-operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi. |
(12) |
L-oriġini ta’ prodott għandha tkun determinata skont l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). |
(13) |
L-oriġini ta’ servizz jenħtieġ li tkun determinata skont l-oriġini tal-persuna fiżika jew ġuridika li tkun qed tipprovdieh. L-oriġini ta’ persuna ġuridika jenħtieġ li tiġi kkunsidrata li tkun il-pajjiż li abbażi tal-liġijiet tiegħu tkun ikkostitwita jew b’xi mod ieħor organizzata l-persuna ġuridika u li fit-territorju tiegħu il-persuna ġuridika tkun impenjata f’operazzjonijiet sostanzjali ta’ negozju. Jenħtieġ li l-persuni ġuridiċi kostitwiti jew, b’xi mod ieħor, organizzati abbażi tal-liġijiet ta’ Stat Membru jitqiesu li joriġinaw mill-Unjoni biss jekk ikollhom rabta diretta u effettiva mal-ekonomija ta’ Stat Membru. Sabiex tiġi evitata l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżura tal-Istrument ta’ Akkwist Internazzjonali (IPI), l-oriġini ta’ persuni ġuridiċi kkontrollati minn barra l-pajjiż jew proprjetà ta’ persuni ġuridiċi li mhumiex involuti f’operazzjonijiet sostanzjali ta’ negozju fit-territorju ta’ pajjiż terz jew fit-territorju ta’ Stat Membru, li skont il-liġijiet tiegħu huma kostitwiti jew organizzati b’xi mod ieħor, jista’ jkun meħtieġ ukoll li tiġi ddeterminata billi jitqiesu elementi oħra, bħall-oriġini tas-sidien jew persuni oħra li jeżerċitaw influwenza dominanti fuq dik il-persuna ġuridika. |
(14) |
Meta tkun qed tivvaluta jekk jeżistux miżuri jew prattiki speċifiċi f’pajjiż terz li jistgħu jirriżultaw f’indeboliment tal-aċċess ta’ operaturi ekonomiċi, prodotti jew servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku jew tal-konċessjoni ta’ dak il- pajjiż terz, il-Kummissjoni jenħtieġ li teżamina sa liema livell il-liġijiet, regoli jew miżuri oħra dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet tal-pajjiż terz ikkonċernat jiżguraw trasparenza f’konformità mal-istandards internazzjonali, u ma jirriżultawx f’restrizzjonijiet serji u rikorrenti fir-rigward ta’ operaturi ekonomiċi, prodotti jew servizzi tal-Unjoni. Minbarra dan, il-Kummissjoni jenħtieġ li teżamina sa liema livell l-awtoritajiet kontraenti individwali jew entitajiet kontraenti individwali ta’ pajjii terzi jadottaw jew iżommu prattiki restrittivi fir-rigward ta’ operaturi ekonomiċi, prodotti jewservizzi tal-Unjoni. |
(15) |
Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ fi kwalunkwe mument tibda investigazzjoni trasparenti fir-rigward ta’ miżuri jew prattiki allegatament restrittivi li ikunu adottati jew għadhom fis-seħħ f’pajjiż terz. |
(16) |
Fid-dawl tal-objettiv ta’ politika ġenerali tal-Unjoni li tappoġġa t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-integrazzjoni tagħhom fil-ktajjen tal-valur globali, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tibdiex investigazzjoni fir-rigward ta’ pajjiżi li jibbenefikaw mill-arranġament “Kollox Minbarra Armi” kif elenkat fl-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). |
(17) |
Meta tkun qed twettaq l-investigazzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistieden lill-pajjiż terz ikkonċernat jidħol f’konsultazzjonijiet bil-ħsieb li tiġi eliminata jew rrimedjata kwalunkwe miżura jew prattika restrittiva u li b’hekk jittejbu l-opportunitajiet ta’ offerti għal operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi tal-Unjoni fir-rigward tas-swieq tal-akkwist pubbliku jew tal-konċessjoni f’dak il-pajjiż terz. |
(18) |
Huwa ta’ importanza kbira li l-investigazzjoni titwettaq b’mod trasparenti. Għaldaqstant, rapport dwar is-sejbiet ewlenin tal-investigazzjoni jenħtieġ li jkun disponibbli għall-pubbliku. |
(19) |
Meta l-investigazzjoni tikkonferma l-eżistenza ta’ miżuri jew prattiki restrittivi, u l-konsultazzjonijiet mal-pajjiż terz ikkonċernat ma jwasslux għal azzjonijiet korrettivi sodisfaċenti li jirrimedjaw l-indeboliment serju u rikorrenti tal-aċċess għall-operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi tal-Unjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, jew meta l-pajjiż terz ikkonċernat jirrifjuta li jingaġġa f’konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni jenħtieġ tadotta, fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, jekk tikkunsidra li tali adozzjoni tkun fl-interess tal-Unjoni, miżura IPI fil-forma ta’ aġġustament tal-punteġġ jew fil-forma ta’ esklużjoni tal-offerti. |
(20) |
Id-determinazzjoni dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżura IPI hijiex fl-interess tal-Unjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq evalwazzjoni tal-interessi varji kollha meqjusa globalment, inklużi l-interessi tal-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tevalwa il-konsegwenzi tal-adozzjoni ta’ tali miżura meta mqabbla mal-impatt tagħha fuq l-interessi usa’ tal-Unjoni. Huwa importanti li attenzjoni partikolari tingħata lill-objettiv ġenerali għall-ksib tar-reċiproċità permezz tal-ftuħ tas-swieq ta’ pajjiżi terzi u t-titjib tal-opportunitajiet ta’ aċċess għas-suq għall-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni. Jenħtieġ li jitqies ukoll l-objettiv li jiġi limitat kwalunkwe piż amministrattiv mhux meħtieġ għall-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti kif ukoll l-operaturi ekonomiċi. |
(21) |
Aġġustament tal-punteġġi jenħtieġ li jiġi applikat biss għall-fini tal-evalwazzjoni tal-offerti ppreżentati mill-operaturi ekonomiċi li joriġinaw mill-pajjiż terz ikkonċernat. Jenħtieġ li tali miżura ma taffettwax il-prezz li jrid jitħallas skont il-kuntratt li jkun ser jiġi konkluż mal-offerent rebbieħ. Meta l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti jiddeċiedu li jibbażaw l-evalwazzjoni tagħhom tal-offerti fuq prezz jew kost bħala l-uniku kriterju tal-għoti tal-kuntratt, il-livell ta’ aġġustament tal-punteġġ jenħtieġ li jiġi stabbilit ogħla b’mod sinifikanti biex tiġi żgurata effettività komparabbli tal-miżura IPI. |
