Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1139

Regolament (UE) 2021/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004

PE/53/2021/INIT

ĠU L 247, 13.7.2021, p. 1–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1139/oj

13.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 247/1


REGOLAMENT (UE) 2021/1139 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Lulju 2021

li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1004

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 42, l-Artikolu 43(2), l-Artikolu 91(1), l-Artikolu 100(2), l-Artikolu 173(3), l-Artikolu 175, l-Artikolu 188, l-Artikolu 192(1), l-Artikolu 194(2), l-Artikolu 195(2) u l-Artikolu 349 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (il-"FEMSA") jenħtieġ li jiġi stabbilit għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2027 sabiex id-durata tiegħu jiġi allinjat ma’ dik tal-qafas finanzjarju pluriennali (il-"QFP 2021-2027") stabbilit permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (4). Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-FEMSA, il-baġit tiegħu u r-regoli speċifiċi biex jingħata l-finanzjament tal-Unjoni, li jikkomplementaw ir-regoli ġenerali applikabbli għall-FEMSA skont ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Il-FEMSA jenħtieġ li jkollu l-għan li jidderieġi l-finanzjament mill-baġit tal-Unjoni biex isostni l-Politika Komuni tas-Sajd (il-PKS), il-politika marittima tal-Unjoni u l-impenji internazzjonali tal-Unjoni fil-qasam tal-governanza tal-oċeani. Dan il-finanzjament huwa mezz ewlieni li jiffaċilita s-sajd sostenibbli u l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, għas-sigurtà tal-ikel permezz tal-provvista ta' prodotti tal-frott tal-baħar, għat-tkabbir ta' ekonomija blu sostenibbli, u biex l-ibħra u l-oċeani jkunu f'saħħithom, siguri, sikuri, nodfa u ġestiti b'mod sostenibbli.

(2)

Bħala attur dinji fil-qasam tal-oċeani u wieħed fost l-akbar produtturi ta' frott tal-baħar, l-Unjoni għandha responsabbiltà kbira ta' protezzjoni, ta' konservazzjoni u ta' użu sostenibbli tal-oċeani u r-riżorsi tagħhom. Tabilħaqq, il-preżervazzjoni tal-ibħra u tal-oċeani hija essenzjali għall-popolazzjoni dinjija li qiegħda tikber b'mod mgħaġġel. Hija wkoll ta' interess soċjoekonomiku għall-Unjoni billi ekonomija blu sostenibbli tagħti spinta lill-investiment, lill-impjiegi u lit-tkabbir, trawwem ir-riċerka u l-innovazzjoni u tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija permezz tal-enerġija mill-oċeani. Barra minn hekk, il-kontroll effiċjenti tal-fruntieri u l-ġlieda globali kontra l-kriminalità marittima huma essenzjali għal ibħra u oċeani siguri u sikuri, biex b'hekk jiġi indirizzat it-tħassib taċ-ċittadini dwar is-sigurtà.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2021/1060 ġie adottat biex tittejjeb il-koordinazzjoni u biex tiġi armonizzata l-implimentazzjoni tal-appoġġ mill-Fondi taħt ġestjoni kondiviża (il-"Fondi"), bl-għan ewlieni li jiġi ssimplifikat b'mod koerenti t-twettiq tal-politiki. Dak ir-Regolament japplika għall-parti tal-FEMSA li hija taħt ġestjoni kondiviża. Il-Fondi għandhom objettivi komplimentari u jikkondividu l-istess mod ta' ġestjoni. Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) 2021/1060 jistipula sensiela ta' objettivi ġenerali komuni u prinċipji ġenerali, bħas-sħubija u l-governanza f'diversi livelli. Dak ir-Regolament fih ukoll l-elementi komuni tal-ippjanar strateġiku u tal-ipprogrammar, fosthom dispożizzjonijiet dwar il-Ftehim ta' Sħubija li ser jiġi konkluż ma' kull Stat Membru, u jistipula approċċ komuni għall-orjentazzjoni tal-prestazzjoni tal-Fondi. Għalhekk, dan jistipula kondizzjonijiet abilitanti, rieżami tal-prestazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-evalwazzjoni. Barra minn hekk, jistipula dispożizzjonijiet komuni fir-rigward tar-regoli ta' eliġibbiltà, u huma stabbiliti arranġamenti speċjali għall-istrumenti finanzjarji, għall-użu tal-InvestEU stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) , għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) u għall-ġestjoni finanzjarja. Xi arranġamenti ta' ġestjoni u kontroll huma wkoll komuni għall-Fondi kollha. Il-komplementarjetajiet bejn il-Fondi, inkluż il-FEMSA, u programmi oħrajn tal-Unjoni, jenħtieġ li jkunu deskritti fil-Ftehim ta' Sħubija, f'konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060.

(4)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) (ir-"Regolament Finanzjarju") japplika għall-FEMSA . Ir-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inkluż ir-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u r-rimborż ta' esperti esterni.

(5)

Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju u b'mod partikolari jiddeterminaw il-proċedura għall-iffissar u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta' għotjiet, premjijiet, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u r-rimborż ta’ esperti esterni u filwaqt li jipprevedu t-twettiq ta' verifiki rigward ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

(6)

Taħt ġestjoni diretta, jenħtieġ li l-FEMSA jiżviluppa sinerġiji u komplementarjetajiet ma' fondi u programmi oħrajn rilevanti tal-Unjoni. Jenħtieġ li jippermetti wkoll il-finanzjament fil-forma ta' strumenti finanzjarji f'operazzjonijiet ta' taħlit implimentati skont ir-Regolament (UE) 2021/523.

(7)

L-appoġġ fil-qafas tal-FEMSA jenħtieġ li jkollu valur miżjud Ewropew ċar, fost l-oħrajn, billi jindirizza b'mod proporzjonat il-fallimenti tas-suq jew is-sitwazzjonijiet ta' investiment subottimali, u jenħtieġ li ma jidduplikax il-finanzjament privat jew jimlielu postu u lanqas li jfixkel il-kompetizzjoni fis-suq intern.

(8)

L-Artikoli 107, 108 u 109 TFUE jenħtieġ li japplikaw għall-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri lill-impriżi fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura skont dan ir-Regolament. Madankollu, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dak is-settur, jenħtieġ li dawk l-Artikoli ma japplikawx għall-pagamenti li jsiru mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament u li huma fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 42 TFUE.

(9)

It-tipi ta' finanzjament u l-metodi tal-implimentazzjoni skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jintgħażlu abbażi ta' kemm jistgħu jilħqu l-prijoritajiet stabbiliti għall-azzjonijiet u jagħtu r-riżultati, b'kont meħud, b'mod partikolari, tal-ispejjeż tal-kontrolli, il-piż amministrattiv u r-riskju ta' nuqqas ta’ konformità mistenni. Dan jenħtieġ li jinkludi konsiderazzjoni tal-użu ta' ammonti f'daqqa, rati fissi u spejjeż unitarji, kif ukoll finanzjament mhux marbut ma' spejjeż kif imsemmi fl-Artikolu 125(1) tar-Regolament Finanzjarju.

(10)

Il-QFP 2021-2027 jipprevedi li l-baġit tal-Unjoni jkompli jsostni s-sajd u l-politiki marittimi. Bil-prezzijiet attwali, il-baġit tal-FEMSA huwa mistenni li jammonta għal EUR 6 108 000 000. Ir-riżorsi tal-FEMSA jenħtieġ li jinqasmu bejn il-ġestjoni kondiviża u l-ġestjoni diretta u indiretta. EUR 5 311 000 000 jenħtieġ li jkunu allokati għas-sostenn b'ġestjoni kondiviża u EUR 797 000 000 għas-sostenn b'ġestjoni diretta u indiretta. Sabiex tkun żgurata l-istabbiltà, b'mod partikolari fejn għandu x'jaqsam mal-kisba tal-objettivi tal-PKS, id-definizzjoni tal-allokazzjonijiet nazzjonali b'ġestjoni kondiviża għall-perijodu ta' ipprogrammar tal-2021 sal-2027 jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-ishma tal-2014-2020 skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (8) (il-FEMS). Jenħtieġ li jiġu riżervati ammonti speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi, għall-kontroll u għall-infurzar u għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data kemm għall-ġestjoni tas-sajd kif ukoll għall-finijiet xjentifiċi, filwaqt li l-ammonti għal ċerti investimenti f'bastimenti tas-sajd u għall-waqfien permanenti u temporanju mill-attivitajiet tas-sajd jenħtieġ li jkunu limitati.

(11)

Is-settur marittimu tal-Ewropa jimpjega aktar minn 5 miljun persuna u jiġġenera kważi EUR 750 000 000 000 f'fatturat u EUR 218 000 000 000 f'valur miżjud gross fis-sena, b'potenzjal li joħloq ħafna aktar impjiegi. L-istima tal-output tal-ekonomija globali tal-oċeani attwalment hija ta' EUR 1 300 000 000 000, u tista' tirdoppja sal-2030. Il-ħtieġa li jintlaħqu l-miri tal-emissjonijiet tas-CO2, li tiżdied l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u li titnaqqas l-impronta ambjentali tal-ekonomija blu sostenibbli kienet forza sinifikanti wara l-innovazzjoni f'setturi oħrajn bħal dak tat-tagħmir marittimu, tal-bini tal-bastimenti, tal-osservazzjoni tal-oċeani, tat-tħammil, tal-protezzjoni tal-kosta, u tal-bini marittimu. L-investiment fl-ekonomija marittima ġie pprovdut permezz tal-fondi strutturali tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (il-FEŻR) u l-FEMSA. Jistgħu jintużaw għodod ġodda tal-investiment, bħall-InvestEU biex jintlaħaq il-potenzjal tat-tkabbir tas-settur marittimu.

(12)

Jenħtieġ li l-FEMSA jkun ibbażat fuq erba' prijoritajiet: it-trawwim tas-sajd sostenibbli u r-restawr u l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi akkwatiċi; it-trawwim ta' attivitajiet ta' akkwakultura sostenibbli, u l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, u b'hekk isir kontribut għas-sigurtà tal-ikel fl-Unjoni; l-iffaċilitar ta' ekonomija blu sostenibbli f'żoni kostali, żoni interni u gżejjer, u t-trawwim tal-iżvilupp ta' komunitajiet ta' sajd u ta' akkwakultura; it-tisħiħ tal-governanza tal-oċeani internazzjonali u l-iffaċilitar ta' ibħra u oċeani siguri, mingħajr periklu, nodfa u ġestiti b'mod sostenibbli. Dawk il-prijoritajiet jenħtieġ li jiġu segwiti permezz ta' ġestjoni kondiviża, diretta u indiretta.

(13)

Il-FEMSA jenħtieġ li jkun ibbażat fuq arkitettura sempliċi mingħajr ma jiġu predefiniti miżuri u regoli tal-eliġibbiltà ddettaljati fil-livell tal-Unjoni b'mod preskrittiv iżżejjed. Minflok, jenħtieġ li jkunu deskritti objettivi speċifiċi wiesgħa skont kull prijorità. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istati Membri jħejju l-programmi tagħhom fejn jindikaw l-aħjar mezzi biex jintlaħqu dawk l-objettivi. Għadd ta' miżuri diversi identifikati f'dawk il-programmi mill-Istati Membri jistgħu jiġu appoġġati skont ir-regoli stipulati f'dan ir-Regolament u fir-Regolament (UE) 2021/1060, dment li jkunu koperti mill-objettivi speċifiċi identifikati f'dan ir-Regolament. Madankollu, jenħtieġ li tiġi stipulata lista ta' operazzjonijiet li mhumiex eliġibbli biex jiġu evitati impatti detrimentali f'termini ta' konservazzjoni tas-sajd. Barra minn hekk, l-investimenti u l-kumpensi għall-flotta tas-sajd jenħtieġ li jkunu strettament ikkondizzjonati mill-konsistenza tagħhom mal-objettivi ta' konservazzjoni tal-PKS.

(14)

L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti ("l-Aġenda 2030") identifikat il-konservazzjoni tal-oċeani u l-użu sostenibbli tagħhom bħala wieħed mis-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), jiġifieri SDG 14 ("Il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għall-iżvilupp sostenibbli"). L-Unjoni hija impenjata bis-sħiħ lejn dak il-għan u lejn l-implimentazzjoni tiegħu. F'dan il-kuntest, ħadet l-impenn li tippromwovi ekonomija blu sostenibbli li tkun konsistenti mal-ippjanar tal-ispazju marittimu, mal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi u mal-kisba ta' status ambjentali tajjeb, kif stabbilit fid-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), kif ukoll li tipprojbixxi ċerti forom ta' sussidji tas-sajd li jkomplu jżidu mal-kapaċità żejda u mas-sajd eċċessiv, li telimina s-sussidji li jgħinu s-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU) u li ma tintroduċix sussidji ġodda ta' dan it-tip. Jenħtieġ li dak ir-riżultat tal-aħħar jinkiseb min-negozjati fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar is-sussidji għas-sajd. Barra minn hekk, waqt in-negozjati tad-WTO fis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-2002 u fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20) fl-2012, l-Unjoni ħadet l-impenn li telimina s-sussidji li jikkontribwixxu għall-kapaċità żejda fis-sajd u għas-sajd eċċessiv.

