Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0892

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/892 tal-1 ta’ April 2022 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

C/2022/1970

ĠU L 155, 8.6.2022, pp. 8–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 17/01/2025; Impliċitament imħassar minn 32025R0026

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/892/oj

8.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/8


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/892

tal-1 ta’ April 2022

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar l-iskemi ta’ kwalità għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(7), u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(3), tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emenda l-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 fir-rigward tas-sistema ta’ emendi fl-Ispeċifikazzjoni ta’ prodott. Mit-8 ta’ Ġunju 2022, l-emendi “mhux minuri” u “minuri” huma sostitwiti b’emendi “tal-Unjoni” u “standard”, rispettivament, b’kamp ta’ applikazzjoni u proċeduri differenti.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi ta’ applikazzjoni tal-emendi mhux minuri u minuri. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tas-sistema l-ġdida ta’ emendi, ir-regoli eżistenti dwar emendi mhux minuri u minuri f’dak ir-Regolament jenħtieġ li jiġu sostitwiti b’regoli ġodda.

(3)

Għall-finijiet ta’ ċertezza legali u l-ġestjoni effiċjenti tas-sistema, jenħtieġ li jiġu pprovduti regoli dettaljati li jikkonċernaw ir-rekwiżiti, il-formoli u l-iskadenzi għall-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni tal-emendi tal-Unjoni u l-komunikazzjonijiet ta’ emendi standard jew temporanji approvati.

(4)

F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-proċeduri għall-emendi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti fis-settur tal-ikel, kif ukoll Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti, jitwettqu mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma responsabbli għal stadji differenti ta’ kull tip ta’ proċedura. L-Istati Membri jipproċessaw l-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u jissottomettuhom lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-iskrutinju ta’ dawk l-applikazzjonijiet u għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-emenda tal-Unjoni. F’każ ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard jew temporanja, ir-responsabbiltà għall-approvazzjoni hija f’idejn l-Istati Membri. L-approvazzjoni ta’ dawk l-emendi tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni, li għandha l-obbligu li tagħmilhom pubbliċi fl-Unjoni.

(5)

Għall-ġestjoni korretta tal-proċeduri għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ emenda tal-Unjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti kif ukoll ta’ Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti, huwa meħtieġ li jiġu pproċessati r-referenzi li jikkonċernaw l-applikanti għall-approvazzjoni tal-emendi tal-Unjoni. L-istess ħtieġa tirriżulta fil-kuntest tal-ġestjoni tal-proċeduri għall-komunikazzjoni lill-Kummissjoni ta’ emenda standard jew temporanja fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti jew Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti fir-rigward tal-awtorità, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jikkomunikaw l-istandard approvat jew l-emenda temporanja. Dawk il-proċeduri huma ta’ natura pubblika. It-trasparenza hija meħtieġa biex tippermetti kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi u biex tidentifika pubblikament l-interessi ekonomiċi privati u pubbliċi marbuta ma’ dawn il-proċeduri. L-isem tal-grupp applikant li jissottometti applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li jiġi ppubblikat sabiex tiġi identifikata l-entità li attivat il-proċedura ta’ emenda u sabiex ikun possibbli li l-opponenti potenzjali jikkontestaw l-interess leġittimu tagħha. L-isem tal-awtorità, tal-persuna fiżika jew ġuridika li tikkomunika standard approvat jew emenda temporanja jenħtieġ li jiġi ppubblikat sabiex tiġi identifikata r-responsabbiltà tan-notifika ta’ dik l-emenda lill-Kummissjoni u konsegwentement tal-pubblikazzjoni fl-Unjoni. Bil-ħsieb li jiġi mminimizzat l-esponiment tad-data personali, id-dokumenti li jridu jiġu ppreżentati matul dawk il-proċeduri jenħtieġ li kemm jista’ jkun jevitaw ir-rekwiżiti għall-preżentazzjoni tad-data personali. Madankollu, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jista’ jkollhom bżonn jipproċessaw informazzjoni li jkun fiha data personali bħal ismijiet personali u dettalji ta’ kuntatt. F’każijiet debitament ġustifikati, tali data jista’ jkollha tiġi żvelata jew issir pubblika.

(6)

Fl-interess ta’ ġestjoni amministrattiva effettiva u filwaqt li titqies l-esperjenza miksuba permezz tas-sistemi tal-informazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni, il-komunikazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jiġu ssimplifikati u l-informazzjoni jenħtieġ li tiġi skambjata f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 (4) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 (5).