(22) |
Il-miżuri IPI jenħtieġ li japplikaw għal proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inklużi ftehimiet ta’ qafas u sistemi dinamiċi ta’ xiri. Meta kuntratt speċifiku jingħata fil-qasam ta’ sistema dinamika ta’ xiri li għaliha tapplika miżura IPI, il-miżuri IPI jenħtieġ li japplikaw ukoll għal dak il-kuntratt speċifiku. Madankollu, il-miżuri IPI jenħtieġ li ma japplikawx għal kuntratti taħt ċertu livell limitu, bil-ħsieb li jiġi limitat il-piż amministrattiv ġenerali għall-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti. Sabiex tiġi evitata l-possibbiltà ta’ applikazzjoni doppja tal-miżuri IPI, tali miżuri jenħtieġ li ma japplikawx għal kuntratti mogħtija abbażi ta’ ftehim ta’ qafas, jekk il-miżuri IPI jkunu diġà ġew applikati fl-istadju tal-konklużjoni ta’ dak il-ftehim ta’ qafas. |
(23) |
Sabiex tiġi evitata l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżura IPI, jenħtieġ li jiġu imposti obbligi xierqa fuq l-offerenti rebbieħa. Dawk l-obbligi jenħtieġ li japplikaw biss għal proċeduri ta’ akkwist pubbliku li huma soġġetti għal miżura IPI, kif ukoll għal kuntratti mogħtija abbażi ta’ ftehim ta’ qafas fejn il-valur ta’ tali kuntratti huma daqs jew ogħla minn ċertu limitu u meta dak il-ftehim qafas huwa soġġett għal miżura IPI. |
(24) |
Meta pajjiż terz jidħol f’negozjati sostantivi u avvanzati mal-Unjoni dwar l-aċċess għas-suq fil-qasam tal-akkwist pubbliku, bil-ħsieb li jelimina jew jirrimedja l-indeboliment tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, tal-prodotti jew tas-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku jew tal-konċessjoni tiegħu, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà, matul in-negozjati, li tissospendi l-miżuri IPI li jirreferu għall-pajjiż terz ikkonċernat. |
(25) |
Huwa importanti li l-miżuri IPI huma applikati b’mod uniformi fl-Unjoni mill-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti. Sabiex titqies id-diversità tal-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet kontraenti u tal-entitajiet kontraenti, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jitolbu l-eżenzjoni mill-miżuri IPI għal lista limitata ta’ awtoritajiet kontraenti lokali taħt ċerti rekwiżiti stretti. Meta tiċċekkja l-listi tal-awtoritajiet kontraenti lokali kif proposti mill-Istati Membri, huwa importanti li l-Kummissjoni tqis is-sitwazzjoni partikolari ta’ dawk l-awtoritajiet kontraenti fir-rigward, inter alia, tal-livelli tal-popolazzjoni u s-sitwazzjoni ġeografika. Tali eżenzjoni tista’ tirreferi wkoll għal proċeduri ta’ akkwist pubbliku li dawk l-awtoritajiet kontraenti jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jwettqu fl-ambitu tal-ftehimiet qafas jew is-sistemi dinamiċi ta’ xiri. |
(26) |
Huwa ta’ importanza vitali li l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jkollhom aċċess għal varjetà ta’ prodotti ta’ kwalità għolja li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom ta’ akkwist bi prezz kompetittiv. Għalhekk, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jenħtieġ li jkunu jistgħu ma japplikawx il-miżuri IPI li jillimitaw l-aċċess għal prodotti u servizzi li mhumiex koperti fejn ma jkunx hemm prodotti jew servizzi tal-Unjoni jew prodotti u servizzi koperti disponibbli li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti jew sabiex jitħarsu ħtiġijiet essenzjali ta’ politika pubblika essenzjali, pereżempju fir-rigward ta’ raġunijiet prevalenti relatati mas-saħħa pubblika jew il-protezzjoni tal-ambjent. Meta l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti japplikaw dawk l-eżenzjonijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun informata fi żmien utli u b’mod komprensiv dwarhom sabiex ikun jista’ jsir monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
(27) |
Fil-każ ta’ applikazzjoni hażina mill- awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti ta’ miżuri IPI li, jaffetwaw negativament l-opportunitajiet tal-operaturi ekonomiċi li jkollhom id-dritt li jiparteċipaw fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, jenħtieġ li d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE (9) u 92/13/KEE (10) jkunu japplikaw. Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi affettwati jkunu jistgħu jibdew proċedura ta’ reviżjoni f’konformità mal-liġi nazzjonali li timplimenta dawk id-Direttivi jekk, pereżempju, dawk l-operaturi ekonomiċi jqisu li operatur ekonomiku kompetitur kellu jiġi eskluż jew offerta kellha tiġi kklassifikata aktar baxxa minħabba l-applikazzjoni ta’ miżura IPI. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ wkoll tapplika l-mekkaniżmu korrettiv skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/665/KEE jew l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/13/KEE. |
(28) |
Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). |
(29) |
Il-proċedura ta’ eżami jenħtieġ li tintuża għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni, irtirar, sospensjoni, dħul mill-ġdid jew estensjoni ta’ miżura IPI u l-Kummissjoni jenħtieġ li tkun assistita mill-Kumitat dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ stabbilit mir-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Peress li l-miżuri IPI jista’ jkollhom effetti differenti fuq is-swieq tal-akkwist pubbliku jew tal-konċessjoni tal-Unjoni, il-proċedura tal-komitoloġija applikabbli għall-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni li jipprevedu l-esklużjoni tal-offerti jenħtieġ li tiġi adattata u f’każijiet bħal dawn jenħtieġ li japplika l-Artikolu 5(4), t-tielet subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. |
(30) |