(15)

Bħala riflessjoni tal-importanza tal-indirizzar tat-tibdil fil-klima skont l-impenji tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, u l-impenn għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, jenħtieġ li l-azzjonijiet skont dan ir-Regolament jikkontribwixxu għall-kisba ta' mira biex 30 % tan-nefqa kollha skont il-QFP 2021-2027 tiġi ddedikata għall-integrazzjoni tal-objettivi klimatiċi u li jikkontribwixxu għall-ambizzjoni li 7,5 % tal-infiq annwali taħt il-QFP 2021-2027 jiġi ddedikat għall-objettivi tal-bijodiversità fl-2024 u 10 % tal-infiq annwali taħt il-QFP 2021-2027 għall-objettivi tal-bijodiversità fl-2026 u l-2027, filwaqt li titqies is-sovrapożizzjoni eżistenti bejn l-għanijiet fil-qasam tal-klima u tal-bijodiversità.

(16)

Il-FEMSA jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi ambjentali tal-Unjoni, u dawk ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih. Jenħtieġ li dak il-kontribut jiġi traċċat permezz tal-applikazzjoni tal-markaturi ambjentali u klimatiċi tal-Unjoni u jiġi rrappurtat b'mod regolari f'konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060.

(17)

F'konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) , għajnuna finanzjarja mill-Unjoni fil-kuntest tal-FEMSA jenħtieġ li tkun ikkondizzjonata mill-konformità mar-regoli tal-PKS. L-applikazzjonijiet mingħand operaturi li jkunu wettqu ksur serju tar-regoli tal-PKS jenħtieġ li ma jintlaqgħux.

(18)

Sabiex jiġu indirizzati l-kondizzjonijiet speċifiċi tal-PKS imsemmija fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013, u biex jgħin biex jiġu rispettati r-regoli tal-PKS, jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet addizzjonali mar-regoli dwar l-interruzzjoni, is-sospensjoni u l-korrezzjonijiet finanzjarji kif stipulat fir-Regolament (UE) 2021/1060. Meta Stat Membru jonqos milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont il-PKS, jew meta l-Kummissjoni jkollha l-provi li jissuġġerixxu tali nuqqas ta' konformità, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' tinterrompi l-iskadenzi tal-pagamenti bħala miżura ta' prekawzjoni. Barra mill-possibbiltà li tiġi interrotta l-iskadenza tal-pagamenti, u biex jiġi evitat ir-riskju li jitħallas infiq mhux eliġibbli, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' tissospendi l-pagamenti u timponi l-korrezzjonijiet finanzjarji f'każijiet ta' ksur serju tar-regoli tal-PKS minn xi Stat Membru.

(19)

F'dawn l-aħħar snin ittieħdu passi biex l-istokkijiet tal-ħut inġiebu lura f'livelli tajbin, biex tiżdied il-profitabbiltà tal-industrija tas-sajd tal-Unjoni, u biex jiġu kkonservati l-ekosistemi tal-baħar. Madankollu, għad fadal sfidi sostanzjali biex jintlaħqu bis-sħiħ l-objettivi soċjoekonomiċi u ambjentali tal-PKS, b'mod partikolari l-objettivi tal-irkupru u ż-żamma tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada 'l fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY), tal-eliminazzjoni tal-qabdiet mhux mixtieqa u għall-istabbiliment ta' żoni ta' rkupru tal-istokkijiet tal-ħut. Il-kisba ta' dawk l-objettivi teħtieġ appoġġ kontinwu lil hinn mill-2020, speċjalment fil-baċiri tal-baħar fejn il-progress kien aktar bil-mod.

(20)

Jenħtieġ li l-FEMSA jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi ambjentali, ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi tal-PKS, kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b'mod partikolari l-objettivi li jiġu rkuprati u jinżammu l-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada 'l fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu MSY, li jiġu evitati u mnaqqsa, kemm jista' jkun, qabdiet mhux mixtieqa u li jiġu minimizzati l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar. Tali appoġġ jenħtieġ li jiżgura li l-attivitajiet tas-sajd ikunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u jkunu ġestiti b'mod li jkun konsistenti mal-objettivi stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, bil-ħsieb li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà ta' provvisti ta' ikel tajjeb għas-saħħa u li jikkontribwixxu għal standard tal-għajxien ġust għal dawk li jiddependu fuq l-attivitajiet tas-sajd, filwaqt li jitqiesu s-sajd kostali u l-aspetti soċjoekonomiċi. Dak l-appoġġ jenħtieġ li jinkludi l-innovazzjoni u l-investiment fi prattiki u tekniki tas-sajd b'impatt baxx, selettivi, reżiljenti għall-klima u b'livell baxx ta' karbonju.

(21)

Is-sajd huwa essenzjali għall-għajxien u għall-patrimonju kulturali ta' bosta komunitajiet kostali fl-Unjoni, speċjalment f'dawk fejn is-sajd kostali fuq skala żgħira jaqdi rwol importanti. Billi l-età medja ta' ħafna komunitajiet ta' sajjieda hija ogħla minn 50 sena, it-tiġdid tal-ġenerazzjonijiet u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet għadhom ta' sfida. B'mod partikolari, il-ħolqien u l-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi ġodda fis-settur tas-sajd minn sajjieda żgħażagħ huwa ta' sfida finanzjarja u jikkostitwixxi element li jenħtieġ li jitqies fl-allokazzjoni u l-mira tal-fondi taħt il-FEMSA. Dan l-iżvilupp huwa essenzjali għall-kompetittività tas-settur tas-sajd fl-Unjoni. Konsegwentement, jenħtieġ li jkun disponibbli appoġġ għal sajjieda żgħażagħ li jibdew attivitajiet tas-sajd sabiex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment tagħhom. Sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà ta' attivitajiet ekonomiċi ġodda appoġġati taħt il-FEMSA, l-appoġġ jenħtieġ li jkun bil-kondizzjoni li jinkisbu l-esperjenza u l-kwalifiki adegwati. Fejn jingħata appoġġ għall-bidu ta' negozju għall-akkwist ta' bastiment tas-sajd, dan jenħtieġ li jikkontribwixxi biss għall-akkwist tal-ewwel bastiment tas-sajd jew ta' sehem ta' kontroll tiegħu.

(22)

L-evitar ta' qabdiet mhux mixtieqa huwa wieħed mill-isfidi ewlenin tal-PKS. F'dak ir-rigward, l-obbligu legali li l-qabdiet kollha jinħattu l-art involva bidliet sinifikanti u importanti fil-prattiki tas-sajd għas-settur, xi drabi bi spiża finanzjarja importanti. Għalhekk jenħtieġ li jkun possibbli li l-FEMSA jappoġġa l-innovazzjoni u l-investimenti li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligu ta' ħatt l-art, kif ukoll għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' konservazzjoni li jikkontribwixxu għas-selettività. Jenħtieġ li jkun possibbli li tingħata rata ta' intensità ta' għajnuna ogħla lill-investimenti fi rkaptu tas-sajd selettiv, fit-titjib tal-infrastrutturi tal-portijiet u fil-kummerċ ta' qabdiet mhux mixtieqa, minn dik li tapplika għal operazzjonijiet oħrajn. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li tingħata rata ta' intensità tal-għajnuna massima ta' 100 % għat-tfassil, l-iżvilupp, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-ġestjoni ta' sistemi trasparenti għall-iskambju ta' opportunitajiet tas-sajd bejn l-Istati Membri ("skambji ta' kwoti"), biex jiġi mmitigat l-effett tal-"ispeċi bi kwota limitanti" kkawżat mill-obbligu ta' ħatt l-art.

(23)

Jenħtieġ li jkun possibbli li l-FEMSA jappoġġa l-innovazzjoni u l-investimenti abbord il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni. Dak l-appoġġ jenħtieġ li jinkludi azzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu s-saħħa, is-sikurezza u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-effiċjenza enerġetika u l-kwalità tal-qabdiet. Dan m'għandux jinkludi l-akkwist ta' tagħmir li jżid il-kapaċità ta' bastiment tas-sajd li jsib il-ħut. Jenħtieġ li tali appoġġ ma jwassalx ukoll għal żieda fil-kapaċità tas-sajd ta' kwalunkwe bastiment individwali, ħlief jekk jirriżulta direttament minn żieda fit-tunnellaġġ gross ta' bastiment tas-sajd li hija meħtieġa għat-titjib tas-sikurezza, tal-kondizzjonijiet tax-xogħol jew tal-effiċjenza enerġetika. F'dawk il-każijiet, iż-żieda fil-kapaċità tas-sajd tal-bastiment individwali jenħtieġ li tiġi kkumpensata bl-irtirar minn qabel ta' mill-inqas l-istess ammont ta' kapaċità tas-sajd mingħajr għajnuna pubblika mill-istess taqsima tal-flotta jew minn taqsima tal-flotta fejn il-kapaċità tas-sajd ma tkunx f'bilanċ mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli, sabiex ma twassal għall-ebda żieda fil-kapaċità tas-sajd fil-livell tal-flotta. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-appoġġ ma jingħatax sempliċiment għall-konformità mar-rekwiżiti li huma obbligatorji skont id-dritt tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti imposti minn Stat Membru biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet fakultattivi skont id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/159 (11) u fir-rigward tax-xiri, l-installazzjoni u l-ġestjoni ta' ċertu tagħmir għal finijiet ta' kontroll. Bl-istruttura mingħajr miżuri preskrittivi, jenħtieġ li tkun responsabbiltà tal-Istati Membri li jistabbilixxu r-regoli preċiżi tal-eliġibbiltà għal dawk l-investimenti. F'dak li għandu x'jaqsam mal-kondizzjonijiet tas-saħħa, tas-sikurezza u tax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd, jenħtieġ li jkun permess li tingħata rata ta' intensità tal-għajnuna ogħla minn ta' operazzjonijiet oħrajn.

(24)

Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi ta' eliġibbiltà għal ċerti investimenti oħra appoġġati mill-FEMSA fil-flotta tas-sajd, sabiex jipprvjenu li dawk l-investimenti jikkontribwixxu għal kapaċità żejda jew sajd eċċessiv. B'mod partikolari, l-appoġġ għall-ewwel akkwist ta' bastiment użat minn sajjied żagħżugħ u għas-sostituzzjoni jew l-immodernizzar tal-magna ta' bastiment tas-sajd jenħtieġ li jkun soġġett ukoll għal kondizzjonijiet, inkluż li l-bastiment jappartjeni għal segment tal-flotta li jkun f'bilanċ mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għal dak is-segment u li l-magna l-ġdida jew modernizzata ma jkollhiex aktar potenza f'kilowatts (kW) minn dik tal-magna li tkun qed tiġi sostitwita.

(25)

L-investiment fil-kapital uman jaqdi rwol essenzjali fil-kompetittività u l-prestazzjoni ekonomika tas-sajd u tal-attivitajiet marittimi. Għalhekk, jenħtieġ li jkun possibbli li l-FEMSA jappoġġa s-servizzi konsultattivi, il-kooperazzjoni bejn ix-xjentisti u s-sajjieda, it-taħriġ professjonali, it-tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll il-promozzjoni tad-djalogu soċjali u t-tixrid tal-għarfien.

(26)

Il-kontroll tas-sajd huwa importanti immens għall-implimentazzjoni tal-PKS. Għalhekk, b'ġestjoni kondiviża, jenħtieġ li l-FEMSA jappoġġa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' sistema ta' kontroll tas-sajd tal-Unjoni kif stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (12) . Ċerti obbligi stabbiliti f’dak ir-Regolament jiġġustifikaw appoġġ speċifiku mill-FEMSA, jiġifieri sistemi obbligatorji tat-traċċar tal-bastimenti u tar-rappurtar elettroniku, sistemi obbligatorji ta' sorveljanza elettronika mill-bogħod u l-kejl u r-reġistrazzjoni obbligatorji kontinwi tal-potenza propulsiva tal-magni. Barra minn hekk, l-investimenti tal-Istati Membri fl-assi tal-kontroll jistgħu jintużaw ukoll għall-fini tas-sorveljanza marittima u għall-kooperazzjoni fil-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta.