(7)

Il-Kummissjoni stabbiliet is-sistema ta’ informazzjoni “e-Ambrosia” għall-ġestjoni tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-ikel, tal-inbid, tax-xorb spirituż u tal-inbejjed aromatizzati. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jużaw esklużivament dik is-sistema għall-fini ta’ komunikazzjoni dwar il-proċeduri relatati mal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni u għall-approvazzjoni ta’ emendi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għad-Denominazzjonijiet tal-Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Madankollu, minħabba sistema stretta ta’ akkreditazzjoni, jenħtieġ li dik is-sistema ma tintużax għall-komunikazzjonijiet mal-Istati Membri dwar il-proċedura għal talbiet ta’ oppożizzjonijiet u kanċellazzjoni u, sakemm jiġu ssodisfati l-garanziji tas-sigurtà diġitali meħtieġa, jenħtieġ li ma tintużax għall-komunikazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi. Minflok, għall-proċeduri għal talbiet ta’ oppożizzjonijiet u ta’ kanċellazzjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti u l-produtturi ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom interess leġittimu skont ir-Regolament jenħtieġ li jikkomunikaw mal-Kummissjoni permezz tal-posta elettronika.

(8)

Sabiex jittejbu t-trasparenza, l-effiċjenza u l-uniformità madwar l-Istati Membri, ir-Reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti jenħtieġ li jiġi stabbilit f’forma elettronika. Ir-reġistru jenħtieġ li jkun bażi tad-data elettronika ġestita fi ħdan is-sistemi diġitali magħmula disponibbli mill-Kummissjoni, jenħtieġ li jkun aċċessibbli għall-pubbliku u aġġornat b’mod kostanti mill-Kummissjoni.

(9)

Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-Kummissjoni matul il-proċeduri għal emendi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti fis-settur tal-ikel, kif ukoll Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti. Huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-Kummissjoni trid titqies bħala kontrollur fis-sens ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-proċeduri li għalihom hija responsabbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(10)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-Istati Membri matul il-proċeduri rilevanti għal emendi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti fis-settur tal-ikel, kif ukoll Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jridu jitqiesu bħala kontrolluri skont it-tifsira ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-proċeduri li għalihom huma responsabbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(11)

Ir-Regolament (UE) 2021/2117 emenda l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. L-inbejjed aromatizzati, xorb alkoħoliku ieħor bl-esklużjoni ta’ xorb spirituż u prodotti tad-dwieli u x-xama’ tan-naħal jenħtieġ għalhekk li jiżdiedu fost il-klassijiet ta’ prodotti li għalihom japplika r-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(12)

Jenħtieġ li ssir dispożizzjoni biex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed żmien biex tiġi ffaċilitata tranżizzjoni bla xkiel mir-regoli previsti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014 dwar il-mezzi ta’ preżentazzjoni. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti tranżizzjonali għall-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emendi mhux minuri jew minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti, Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti u speċjalitajiet tradizzjonali garantiti li jkunu ġew ippreżentati qabel it-8 ta’ Ġunju 2022.

(13)

Peress li l-emendi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott introdotti bir-Regolament (UE) 2021/2117 japplikaw mit-8 ta’ Ġunju 2022, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-istess data.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Ir-rekwiżiti proċedurali għall-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti, Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti u Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti

1.   Id-Dokument Uniku ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika Protetta li ssir referenza għalih fil-punt (c) tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għandu jinkludi l-informazzjoni mitluba fl-Anness I għal dan ir-Regolament

Ir-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ippubblikata mad-Dokument Uniku għandha twassal għall-verżjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott kif proposta.

2.   Meta l-applikazzjoni tiġi sottomessa lill-Kummissjoni minn Stat Membru, id-Dokument Uniku għandu jitfassal f’konformità mal-mudell disponibbli fis-sistemi diġitali msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a) tal-Artikolu 12(1).

Meta l-applikazzjoni tiġi sottomessa lill-Kummissjoni minn awtorità ta’ pajjiż terz jew minn applikant stabbilit f’pajjiż terz, id-Dokument Uniku għandu jitfassal f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness I. L-informazzjoni pprovduta b’dan il-mod tista’ tiddaħħal mill-Kummissjoni fis-sistemi diġitali tagħha.

3.   Id-Dokument Uniku għandu jkun konċiż u ma jaqbiżx 2 500 kelma, għajr f’każijiet li jkunu debitament ġustifikati.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll għal Dokument Uniku kopert minn talba għall-pubblikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 664/2014.