Jekk ikun meħtieġ u għal kwistjonijiet li jaffettwaw l-applikazzjoni tal-qafas legali tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ titlob għall-parir tal-Kumitat Konsultattiv għal Kuntratti Pubbliċi stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 71/306/KEE (13). |
(31) |
L-informazzjoni riċevuta skont dan ir-Regolament jenħtieġ li tintuża biss għall-fini li tkun intalbet għalih u bir-rispett dovut għar-rekwiżiti applikabbli tal-Unjoni u dawk nazzjonali relatati mal-protezzjoni tad-data u tal-kunfidenzjalità. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) kif ukoll l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24/UE u l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/25/UE jenħtieġ li japplikaw kif xieraq. |
(32) |
F’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (15) u bl-għan, inter alia, li tnaqqas il-piżijiet amministrattivi, b’mod partikolari fuq l-Istati Membri, il-Kummissjoni jenħtieġ li tagħmel rieżami b’mod regolari tal-kamp ta’ applikazzjoni, il-funzjonament u l-effiċjenza ta’ dan ir-Regolament. Tali rieżami jkun jindirizza, inter alia, il-possibbiltà li jsir użu minn kwalunkwe mezz disponibbli sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni, inklużi faċilitajiet elettroniċi ta’ akkwist bħal formoli standard għal pubblikazzjoni ta’ avviżi fil-qasam tal-akkwist pubbliku, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1780 (16), kif ukoll il-piż imġarrab mill-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti meta japplikaw dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-evalwazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u, fejn xieraq, tippreżenta proposti leġislattivi xierqa. |
(33) |
Ir-regoli u l-prinċipji tal-akkwist pubbliku applikabbli għall-kuntratti pubbliċi mogħtija mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’isimhom stess huma stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17)u għalhekk ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, dawk ir-regoli huma bbażati fuq ir-regoli stipulati fid-Direttivi 2014/23/UE u 2014/24/UE. Għalhekk huwa xieraq li jiġi vvalutat jekk, fil-kuntest ta’ reviżjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, ir-regoli u l-prinċipji stipulati f’dan ir-Regolament għandhomx isiru applikabbli wkoll għall-kuntratti pubbliċi mogħtija mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. |
(34) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-awtoritajiet kontraenti, l-entitajiet kontraenti u l-operaturi ekonomiċi, jenħtieġ li l-Kummissjoni toħroġ linji gwida. Jenħtieġ li dawk il-linji gwida jipprovdu informazzjoni, b’mod partikolari, dwar il-kunċetti tal-oriġini ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-oriġini tal-prodotti u s-servizzi, obbligu addizzjonali kif ukoll l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet fil-qafas ta’ dan ir-Regolament. Fid-dawl tal-objettiv ġenerali tal-politika tal-Unjoni li tappoġġa l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), jenħtieġ li dawk il-linji gwida jikkunsidraw ukoll il-bżonnijiet speċifiċi fir-rigward tal-informazzjoni tal-SMEs fl-applikazzjoni tagħhom ta’ dan ir-Regolament, bil-ħsieb li jiġi evitat piż żejjed fuq l-SMEs. |
(35) |
F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità u sabiex jinkiseb l-objettiv bażiku li jittejjeb l-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni tal-pajjiżi terzi billi jiġu stabbiliti miżuri fir-rigward l-akkwist mhux kopert, huwa neċessarju u xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar il-proċeduri biex il-Kummissjoni twettaq investigazzjonijiet dwar allegat miżuri jew prattiki ta’ pajjiżi terzi kontra operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi tal-Unjoni, u biex tidħol f’konsultazzjonijiet mal-pajjiżi terzi kkonċernati. Dan ir-Regolament ma jmurx lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu l-objettivi maħsuba, f’konformità mal-Artikolu 5(4) TUE. |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
Dispożizzjonijiet Ġenerali
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri relatati mal-akkwist mhux kopert, maħsuba biex itejbu l-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku u tal-konċessjoni tal-pajjiżi terzi. Huwa jistabbilixxi l-proċeduri biex il-Kummissjoni tinvestiga miżuri jew prattiki allegati minn pajjiż terz kontra operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi tal-Unjoni, u tikkonsulta mal-pajjiżi terzi kkonċernati.
Dan ir-Regolament jipprevedi l-possibbiltà li l-Kummissjoni timponi miżuri IPI b’rabta ma’ tali miżuri jew prattiki minn pajjiżi terzi biex jirrestrinġu l-aċċess ta’ operaturi ekonomiċi, prodotti jew servizzi minn pajjiżi terzi għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku tal-Unjoni.
2. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku koperti mill-atti li ġejjin:
(a) |
id-Direttiva 2014/23/UE; |
(b) |
id-Direttiva 2014/24/UE; |
(c) |
id-Direttiva 2014/25/UE. |
3. Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu internazzjonali tal-Unjoni jew għal miżuri li l-Istati Membri jew l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti tagħhom jistgħu jieħdu f’konformità mal-atti msemmija fil-paragrafu 2.
4. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku varati wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Miżura IPI għandha tapplika biss għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku koperti mill-miżura IPI u li ġew varati bejn id-dħul fis-seħħ ta’ dik il-miżura IPI u l-iskadenza, l-irtirar jew is-sospensjoni tagħha. L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jinkludu referenza għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u kwalunkwe miżura IPI applikabbli fid-dokumenti tal-akkwist pubbliku għal proċeduri li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżura IPI.