(27)

Is-suċċess tal-PKS jiddependi mid-disponibbiltà tal-parir xjentifiku għall-ġestjoni tas-sajd, u, għaldaqstant, mid-disponibbiltà tad-data dwar is-sajd. Minħabba l-isfidi u l-ispejjeż biex tinkiseb data affidabbli u sħiħa, jenħtieġ li jiġu appoġġati l-azzjonijiet tal-Istati Membri biex jiġbru u jipproċessaw id-data skont ir-Regolament (UE) Nru 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u biex jikkontribwixxu għall-aħjar parir xjentifiku disponibbli. Dak l-appoġġ għandu jippermetti sinerġiji mal-ġbir u l-ipproċessar ta' tipi oħra ta' data tal-baħar.

(28)

Jenħtieġ li l-FEMSA jappoġġa implimentazzjoni effettiva bbażata fuq l-għarfien u governanza tal-PKS b'ġestjoni diretta u indiretta permezz tal-għoti tal-parir xjentifiku, il-kooperazzjoni reġjonali dwar miżuri ta' konservazzjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' sistema tal-Unjoni ta' kontroll tas-sajd, it-tħaddim ta' Kunsilli Konsultattivi, u l-kontribuzzjonijiet volontarji lill-organizzazzjonijiet internazzjonali.

(29)

Sabiex jissaħħu l-attivitajiet tas-sajd ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli, jenħtieġ li jkun possibbli li l-FEMSA jappoġġa l-operazzjonijiet għall-ġestjoni tas-sajd u tal-flotot tas-sajd f'konformità mal-Artikoli 22 u 23 u tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 kif ukoll l-isforzi mill-Istati Membri biex jottimizzaw l-allokazzjoni tal-kapaċità tas-sajd disponibbli tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-flotta tagħhom, u mingħajr ma tiżdied il-kapaċità tas-sajd globali tagħhom.

(30)

Minħabba l-isfidi biex jintlaħqu l-objettivi ta' konservazzjoni tal-PKS, xi drabi jibqa' meħtieġ appoġġ għall-adattament tal-flotta fir-rigward ta' ċerti segmenti tal-flotta u l-baċiri tal-baħar. Dan l-appoġġ jenħtieġ li jkun strettament immirat lejn il-ġestjoni aħjar tal-flotta u l-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, u jkun immirat biex jikseb bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli. Għalhekk, jenħtieġ li jkun possibbli li l-FEMSA jkun jista' jappoġġa l-waqfien permanenti mill-attivitajiet tas-sajd f'segmenti tal-flotta li fihom il-kapaċità tas-sajd ma tkunx proporzjonata mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli. Jenħtieġ li tali appoġġ ikun għodda tal-pjanijiet ta' azzjoni għall-aġġustament tas-segmenti tal-flotta li jkollhom kapaċità strutturali żejda identifikata, kif previst fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, u jenħtieġ li jkun implimentat billi jiġi skrappjat il-bastiment tas-sajd jew inkella billi jiġi dekommissjonat u ssirlu modifika retroattiva għal attivitajiet oħra. Jekk il-modifika retroattiva tkun ser twassal għal aktar pressjoni tas-sajd rikreattiv fuq l-ekosistema tal-baħar, jenħtieġ li l-appoġġ jingħata biss jekk ikun konformi mal-PKS u mal-objettivi tal-pjanijiet pluriennali rilevanti.

(31)

Sabiex jikkontribwixxi għall-objettivi ta' konservazzjoni tal-PKS jew biex jittaffew ċerti ċirkostanzi eċċezzjonali, jenħtieġ li jkun possibbli li l-FEMSA jappoġġa l-kumpens għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd ikkawżat mill-implimentazzjoni ta' ċerti miżuri ta' konservazzjoni, mill-implimentazzjoni ta' miżuri ta' emerġenza, mill-interruzzjoni, minħabba raġunijiet ta' force majeure, tal-applikazzjoni ta' ftehim ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli (SFPA), minn diżastru naturali, minn inċident ambjentali jew minn kriżi tas-saħħa. L-appoġġ f'każ ta' waqfien temporanju kkawżat minn miżuri ta' konservazzjoni jenħtieġ li jingħata biss meta, abbażi tal-parir xjentifiku, ikun meħtieġ tnaqqis tal-isforz tas-sajd sabiex jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 2(2) u l-punt (a) tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(32)

Minħabba li s-sajjieda huma esposti għal riskji ekonomiċi u ambjentali dejjem jiżdiedu, fost l-oħrajn minħabba t-tibdil fil-klima u l-volatilità tal-prezzijiet, jenħtieġ li jkun possibbli li l-FEMSA jappoġġa azzjonijiet li jsaħħu r-reżiljenza tas-settur tas-sajd, inkluż permezz ta' fondi mutwi, strumenti ta' assigurazzjoni jew skemi kollettivi oħra li jsaħħu l-kapaċità tas-settur biex jimmaniġġa r-riskji u jirreaġixxi għal avvenimenti avversi.

(33)

Is-sajd kostali fuq skala żgħira jitwettaq minn bastimenti tas-sajd tal-baħar u fl-ilmijiet interni b'tul totali ta' inqas minn 12-il metru u li ma jużawx irkaptu rmunkat, u mis-sajjieda tal-miexi, inkluż dawk li jiġbru l-frott tal-baħar bil-qoxra. Dak is-settur jirrappreżenta kważi 75 % tal-bastimenti tas-sajd kollha rreġistrati fl-Unjoni u kważi nofs l-impjiegi kollha fis-settur tas-sajd. L-operaturi tas-sajd kostali fuq skala żgħira jiddependu b'mod partikolari fuq stokkijiet tal-ħut b'saħħithom għad-dħul ewlieni tagħhom. Għalhekk, bil-għan li titħeġġeġ prattika tas-sajd sostenibbli, jenħtieġ li l-FEMSA jagħti lil dawk l-operaturi trattament preferenzjali, permezz ta' rata massima ta' intensità tal-għajnuna ta' 100 %, ħlief għall-operazzjonijiet relatati mal-ewwel akkwist ta' bastiment tas-sajd, is-sostituzzjoni jew l-immodernizzar ta' magna u l-operazzjonijiet li jżidu t-tunnellaġġ gross ta' bastiment tas-sajd għall-finijiet tat-titjib tas-sikurezza, tal-kondizzjonijiet tax-xogħol jew tal-effiċjenza enerġetika. Barra minn hekk, jenħtieġ li fil-programm tagħhom l-Istati Membri jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tas-sajd kostali fuq skala żgħira u jiddeskrivu t-tipi ta' azzjonijiet ikkunsidrati għall-iżvilupp tas-sajd kostali fuq skala żgħira.

(34)

Ir-rata massima ta' kofinanzjament tal-FEMSA għal kull objettiv speċifiku jenħtieġ li tkun ta' 70 % tan-nefqa pubblika eliġibbli bl-eċċezzjoni tal-kumpens għal spejjeż addizzjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi, li għalih għandha tkun ta' 100 %.

(35)

Ir-rata ta' intensità tal-għajnuna massima jenħtieġ li tkun ta' 50 % tan-nefqa totali eliġibbli, bil-possibbiltà, f'ċerti każijiet, li jiġu stabbiliti rati derogatorji.

(36)

Ir-reġjuni ultraperiferiċi jiffaċċaw sfidi speċifiċi minħabba li huma reġjuni mbiegħda, u minħabba t-topografija u l-klima tagħhom, kif imsemmi fl-Artikolu 349 TFUE u għandhom ukoll assi speċifiċi li bihom jistgħu jiżviluppaw ekonomija blu sostenibbli. Għalhekk, għal kull reġjun ultraperiferiku, jenħtieġ li mal-programm tal-Istati Membri kkonċernati jinhemeż pjan ta' azzjoni għall-iżvilupp ta' setturi tal-ekonomija blu sostenibbli, inkluż is-sajd u l-akkwakultura sostenibbli, u jenħtieġ li tkun riżervata allokazzjoni finanzjarja biex issostni l-implimentazzjoni ta' dawn il-pjanijiet ta' azzjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-FEMSA jappoġġa l-kumpens għall-ispejjeż addizzjonali li jġarrbu l-operaturi mir-reġjuni ultraperiferiċi minħabba l-pożizzjoni jew l-insularità ta’ dawk ir-reġjuni. Dak l-appoġġ jenħtieġ li jkun limitat għal perċentwal ta' din l-allokazzjoni finanzjarja ġenerali. Barra minn hekk jenħtieġ li tiġi applikata rata ta' intensità ta' għajnuna ogħla fir-reġjuni ultraperiferiċi minn dik li tapplika għal operazzjonijiet oħrajn. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jagħtu finanzjament addizzjonali għall-implimentazzjoni ta' dak l-appoġġ. Bħala għajnuna mill-Istat, tali finanzjament jenħtieġ li jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni, li tista' tapprovah skont dan ir-Regolament bħala parti minn dak l-appoġġ.

(37)

B'ġestjoni kondiviża, jenħtieġ li jkun possibbli għall-FEMSA li tappoġġa l-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi akkwatiċi, inkluż l-ilmijiet interni. Għalhekk, jenħtieġ li jingħata l-appoġġ mill-FEMSA biex jikkompensa, fost l-oħrajn, għall-ġbir passiv mis-sajjieda ta' rkaptu tas-sajd mitluf u l-ġbir tal-iskart mill-baħar, inkluż l-alka sargassum, u għall-investiment fil-portijiet biex dawn ikunu jipprovdu faċilitajiet ta' akkoljenza xierqa għal dan l-irkaptu tas-sajd mitluf u għall-iskart mill-baħar. Jenħtieġ li l-appoġġ ikun disponibbli wkoll għall-azzjonijiet favur il-kisba jew iż-żamma ta' status ambjentali tajjeb fl-ambjent tal-baħar, kif stipulat fid-Direttiva 2008/56/KE, għall-implimentazzjoni ta' miżuri ta' protezzjoni tal-ispazju stabbiliti skont dik id-Direttiva, għall-ġestjoni, ir-restawr u l-monitoraġġ taż-żoni tan-Natura 2000, f'konformità mal-oqfsa ta' azzjoni prijoritizzati stabbiliti skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (14), għall-protezzjoni tal-ispeċijiet, b'mod partikolari skont id-Direttiva 92/43/KEE u d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) , kif ukoll għar-restawr tal-ilmijiet interni f'konformità mal-programm ta' miżuri stabbiliti skont id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) . Jenħtieġ li b'ġestjoni diretta l-FEMSA jappoġġa l-promozzjoni ta' ibħra nodfa u f'saħħithom u l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropea għall-plastiks f'ekonomija ċirkolari li ġiet żviluppata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Jannar 2018, bi qbil mal-għan li jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb fl-ambjent tal-baħar.

(38)

Is-sajd u l-akkwakultura jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel u għan-nutrizzjoni. Madankollu, huwa stmat li fil-preżent l-Unjoni timporta aktar minn 60 % tal-prodotti tas-sajd tagħha, u b'hekk tiddependi ħafna mill-pajjiżi terzi. Sfida importanti hija l-promozzjoni tal-konsum tal-proteina mill-ħut prodott fl-Unjoni bi standards ta' kwalità għolja li hija disponibbli għall-konsumaturi bi prezzijiet affordabbli.

(39)

Jenħtieġ li jkun possibbli li l-FEMSA jkun jista' jappoġġa l-promozzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura, inkluż l-akkwakultura tal-ilma ħelu, għat-trobbija ta' annimali u pjanti akkwatiċi biex jiġu prodotti l-ikel u materja prima oħra. F'xi Stati Membri għad hemm proċeduri amministrattivi kumplessi, bħal ostakli biex wieħed jikseb l-ispazju, u proċeduri peżanti biex jinkisbu l-liċenzji, li jagħmluha diffiċli għas-settur biex itejjeb l-idea pubblika tal-frott tal-baħar imrobbi, u biex jagħmlu aktar kompetittiv. Jenħtieġ li l-appoġġ mill-FEMSA jkun konsistenti mal-pjanijiet strateġiċi pluriennali nazzjonali żviluppati abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. B'mod partikolari jenħtieġ li jkunu eliġibbli, l-appoġġ għas-sostenibbiltà ambjentali, l-investimenti li jiġġeneraw id-dħul, l-innovazzjoni, il-ksib ta' ħiliet professjonali, it-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol, u l-miżuri ta' kumpens li jipprovdu servizzi ta' importanza kritika ta' ġestjoni tal-art u tan-natura. Jenħtieġ li jkunu eliġibbli wkoll azzjonijiet tas-saħħa pubblika, skemi ta' assigurazzjoni tal-istokkijiet tal-akkwakultura u azzjonijiet b'rabta mas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali.