5.   L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita msemmija fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għandha tinkludi l-informazzjoni mitluba fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament. Din għandha titfassal skont il-mudell previst f’dak l-Anness.”;

(2)

fl-Artikolu 8, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-Istat Membru, l-awtorità tal-pajjiż terz jew applikant stabbilit f’pajjiż terz li jressaq lill-Kummissjoni applikazzjoni konġunta kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu jsir id-destinatarju ta’ kwalunkwe notifika jew deċiżjoni maħruġa mill-Kummissjoni.”;

(3)

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Applikazzjonijiet għal emendi tal-Unjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

1.   Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott kif imsemmi fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għandu jkun fiha:

(a)

l-isem protett li miegħu għandha x’taqsam l-emenda;

(b)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-applikant u deskrizzjoni tal-interess leġittimu tal-applikant;

(c)

l-intestaturi fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u, fir-rigward tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti, fid-Dokument Uniku relatat mal-kwistjonijiet affettwati mill-emenda;

(d)

għal Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti, spjegazzjoni li l-emenda taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ emenda tal-Unjoni kif previst fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012;

(e)

deskrizzjoni tal-emendi proposti u r-raġunijiet għal kull emenda;

(f)

għad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti, id-Dokument Uniku kkonsolidat kif emendat;

(g)

għall-applikazzjonijiet ippreżentati minn Stat Membru dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti, ir-referenza elettronika għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ikkonsolidata kif emendata;

(h)

għall-applikazzjonijiet ippreżentati minn pajjiż terz dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti, il-verżjoni kkonsolidata tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott kif ippubblikata, jew ir-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott;

(i)

għal applikazzjonijiet għal Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti minn pajjiżi terzi biss, prova li l-emenda mitluba tikkonforma mal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fis-seħħ f’dak il-pajjiż terz;

(j)

għall-applikazzjonijiet li jikkonċernaw Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti, l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ikkonsolidata kif emendata;

(k)

għall-applikazzjonijiet kollha ppreżentati mill-Istati Membri, id-dikjarazzjoni mill-Istat Membru li huwa jqis li l-applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u tad-dispożizzjonijiet adottati skont dan.

Id-deskrizzjoni u r-raġunijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (e) u d-Dokument Uniku msemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (f), ma għandhomx jaqbżu l-2 500 kelma kull wieħed, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati.

2.   Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni għandha tkun konċiża u ma taqbiżx il-5 000 kelma, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati.

3.   Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika Protetta minn Stat Membru għandha titfassal f’konformità mal-mudell disponibbli fis-sistemi diġitali msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1). Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita minn Stat Membru għandha titfassal skont il-mudell stabbilit fl-Anness VI. L-informazzjoni fornuta b’dan il-mod tista’ tiddaħħal mill-Kummissjoni fis-sistemi diġitali tagħha.

L-applikanti minn pajjiżi terzi għandhom jużaw il-mudell stabbilit fl-Anness V għal emenda tal-Unjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika Protetta u l-mudell stabbilit fl-Anness VI għal emenda tal-Unjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita. L-informazzjoni fornuta b’dan il-mod tista’ tiddaħħal mill-Kummissjoni fis-sistemi diġitali tagħha.

4.   Id-Dokument Uniku emendat ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika Protetta u l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott emendata ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita għandhom jitfasslu f’konformità mal-Artikolu 6. Applikazzjoni għal emenda tal-Unjoni għal Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta jew Indikazzjoni Ġeografika Protetta minn pajjiż terz tista’ tinkludi l-verżjoni konsolidata tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott minflok ir-referenza elettronika fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ippubblikata.

5.   Għall-finijiet tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, flimkien mal-Artikolu 50(2) ta’ dak ir-Regolament, barra d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija hemm, kif emendati, il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

F’każ li d-data personali tiġi inkluża fl-applikazzjoni, din għandha tiġi ppubblikata bħala parti minn dik l-applikazzjoni.”;

(4)

jiddaħħlu l-Artikoli 10a u 10b li ġejjin:

“Artikolu 10a

Komunikazzjoni ta’ emenda standard

1.   Il-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 6b(3), (7) u (8) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 664/2014 għandu jkun fiha:

(a)

ir-referenza għall-isem protett li għalih tirreferi l-emenda standard;

(b)

spjegazzjoni li l-emenda taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ emenda standard kif previst fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012;

(c)

deskrizzjoni tal-emenda approvata, li tindika jekk l-emenda twassalx għal emenda tad-Dokument Uniku;

(d)

id-deċiżjoni li tapprova l-emenda standard kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6b(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 664/2014;

(e)

fejn rilevanti, id-Dokument Uniku kkonsolidat, kif emendat;

(f)

ir-referenza elettronika għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ikkonsolidata, kif emendata.

2.   Meta l-komunikazzjoni ssir minn Stat Membru, din għandha tinkludi dikjarazzjoni minn dak l-Istat Membru li hu jqis li l-emenda approvata tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u d-dispożizzjonijiet adottati skont dan.

3.   Fil-każ ta’ applikazzjonijiet li jikkonċernaw prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi, il-komunikazzjoni mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz jew minn applikant ta’ pajjiż terz li jkollu interess leġittimu għandha tindika l-isem tal-pajjiż terz jew tal-applikant li jibgħat il-komunikazzjoni u għandha tinkludi prova li l-emenda hija applikabbli fil-pajjiż terz. Din tista’ tinkludi l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott kif ippubblikata minflok ir-referenza elettronika għall-pubblikazzjoni tagħha.