5. Ir-rekwiżiti ambjentali, soċjali u tax-xogħol għandhom japplikaw għall-operaturi ekonomiċi f’konformità mad-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE, jew liġi oħra tal-Unjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“operatur ekonomiku” tfisser operatur ekonomiku kif definit fid-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE; |
(b) |
“prodotti” tfisser prodotti msemmija fis-suġġett ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku u fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt rilevanti, iżda ma tkopri l-ebda input, materjal jew ingredjent inkorporat fil-prodotti fornuti; |
(c) |
“valur stmat” tfisser il-valur stmat ta’ kuntratt ikkalkulat skont id-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE; |
(d) |
“aġġustament tal-punteġġ” tfisser it-tnaqqis relattiv b’perċentwal partikolari tal-punteġġ ta’ offerta, li jirriżulta mill-evalwazzjoni tagħha min-naħa ta’ awtorità kontraenti jew entità kontraenti, abbażi tal-kriterji tal-għoti tal-kuntratt definiti fid-dokumenti rilevanti tal-akkwist pubbliku. F’każijiet fejn il-prezz jew l-kost jikkostitwixxu l-uniku kriterju għall-għoti tal-kuntratt, l-aġġustament tal-punteġġ tfisser iż-żieda relattiva, għall-fini tal-evalwazzjoni tal-offerti, b’perċentwal partikolari tal-prezz propostminn offerent; |
(e) |
“evidenza” tfisser kwalunkwe informazzjoni, ċertifikat, dokument ta’ sostenn jew dikjarazzjoni li għandha l-għan li tagħti prova tal-konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 8, bħal:
|
(f) |
“awtorità kontraenti” tfisser awtorità kontraenti kif definita fid-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE; |
(g) |
“entità kontraenti” tfisser entità kontraenti kif definita fid-Direttivi 2014/23/UE u 2014/25/UE; |
(h) |
“parti interessata” tfisser kwalunkwe persuna jew entità li l-interess tagħha jista’ jiġi affettwat minn miżura jew prattika ta’ pajjiż terz, bħal impriżi, assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew organizzazzjonijiet transindustrijali ewlenin li jirrappreżentaw is-sħab soċjali fil-livell tal-Unjoni; |
(i) |
“miżura jew prattika ta’ pajjiż terz” tfisser kull miżura, proċedura jew prattika leġiżlattiva, regolatorja jew amministrattiva, jew taħlita tagħhom, adottati jew miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi jew l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti individwali f’pajjiż terz, f’kwalunkwe livell li jirriżultaw f’indeboliment serju u rikorrenti għall-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, prodotti jewservizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku jew tal-konċessjoni ta’ dak il-pajjiż terz; |
(j) |
“miżura IPI” tfisser miżura adottata mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament li tillimita l-aċċess ta’ operaturi ekonomiċi, prodotti jew servizzi li joriġinaw minn pajjiżi terzi għas-swieq tal-akkwist pubbliku jew tal-konċessjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist mhux kopert; |
(k) |
“akkwist mhux kopert” tfisser proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal prodotti, servizzi, jew konċessjonijiet li fir-rigward tagħhom l-Unjoni ma tkunx ħadet impenji ta’ aċċess għas-suq fi ftehim internazzjonali fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew tal-konċessjonijiet; |
(l) |
“kuntratti” tfisser kuntratti pubbliċi kif definit fid-Direttiva 2014/24/UE, konċessjonijiet kif definit fid-Direttiva 2014/23/UE u kuntratti ta’ provvisti, xogħlijiet u servizzi kif definit fid-Direttiva 2014/25/UE; |
(m) |
“offerent” tfisser offerent kif definit fid-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE; |
(n) |
“pajjiż” tfisser kull Stat jew territorju doganali separat, mingħajr ma dan it-terminu jkollu implikazzjoni għas-sovranità; |
(o) |
“sottokuntrattar” tfisser l-arranġament tat-twettiq ta’ parzt minn kuntratt minn parti terza; u ma jinkludix is-sempliċi kunsinna ta’ prodotti jew partijiet li huma meħtieġa għall-forniment ta’ servizz. |
2. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għajr għall-Artikolu 6(3) u (7) tiegħu, it-twettiq ta’ xogħlijiet jew ta’ biċċa xogħol skont it-tifsira tad-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE għandu jitqies bħala l-forniment ta’ servizz.
Artikolu 3
Determinazzjoni tal-oriġini
1. L-oriġini ta’ operatur ekonomiku għandha titqies bħala:
(a) |
fil-każ ta’ persuna fiżika, il-pajjiż fejn il-persuna tkun ċittadina jew fejn dik il-persuna jkollha d-dritt ta’ residenza permanenti; |
(b) |
fil-każ ta’ persuna ġuridika, kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
|
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu tal-punt (b) (ii), għandu jiġi preżunt li dik il-persuna jew persuni għandhom influwenza dominanti fuq il-persuna ġuridika fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin li fihom huma, direttament jew indirettament:
(a) |
iżommu l-maġġoranza tal-kapital sottoskritt tal-persuna ġuridika; |
(b) |
jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti marbuta mal-ishma maħruġin mill-persuna ġuridika; jew |
(c) |
jistgħu jaħtru aktar minn nofs il-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-persuna ġuridika. |
2. Meta operatur ekonomiku jkun grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet pubbliċi jew kwalunkwe taħlita tagħhom, u mill-inqas waħda minn dawn il-persuni jew entitajiet toriġina minn pajjiż terz li l-operaturi ekonomiċi, il-prodotti jew is-servizzi tiegħu jkunu soġġetti għal miżura IPI, dik il-miżura IPI għandha tapplika wkoll għall-offerti ppreżentati minn dak il-grupp.
Madankollu, meta l-parteċipazzjoni ta’ tali persuni jew entitajiet fi grupp tammonta għal inqas minn 15 % tal-valur tal-offerta ppreżentata minn dak il-grupp, dik il-miżura IPI ma għandix tapplika għal dik l-offerta, sakemm dawk il-persuni jew entitajiet ma jkunux meħtieġa għat-twettiq tal-maġġoranza ta’ mill-inqas wieħed mill-kriterji tal-għażla fi proċedura ta’ akkwist pubbliku.
