This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022D0521
Decision (EU, Euratom) 2022/521 of the European Parliament, the Council and the Commission of 28 March 2022 appointing the members of the Supervisory Committee of the European Anti-Fraud Office (OLAF)
Deċiżjoni (UE, Euratom) 2022/521 tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Marzu 2022 li taħtar il-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)
Deċiżjoni (UE, Euratom) 2022/521 tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Marzu 2022 li taħtar il-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)
PUB/2022/114
ĠU L 104, 1.4.2022, p. 71–73
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
1.4.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 104/71 |
DEĊIŻJONI (UE, Euratom) 2022/521 TAL-PARLAMENT EWROPEW, TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI
tat-28 ta’ Marzu 2022
li taħtar il-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)
IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL U L-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif emendat (1), dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) ta’ dan ir-Regolament,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 jipprovdi li l-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) ikun magħmul minn ħames membri indipendenti li jkollhom esperjenza f’funzjoni ġudizzjarja jew investigattiva għolja jew funzjoni komparabbli marbuta mal-oqsma ta’ attività tal-Uffiċċju. Huma għandhom jinħatru bi qbil komuni mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Id-deċiżjoni li taħtar il-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għandha tinkludi wkoll lista ta’ riżerva ta’ membri potenzjali biex jissostitwixxi membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għall-bqija tal-mandat fil-każ ta’ riżenja, mewt jew inkapaċità permanenti ta’ wieħed minn dawk il-membri jew aktar. |
(2) |
Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, il-mandat tal-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għandu jkun ta’ ħames snin u ma jiġġeddidx. Tliet u żewġ membri għandhom jiġu sostitwiti alternattivament sabiex tiġi ppreservata l-ħila esperta tal-Kumitat ta’ Sorveljanza. |
(3) |
Skont l-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, f’konformità mar-regoli applikabbli tal-Kummissjoni, il-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għandhom jirċievu konċessjoni ta’ kuljum u għandhom jiġu rimborżati għall-ispejjeż li jkunu ġarrbu fi dmirijiethom. |
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 15(7) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, fit-twettiq ta’ dmirijiethom, il-Membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mingħand xi gvern jew xi istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija. |
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 10(5), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, il-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza għandhom ikunu marbuta b’obbligu ta’ segretezza professjonali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, u għandhom jibqgħu marbuta b’dak l-obbligu anki wara li jtemmu l-mandat tagħhom. |
(6) |
Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2016/1201 tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Lulju 2016, li taħtar il-membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF, id-dmirijiet ta’ żewġ membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, is-Sa Grażyna Stronikowska u s-Sur Rafael Muñoz López-Carmona, spiċċaw fit-12 ta’ Lulju 2021 u d-dmirijiet ta’ tliet membri, is-Sur Jan Mulder, is-Sa Maria Helena Pereira Loureiro Correia Fazenda u s-Sa Dobrinka Mihaylova, spiċċaw fit-22 ta’ Jannar 2022. F’konformità mal-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013, dawn il-membri baqgħu fil-kariga wara l-iskadenza tal-mandat tagħhom, sakemm intemm il-proċess tal-ħatra ta’ membri ġodda fil-Kumitat ta’ Sorveljanza. Għalhekk għandhom jinħatru membri ġodda biex dawn il-ħames membri jiġu sostitwiti b’mod alternanti skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013. Iż-żewġ persuni li se jibdew il-mandat tagħhom immedjatament u t-tlieta li se jibdew fit-23 ta’ Settembru 2022 intgħażlu bix-xorti. |
(7) |
Wara proċedura ta’ għażla, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, u l-Kummissjoni huma sodisfatti li l-persuni li se jinħatru bħala membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, u anki dawk inklużi fil-lista ta’ riżerva ta’ membri potenzjali, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ esperjenza f’funzjoni ġudizzjarja jew investigattiva għolja jew funzjoni komparabbli marbuta mal-oqsma ta’ attività tal-OLAF kif stabbilit fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013. Il-persuni fil-lista ta’ riżerva huma ppreżentati f’ordni ta’ mertu, skont ir-riżultati tal-proċedura ta’ għażla. |
IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:
Artikolu 1
1. Il-persuni li ġejjin huma b’dan maħtura membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-deċiżjoni, b’sostituzzjoni tal-membri li l-mandat tagħhom spiċċa f’Lulju 2021:
— |
is-Sur Dusan STERLE, |
— |
is-Sur Carsten ZATSCHLER. |
2. Il-persuni li ġejjin huma b’dan maħtura membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) mit-23 ta’ Settembru 2022, b’sostituzzjoni tal-membri li l-mandat tagħhom spiċċa f’Jannar 2022:
— |
is-Sa Teresa ANJINHO, |
— |
is-Sa Marita SALGRAVE, |
— |
is-Sur Angelo Maria QUAGLINI. |
3. F’każ li xi ħadd mill-persuni msemmija hawn fuq jirriżenja mill-Kumitat ta’ Sorveljanza, imut jew isir inkapaċitat b’mod permanenti, huwa jew hija għandhom jiġu sostitwiti immedjatament għall-kumplament tal-mandat bl-ewwel persuna msemmija fil-lista li ġejja, li tkun għadha ma ssostitwietx membru tal-Kumitat ta’ Sorveljanza:
— |
is-Sur Thierry CRETIN, |
— |
is-Sur Ilias KONSTANTAKOPOULOS, |
— |
is-Sa Maria STYLIANIDI, |
— |
is-Sur Andrei Atila Luca CHENDI, |
— |
is-Sa Sophie DE WAEL, |
— |
is-Sur Igors LUDBORŽS, |
— |
is-Sa Gabriella NAGY, |
— |
is-Sur Joaquin SILGUERO ESTAGNAN. |
Artikolu 2
Il-Membri tal-Kumitat ta’ Sorveljanza ma għandhomx jittrattaw kwistjonijiet li fihom, direttament jew indirettament, ikollhom xi interess personali li jista’ jxekkel l-indipendenza tagħhom, u b’mod partikolari, interessi familjari u finanzjarji.
Artikolu 3
L-ammont tar-rimborż għall-ispejjeż imġarrba waqt il-qadi ta’ dmirijietu bħala Membru tal-Kumitat ta’ Sorveljanza, l-ammont tal-ħlas għal kull jum li jqatta’ fuq dawk id-dmirijiet kif ukoll il-proċedura għar-rimborż u għall-ħlas għandhom jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni f’konformità mar-regoli applikabbli tagħha.
Artikolu 4
Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-persuni msemmija hawn fuq dwar din id-Deċiżjoni, u għandha tinforma immedjatament lil kull persuna li tissostitwixxi membru tal-Kumitat ta’ Sorveljanza skont l-Artikolu 1(3).
Artikolu 5
Id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-28 ta’ Marzu 2022.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Marzu 2022.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
Roberta METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
Bruno LE MAIRE
Għall-Kummissjoni
Il-Kummissarju
Johannes HAHN
(1) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2223 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 49).