4.   Komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata minn Stat Membru għandha titfassal f’konformità mal-mudell disponibbli fis-sistemi diġitali msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1). Għall-komunikazzjonijiet minn pajjiżi terzi għandu jintuża l-mudell stabbilit fl-Anness VI. L-informazzjoni hekk fornuta għandha tiddaħħal mill-Kummissjoni fis-sistemi diġitali tagħha.

5.   Għall-finijiet tal-Artikolu 6b(5) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 664/2014, l-isem tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz jew tal-persuna fiżika jew ġuridika li tippreżenta komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ indikazzjoni ġeografika għandu jiġi ppubblikat bħala parti mill-komunikazzjoni.

Artikolu 10b

Komunikazzjoni ta’ emenda temporanja

1.   Il-komunikazzjoni ta’ emenda temporanja approvata fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott f’konformità mal-Artikolu 6d(1) sa (4) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 664/2014 għandu jkun fiha:

(a)

ir-referenza għall-isem protett li għalih tirreferi;

(b)

deskrizzjoni tal-emenda temporanja approvata flimkien mar-raġunijiet għaliha, kif imsemmi fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012;

(c)

id-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jirrikonoxxu formalment id-diżastru naturali jew li jimponu miżuri sanitarji u fitosanitarji obbligatorji jew ir-referenzi rispettivi tal-pubblikazzjoni elettronika;

(d)

id-deċiżjoni li tapprova l-emenda temporanja jew ir-referenza tal-pubblikazzjoni elettronika.

2.   Meta l-komunikazzjoni ssir minn Stat Membru, din għandha tinkludi dikjarazzjoni minn dak l-Istat Membru li hu jqis li l-emenda approvata tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u d-dispożizzjonijiet adottati skont dan.

3.   Fil-każ ta’ applikazzjonijiet li jikkonċernaw prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi, il-komunikazzjoni mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz jew mill-applikant tal-pajjiż terz li jkollu interess leġittimu għandha tindika l-isem tal-pajjiż terz jew tal-applikant li jibgħat il-komunikazzjoni u għandha tinkludi prova li l-emenda hija applikabbli fil-pajjiż terz. Din tista’ tinkludi d-deċiżjoni nazzjonali li tapprova l-emenda temporanja kif ippubblikata minflok ir-referenza elettronika għar-referenza tal-pubblikazzjoni tagħha.

4.   Komunikazzjoni ta’ emenda temporanja approvata minn Stat Membru għandha titfassal f’konformità mal-mudell disponibbli fis-sistemi diġitali msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1). Għall-komunikazzjonijiet minn pajjiżi terzi għandu jintuża l-mudell stabbilit fl-Anness VII. L-informazzjoni hekk fornuta għandha tiddaħħal mill-Kummissjoni fis-sistemi diġitali tagħha.

5.   Għall-finijiet tal-Artikolu 6d(5) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 664/2014, l-isem tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz jew tal-persuna fiżika jew ġuridika li tippreżenta komunikazzjoni ta’ emenda temporanja approvata fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjoni tal-Oriġini Protetta jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika Protetta għandu jiġi ppubblikat bħala parti mill-komunikazzjoni.”;

(5)

L-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Komunikazzjonijiet bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi u operaturi oħra

1.   Id-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Kapitoli II u III tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u d-dispożizzjonijiet relatati għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni kif ġej:

(a)

għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, permezz tas-sistemi diġitali magħmula disponibbli mill-Kummissjoni, soġġett għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

għall-awtoritajiet kompetenti u l-produtturi ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom interess leġittimu skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012, permezz tal-posta elettronika bl-użu tal-mudelli stabbiliti fl-Annessi I sa IX ta’ dan ir-Regolament.

Il-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 (*1) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 (*2) għandhom japplikaw għall-komunikazzjonijiet magħmula skont l-ewwel subparagrafu, il-punt (a).

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), id-dokumenti li ġejjin għandhom jiġu ppreżentati permezz tal-posta elettronika mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri:

(a)

id-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1);

(b)

in-notifika tar-riżultat tal-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(3);

(c)

it-talba għall-kanċellazzjoni msemmija fl-Artikolu 11;

(d)

l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita msemmija fl-Artikolu 6(5);

(e)

l-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita msemmija fl-Artikolu 10.

3.   L-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata u magħmula disponibbli mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri permezz tas-sistemi diġitali magħmula disponibbli mill-Kummissjoni f’konformità mal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1. L-informazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2 għandha tiġi kkomunikata mill-Kummissjoni lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet kompetenti u lill-gruppi applikanti ta’ pajjiżi terzi, kif ukoll lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom interess leġittimu skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 permezz tal-posta elettronika.