3. L-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti jistgħu, fi kwalunkwe ħin matul il-proċedura ta’ akkwist pubbliku, jitolbu lill-operatur ekonomiku biex jippreżenta, jissupplimenta, jiċċara jew jikkompleta l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni relatata mal-verifika tal-oriġini tal-operatur ekonomiku f’limitu ta’ żmien xieraq, dment li tali talbiet isiru f’konformità mal-prinċipji tat-trattament ugwali u t-trasparenza. Fejn l-operatur ekonomiku jonqos milli jipprovdi tali informazzjoni jew dokumentazzjoni mingħajr ebda spjegazzjoni raġonevoli, u b’hekk jipprevjeni l-verifika tal-oriġini tal-operatur ekonomiku mill-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti jew jagħmel tali verifika prattikament impossibbli jew diffiċli ħafna, dak l-operatur ekonomiku għandu jiġi eskluż mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ akkwist pubbliku kkonċernata.
4. L-oriġini ta’ prodott għandha tiġi ddeterminata skont l-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, u l-oriġini ta’ servizz għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-oriġini tal-operatur ekonomiku li jipprovdih.
Artikolu 4
Eżenzjoni ta’ prodotti u servizzi li joriġinaw minn pajjiżi l-anqas żviluppati
Il-Kummissjoni ma għandhiex tibda investigazzjoni fir-rigward tal-pajjiżi l-anqas żviluppati elenkati fl-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, sakemm ma jkunx hemm evidenza ta’ ċirkomvenzjoni ta’ kwalunkwe miżura IPI imputabbli lill-pajjiż terz elenkat jew lill-operaturi ekonomiċi tiegħu.
KAPITOLU II
Investigazzjonijiet, konsultazzjonijiet, miżuri u obbligi
Artikolu 5
Investigazzjonijiet u konsultazzjonijiet
1. Il-Kummissjoni, fuq inizjattiva proprja jew fuq ilment motivat ta’ parti interessata tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, tista’ tibda investigazzjoni fir-rigward ta’ miżura jew prattika allegata ta’ pajjiż terz billi tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Tali avviż ta’ bidu għandu jinkludi l-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni tal-miżura jew prattika tal-pajjiż terz u jistieden lill-partijiet interessati u lill-Istati Membri biex jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni f’perjodu ta’ żmien speċifiku.
Il-Kummissjoni għandha tagħmel għodda online disponibbli fuq is-sit web tagħha. L-Istati Membri u l-partijiet interessati tal-Unjoni għandhom jużaw dik l-għodda sabiex iressqu lment motivat.
2. Mal-pubblikazzjoni tal-avviż imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-pajjiż terz ikkonċernat biex jippreżenta l-fehmiet tiegħu, jipprovdi informazzjoni rilevanti u jidħol f’konsultazzjonijiet mal-Kummissjoni sabiex tiġi eliminata jew korretta l-allegata miżura jew prattika tal-pajjiż terz. Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Istati Membri dwar il-progress tal-investigazzjoni u l-konsultazzjonijiet fi ħdan il-Kumitat dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ stabbilit bl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2015/1843.
3. L-investigazzjoni u l-konsultazzjonijiet għandhom jiġu konklużi f’perjodu ta’ disa’ xhur wara d-data ta’ bidu tagħhom. F’każijiet iġġustifikati, il-Kummissjoni tista’ testendi dan il-perjodu b’ħames xhur, billi tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tinforma lill-pajjiż terz, lill-partijiet interessati u lill-Istati Membri dwar dik l-estensjoni.
4. Mal-konklużjoni tal-investigazzjoni u l-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku rapport li jippreżenta s-sejbiet ewlenin tal-investigazzjoni u pjan ta’ azzjoni propost. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Meta l-Kummissjoni, wara l-investigazzjoni tagħha, issib li l-allegata miżura jew prattika ta’ pajjiż terz ma tkunx qed tiġi applikata jew ma tirriżultax f’indeboliment serju u rikorrenti għall-aċċess ta’ operaturi ekonomiċi, prodotti jew servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist jew tal-konċessjoni tal-pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha ttemm l-investigazzjoni, u tippubblika avviż ta’ terminazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
6. Il-Kummissjoni tista’ tissospendi l-investigazzjoni u l-konsultazzjonijiet fi kwalunkwe ħin meta l-pajjiż terz ikkonċernat:
(a) |
jieħu azzjonijiet korrettivi sodisfaċenti li jeliminaw jew jirrimedjaw l-indeboliment serju u rikorrenti għall-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, prodotti jew servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwsit pubbliku jew tal-konċessjoni tal-pajjiż terz, u b’hekk jitjieb tali aċċess; jew |
(b) |
jimpenja ruħu fil-konfront tal-Unjoni biex itemm jew jelimina gradwalment il-miżura jew il-prattika tal-pajjiż terz, inkluż billi jestendi il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ftehim eżistenti għall-akkwist pubbliku, fi żmien raġonevoli u f’mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jobbliga ruħu għal tali impenji. |
7. Il-Kummissjoni għandha terġa tibda l-investigazzjoni u l-konsultazzjonijiet fi kwalunkwe ħin jekk tikkonkludi li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux għadhom validi.
8. Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’każ ta’ sospensjoni jew bidu mill-ġdid tal-investigazzjoni u l-konsultazzjonijiet.
Artikolu 6
Miżuri IPI
1. Meta l-Kummissjoni ssib, wara investigazzjoni u konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 5, li teżisti miżura jew prattika ta’ pajjiż terz, hija għandha, jekk tqis li dan ikun fl-interess tal-Unjoni, tadotta miżura IPI permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).
2. Determinazzjoni ta’ jekk l-interess tal-Unjoni jitlobx l-adozzjoni ta’ miżura IPI għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-interessi kollha differenti meħuda globalment, inklużi l-interessi tal-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni. Ma għandhomx jiġu adottati miżuri IPI meta l-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli, tikkonkludi li ma jkunx fl-interess tal-Unjoni li jiġu adottati dawn il-miżuri.