(40)

Is-sigurtà tal-ikel tiddependi minn swieq effiċjenti u organizzati tajjeb, li joħolqu aktar trasparenza, stabbiltà, kwalità u diversità fil-katina tal-provvista, u tiddependi wkoll mill-informazzjoni li jkollhom il-konsumaturi. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-FEMSA jkun jista' jappoġġa l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, bi qbil mal-objettivi stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) . B'mod partikolari jenħtieġ li l-appoġġ ikun disponibbli għall-ħolqien ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' produzzjoni u ta' kummerċjalizzazzjoni, għall-promozzjoni ta' swieq ġodda u għall-iżvilupp u x-xandir ta' informazzjoni dwar is-suq.

(41)

L-industrija tal-ipproċessar taqdi rwol fid-disponibbiltà u fil-kwalità tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. Jenħtieġ li l-FEMSA jkun jista' jappoġġa investimenti immirati f'dik l-industrija, dment li dawn jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq . Għal intrapriżi oħra għajr l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), dan l-appoġġ jenħtieġ li jingħata biss permezz ta' strumenti finanzjarji u permezz tal-InvestEU u mhux permezz ta' għotjiet.

(42)

Jenħtieġ li jkun possibbli li l-FEMSA jappoġġa l-kumpens lill-operaturi tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura f'każ ta' avvenimenti eċċezzjonali li jikkawżaw tfixkil sinifikanti tas-swieq.

(43)

Il-ħolqien tal-impjiegi fir-reġjuni kostali jiddependi mill-iżvilupp ta' ekonomija blu sostenibbli mmexxi lokalment li jagħti ħajja ġdida lin-nisġa soċjali ta' dawk ir-reġjuni. Sal-2030, l-industriji u s-servizzi oċeaniċi x'aktarx li ser jiksbu riżultati aqwa minn dawk tat-tkabbir tal-ekonomija dinjija u jagħtu kontribut importanti għall-impjiegi u għat-tkabbir. Biex ikun sostenibbli, it-tkabbir blu jiddependi mill-innovazzjoni u l-investiment f'negozji marittimi ġodda, u fil-bijoekonomija, fosthom mudelli tat-turiżmu sostenibbli, l-enerġija rinnovabbli mill-oċeani, il-kostruzzjoni innovattiva ta' bastimenti ta' livell għoli u servizzi ġodda tal-portijiet, li jistgħu joħolqu l-impjiegi u fl-istess ħin itejbu l-iżvilupp lokali. Filwaqt li l-investiment pubbliku fl-ekonomija blu sostenibbli jenħtieġ li jiġi integrat fil-baġit kollu tal-Unjoni, jenħtieġ li l-appoġġ mill-FEMSA jkun iffukat speċifikament fuq il-kondizzjonijiet li jgħinu l-iżvilupp tal-ekonomija blu sostenibbli u fuq it-tneħħija tal-ostakli biex ikun iffaċilitat l-investiment u l-iżvilupp ta' swieq, teknoloġiji jew servizzi ġodda. L-appoġġ għall-iżvilupp tal-ekonomija blu sostenibbli jenħtieġ li jingħata permezz ta' ġestjoni kondiviża, diretta u indiretta.

(44)

L-iżvilupp ta' ekonomija blu sostenibbli jiddependi ħafna mis-sħubijiet bejn partijiet ikkonċernati lokali li jikkontribwixxu għall-ħajja tal-komunitajiet u tal-ekonomiji kostali u interni. Jenħtieġ li l-FEMSA jipprovdi l-għodod li jippromwovu dawn is-sħubijiet. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jingħata appoġġ mis-CLLD b'ġestjoni kondiviża. Dak l-approċċ għandu jagħti spinta lid-diversifikazzjoni ekonomika f'kuntest lokali permezz tal-iżvilupp tas-sajd kostali u intern, tal-akkwakultura u ta' ekonomija blu sostenibbli. L-istrateġiji CLLD jenħtieġ li jiżguraw li l-komunitajiet lokali f'żoni tas-sajd jew tal-akkwakultura jisfruttaw aħjar u jibbenefikaw iżjed mill-opportunitajiet li toffri l-ekonomija blu sostenibbli billi jsaħħu r-riżorsi ambjentali, kulturali, soċjali u umani u jiksbu l-vantaġġi minnhom. Għalhekk, kull sħubija lokali jenħtieġ li tirrifletti l-fokus ewlieni tal-istrateġija tagħha billi tiżgura l-involviment bilanċjat u r-rappreżentanza mill-partijiet ikkonċernati kollha tal-ekonomija blu sostenibbli lokali.

(45)

B'ġestjoni kondiviża, jenħtieġ li l-FEMSA jkun jista' jappoġġa t-tisħiħ tal-ġestjoni sostenibbli tal-baħar u l-oċean permezz tal-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta' data li ttejjeb l-għarfien dwar l-istat tal-ambjent tal-baħar. Dak l-appoġġ jenħtieġ li jkun immirat biex jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttivi 92/43/KEE u 2009/147/KE, biex jappoġġa l-ippjanar tal-ispazju marittimu u biex itejjeb il-kwalità tad-data u l-kondiviżjoni tagħha permezz tan-network Ewropew ta' osservazzjoni u data marittima.

(46)

B'ġestjoni diretta u indiretta, jenħtieġ li l-appoġġ mill-FEMSA jiffoka fuq il-kondizzjonijiet abilitanti għal ekonomija blu sostenibbli permezz tal-promozzjoni tal-governanza u l-ġestjoni integrati tal-politika marittima, permezz tat-titjib tat-trasferiment u l-użu tar-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija fl-ekonomija blu sostenibbli, permezz tat-titjib tal-ħiliet marittimi, tal-għarfien dwar l-oċeani u tal-kondiviżjoni tad-data soċjoekonomika dwar l-ekonomija blu sostenibbli, permezz tal-promozzjoni ta' ekonomija blu sostenibbli reżiljenti għat-tibdil fil-klima u b'livell baxx ta' karbonju, u permezz tal-iżvilupp ta' riżerva ta' proġetti u ta' strumenti finanzjarji innovattivi. Jenħtieġ li jitqiesu s-sitwazzjonijiet speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi rigward l-oqsma msemmijin hawn fuq.

(47)

60 % tal-oċeani huma 'l barra mill-konfini tal-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali. Dan ifisser responsabbiltà internazzjonali kondiviża. Il-maġġoranza tal-problemi li jiffaċċaw l-oċeani, bħall-isfruttament żejjed, it-tibdil fil-klima, l-aċidifikazzjoni, it-tniġġis u l-bijodiversità li qed tonqos, huma ta' natura transkonfinali u għaldaqstant jeħtieġu reazzjoni kondiviża. Skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li l-Unjoni tifforma Parti minnha skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE (18), twaqqfu bosta drittijiet ġuriżdizzjonali, istituzzjonijiet u oqfsa speċifiċi biex jirregolaw u jimmaniġġaw l-attività tal-bniedem fl-oċeani. F'dawn l-aħħar snin qed jidher li hemm kunsens globali dwar il-ħtieġa li l-ambjent tal-baħar u l-attivitajiet marittimi tal-bniedem jiġu ġestiti b'mod aktar effettiv biex ikunu indirizzati l-pressjonijiet li dejjem qed jiżdiedu fuq l-oċeani.

(48)

Bħala attur globali, l-Unjoni ħadet impenn qawwi li tippromwovi l-governanza internazzjonali tal-oċeani f'konformità mal-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-10 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna". Il-politika dwar il-governanza tal-oċeani tal-Unjoni tittratta l-oċeani b'mod integrat. Il-governanza internazzjonali tal-oċeani mhux biss hija essenzjali għall-kisba tal-“Aġenda 2030”, u b'mod partikolari l-SDG 14, iżda wkoll biex tiggarantixxi ibħra u oċeani li jkunu siguri, sikuri, nodfa, u ġestiti b'mod sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. L-Unjoni teħtieġ tikseb ir-riżultati ta' dawk l-impenji internazzjonali u tkun mutur għall-governanza internazzjonali aħjar tal-oċeani fil-livelli bilaterali, reġjonali u multilaterali, inkluż fil-prevenzjoni, fl-iskoraġġiment u fl-eliminazzjoni tas-sajd IUU, mhux irrappurtat u mhux irregolat, biex ittejjeb l-istruttura tal-governanza internazzjonali tal-oċeani, biex tnaqqas il-pressjonijiet fuq l-oċeani u fuq l-ibħra, biex toħloq il-kondizzjonijiet għal ekonomija blu sostenibbli, u biex issaħħaħ ir-riċerka u d-data internazzjonali dwar l-oċeani.

(49)

L-azzjonijiet li jippromwovu l-governanza internazzjonali tal-oċeani fil-kuntest tal-FEMSA għandhom l-għan li jtejbu l-istruttura ġenerali tal-proċessi, il-ftehimiet, ir-regoli u l-istituzzjonijiet internazzjonali u reġjonali biex jirregolaw u jikkontrollaw l-attività tal-bniedem fl-oċeani. Il-FEMSA jenħtieġ li jappoġġja l-arranġamenti internazzjonali li kkonkludiet l-Unjoni f'oqsma li mhumiex koperti mill-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli (SFPAs) stabbiliti ma' diversi pajjiżi terzi, u jiffinanzja wkoll il-kontribuzzjoni obbligatorja tas-sħubija tal-Unjoni lill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs). Il-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli u l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd ser jibqgħu jkunu ffinanzjati taħt linji differenti tal-baġit tal-Unjoni.

(50)

Għas-sigurtà u d-difiża, il-protezzjoni tal-fruntieri u s-sorveljanza marittima mtejba huma essenzjali. Skont l-Istrateġija dwar is-Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-24 ta' Ġunju 2014 u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha adottat fis-16 ta' Diċembru 2014, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza Marittima u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta huma importanti ħafna biex jintlaħqu dawn l-objettivi. Għalhekk jenħtieġ li l-FEMSA jappoġġa s-sorveljanza marittima u l-kooperazzjoni tal-gwardja tal-kosta taħt ġestjoni kondiviża kif ukoll ġestjoni diretta, inkluż billi jinxtraw l-oġġetti meħtieġa għal operazzjonijiet marittimi bi skopijiet multipli. Jenħtieġ ukoll li jippermetti lill-aġenziji rilevanti jimplimentaw l-appoġġ fil-qasam tas-sorveljanza u s-sigurtà marittima permezz tal-ġestjoni indiretta.

(51)

B'ġestjoni kondiviża, kull Stat Membru jenħtieġ li jħejji programm uniku li jenħtieġ li jiġi approvat mill-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-abbozzi tal-programmi billi tqis il-massimizzazzjoni tal-kontribut tagħhom għall-prijoritajiet tal-FEMSA u għall-objettivi ta' reżiljenza, tranżizzjoni ekoloġika u tranżizzjoni diġitali. Meta tivvaluta l-abozz ta’ programmi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis ukoll il-kontribut tagħhom għall-iżvilupp tas-sajd kostali fuq skala żgħira sostenibbli, għas-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali, għall-kisba tal-isfidi ambjentali u soċjoekonomiċi tal-PKS, għall-prestazzjoni soċjoekonomika tal-ekonomija blu sostenibbli, għall-konservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi tal-baħar, għat-tnaqqis tal-iskart fil-baħar u għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih.

(52)

Fil-kuntest tar-reġjonalizzazzjoni u bil-ħsieb li l-Istati Membri jitħeġġu jsegwu approċċ strateġiku matul it-tħejjija tal-programmi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-abbozzi tal-programmi b'kont meħud, fejn applikabbli, tal-analiżi reġjonali tal-baċir tal-baħar żviluppata mill-Kummissjoni li tindika l-elementi tajbin u d-dgħufijiet komuni fir-rigward tal-ksib tal-objettivi tal-PKS. Dik l-analiżi jenħtieġ li tiggwida kemm lill-Istati Membri, kif ukoll lill-Kummissjoni biex jinnegozjaw kull programm, filwaqt li jitqiesu l-isfidi u l-bżonnijiet reġjonali.

(53)

Il-prestazzjoni tal-FEMSA fl-Istati Membri jenħtieġ li tiġi vvalutata abbażi tal-indikaturi. L-Istati Membri jenħtieġ li jirrappurtaw dwar il-progress lejn l-istadji importanti u l-miri stabbiliti f'konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060. Għal dan il-għan jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas ta' monitoraġġ u evalwazzjoni.