4.   Għall-komunikazzjonijiet tekniċi uffiċjali dwar Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti, Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti u Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti, kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni punt ta’ kuntatt wieħed li jkun fih indirizz dipartimentali u postali, indirizz tal-kaxxa postali elettronika funzjonali, u numru tat-telefon dipartimentali. L-Istati Membri għandhom iżommu dawn il-punti ta’ kuntatt aġġornati. Din id-data għandha tidentifika biss il-funzjonijiet, l-uffiċċji u d-dipartimenti uffiċjali. L-ebda data ma għandha tidentifika lil xi persuna fiżika jew tagħti dettalji personali li jkunu fl-indirizzi, fin-numri ta’ kuntatt jew f’elementi ta’ data oħrajn.

Il-Kummissjoni tista’ żżomm, taħżen, tikkondividi, tippubblika u tiċċirkola perjodikament il-lista sħiħa ta’ dawn il-punti ta’ kuntatt, inklużi lis-servizzi tagħha stess, lil istituzzjonijiet u korpi oħrajn tal-Unjoni, u lill-punti ta’ kuntatt kollha fil-lista. Il-Kummissjoni tista’ titlob li din id-data tiġi ppreżentata permezz ta’ sistemi diġitali magħmula disponibbli mill-Kummissjoni.

(*1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 tal-20 ta’ April 2017 li jissupplimenta r-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni ta’ informazzjoni u dokumenti (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 100)."

(*2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113).”;"

(6)

jiddaħħal l-Artikolu 12a li ġej:

“Artikolu 12a

Sottomissjoni u wasla ta’ komunikazzjonijiet

1.   Il-komunikazzjonijiet u s-sottomissjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12 għandhom jitqiesu li saru fid-data li fiha jaslu għand il-Kummissjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkonferma l-wasla tal-komunikazzjonijiet kollha riċevuti u tal-fajls kollha sottomessi permezz tas-sistemi diġitali msemmija fl-Artikolu 12(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri permezz tas-sistemi diġitali.

Il-Kummissjoni għandha tattribwixxi numru tal-fajl lil kull applikazzjoni ġdida għar-reġistrazzjoni, lil kull applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni, komunikazzjoni dwar emendi standard approvati u komunikazzjoni dwar emendi temporanji approvati.

Il-konferma tar-riċevuta għandu jkollha tal-inqas dawn li ġejjin:

(a)

in-numru tal-fajl;

(b)

l-isem tal-prodott ikkonċernat;

(c)

id-data tal-irċevuta.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika u tagħmel disponibbli informazzjoni u rimarki dwar tali komunikazzjonijiet u sottomissjonijiet permezz tas-sistemi diġitali msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1).

3.   Għall-komunikazzjonijiet u s-sottomissjonijiet tal-fajls magħmula permezz tal-posta elettronika, il-Kummissjoni għandha tikkonferma li rċeviet il-fajl permezz tal-posta elettronika.

Għandha tattribwixxi numru tal-fajl lil kull applikazzjoni ġdida għar-reġistrazzjoni, lil kull applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda tal-Unjoni, komunikazzjoni dwar emendi standard approvati u komunikazzjoni dwar emendi temporanji approvati.

Il-konferma tar-riċevuta għandu jkollha tal-inqas dawn li ġejjin:

(a)

in-numru tal-fajl;

(b)

l-isem tal-prodott ikkonċernat;

(c)

id-data tal-irċevuta.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika u tagħmel disponibbli l-informazzjoni u r-rimarki dwar tali komunikazzjonijiet u sottomissjoni permezz tal-posta elettronika.

4.   L-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/1183 u l-Artikoli 1 sa 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1185 għandhom japplikaw mutatis mutandis għan-notifika u għad-disponibbiltà tal-informazzjoni kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.”;

(7)

fl-Artikolu 14, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Ir-Reġistru tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku u stabbilit f’forma elettronika. Dan għandu jkun ibbażat fuq sistemi diġitali ġestiti mill-Kummissjoni u għandu jiġi aġġornat f’konformità ma’ dan l-Artikolu.”;

(8)

jiddaħħal l-Artikolu 14a li ġej:

“Artikolu 14a

Protezzjoni tad-data

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jipproċessaw u jippubblikaw id-data personali riċevuta matul il-proċeduri għall-approvazzjoni tal-emendi tal-Unjoni u għall-komunikazzjoni ta’ emendi standard u temporanji, skont dan ir-Regolament, f’konformità mar-Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2018/1725 (*3) u (UE) 2016/679 (*4).

2.   Il-Kummissjoni għandha titqies bħala kontrollur fis-sens tar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-proċedura li hija kompetenti għaliha f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 664/2014 u dan ir-Regolament.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala kontrolluri f’konformità mat-tifsira tar-Regolament (UE) 2016/679 fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-proċeduri li huma kompetenti għalihom f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 664/2014 u dan ir-Regolament.

(*3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39)."