3. Il-miżura IPI għandha tiġi ddeterminata fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli u abbażi tal-kriterji li ġejjin:
(a) |
il-proporzjonalità tal-miżura IPI fir-rigward tal-miżura jew il-prattika tal-pajjiż terz; |
(b) |
id-disponibbiltà ta’ sorsi alternattivi ta’ provvista għall-prodotti u s-servizzi kkonċernati, sabiex jiġi evitat jew minimizzat impatt negattiv sinifikanti fuq l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti. |
4. Il-miżura IPI għandha tapplika biss għal proċeduri ta’ akkwist pubbliku b’valur stmat ogħla minn limitu li għandu jiġi ddeterminat mill-Kummissjoni fid-dawl tar-riżultati tal-investigazzjoni u l-konsultazzjonijiet u filwaqt li jitqiesu l-kriterji stipulati fil-paragrafu 3. Dak il-valur stmat għandu jkun ugwali għal jew aktar minn EUR 15 000 000 nett mill-VAT għal xogħlijiet u konċessjonijiet, u ugwali għal jew aktar minn EUR 5 000 000 nett mill-VAT għal prodotti u servizzi.
5. Il-miżura IPI għandha tapplika f’każ ta’ kuntratti speċifiċi mogħtija fl-ambitu ta’ sistema dinamika ta’ xiri meta l-miżura IPI tapplika wkoll għal dawk is-sistemi dinamiċi ta’ xiri, bl-eċċezzjoni ta’ kuntratti speċifiċi li l-valur stmat tagħhom ikun inqas mill-valuri rispettivi stipulati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24/UE jew l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2014/25/UE. Il-miżura IPI ma għandhiex tapplika għal proċeduri ta’ akkwist pubbliku relatati mal-għoti ta’ kuntratti bbażati fuq ftehim qafas jew għal kuntratti għal lottijiet individwali li jingħataw skont l-Artikolu 5(10) tad-Direttiva 2014/24/UE jew l-Artikolu 16(10) tad-Direttiva 2014/25/UE.
6. Fil-miżura IPI msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, fil-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit fil-paragrafu 8, li tirrestrinġi l-aċċess ta’ operaturi ekonomiċi, prodotti jew servizzi minn pajjiż terz għal proċeduri ta’ akkwist pubbliku billi tirrikjedi li l-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti:
(a) |
jimponu aġġustament tal-punteġġ fuq offerti ppreżentati minn operaturi ekonomiċi li joriġinaw minn dak il-pajjiż terz; jew |
(b) |
jeskludu offerti ppreżentati minn operaturi ekonomiċi li joriġinaw minn dak il-pajjiż terz. |
7. L-aġġustament tal-punteġġ imsemmi fil-paragrafu 6, punt (a), għandu japplika biss għall-fini tal-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-offerti. Dan ma għandux jaffettwa l-prezz li jrid jitħallas skont il-kuntratt li jkun ser jiġi konkluż mal-offerent rebbieħ.
8. Fil-miżura IPI msemmija fil-paragrafu 1 il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura IPI, inkluż:
(a) |
is-setturi jew il-kategoriji ta’ prodotti, servizzi u konċessjonijiet, ibbażati fuq il-Vokabolarju Komuni tal-Akkwist kif stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 2195/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), kif ukoll kwalunkwe eċċezzjoni applikabbli; |
(b) |
il-kategoriji speċifiċi ta’ awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti; |
(c) |
il-kategoriji speċifiċi ta’ operaturi ekonomiċi; |
(d) |
il-limiti speċifiċi daqs jew ogħla minn dawk stipulati fil-paragrafu 4; |
(e) |
fejn xieraq, il-valuri perċentwali ta’ aġġustament tal-punteġġ imsemmi fil-paragrafu 6, punt (a). |
Il-valur perċentwali tal-aġġustament kif imsemmi fil-punt (e) tal-ewwel paragrafu għandu jiġi stabbilit sa 50 % tal-punteġġ tal-evalwazzjoni tal-offerta, skont il-pajjiż terz u s-settur tal-prodotti, is-servizzi, ix-xogħlijiet jew il-konċessjonijiet previsti. Għall-fini tal-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, fejn il-prezz jew il-kost huwa l-uniku kriterju għall-għoti ta’ kuntratt, l-aġġustament tal-punteġġ għandu jkun id-doppju tal-valur perċentwali kif stipulat fl-ewwel sentenza ta’ dan is-subparagrafu. Miżura IPI għandha tindika l-valuri perċentwali rispettivi separatament.
9. Meta tiddetermina l-miżura IPI abbażi tal-għażliet disponibbli skont il-paragrafu 6, punt (a) jew (b), il-Kummissjoni għandha tagħżel it-tip ta’ miżura li tkun proporzjonata u li tirrimedja bl-aktar mod effettiv il-livell ta’ indeboliment tal-aċċess għall-operaturi ekonomiċi, prodotti jew servizzi tal-Unjoni fis-swieq ta’ akkwist pubbliku jew tal-konċessjoni ta’ pajjiżi terzi.
10. Meta il-Kummissjoni tqis li l-pajjiż terz jieħu azzjonijiet korrettivi sodisfaċenti li jeliminaw jew jirrimedjaw l-indeboliment tal-aċċess għall-operaturi ekonomiċi, il-prodotti jew is-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku jew tal-konċessjoni ta’ dak il-pajjiż terz, biex b’hekk jitjieb tali aċċess, jew jekk il-pajjiż terz jimpenja ruħu li jtemm il-miżura jew il-prattika inkwistjoni, l-Kummissjoni tista’ tirtira l-miżura IPI jew tissospendi l-applikazzjoni tagħha.
Meta il-Kummissjoni tqis li l-azzjonijiet korrettivi jew l-impenji meħuda jkunu ġew revokati, sospiżi jew implimentati b’mod mhux xieraq, hija għandha tagħmel is-sejbiet tagħha disponibbli għall-pubbliku u terġa’ ddaħħal il-miżura IPI fi kwalunkwe ħin.