(54)

Sabiex tingħata informazzjoni dwar l-appoġġ mill-FEMSA għall-objettivi ambjentali u klimatiċi f'konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060, jenħtieġ li tiġi stabbilita metodoloġija bbażata fuq it-tipi ta' intervent. Dik il-metodoloġija jenħtieġ li tkun tikkonsisti mill-assenjar ta' ponderazzjoni speċifika għall-appoġġ ipprovdut f'livell li jirrifletti sa liema punt tali appoġġ jagħti kontribut għall-objettivi ambjentali u għall-objettivi klimatiċi.

(55)

Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (19), jenħtieġ li l-FEMSA jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura f'konformità ma' rekwiżiti speċifiċi ta' monitoraġġ, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv, b'mod partikolari fuq l-Istati Membri, kif ukoll ir-regolamentazzjoni żejda. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-FEMSA fil-prattika.

(56)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni timplimenta azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni relatati mal-FEMSA, u l-azzjonijiet u r-riżultati tiegħu. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-FEMSA jenħtieġ li jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu b'rabta mal-prijoritajiet tal-FEMSA.

(57)

F'konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2988/95 (21), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (22) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (23), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, is-sejbien, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b'mod mhux korrett, u, fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta' penali amministrattivi. B'mod partikolari, f'konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24). F'konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi mill-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni ta' fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevjenu, isibu u jindirizzaw b'mod effettiv kwalunkwe irregolarità, inkluż frodi, imwettqa mill-benefiċjarji. Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar is-sejba ta' kwalunkwe irregolarità, inkluż frodi, u dwar kwalunkwe azzjoni ta' segwitu li jkunu ħadu fir-rigward ta' tali irregolaritajiet, kif ukoll fir-rigward ta' kwalunkwe investigazzjoni tal-OLAF.

(58)

Sabiex tiżdied it-trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-użu tal-fondi tal-Unjoni u l-ġestjoni finanzjarja tajba tagħhom, b'mod partikolari biex ikun imsaħħaħ il-kontroll pubbliku tal-flus li jintużaw, jenħtieġ li ċerta informazzjoni dwar l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FEMSA tiġi ppubblikata f'sit web ta’ Stat Membru, f'konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060 dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2021-2027. Meta Stat Membru jippubblika l-informazzjoni dwar l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FEMSA, iridu jiġu segwiti r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali stipulati fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25).

(59)

Sabiex jiġu ssupplimentati ċerti elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, is-setgħa li jiġu adottati atti delegati f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-iskattar tal-limitu u l-perijodu ta' żmien tal-inammissibbiltà fir-rigward tal-kriterji ta' ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet, fir-rigward tal-arranġamenti għall-irkupru tal-għajnuna mogħtija fil-każ ta' ksur serju, fir-rigward tad-dati rilevanti tal-bidu jew tat-tmiem tal-perijodu ta' inammissibbiltà u l-kondizzjonijiet għal perijodu mnaqqas ta' inammissibbiltà u b'rispett tad-definizzjoni ta' kriterji għall-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-iżvantaġġi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi. Sabiex jiġu emendati ċerti elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, is-setgħa li jiġu adottati atti delegati f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata wkoll lill-Kummissjoni sabiex tippermetti l-introduzzjoni ta' indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin addizzjonali fl-Anness I. Sabiex tiġi ffaċilitata tranżizzjoni bla xkiel mill-iskema stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 508/2014 għall-iskema stabbilita minn dan ir-Regolament, is-setgħa li jiġu adottati atti delegati f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata wkoll lill-Kummissjoni sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi dispożizzjonijiet tranżitorji. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċievuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(60)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-programmi ta' ħidma, l-identifikazzjoni ta' teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-istabbiliment tal-elementi metodoloġiċi biex jitkejjel it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-magni tal-bastimenti tas-sajd, l-okkorrenza ta' avveniment eċċezzjonali, id-definizzjoni tal-każijiet ta' nuqqas ta' konformità mill-Istati Membri li jistgħu jikkawżaw interruzzjoni tal-iskadenza tal-pagament, is-sospensjoni tal-pagamenti minħabba nuqqas serju ta' konformità minn Stat Membru, il-korrezzjonijiet finanzjarji u l-identifikazzjoni tad-data tal-implimentazzjoni tal-livell ta' operazzjoni rilevanti u l-preżentazzjoni tagħhom. Ħlief fir-rigward tal-programmi ta’ ħidma, inkluż l-assistenza teknika, u l-okkorrenza ta' avveniment eċċezzjonali, jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26).

(61)

F'konformità mal-Artikolu 193(2) tar-Regolament Finanzjarju, jenħtieġ li jkun possibbli li tingħata għotja għal azzjoni li tkun diġà bdiet, dment li l-applikant ikun jista' juri l-ħtieġa li jibda l-azzjoni qabel il-firma tal-ftehim ta' għotja. Madankollu, l-ispejjeż imġarrba qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal għotja mhumiex eliġibbli, ħlief f'każijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fl-appoġġ tal-Unjoni li jista' jkun ta' preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li fid-deċiżjoni ta' finanzjament, matul perijodu limitat ta' żmien fil-bidu tal-QFP 2021-2027, u f'każijiet debitament ġustifikati biss, tkun prevista l-eliġibbiltà tal-attivitajiet u l-ispejjeż mill-bidu tas-sena finanzjarja 2021, anki jekk dawn ġew implimentati u mġarrba qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal għotja. Għall-istess raġunijiet u taħt l-istess kondizzjonijiet, huwa meħtieġ li ssir deroga mill-Artikolu 193(4) ta' dak ir-Regolament Finanzjarju fir-rigward ta' għotjiet operattivi.

(62)

Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(63)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta' appoġġ fil-qasam ta' politika rilevanti u biex l-implimentazzjoni tkun tista' ssir mill-bidu tal-QFP 2021-2027, jenħtieġ li tiġi prevista l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'effett retroattiv, fir-rigward tal-appoġġ b'ġestjoni diretta u indiretta mill-1 ta' Jannar 2021. Konsegwentement, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

QAFAS ĠENERALI

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (il-"FEMSA") għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2027. It-tul ta' żmien tal-Fond huwa allinjat mat-tul ta' żmien tal-QFP 2021-2027. Huwa jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-FEMSA, il-baġit tiegħu u r-regoli speċifiċi biex jingħata l-finanzjament tal-Unjoni, li jikkomplementaw ir-regoli ġenerali li japplikaw għall-FEMSA skont ir-Regolament (UE) 2021/1060.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, japplikaw id-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013, fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/523 u r-Regolament (UE) 2021/1060.

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

"Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni" jew "CISE" tfisser ambjent ta' sistemi żviluppati biex jappoġġaw l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet involuti fis-sorveljanza marittima, transsettorjali u transfruntiera, biex jittejjeb l-għarfien tagħhom tal-attivitajiet li jkunu qed isiru fuq il-baħar;

(2)

"gwardja tal-kosta" tfisser l-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu l-ħidmiet ta' gwardja kostali, li jkopru s-sikurezza marittima, is-sigurtà marittima, id-dwana marittima, il-prevenzjoni u t-trażżin tat-traffikar u tal-kuntrabandu, l-infurzar tal-liġi marittima konnessa ma' dawn, il-kontroll tal-fruntieri marittimi, is-sorveljanza marittima, il-ħarsien tal-ambjent tal-baħar, it-tiftix u s-salvataġġ, ir-rispons għall-inċidenti u għad-diżastri, il-kontroll tas-sajd, spezzjonijiet u attivitajiet oħrajn b'rabta ma' dawk il-funzjonijiet;

(3)

"Network Ewropew ta' osservazzjoni u data marittima" jew "EMODnet" tfisser sħubija li toffri data tal-baħar ta' kwalità assigurata, interoperabbli u armonizzata, billi tiġbor flimkien id-data u l-metadata tal-baħar biex dawk ir-riżorsi frammentati jkunu aktar disponibbli għall-utenti pubbliċi u privati u jkunu jistgħu jintużaw aktar;

(4)

"sajd esploratorju" tfisser kwalunkwe operazzjoni tas-sajd li titwettaq għal finijiet kummerċjali f'żona partikolari bil-ħsieb li tiġi vvalutata l-profitabbiltà u s-sostenibbiltà bijoloġika tal-isfruttament regolari u fuq terminu twil tar-riżorsi tas-sajd f'dik iż-żona għal stokkijiet li ma kinux soġġetti għal sajd kummerċjali;

(5)

"sajjied" tfisser kwalunkwe persuna fiżika involuta f'attivitajiet ta' sajd kummerċjali, kif rikonoxxut mill-Istat Membru kkonċernat;

(6)

"sajd fl-ibħra interni" tfisser attivitajiet tas-sajd imwettqa għal skopijiet kummerċjali fl-ibħra interni minn bastimenti jew mezzi oħra, inkluż dawk użati għas-sajd fis-silġ;

(7)

"governanza internazzjonali tal-oċeani" tfisser inizjattiva tal-Unjoni għat-titjib tal-istruttura ġenerali ta' proċessi, ftehimiet, arranġamenti, regoli u istituzzjonijiet internazzjonali u reġjonali permezz ta' approċċ koerenti transsettorjali u bbażat fuq ir-regoli, biex ikun żgurat li l-oċeani u l-ibħra huma f'saħħithom, siguri, sikuri, nodfa, u ġestiti b'mod sostenibbli;

(8)

"post ta' ħatt l-art" tfisser post li mhuwiex port marittimu kif definit fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27), li huwa rikonoxxut uffiċjalment minn Stat Membru, li l-użu tiegħu mhuwiex ristrett għas-sid tiegħu u li jintuża primarjament għal ħatt l-art ta' bastimenti tas-sajd kostali fuq skala żgħira;

(9)

"politika marittima" tfisser il-politika tal-Unjoni li l-għan tagħha huwa li trawwem teħid ta' deċiżjonijiet ikkoordinat u konsistenti sabiex jiġi massimizzat l-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali tal-Unjoni, b'mod partikolari taż-żoni kostali u insulari u r-reġjuni ultraperiferiċi, u tas-setturi tal-ekonomija blu sostenibbli, permezz ta' politiki koerenti relatati mas-settur marittimu u kooperazzjoni internazzjonali rilevanti;

(10)

"sigurtà u sorveljanza marittima" tfisser l-attivitajiet li jsiru biex l-avvenimenti u l-azzjonijiet kollha b'rabta mad-dominju marittimu li jistgħu jagħmlu impatt fl-oqsma tas-sigurtà u s-sikurezza marittima, tal-infurzar tal-liġi, tad-difiża, tal-kontroll tal-fruntieri, tal-ħarsien tal-ambjent tal-baħar, tal-kontroll tas-sajd, tal-kummerċ u tal-interess ekonomiku tal-Unjoni jinftiehmu, jiġu pprevenuti fejn japplika, u jkunu ġestiti b'mod komprensiv;

(11)

"ippjanar tal-ispazju marittimu" tfisser proċess li permezz tiegħu l-awtoritajiet tal-Istat Membru rilevanti janalizzaw u jorganizzaw l-attivitajiet umani f'żoni tal-baħar sabiex jilħqu l-objettivi ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali;

(12)

"korp pubbliku" tfisser l-awtoritajiet tal-Istat, reġjonali jew lokali, il-korpi regolati mil-liġi pubblika jew l-assoċjazzjonijiet iffurmati minn tali awtorità waħda jew aktar jew tali korp wieħed jew aktar irregolati mil-liġi pubblika;

(13)

"strateġija tal-baċiri tal-baħar" tfisser qafas integrat biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni tal-baħar u marittimi li jaffaċċaw l-Istati Membri, u fejn hu xieraq pajjiżi terzi, f'baċir tal-baħar speċifiku jew f'baċir wieħed ta' taħt il-baħar jew aktar, u biex jiġu promossi l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni biex tinkiseb il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Din hija żviluppata mill-Kummissjoni b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-pajjiżi terzi kkonċernati, mar-reġjuni tagħhom u ma' partijiet ikkonċernati oħrajn kif xieraq;

(14)

"sajd kostali fuq skala żgħira" tfisser attivitajiet tas-sajd imwettqa minn:

(a)

bastimenti tas-sajd fil-baħar jew ilmijiet interni b'tul totali ta' inqas minn 12-il metru u li ma jużawx tagħmir irmunkat tas-sajd kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 (28); jew

(b)

sajjieda tal-miexi, inkluż dawk li jiġbru l-frott tal-baħar bil-qoxra;

(15)

"ekonomija blu sostenibbli" tfisser l-attivitajiet ekonomiċi settorjali u transsettorjali kollha madwar is-suq uniku kollu li għandhom rabta mal-oċeani, mal-ibħra, mal-kosta u mal-ilmijiet interni, li jkopru r-reġjuni insulari u ultraperiferiċi u l-pajjiżi interni tal-Unjoni, u jinkludu s-setturi emerġenti u prodotti u servizzi mhux tas-suq, li għandhom l-għan li jiżguraw is-sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika fit-tul u li jkunu konsistenti mal-SDGs, u b'mod partikolari l-SDG 14, u mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni.