(*4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).”;"

(9)

L-Annessi V sa VIII u XI huma emendati f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Regoli tranżizzjonali

1.   L-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014 fil-verżjoni tiegħu qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandu jkompli japplika għall-applikazzjonijiet għal emendi mhux minuri u minuri, kif ukoll għall-komunikazzjonijiet ta’ emenda temporanja, fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti, Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti u Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti pendenti mal-Kummissjoni qabel it-8 ta’ Ġunju 2022.

2.   L-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014 fil-verżjoni tiegħu qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandu jkompli japplika għall-Istati Membri sas-7 ta’ Diċembru 2022 għall-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni u għall-approvazzjoni tal-emendi tal-Unjoni, kif ukoll għall-komunikazzjonijiet ta’ emendi standard u temporanji, fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti.

3.   Sas-7 ta’ Diċembru 2022, l-Istati Membri li jkomplu jikkomunikaw skont l-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014 fil-verżjoni tiegħu qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jużaw:

(a)

l-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014 għall-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti;

(b)

l-Anness II ta’ dan ir-Regolament għall-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emendi tal-Unjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti;

(c)

l-Anness III ta’ dan ir-Regolament għall-komunikazzjonijiet ta’ emenda standard fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti;

(d)

l-Anness IV ta’ dan ir-Regolament għal emenda temporanja fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Protetti u Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-8 ta’ Ġunju 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzati u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 262).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 tal-20 ta’ April 2017 li jissupplimenta r-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni ta’ informazzjoni u dokumenti (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 100).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).


ANNESS I

L-Annessi V sa VIII u XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Annessi V sa VIII jinbidlu b’dan li ġej:

“ANNESS V

Applikazzjoni għal emenda tal-Unjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta/Indikazzjoni Ġeografika Protetta

(Regolament (UE) Nru 1151/2012)

1.   Isem il-prodott

[kif irreġistrat]

2.   Tip ta’ Indikazzjoni Ġeografika

[Immarka “X” fil-kaxxa t-tajba:] DOP☐ IĠP☐

3.   Applikant u interess leġittimu

[Ipprovdi l-isem, l-indirizz, it-telefon u l-indirizz tal-posta elettronika tal-applikant li qiegħed jipproponi l-emenda. Fil-każ li l-indirizz, it-telefon u l-indirizz tal-posta elettronika jikkonċernaw persuna fiżika dawn ma għandhomx jiġu inklużi f’din il-formola u għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni separatament.

Ipprovdi wkoll id-dikjarazzjoni li tistabbilixxi l-interess leġittimu tal-grupp applikant.]

4.   Pajjiż terz li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

5.   Intestatura fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u fid-Dokument Uniku effettwata mill-emenda/i

Isem il-prodott

Rabta

Restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni

6.   Tip ta’ emenda/i

[Ipprovdi dikjarazzjoni li tispjega għaliex l-emenda/i taqa’/jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “emenda tal-Unjoni” kif previst fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.]

7.   Emenda/i

[Ipprovdi d-deskrizzjoni ta’ kull emenda u tar-raġunijiet għaliha kif previst fl-Artikolu 6a(1) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 664/2014 u l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014.]

8.   Annessi

8.1.

Id-Dokument Uniku kkonsolidat kif emendat, imfassal f’konformità mal-formola stabbilita fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014.

8.2.

Il-verżjoni kkonsolidata tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott kif ippubblikata, jew ir-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

8.3.

Prova li d-dokumenti emendati jikkorrispondu mal-Indikazzjoni Ġeografika fis-seħħ fil-pajjiż terz.

ANNESS VI

Applikazzjoni għal emenda tal-Unjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Speċjalità Tradizzjonali Garantita

(Regolament (UE) Nru 1151/2012)

1.   Isem il-prodott

[kif irreġistrat]

2.   Applikant u interess leġittimu

[Ipprovdi l-isem, l-indirizz, it-telefon u l-indirizz tal-posta elettronika tal-applikant li qiegħed jipproponi l-emenda. Fil-każ li l-indirizz, it-telefon u l-indirizz tal-posta elettronika jikkonċernaw persuna fiżika dawn ma għandhomx jiġu inklużi f’din il-formola u għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni separatament.

Ipprovdi wkoll id-dikjarazzjoni li tistabbilixxi l-interess leġittimu tal-grupp applikant.]

3.   Stat membru jew pajjiż terz li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

4.   Intestatura fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott effettwata mill-emenda/i

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Metodu ta’ produzzjoni

Oħrajn [speċifika]

5.   Emenda/i

[Ipprovdi d-deskrizzjoni ta’ kull emenda u tar-raġunijiet għaliha kif previst fl-Artikolu 6a(1) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 664/2014 u l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014.]

6.   Annessi

6.1.   (Stati Membri)

(a)

Il-verżjoni kkonsolidata tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, kif ippubblikata, imfassla f’konformità mal-formola stabbilita fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014.

