This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021R1948
Commission Implementing Regulation (EU) 2021/1948 of 10 November 2021 on the treatment of repayments of VAT to non-taxable persons and to taxable persons for their exempt activities for the purposes of Regulation (EU) 2019/516 of the European Parliament and of the Council on the harmonisation of gross national income at market prices (GNI Regulation) and repealing Commission Decision 1999/622/EC, Euratom and Commission Regulation (EC, Euratom) No 116/2005 (Text with EEA relevance)
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1948 tal-10 ta’ Novembru 2021 dwar it-trattament tar-rimborż tal-VAT lil persuni mhux taxxabbli u lil persuni taxxabbli għall-attivitajiet eżentati tagħhom għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2019/516 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul (introjtu) nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq (Regolament ING) u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/622/KE, Euratom u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 116/2005 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1948 tal-10 ta’ Novembru 2021 dwar it-trattament tar-rimborż tal-VAT lil persuni mhux taxxabbli u lil persuni taxxabbli għall-attivitajiet eżentati tagħhom għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2019/516 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul (introjtu) nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq (Regolament ING) u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/622/KE, Euratom u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 116/2005 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2021/7942
ĠU L 398, 11.11.2021, p. 4–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
11.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 398/4 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1948
tal-10 ta’ Novembru 2021
dwar it-trattament tar-rimborż tal-VAT lil persuni mhux taxxabbli u lil persuni taxxabbli għall-attivitajiet eżentati tagħhom għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2019/516 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul (introjtu) nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq (Regolament ING) u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/622/KE, Euratom u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 116/2005
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/516 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul (introjtu) nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003 (Regolament dwar id-DNG) (1), u partikolarment l-Artikolu 5(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
It-trattament tar-rimborżi tal-VAT huwa wieħed mill-affarijiet definiti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2147 (2) dwar il-lista ta’ kwistjonijiet biex jiġu żgurati l-affidabbiltà, l-eżawrjenza u l-komparabbiltà tad-data tal-introjtu nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq (“ING”) li jridu jiġu indirizzati f’kull ċiklu ta’ verifika. |
(2) |
Biex id-data dwar l-ING tkun affidabbli, eżawrjenti u komparabbli, jeħtieġ li tiġi ċċarata d-definizzjoni tat-trattament tar-rimborżi tal-VAT lil persuni mhux taxxabbli u lil persuni taxxabbli għall-attivitajiet eżentati tagħhom. |
(3) |
L-aggregati tal-ING u l-komponenti tagħhom jenħtieġ li jkunu komparabbli fl-Istati Membri kollha u jenħtieġ li jikkonformaw mad-definizzjonijiet rilevanti u mar-regoli kontabilistiċi tas-Sistema Ewropea tal-kontijiet 2010 (“ESA 2010”) (3). |
(4) |
Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/622/KE, Euratom (4) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 116/2005 (5) jitħassru. |
(5) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (6) tuża l-kunċetti ta’ persuna taxxabbli, ta’ persuna mhux taxxabbli u ta’ attivitajiet eżentati, li jenħtieġ jintużaw ukoll għall-finijiet ta’ dan l-att. |
(6) |
L-ESA 2010 ma tispeċifikax espliċitament it-trattament tar-rimborż tal-VAT lil persuni mhux taxxabbli u lil persuni taxxabbli għall-attivitajiet eżentati tagħhom. |
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika msemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2019/516, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Fil-kumpilazzjoni tal-aggregati tal-kontijiet nazzjonali għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2019/516, ir-rimborżi tal-VAT li ġġarrbet fuq xirjiet, lil persuni mhux taxxabbli jew lil persuni taxxabbli għall-attivitajiet eżentati, għandhom jiġu trattati fl-ESA2010 bħala trasferimenti kurrenti oħra (D.7) jew trasferimenti kapitali (D.9) u mhux bħallikieku kienu VAT deduċibbli.
2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, it-terminu “persuna taxxabbli” għandu jkollu t-tifsira mogħtija lilu mill-Artikoli 9 sa 13 tad-Direttiva 2006/112/KE, u “attivitajiet eżentati” għandu jinftiehem bħala l-attivitajiet elenkati fl-Artikoli 132 sa 137 ta’ dik id-Direttiva.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni 1999/622/KE, Euratom u r-Regolament (KE, Euratom) Nru 116/2005 huma mħassra.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 91, 29.3.2019, p. 19.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2147 tat-8 ta’ Ottubru 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/516 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jiddefinixxi l-lista ta’ kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati f’kull ċiklu ta’ verifika (ĠU L 428, 18.12.2020, p. 9).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/622/KE, Euratom tat-8 ta’ Settembru 1999 fuq it-trattament ta’ pagamenti mill-ġdid tal-VAT għall-unitajiet mhux taxxabbli u għall-unitajiet taxxabbli fuq l-attivitajiet eżenti tagħhom, għall-iskop li jimplimentaw id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom fuq l-armonizzazzjoni tal-kumpilazzjoni ta’ prodott gross nazzjonali bil-prezzijiet tas-suq. (ĠU L 245, 17.9.1999, p. 51).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 116/2005 tas-26 ta’ Jannar 2005 dwar it-trattament tal-ħlas lura tal-VAT lil persuni mhux taxxabbli u lil persuni taxxabbli għall-attivitajiet li huma eżentati, għall-għanijiet tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1287/2003 (KE, Euratom) dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul gross nazzjonali skont il-prezzijiet tas-suq (ĠU L 24, 27.1.2005, p. 6).
(6) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).