Artikolu 3

Prijoritajiet

Il-FEMSA għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-PKS u tal-politika marittima tal-Unjoni. Huwa għandu jsegwi l-prijoritajiet li ġejjin:

(1)

it-trawwim tas-sajd sostenibbli u r-restawr u l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi akkwatiċi;

(2)

it-trawwim ta' attivitajiet tal-akkwakultura sostenibbli, u l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li b'hekk jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel fl-Unjoni;

(3)

l-iffaċilitar ta' ekonomija blu sostenibbli f'żoni kostali, fi gżejjer u f'żoni interni, u t-trawwim tal-iżvilupp ta' komunitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura;

(4)

it-tisħiħ tal-governanza internazzjonali tal-oċeani u l-iffaċilitar ta' ibħra u oċeani siguri, mingħajr periklu, nodfa u ġestiti b'mod sostenibbli.

L-appoġġ fil-kuntest tal-FEMSA għandu jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi ambjentali tal-Unjoni, u dawk ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u tal-adattament għalih. Dan il-kontribut għandu jiġi traċċat f'konformità mal-metodoloġija stipulata fl-Anness IV.

KAPITOLU II

Qafas finanzjarju

Artikolu 4

Baġit

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-FEMSA għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2027 għandu jkun ta' EUR 6 108 000 000 bi prezzijiet attwali.

2.   Il-parti tal-pakkett finanzjarju allokata lill-FEMSA fit-Titolu II ta' dan ir-Regolament għandha tiġi implimentata taħt ġestjoni kondiviża f'konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060 u l-Artikolu 63 tar-Regolament Finanzjarju.

3.   Il-parti tal-pakkett finanzjarju allokata lill-FEMSA fit-Titolu III ta' dan ir-Regolament għandha tiġi implimentata jew direttament mill-Kummissjoni, f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju jew fil-qafas ta' ġestjoni indiretta, f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 62(1) ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 5

Riżorsi baġitarji taħt ġestjoni kondiviża

1.   Il-parti tal-pakkett finanzjarju taħt ġestjoni kondiviża kif speċifikat fit-Titolu II għandha tkun ta' EUR 5 311 000 000 bi prezzijiet attwali, f'konformità mat-tqassim annwali stipulat fl-Anness V.

2.   Għall-operazzjonijiet fir-reġjuni ultraperiferiċi, kull Stat Membru kkonċernat, fl-appoġġ finanzjarju tiegħu mill-Unjoni stipulat fl-Anness V, għandu jalloka mill-inqas:

(a)

EUR 102 000 000 għall-Azores u l-Madeira;

(b)

EUR 82 000 000 għall-Gżejjer Kanarji;

(c)

EUR 131 000 000 għal Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique, Mayotte, Réunion u Saint-Martin.

3.   Il-kumpens imsemmi fl-Artikolu 24 ma għandux jaqbeż is-60 % ta' kull waħda mill-allokazzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jew is-70 % f'ċirkostanzi ġustifikati f'kull pjan ta' azzjoni għar-reġjuni ultraperiferiċi.

4.   Mill-inqas 15 % tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni allokat lil kull Stat Membru għandu jkun allokat fil-programm imħejji u ppreżentat f'konformità mal-Artikolu 21(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/1060 dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2021-2027, għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 14(1) ta' dan ir-Regolament. L-Istati Membri li ma għandhomx aċċess għall-ilmijiet tal-Unjoni jistgħu japplikaw perċentwal iżjed baxx fir-rigward tal-firxa tal-kompiti tagħhom ta' kontroll u ġbir ta' data.

5.   L-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni mill-FEMSA allokat lil kull Stat Membru għas-somma totali tal-appoġġ imsemmi fl-Artikoli 17, 18, 19, 20 sa 21 ma għandhomx jaqbżu l-iktar limitu għoli mil-limiti li ġejjin:

(a)

EUR 6 000 000; jew

(b)

15 % tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni allokat lil kull Stat Membru.

6.   F'konformità mal-Artikoli 36 u 37 tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-FEMSA jista' jappoġġja, fuq l-inizjattiva ta’ Stat Membru, l-assistenza teknika għall-amministrazzjoni u l-użu effettivi tiegħu.

Artikolu 6

Distribuzzjoni finanzjarja għall-ġestjoni kondiviża

Ir-riżorsi li huma disponibbli għall-impenji tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 5(1) għall-perijodu mill-2021 sal-2027 huma stipulati fl-Anness V.

Artikolu 7

Riżorsi baġitarji taħt ġestjoni diretta u indiretta

1.   Il-parti tal-pakkett finanzjarju taħt ġestjoni diretta u ġestjoni indiretta, kif speċifikat fit-Titolu III għandha tkun ta' EUR 797 000 000 bil-prezzijiet attwali.

2.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jintuża għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-FEMSA, bħal attivitajiet preparatorji, ta' monitoraġġ, ta' kontroll, ta' awditu u ta' evalwazzjoni inkluż sistemi korporattivi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni.

B'mod partikolari, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, u soġġett għal-limitu massimu ta' 1,5 % tal-pakkett finanzjarju msemmi fl-Artikolu 4(1), il-FEMSA jista' jappoġġa:

(a)

l-assistenza teknika għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament kif imsemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2021/1060 dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2021-2027;

(b)

it-tħejjija, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' SFPA u l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-RFMOs;

(c)

l-istabbiliment ta' network mifrux mal-Ewropa kollha ta' gruppi ta' azzjoni lokali.

3.   Il-FEMSA għandu jappoġġa l-ispejjeż tal-attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni li huma marbutin mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU III

Programmar

Artikolu 8

Programmar għal appoġġ taħt ġestjoni kondiviża

1.   F'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/1060, kull Stat Membru għandu jħejji programm uniku biex jimplimenta l-prijoritajiet stabbiliti fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament ("il-programm").

Fit-tħejjija tal-programm, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex iqisu l-isfidi reġjonali u/jew lokali, kif xieraq, u jistgħu jidentifikaw korpi intermedji f'konformità mal-Artikolu 71(3) tar-Regolament (UE) 2021/1060.

2.   L-appoġġ taħt it-Titolu II ta' dan ir-Regolament biex jintlaħqu l-objettivi ta' politika stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2021/1060 għandu jkun organizzat fuq il-prijoritajiet u l-objettivi speċifiċi kif stipulati fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

3.   Minbarra l-elementi msemmija fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-programm għandu jinkludi:

(a)

analiżi tas-sitwazzjoni f'termini tal-elementi tajbin, id-dgħufijiet, l-opportunitajiet u t-theddid u l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati fiż-żona ġeografika rilevanti, inkluż fejn xieraq, il-baċiri tal-baħar li huma rilevanti għall-programm;

(b)

fejn japplika, il-pjanijiet ta' azzjoni għar-reġjuni ultraperiferiċi msemmija fl-Artikolu 35;

4.   Filwaqt li jwettqu l-analiżi tas-sitwazzjoni f'termini tal-elementi tajbin, id-dgħufijiet, l-opportunitajiet, u t-theddid imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom iqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tas-sajd kostali fuq skala żgħira, kif stipulat fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/1060 dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027.

Fir-rigward tal-objettivi speċifiċi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-sajd kostali fuq skala żgħira sostenibbli, l-Istati Membri għandhom jiddeskrivu t-tipi ta' azzjonijiet ikkunsidrati għal dan il-għan, kif stipulat fil-punt (i) tal-punt (d) tal-Artikolu 22(3) u l-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/1060.

L-awtorità ta' ġestjoni għandha tagħmel ħilitha biex tqis l-ispeċifiċitajiet tal-operaturi tas-sajd kostali fuq skala żgħira għal miżuri possibbli ta' simplifikazzjoni, bħal formoli ta' applikazzjoni simplifikati.

5.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-programm f'konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2021/1060. F'din il-valutazzjoni għandha tqis, b'mod partikolari:

(a)

il-massimizzazzjoni tal-kontribut tal-programm għall-prijoritajiet stabbiliti fl-Artikolu 3 u għall-objettivi ta' reżiljenza, tranżizzjoni ekoloġika u tranżizzjoni diġitali, inkluż permezz ta' firxa wiesgħa ta' soluzzjonijiet innovattivi;

(b)

il-kontribut tal-programm għall-iżvilupp ta' sajd kostali fuq skala żgħira sostenibbli;

(c)

il-kontribut tal-programm għas-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali;

(d)

il-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd tal-flotot u l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli, kif ikunu ġew irrappurtati kull sena mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 22(2) tar-Regolament(UE) Nru 1380/2013;

(e)

fejn japplika, il-pjanijiet pluriennali ta' ġestjoni adottati skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-pjanijiet ta' ġestjoni adottati skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, u r-rakkomandazzjonijiet adottati minn RFMOs li jorbtu lill-Unjoni;

(f)

l-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art imsemmi fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(g)

l-evidenza l-aktar reċenti dwar il-prestazzjoni soċjoekonomika tal-ekonomija blu sostenibbli, b'mod partikolari fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura;

(h)

fejn applikabbli, l-analiżi tal-baċiri tal-baħar reġjonali żviluppati mill-Kummissjoni li jindikaw l-elementi tajbin u d-dgħufijiet komuni ta' kull baċir tal-baħar f'dak li għandu x'jaqsam mal-kisba tal-objettivi tal-PKS, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(i)

il-kontribut tal-programm għall-konservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi tal-baħar, filwaqt li l-appoġġ b'rabta maż-żoni tan-Natura 2000 għandu jkun f'konformità mal-oqfsa ta' azzjoni prijoritizzati stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/43/KEE;

(j)

il-kontribut tal-programm għat-tnaqqis tal-iskart fil-baħar, f'konformità mad-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29);

(k)

il-kontribut tal-programm għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih.

Artikolu 9

Programmar għall-appoġġ taħt ġestjoni diretta u indiretta

Sabiex timplimenta t-Titolu III, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw programmi ta' ħidma. Fejn japplika, il-programmi ta' ħidma għandhom jistipulaw l-ammont totali riżervat għall-operazzjonijiet ta' taħlit imsemmija fl-Artikolu 56. Ħlief fir-rigward tal-assistenza teknika, dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 63(2).

TITOLU II

APPOĠĠ TAĦT ĠESTJONI KONDIVIŻA

KAPITOLU I

Prinċipji ġenerali tal-appoġġ

Artikolu 10

Għajnuna mill-Istat

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-Artikoli 107, 108 u 109 TFUE għandhom japplikaw għall-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri lill-impriżi fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura.

2.   Madankollu, l-Artikoli 107, 108 u 109 TFUE ma għandhomx japplikaw għall-pagamenti li jagħmlu l-Istati Membri skont dan ir-Regolament, u li huma fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 42 TFUE.

3.   Id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-finanzjament pubbliku li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament f'dak li għandu x'jaqsam mal-pagamenti msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu ttrattati b'mod ġenerali abbażi tal-paragrafu 1.

4.   Għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura elenkati fl-Anness I TFUE li għalihom japplikaw l-Artikoli 107, 108 u 109 tiegħu, il-Kummissjoni tista' tawtorizza, f'konformità mal-Artikolu 108 TFUE, għajnuna operattiva fir-reġjuni ultraperiferiċi msemmija fl-Artikolu 349 TFUE fir-rigward tas-setturi tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, bl-għan li jittaffew ir-restrizzjonijiet speċifiċi f'dawk ir-reġjuni bħala riżultat tal-iżolament, l-insularità jew il-periferiċità tagħhom.

Artikolu 11

Ammissibbiltà tal-applikazzjonijiet

1.   Applikazzjoni għall-appoġġ ippreżentata minn operatur għandha tkun inammissibbli għal perijodu ta' żmien identifikat stabbilit skont il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, jekk ikun ġie ddeterminat mill-awtorità kompetenti li l-operatur ikkonċernat:

(a)

wettaq ksur serju skont l-Artikolu 42 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (30) jew l-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jew skont leġiżlazzjoni oħra adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-PKS;

(b)

kien involut fl-operazzjoni, fil-ġestjoni jew fis-sjieda ta' bastiment tas-sajd inklużi fil-lista ta' bastimenti IUU tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 40(3) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, jew ta' bastiment li jtajjar il-bandiera ta' pajjiżi identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx kif stipulat fl-Artikolu 33 ta' dak Regolament; jew

(c)

wettaq kwalunkwe reat ambjentali stipulat fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31), fejn l-applikazzjoni għal appoġġ tiġi ppreżentata skont l-Artikolu 27 ta' dan ir-Regolament.