(b)

Id-dikjarazzjoni li l-applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u d-dispożizzjonijiet adottati skont dan.

6.2.   (Pajjiżi terzi)

Il-verżjoni kkonsolidata tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott kif ippubblikata, imfassla f’konformità mal-formola stabbilita fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014.

ANNESS VII

Komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard

(Regolament (UE) Nru 1151/2012)

1.   Isem il-prodott

[kif irreġistrat]

2.   Pajjiż terz li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

3.   Awtorità nazzjonali jew grupp applikant li jikkomunika l-emenda standard

[L-ismijiet, u r-referenzi, tal-produttur uniku jew tal-grupp ta’ produtturi li għandhom interess leġittimu jew tal-awtoritajiet tal-pajjiż terz, li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika, li qegħdin jikkomunikaw l-emenda (ara l-Artikolu 49(5) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012). L-ismijiet u r-referenzi ta’ persuni fiżiċi ma għandhomx jiġu inklużi f’din il-formola u għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni separatament.]

4.   Deskrizzjoni tal-emenda/i approvata/i

[Ipprovdi deskrizzjoni tal-emenda/i standard u dikjarazzjoni li tispjega għaliex l-emenda/i taqa’/jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ emenda standard kif previst fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Uri jekk l-emenda twassalx għal emenda fid-Dokument Uniku jew le.].

5.   Annessi

5.1.

Id-deċiżjoni li tapprova l-emenda standard.

5.2.

Il-prova li l-emenda hija applikabbli fil-pajjiż terz.

5.3.

Id-Dokument Uniku kkonsolidat, kif emendat, fejn rilevanti.

5.4.

Il-kopja tal-verżjoni kkonsolidata tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott kif ippubblikata jew ir-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

ANNESS VIII

Komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda temporanja

(Regolament (UE) Nru 1151/2012)

1.   Isem il-prodott

[kif irreġistrat]

2.   Pajjiż terz li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

3.   Awtorità nazzjonali jew grupp applikant li jikkomunika l-emenda temporanja

[L-ismijiet, u r-referenzi, tal-produttur uniku jew tal-grupp ta’ produtturi li għandhom interess leġittimu jew tal-awtoritajiet tal-pajjiż terz, li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika, li qegħdin jikkomunikaw l-emenda (ara l-Artikolu 49(5) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012). L-ismijiet u r-referenzi ta’ persuni fiżiċi ma għandhomx jiġu inklużi f’din il-formola u għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni separatament.]

4.   Deskrizzjoni tal-emenda/i approvata/i

[Ipprovdi d-deskrizzjoni tal-emenda/i temporanja/i u r-raġunijiet speċifiċi għaliha/għalihom inkluż ir-referenza tar-rikonoxximent formali tad-diżastru naturali jew ta’ kundizzjonijiet ħżiena tat-temp mill-awtoritajiet kompetenti jew tal-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji u fitosanitarji obbligatorji. Ipprovdi wkoll id-dikjarazzjoni li tispjega għaliex l-emenda/i taqa’/jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “emenda temporanja” kif previst fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.]

5.   Annessi

5.1.

Id-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jirrikonoxxu formalment id-diżastru naturali jew li jimponu miżuri sanitarji u fitosanitarji obbligatorji jew ir-referenzi rispettivi tal-pubblikazzjoni elettronika.

5.2.

Id-deċiżjoni li tapprova l-emenda temporanja jew ir-referenza tal-pubblikazzjoni elettronika.

5.3.

Il-prova li l-emenda hija applikabbli fil-pajjiż terz
;

(2)

It-Taqsima 2 tal-Anness XI hija emendata kif ġej:

(a)

f’parti I, jiżdiedu l-inċiżi li ġejjin:

“—

Klassi 2.21. inbejjed aromatizzati kif definiti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1),

Klassi 2.22. xorb alkoħoliku ieħor,

Klassi 2.23. xema’ tan-naħal.

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91, (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 14).”;"

(b)

il-parti II hija sostitwita b’dan li ġej:

“II.

Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti

Klassi 2.24. ikliet ippreparati,

Klassi 2.25. birra,

Klassi 2.26. ċikkulata u prodotti derivati,

Klassi 2.27. prodotti ta’ ħobż, għaġina, kejkijiet, ħlewwiet, gallettini u prodotti oħra tal-furnara,

Klassi 2.28. xorb magħmul minn estratti tal-pjanti,

Klassi 2.29. għaġin,

Klassi 2.30. melħ.”