Il-Kummissjoni tista’ tirtira, tissospendi jew terġa’ ddaħħal miżura IPI permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni u f’tali każijiet għandha tippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).
11. Miżura IPI għandha tiskadi ħames snin mid-dħul fis-seħħ tagħha. Miżura IPI tista’ tiġi estiża għal perjodu ta’ ħames snin. Il-Kummissjoni għandha tibda rieżami tal-miżura IPI inkwistjoni mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel id-data tal-iskadenza ta’ dik il-miżura IPI, billi tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Tali rieżami għandu jiġi konkluż fi żmien sitt xhur mill-pubblikazzjoni tal-avviż rilevanti. Wara tali rieżami, il-Kummissjoni tista’ testendi t-tul tal-miżura IPI, taġġustaha b’mod xieraq jew tissostitwiha b’miżura IPI differenti permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).
Artikolu 7
Lista ta’ awtoritajiet kontraenti eżentati mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament
1. Fuq talbaġustifikata minn Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tadotta, bil-ħsieb ta’ distribuzzjoni ġusta fost l-Istati Membri tal-proċeduri għall-għoti soġġetti għall-miżuri IPI, lista ta’ awtoritajiet kontraenti lokali f’dak l-Istat Membru, fi ħdan unitajiet amministrattivi b’popolazzjoni ta’ inqas minn 50 000 abitant, li huma eżentati mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2. Fit-talba tiegħu, l-Istat Membru għandu jipprovdi informazzjoni dettaljata li jiġġustifika t-talba għal eżenzjoni u dwar il-valur tal-kuntratti ’l fuq mil-limiti stipulati fl-Artikolu 6(4) ta’ dan ir-Regolament, mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti kollha elenkati matul l-aħħar 3 snin mill-31 ta’ Diċembru ta’ qabel it-talba għal eżenzjoni. Eżenzjoni tista’ tingħata biss jekk il-valur totali tal-kuntratti ’l fuq mil-limiti stipulati fl-Artikolu 6(4) ta’ dan ir-Regolament, u mogħti mill-awtoritajiet kontraenti jew l-entitajiet kontraenti li ma għandhomx jiġu eżentati, jaqbeż it-80 % tal-valur totali ta’ kuntratti ’l fuq mil-limiti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE mogħtija fl-Istat Membru li jitlobha fl-istess perjodu ta’ tliet snin.
3. L-eżenzjoni għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ u proporzjonat, b’kont meħud tal-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet kontraenti li għandhom jiġu eżentati.
4. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri qabel ma tadotta l-lista msemmija fil-paragrafu 1. Dik il-lista, ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandha tkun valida għal perjodu ta’ tliet snin u tista’ tiġi riveduta jew imġedda kull tliet snin fuq talba ġustifikata mill-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 8
Obbligi fuq l-offerent rebbieħ
1. Fil-każ ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku li huma soġġetti għal miżura IPI, kif ukoll fil-każ ta’ kuntratti mogħtija abbażi ta’ ftehim ta’ qafas fejn il-valur stmat ta’ dawk il-kuntratti huwa ugwali jew ogħla mill-valuri stipulati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/23/UE, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24/UE u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2014/25/UE, u meta dawk il-ftehimiet ta’ qafas kienu soġġetti għall-miżura IPI, l-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jinkludu wkoll fid-dokumenti ta’ akkwist pubbliku l-obbligi li ġejjin fuq l-offerenti rebbieħa:
(a) |
li ma jissottokuntrattawx aktar minn 50 % tal-valur totali tal-kuntratt lil operaturi ekonomiċi li joriġinaw minn pajjiż terz li huwa soġġett għal miżura IPI; |
(b) |
għal kuntratti li s-suġġett tagħhom ikopri l-provvista ta’ prodotti, li jiżguraw li għat-tul tal-kuntratt, dawk il-prodotti jew is-servizzi fornuti jew ipprovduti fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt u li joriġinaw minn pajjiż terz li huwa soġġett għall-miżura IPI ma jirrappreżentawx aktar minn 50 % tal-valur totali tal-kuntratt, irrispettivament jekk tali prodotti jew servizzi huma fornuti jew ipprovduti direttament mill-offerent rebbieħ jew minn sottokuntrattur; |
(c) |
li jipprovdu lill-awtorità kontraenti jew lill-entità kontraenti fuq talba tagħhom evidenza adegwata li tikkorrispondi għall-punt (a) jew (b), mhux aktar tard mit-tlestija tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt; |
(d) |
li jħallsu imposta proporzjonata, f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi msemmija fil-punti (a) jew (b), ta’ bejn 10 % u 30 % tal-valur totali tal-kuntratt. |
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, punt (c), huwa biżżejjed li tingħata evidenza li aktar minn 50 % tal-valur totali tal-kuntratt joriġina f’pajjiżi li mhumiex il-pajjiż terz soġġett għall-miżura IPI. L-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti għandha titlob evidenza rilevanti meta jeżistu indikazzjonijiet raġonevoli ta’ nuqqas ta’ konformità mal-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 1 jew meta l-kuntratt jingħata lil grupp ta’ operaturi ekonomiċi li jinkludi persuna ġuridika li toriġina minn pajjiż terz soġġett għal miżura IPI.
3. L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jinkludu referenza għall-obbligi stipulati f’dan l-Artikolu fid-dokumenti għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku li għalihom hija applikabbli miżura IPI.
Artikolu 9
Eċċezzjonijiet
1. Awtoritajiet kontraenti u entitajiet kontraenti jistgħu, fuq bażi eċċezzjonali, jiddeċiedu li ma japplikawx miżura IPI fir-rigward ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku fejn:
(a) |
biss offerti minn operaturi ekonomiċi li joriġinaw minn pajjiż terz soġġett għal miżura IPI, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-offerta; jew |
(b) |
id-deċiżjoni li ma tapplikax miżura IPI hija ġustifikata għal raġunijiet prevalenti relatati mal-interess pubbliku, bħal pereżempju s-saħħa pubblika jew il-ħarsien tal-ambjent. |
2. Meta awtorità kontraenti jew entità kontraenti tiddeċiedi li ma tapplikax miżura IPI, hi għandha tipprovdi l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni, b’mod li għandu jiġi deċiż mill-Istat Membru rispettiv, u mhux aktar tard minn tletin jum wara l-għoti tal-kuntratt.