2.   Jekk isseħħ kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu matul il-perijodu bejn il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ u ħames snin wara l-pagament finali, l-appoġġ imħallas mill-FEMSA u relatat ma' dik l-applikazzjoni għandu jiġi rkuprat mill-operatur, f'konformità mal-Artikolu 44 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 103 tar-Regolament (UE) 2021/1060.

3.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali li għandhom kamp ta' applikazzjoni aktar wiesa' li jintlaħaq qbil dwarhom fil-Ftehim ta' Sħubija mal-Istat Membru kkonċernat, applikazzjoni għal appoġġ ippreżentata minn operatur għandha tkun inammissibbli għal perijodu ta' żmien identifikat stabbilit skont il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, jekk ikun ġie ddeterminat permezz ta' deċiżjoni finali mill-awtorità kompetenti li l-operatur ikun ikkommetta frodi, kif iddefinit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2017/1371, fil-kuntest tal-FEMS jew tal-FEMSA.

4.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 62, li jissupplimentaw dan ir-Regolament dwar:

(a)

l-identifikazzjoni tal-iskattar tal-limitu u l-perijodu ta' żmien tal-inammissibbiltà msemmi fil-paragrafi 1 u 3 ta' dan l-Artikolu, li għandu jkun proporzjonat man-natura, il-gravità, it-tul ta' żmien u r-ripetizzjoni tal-ksur serju, tar-reat jew tal-frodi mwettqa, u għandu jkun ta' mill-inqas sena;

(b)

f'konformità mal-Artikolu 103 tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-arranġamenti biex tinkiseb lura l-appoġġ mogħti skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, li għandhom ikunu proporzjonati man-natura, il-gravità, it-tul ta' żmien u r-ripetizzjoni tal-ksur serju jew reati mwettqa;

(c)

id-dati rilevanti tal-bidu jew tat-tmiem tal-perijodi taż-żmien imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 u l-kondizzjonijiet għal perijodu iqsar ta' inammissibbiltà.

5.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw, f'konformità mar-regoli nazzjonali, perijodu itwal ta' inammissibbiltà minn dak stabbilit skont il-paragrafu 4. L-Istati Membri jistgħu japplikaw perijodu ta' inammissibbiltà wkoll għal applikazzjonijiet għall-appoġġ ippreżentati mill-operaturi involuti f'sajd fl-ilmijiet interni li jkunu wettqu ksur serju, kif definit mir-regoli nazzjonali.

6.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi li jippreżentaw applikazzjoni għall-appoġġ skont il-FEMSA jipprovdu lill-awtorità ta' ġestjoni dikjarazzjoni ffirmata li tikkonferma li huma ma jaqgħu taħt ebda waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fil-paragrafi 1 u 3 ta' dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw il-veraċità ta' dik id-dikjarazzjoni qabel ma japprovaw l-applikazzjoni, abbażi tal-informazzjoni disponibbli fir-reġistri nazzjonali tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 93 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, jew kwalunkwe data oħra disponibbli.

Għall-finijiet tal-verifika msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, Stat Membru għandu jipprovdi, fuq talba minn Stat Membru ieħor, l-informazzjoni li tkun tinsab fir-reġistru nazzjonali tiegħu tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 93 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 12

Eliġibbiltà għal appoġġ mill-FEMSA taħt ġestjoni kondiviża

1.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1060, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu għall-appoġġ taħt dan it-Titolu l-operazzjonijiet li:

(a)

jaqgħu fl-ambitu tal-prijoritajiet u l-objettivi speċifiċi stipulati fl-Artikolu 8(2);

(b)

ma jkunux ineliġibbli skont l-Artikolu 13; u

(c)

jkunu f'konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.

2.   Il-FEMSA jista' jappoġġa investimenti abbord meħtieġa għall-konformità mar-rekwiżiti imposti minn Stat Membru biex jidħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet fakultattivi skont id-Direttiva (UE) 2017/159.

Artikolu 13

Operazzjonijiet jew nefqa ineliġibbli

L-operazzjonijiet jew in-nefqa li ġejjin ma għandhomx ikunu eliġibbli għal appoġġ mill-FEMSA:

(a)

operazzjonijiet li jżidu l-kapaċità tas-sajd ta' bastiment tas-sajd, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 19;

(b)

l-akkwist ta' tagħmir li jżid il-kapaċità ta' bastiment tas-sajd li jsib il-ħut;

(c)

il-bini, l-akkwist jew l-importazzjoni ta' bastimenti tas-sajd, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 17;

(d)

it-trasferiment jew il-bdil tal-bandiera ta' bastimenti tas-sajd lil pajjiżi terzi, lanqas permezz tal-ħolqien ta' negozji bi sħab ma' persuni minn pajjiżi terzi;

(e)

il-waqfien temporanju jew permanenti tal-attivitajiet tas-sajd, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 20 u 21;

(f)

is-sajd esploratorju;

(g)

it-trasferiment tas-sjieda ta' negozju;

(h)

ir-ripopolazzjoni diretta, dment li din ma tkunx prevista b'mod espliċitu bħala miżura ta' riintroduzzjoni jew miżura oħra ta' konservazzjoni f’att legali tal-Unjoni jew fil-każ ta' ripopolazzjoni sperimentali;

(i)

il-bini ta' portijiet ġodda jew swali tal-irkant ġodda, bl-eċċezzjoni ta' postijiet ġodda ta' ħatt l-art;

(j)

mekkaniżmi ta' intervent fis-suq li l-għan tagħhom ikun li jirtiraw il-prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura mis-suq b'mod temporanju jew permanenti biex tonqos il-provvista biex ma jonqsux il-prezzijiet jew biex jogħlew l-prezzijiet, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 26(2);

(k)

investimenti abbord bastimenti tas-sajd li jkunu meħtieġa għall-konformità mar-rekwiżiti skont id-dritt tal-Unjoni li jkunu fis-seħħ meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal appoġġ, inkluż ir-rekwiżiti skont l-obbligi tal-Unjoni fil-kuntest ta’ RFMOs, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 22;

(l)

investimenti abbord bastimenti tas-sajd li jkunu ilhom iwettqu attivitajiet tas-sajd għal inqas minn 60 jum fl-aħħar sentejn kalendarji ta' qabel is-sena ta' preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ;

(m)

is-sostituzzjoni jew l-modernizzazzjoni ta' magna prinċipali jew anċillari ta’ bastiment tas-sajd, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 18.

KAPITOLU II

Prijorità 1: It-trawwim tas-sajd sostenibbli u r-restawr u l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi akkwatiċi

Taqsima 1

Ambitu tal-Appoġġ

Artikolu 14

Objettivi speċifiċi

1.   L-appoġġ skont dan il-Kapitolu għandu jkopri interventi li jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-PSK, kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, permezz ta' wieħed jew aktar mill-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

it-tisħiħ ta' attivitajiet tas-sajd li huma ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli;

(b)

iż-żieda fl-effiċjenza fl-enerġija u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 permezz tas-sostituzzjoni jew l-modernizzazzjoni tal-magni tal-bastimenti tas-sajd;

(c)

il-promozzjoni tal-aġġustament tal-kapaċità tas-sajd għal opportunitajiet tas-sajd f'każijiet ta' waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd u l-kontribut għal standard ta' għajxien ġust f'każijiet ta' waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd;

(d)

it-trawwim ta' kontroll u infurzar effiċjenti tas-sajd, inkluż il-ġlieda kontra s-sajd IUU, kif ukoll data affidabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet ibbażat fuq l-għarfien;

(e)

il-promozzjoni ta' kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura mir-reġjuni ultraperiferiċi; u

(f)

il-kontribut għall-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi akkwatiċi.

2.   L-appoġġ taħt dan il-Kapitolu jista' jingħata għas-sajd fl-ilmijiet interni skont il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16.

Taqsima 2

Kondizzjonijiet speċifiċi

Artikolu 15

Trasferiment jew bdil tal-bandiera ta' bastimenti tas-sajd

Meta jingħata l-appoġġ fir-rigward ta' bastiment tas-sajd tal-Unjoni skont dan il-Kapitolu, dak il-bastiment ma għandux jiġi ttrasferit jew ikun soġġett għal bdil tal-bandiera barra l-Unjoni għal mill-inqas ħames snin wara l-aħħar pagament li jkun ingħata għall-operazzjoni appoġġata.

Artikolu 16

Sajd fl-ilmijiet interni

1.   Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 17(6), fil-punt (a) tal-Artikolu 18(2), fil-punti (a) u (d) tal-Artikolu 19(2), fl-Artikolu 20, fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 21(2), kif ukoll ir-referenza għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 fil-punt (d) tal-Artikolu 19(3) ta' dan ir-Regolament ma għandhomx japplikaw għall-bastimenti li jistadu fl-ilmijiet interni.

2.   Fil-każ ta' bastimenti li jistadu fl-ilmijiet interni, ir-referenzi għad-data tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-flotta tal-Unjoni fil-punti (d) u (e) tal-Artikolu 17(6), il-punt (b) tal-Artikolu 18(2) u l-punt (c) tal-Artikolu 19(2) għandhom jiġu sostitwiti b'referenzi għad-data tad-dħul fis-servizz, f'konformità mal-liġi nazzjonali.

Artikolu 17

L-ewwel akkwist ta' bastiment tas-sajd

1.   B'deroga mill-punt (c) tal-Artikolu 13, il-FEMSA jista' jappoġġa l-ewwel akkwist ta' bastiment tas-sajd jew l-akkwist ta' sjieda parzjali tiegħu.

L-appoġġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 14(1).

2.   L-appoġġ skont dan l-Artikolu jista' jingħata biss lil persuna fiżika li:

(a)

ma jkollhiex aktar minn 40 sena fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ; u

(b)

tkun ħadmet għal mill-inqas ħames snin bħala sajjied jew tkun kisbet kwalifika adegwata.

3.   L-appoġġ skont il-paragrafu 1 jista' jingħata wkoll lil entitajiet ġuridiċi li jkunu kompletament fis-sjieda ta' persuna fiżika waħda jew aktar, li kull waħda minnhom tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2.

4.   L-appoġġ skont dan l-Artikolu jista' jingħata għall-ewwel akkwist konġunt ta' bastiment tas-sajd minn diversi persuni fiżiċi, li kull waħda tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2.

5.   L-appoġġ skont dan l-Artikolu jista' jingħata wkoll għall-akkwist ta' sjieda parzjali ta' bastiment tas-sajd minn persuna fiżika li tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 u li għandha titqies li jkollha drittijiet ta' kontroll fuq dak il-bastiment permezz tas-sjieda ta' mill-inqas 33 % tal-bastiment jew tal-ishma fil-bastiment jew minn entità legali li tissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3 u li għandha titqies li jkollha drittijiet ta' kontroll fuq dak il-bastiment permezz tas-sjieda ta' mill-inqas 33 % tal-bastiment jew tal-ishma fil-bastiment.

6.   L-appoġġ skont dan l-Artikolu jista' jingħata biss fir-rigward ta' bastiment tas-sajd li:

(a)

jappartjeni għal taqsima tal-flotta li fir-rigward tagħha l-aħħar rapport dwar il-kapaċità tas-sajd, imsemmi fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament(UE) Nru 1380/2013, ikun wera bilanċ mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għal dik it-taqsima;

(b)

ikun mgħammar għall-attivitajiet tas-sajd;

(c)

ma jaqbiżx l-24 metru f'tul totali;

(d)

ikun ġie rreġistrat fir-reġistru tal-flotta tal-Unjoni għal mill-inqas tliet snin kalendarji ta' qabel is-sena ta' preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ fil-każ ta' bastiment tas-sajd kostali fuq skala żgħira, u għal mill-inqas ħames snin kalendarji fil-każ ta' tip ta' bastiment ieħor; u

(e)

ikun ġie rreġistrat fir-reġistru tal-flotta tal-Unjoni għal massimu ta' 30 sena kalendarja ta' qabel is-sena ta' preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ.

7.   L-ewwel akkwist ta' bastiment tas-sajd appoġġat taħt dan l-Artikolu ma għandux jitqies bħala trasferiment tas-sjieda ta' negozju fit-tifsira tal-punt (g) tal-Artikolu 13.

Artikolu 18

Is-sostituzzjoni jew il-modernizzazzjoni ta' magna prinċipali jew anċillari

1.   B'deroga mill-punt (m) tal-Artikolu 13, il-FEMSA jista' jappoġġa s-sostituzzjoni jew il-modernizzazzjoni ta' magna prinċipali jew anċillari ta' bastiment tas-sajd b'tul totali ta' mhux aktar minn 24 metru.