(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91, (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 14).”;”


ANNESS II

Applikazzjoni għal emenda tal-Unjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta/Indikazzjoni Ġeografika Protetta li toriġina fi Stat Membru

(Regolament (UE) Nru 1151/2012)

(biex tintuża biss bejn it-8 ta’ Ġunju 2022 u s-7 ta’ Diċembru 2022)

1.   Isem il-prodott

[kif irreġistrat]

2.   Tip ta’ Indikazzjoni Ġeografika

[Immarka “X” fil-kaxxa t-tajba:] DOP☐ IĠP☐

3.   Grupp applikant u interess leġittimu

[Ipprovdi l-isem, l-indirizz, it-telefon u l-indirizz tal-posta elettronika tal-grupp applikant li jipproponi l-emenda. Fil-każ li l-indirizz, it-telefon u l-indirizz tal-posta elettronika jikkonċernaw persuna fiżika dawn ma għandhomx jiġu inklużi f’din il-formola u għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni separatament.

Ipprovdi wkoll id-dikjarazzjoni li tistabbilixxi l-interess leġittimu tal-grupp applikant.]

4.   Stat membru li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

5.   Intestatura fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u fid-Dokument Uniku effettwata mill-emenda/i

Isem il-prodott

Rabta

Restrizzjonijiet fuq il-kummerċjalizzazzjoni

6.   Tip ta’ emenda/i

[Ipprovdi dikjarazzjoni li tispjega għaliex l-emenda/i taqa’/jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “emenda tal-Unjoni” kif previst fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012].

7.   Emenda/i

[Ipprovdi deskrizzjoni ta’ kull emenda u r-raġunijiet għaliha kif previst fl-Artikolu 6a(1) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 664/2014 u l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014.]

8.   Annessi

8.1.

Id-Dokument Uniku kkonsolidat kif emendat, imfassal f’konformità mal-formola stabbilita fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014.

8.2.

Ir-referenza elettronika għall-verżjoni kkonsolidata tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott kif ippubblikata.

8.3.

Id-dikjarazzjoni li l-applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u d-dispożizzjonijiet adottati skont dan.

ANNESS III

Komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta/Indikazzjoni Ġeografika Protetta li toriġina fi Stat Membru

(Regolament (UE) Nru 1151/2012)

(biex tintuża biss bejn it-8 ta’ Ġunju 2022 u s-7 ta’ Diċembru 2022)

1.   Isem il-prodott

[kif irreġistrat]

2.   Stat membru li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

3.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

[L-ismijiet u r-referenzi ta’ persuni fiżiċi ma għandhomx jiġu inklużi f’din il-formola u għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni separatament.]

4.   Deskrizzjoni tal-emenda/i approvata/i

[Ipprovdi deskrizzjoni tal-emenda/i standard u dikjarazzjoni li tispjega għaliex l-emenda/i taqa’/jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ emenda standard kif previst fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Uri jekk l-emenda twassalx jew le għal emenda tad-Dokument Uniku.].

5.   Annessi

5.1.

Id-deċiżjoni li tapprova l-emenda standard.

5.2.

Id-Dokument Uniku kkonsolidat, kif emendat, fejn rilevanti.

5.3.

Ir-referenza elettronika għall-pubblikazzjoni tal-verżjoni konsolidata tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, kif emendata.

5.4.

Id-dikjarazzjoni li l-emenda standard approvata tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u d-dispożizzjonijiet adottati skont dan.

ANNESS IV

Komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda temporanja fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta/Indikazzjoni Ġeografika Protetta li toriġina fi Stat Membru

(Regolament (UE) Nru 1151/2012)

(biex tintuża biss bejn it-8 ta’ Ġunju 2022 u s-7 ta’ Diċembru 2022)

1.   Isem il-prodott

[kif irreġistrat]

2.   Stat membru li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

3.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda temporanja

[L-ismijiet u r-referenzi ta’ persuni fiżiċi ma għandhomx jiġu inklużi f’din il-formola u għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni separatament.]

4.   Deskrizzjoni tal-emenda/i approvata/i

[Ipprovdi d-deskrizzjoni tal-emenda/i temporanja/i u r-raġunijiet speċifiċi għaliha/għalihom inkluż ir-referenza tar-rikonoxximent formali tad-diżastru naturali jew ta’ kundizzjonijiet ħżiena tat-temp mill-awtoritajiet kompetenti jew tal-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji u fitosanitarji obbligatorji. Ipprovdi wkoll id-dikjarazzjoni li tispjega għaliex l-emenda/i taqa’/jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “emenda temporanja” kif previst fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012].

5.   Annessi

5.1.

Id-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jirrikonoxxu formalment id-diżastru naturali jew li jimponu miżuri sanitarji u fitosanitarji obbligatorji jew ir-referenzi rispettivi tal-pubblikazzjoni elettronika.

5.2.

Id-deċiżjoni li tapprova l-emenda temporanja jew ir-referenza tal-pubblikazzjoni elettronika.

5.3.

Id-dikjarazzjoni li l-emenda temporanja approvata tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u d-dispożizzjonijiet adottati skont dan.

Top