(a) |
l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti; |
(b) |
deskrizzjoni tas-suġġett tal-kuntratt; |
(c) |
tagħrif dwar l-oriġini tal-operaturi ekonomiċi; |
(d) |
ir-raġuni li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni li ma tiġix applikata l-miżura IPI, uġustifikazzjoni dettaljata għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni; |
(e) |
fejn xieraq, kwalunkwe tagħrif ieħor meqjus bżonnjuż mill-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti. |
Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri kkonċernati għal tagħrif addizzjonali.
Artikolu 10
Rimedji
Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni legali tal-operaturi ekonomiċi li għandhom jew kellhom interess li jiksbu kuntratt partikolari li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, id-Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE għandhom japplikawkif xieraq.
KAPITOLU III
Setgħat ta’ implimentazzjoni, rapporti u dispożizzjonijiet finali
Artikolu 11
Proċedura tal-Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2015/1843. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fil-kuntest tat-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Meta l-Kumitat ma jagħti ebda opinjoni għall-adozzjoni ta’ abbozz ta’ miżura IPI fil-forma ta’ esklużjoni minn offerti, skont l-Artikolu 6, paragrafu 6, punt (b) ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), t-tielet subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 12
Linji gwida
Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti u mill-operaturi ekonomiċi, il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur mid-29 ta’ Awwissu 2022, toħroġ linji gwida.
Artikolu 13
Rappurtar
1. Sat-30 ta’ Awwissu 2025 u mill-inqas kull sentejn minn dak iż-żmien ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u dwar il-progress li jkun sar fin-negozjati internazzjonali,fir-rigward tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku jew tal-konċessjoni ta’ pajjiżi terzi, skont dan ir-Regolament,. Dak ir-rapport għandu jkun magħmul pubbliku. L-Istati Membri għandhom, fuq talba, jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri skont dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tal-għadd ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku fil-livell ċentrali u subċentrali li fihom tkun ġiet applikata miżura IPI partikolari, l-għadd ta’ offerti li rċevew minn pajjiżi terzi soġġetti għal dik il-miżura IPI, kif ukoll il-każijiet li fihom ġiet applikata eċċezzjoni speċifika mill-miżura IPI.
2. L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni permezz tat-Tenders electronic daily dwar l-applikazzjoni tal-miżuri IPI, bħala parti mill-informazzjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti. Tali rapport għandu jinkludi, għal kull proċedura rilevanti, informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-miżuri IPI, l-għadd ta’ offerti li riċevuti minn pajjiżi terzi soġġetti għall-miżura IPI rilevanti, l-għadd ta’ offerti li għalihom ġew applikati l-esklużjoni tal-offerta jew l- aġġustament tal-punteġġ u l-applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet speċifiċi mill-miżura IPI. Il-Kummissjoni għandha tuża din id-data fir-rappurtar regolari tagħha meħtieġ skont dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni addizzjonali dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri previsti f’dan ir-Regolament fuq talba tagħha.
Artikolu 14
Rieżami
Mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni jew mhux aktar tard mit-30 ta’ Awwissu 2027, skont liema data minnhom tiġi l-ewwel, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami tal-kamp ta’ applikazzjoni, il-funzjonament u l-effiċjenza ta’ dan ir-Regolament, u għandha tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 15
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-sittin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ġunju 2022.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
F. RIESTER
(1) ĠU C 264, 20.7.2016, p. 110.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Ġunju 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2022.
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 654/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ regoli kummerċjali internazzjonali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta’ politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 50).
(4) Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).
(5) Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).
(6) Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1).
(9) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, ĠU L 395, 30.12.1989, p. 33).
(10) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni (ĠU L 76, 23.3.1992, p. 14);
(11) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(12) Ir-Regolament (UE) 2015/1843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Unjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b’mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 272, 16.10.2015, p. 1).
(13) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 71/306/KEE tas-26 ta’ Lulju 1971 li tistabbilixxi Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti ta’ Xogħlijiet Pubbliċi (ĠU L 185, 16.8.1971, p. 15).
(14) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(15) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(16) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1780 tat-23 ta’ Settembru 2019 li jistabbilixxi formoli standard għall-pubblikazzjoni ta’ avviżi fil-qasam tal-akkwist pubbliku u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1986 (“Formuli Elettroniċi”) (ĠU L 272, 25.10.2019, p. 7).
(17) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(18) Ir-Regolament (KE) Nru 2195/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 dwar il-Vokabolarju Komuni tal-Akkwist (CPV) (ĠU L 340, 16.12.2002, p. 1).
Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fir-rigward tar-Regolament (UE) 2022/1031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirrikonoxxu li r-regoli dwar il-komitoloġija maqbula f'dan l-istrument ma jippreġudikawx l-eżitu ta' negozjati leġiżlattivi oħra li għaddejjin jew futuri u m'għandhomx jitqiesu bħala preċedent għal fajls leġiżlattivi oħra.
Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tar-Regolament dwar l-Istrument għal Akkwist Internazzjonali (Regolament 2022/1031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)
Meta twettaq rieżami tal-kamp ta' applikazzjoni, tal-funzjonament u tal-effiċjenza tar-Regolament (UE) 2022/1031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, f'konformità mal-Artikolu 14 tiegħu, il-Kummissjoni ser tivvaluta wkoll il-ħtieġa li teżenta mill-applikazzjoni tiegħu kwalunkwe wieħed mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma benefiċjarji tal-arranġament ġenerali msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, u b'mod partikolari l-benefiċjarji tal-arranġament speċjali ta' inċentivi għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba kif definit fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012. Fir-rieżami, il-Kummissjoni ser tagħti attenzjoni partikolari lis-setturi li huma kkunsidrati strateġiċi fir-rigward tal-akkwist pubbliku tal-UE.