L-appoġġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 14(1).

2.   L-appoġġ skont dan l-Artikolu jista' jingħata biss bil-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-bastiment jappartjeni għal taqsima tal-flotta li fir-rigward tagħha l-aħħar rapport dwar il-kapaċità tas-sajd, imsemmi fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament(UE) Nru 1380/2013, ikun wera bilanċ mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għal dik it-taqsima;

(b)

il-bastiment ikun ġie rreġistrat fir-reġistru tal-flotta tal-Unjoni għal mill-inqas ħames snin kalendarji ta' qabel is-sena ta' preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ;

(c)

għal bastimenti tas-sajd kostali fuq skala żgħira, il-magna l-ġdida jew modernizzata ma jkollhiex iktar saħħa f'kW mill-magna attwali; u

(d)

għal bastimenti oħrajn b'tul totali ta' mhux aktar minn 24 metru, il-magna l-ġdida jew modernizzata ma jkollhiex iktar saħħa f'kW mill-magna attwali u tarmi mill-inqas 20 % inqas CO2 meta mqabbel mal-magna attwali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-magni kollha sostitwiti jew modernizzati jkunu soġġetti għal verifika fiżika.

4.   Il-kapaċità tas-sajd irtirata minħabba s-sostituzzjoni jew il-modernizzazzjoni ta' magna prinċipali jew anċillari ma għandhiex tiġi sostitwita.

5.   It-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 meħtieġ skont il-punt (d) tal-paragrafu 2 għandu jitqies li jkun intlaħaq bi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn l-informazzjoni rilevanti ċċertifikata mill-manifattur tal-magni kkonċernati bħala parti minn approvazzjoni tat-tip jew ċertifikat tal-prodott tindika li l-magna l-ġdida tarmi 20 % inqas CO2 mill-magna li tkun qed tiġi sostitwita; jew

(b)

fejn l-informazzjoni rilevanti ċċertifikata mill-manifattur tal-magna kkonċernata bħala parti minn approvazzjoni tat-tip jew ċertifikat tal-prodott tindika li l-magna l-ġdida tuża 20 % inqas fjuwil mill-magna li tkun qed tiġi sostitwita.

Fejn l-informazzjoni rilevanti ċċertifikata mill-manifattur tal-magni kkonċernati bħala parti minn approvazzjoni tat-tip jew ċertifikat tal-prodott għal magna waħda jew għaż-żewġ magni ma tippermettix li jsir paragun tal-emissjonijiet ta’ CO2 jew tal-konsum tal-fjuwil, it-tnaqqis tal-emissjonijiet CO2 meħtieġ skont il-punt (d) tal-paragrafu 2 għandu jitqies li jkun intlaħaq f'kull wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

il-magna l-ġdida tuża teknoloġija effiċjenti fl-enerġija u d-differenza fl-età bejn il-magna l-ġdida u l-magna li tkun qed tiġi sostitwita tkun mill-inqas seba' snin;

(b)

il-magna l-ġdida tuża tip ta' fjuwil jew sistema ta' propulsjoni li titqies li tarmi inqas CO2 mill-magna li tkun qed tiġi sostitwita;

(c)

l-Istat Membru jikkalkula li l-magna l-ġdida tarmi 20 % inqas CO2 jew tuża 20 % inqas fjuwil mill-magna li tkun qed tiġi sostitwita skont l-isforz normali tas-sajd tal-bastiment ikkonċernat.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tidentifika t-teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija msemmija fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu u biex tispeċifika aktar l-elementi metodoloġiċi għall-implimentazzjoni tal-punt (c) ta' dak is-subparagrafu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 63(2).

Artikolu 19

Żieda fit-tunnellaġġ gross ta' bastiment tas-sajd biex jitjiebu s-sikurezza, il-kondizzjonijiet tax-xogħol jew l-effiċjenza fl-enerġija

1.   B'deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 13, il-FEMSA jista' jappoġġa operazzjonijiet li jżidu t-tunnellaġġ gross ta' bastiment tas-sajd bil-għan li jitjiebu s-sikurezza, il-kondizzjonijiet tax-xogħol jew l-effiċjenza fl-enerġija.

L-appoġġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 14(1).

2.   L-appoġġ skont dan l-Artikolu jista' jingħata biss bil-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-bastiment tas-sajd ikun jappartjeni għal taqsima tal-flotta li fir-rigward tagħha l-aħħar rapport dwar il-kapaċità tas-sajd, imsemmi fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, ikun wera bilanċ tal-kapaċità tas-sajd tat-taqsima mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għal dik it-taqsima;

(b)

il-bastiment tas-sajd ma jaqbiżx l-24 metru f'tul totali;

(c)

il-bastiment tas-sajd ikun ġie rreġistrat fir-reġistru tal-flotta tal-Unjoni għal mill-inqas għaxar snin kalendarji ta' qabel is-sena ta' preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ; u

(d)

id-dħul fil-flotta tas-sajd tal-kapaċità tas-sajd ġdida ġġenerata mill-operazzjoni jkun ikkumpensat bl-irtirar minn qabel ta' mill-inqas l-istess ammont ta' kapaċità tas-sajd mingħajr għajnuna pubblika mill-istess taqsima tal-flotta jew minn taqsima tal-flotta li fir-rigward tagħha l-aħħar rapport dwar il-kapaċità tas-sajd, imsemmi fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, ikun wera li l-kapaċità tas-sajd mhijiex f’bilanċ mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għal dik it-taqsima.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-operazzjonijiet li ġejjin biss għandhom ikunu eliġibbli:

(a)

iż-żieda fit-tunnellaġġ gross meħtieġ għall-installazzjoni jew ir-rinnovazzjoni sussegwenti tal-faċilitajiet ta' akkomodazzjoni ddedikati għall-użu esklużiv tal-ekwipaġġ, li jinkludu faċilitajiet sanitarji, żoni komuni, faċilitajiet ta' kċina u strutturi ta' kenn fuq il-gverta;

(b)

iż-żieda fit-tunnellaġġ gross meħtieġ għat-titjib jew l-installazzjoni sussegwenti abbord ta' sistemi għall-prevenzjoni ta' nirien, sistemi ta' sikurezza u ta' allarm jew sistemi għat-tnaqqis tal-istorbju;

(c)

iż-żieda fit-tunnellaġġ gross meħtieġ għall-installazzjoni sussegwenti ta' sistemi integrati ta' pontijiet tan-navigazzjoni biex jittejbu n-navigazzjoni jew il-kontroll tal-magna;

(d)

iż-żieda fit-tunnellaġġ gross meħtieġ għall-installazzjoni jew ir-rinnovazzjoni sussegwenti ta' magna jew sistema ta' propulsjoni li turi effiċjenza aħjar fl-enerġija jew emissjonijiet aktar baxxi ta' CO2 meta mqabbla mas-sitwazzjoni preċedenti, li ma jkollhiex saħħa li taqbeż is-saħħa tal-magna preċedentement iċċertifikata tal-bastiment tas-sajd skont l-Artikolu 40(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, u li l-potenza massima tal-output tagħha tkun iċċertifikata mill-manifattur għal dak il-mudell tal-magna jew tas-sistema ta' propulsjoni;

(e)

is-sostituzzjoni jew ir-rinnovazzjoni tal-pruwa bulbali dment li din ittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija kumplessiva tal-bastiment tas-sajd.

4.   Bħala parti mid-data pprovduta skont l-Artikolu 46(3), l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-karatteristiċi tal-operazzjonijiet appoġġati skont dan l-Artikolu, inkluż l-ammont miżjud tal-kapaċità tas-sajd u l-iskop ta' dik iż-żieda.

5.   L-appoġġ skont dan l-Artikolu ma għandux ikopri operazzjonijiet relatati ma' investimenti li jkollhom l-għan li jtejbu s-sikurezza, il-kondizzjonijiet tax-xogħol jew l-effiċjenza fl-enerġija fejn tali operazzjonijiet ma jżidux il-kapaċità tas-sajd tal-bastiment ikkonċernat. Dawk l-operazzjonijiet jistgħu jiġu appoġġati f'konformità mal-Artikolu 12.

Artikolu 20

Waqfien permanenti mill-attivitajiet tas-sajd

1.   B'deroga mill-punt (e) tal-Artikolu 13, il-FEMSA jista' jappoġġa kumpens għall-waqfien permanenti mill-attivitajiet tas-sajd.

L-appoġġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 14(1).

2.   L-appoġġ skont dan l-Artikolu jista' jingħata biss bil-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-waqfien huwa previst bħala għodda ta' pjan ta' azzjoni msemmi fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b)

il-waqfien isir permezz tal-iskrappjar tal-bastiment tas-sajd jew billi jiġi dekommissjonat u mmodifikat b'mod retroattiv għal attivitajiet differenti mis-sajd kummerċjali, f'konformità mal-objettivi tal-PKS u tal-pjanijiet pluriennali msemmija fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(c)

il-bastiment tas-sajd ikun irreġistrat bħala attiv u jkun wettaq attivitajiet tas-sajd fuq il-baħar għal mill-inqas 90 jum fis-sena matul l-aħħar sentejn kalendarji ta' qabel id-data ta' preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ;

(d)

il-kapaċità tas-sajd ekwivalenti titħassar b'mod permanenti mir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni, u l-liċenzji tas-sajd u l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd jiġu rtirati b'mod permanenti, f'konformità mal-Artikolu 22(5) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013; u

(e)

il-benefiċjarju ma għandu jirreġistra l-ebda bastiment tas-sajd ġdid fil-ħames snin wara li jirċievi l-appoġġ.

3.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jingħata biss:

(a)

lis-sidien tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni kkonċernati mill-waqfien permanenti; u

(b)

lis-sajjieda li jkunu ħadmu fuq il-baħar abbord bastiment tas-sajd tal-Unjoni kkonċernat mill-waqfien permanenti għal mill-inqas 90 jum fis-sena matul l-aħħar sentejn kalendarji ta' qabel is-sena ta' preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ.

Is-sajjieda msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandhom iwaqqfu l-attivitajiet kollha tas-sajd għal ħames snin wara li jirċievu l-appoġġ. Jekk sajjied jerġa' jwettaq attivitajiet tas-sajd f'dak il-perijodu ta' żmien, is-somom imħallsin indebitament fir-rigward tal-operazzjoni għandhom jiġu rkuprati mill-Istat Membru kkonċernat, f'ammont proporzjonat għall-perijodu li matulu ma tkunx ġiet sodisfatta l-kondizzjoni stipulata fl-ewwel sentenza ta' dan is-subparagrafu.

Artikolu 21

Waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd

1.   B'deroga mill-punt (e) tal-Artikolu 13, il-FEMSA jista' jappoġġa kumpens għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd.

L-appoġġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 14(1).

2.   L-appoġġ skont dan l-Artikolu jista' jingħata biss fil-każ ta’:

(a)

miżuri ta' konservazzjoni, kif imsemmija fil-punti (a), (b), (c), (i) u (j) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jew, fejn japplika għall-Unjoni, miżuri ta' konservazzjoni ekwivalenti adottati minn RFMOs;

(b)

miżuri tal-Kummissjoni f'każ ta' theddid serju għar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, kif imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(c)

miżuri ta' emerġenza tal-Istati Membri skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(d)

l-interruzzjoni, minħabba forza maġġuri, tal-applikazzjoni ta' SFPAs jew protokoll tiegħu; jew

(e)

diżastri naturali, inċidenti ambjentali jew kriżijiet tas-saħħa, kif rikonoxxuti formalment mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru rilevanti.

3.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jingħata biss fejn l-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment jew tas-sajjied ikkonċernat jitwaqqfu għal mill-inqas 30 jum f'sena kalendarja partikolari.

4.   L-appoġġ imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 2 jista' jingħata biss meta, abbażi tal-parir xjentifiku, ikun meħtieġ tnaqqis tal-isforz tas-sajd sabiex jinkisbu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 2(2) u l-punt (a) tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

5.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jingħata biss:

(a)

lis-sidien jew lill-operaturi ta' bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkunu rreġistrati bħala attivi u li jkunu wettqu attivitajiet tas-sajd fuq il-baħar għal mill-inqas 120 jum matul l-aħħar sentejn kalendarji ta' qabel is-sena ta' preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ;

(b)

lis-sajjieda li jkunu ħadmu fuq il-baħar abbord bastiment tas-sajd tal-Unjoni kkonċernat mill-waqfien permanenti għal mill-inqas 120 jum matul l-aħħar sentejn kalendarji ta' qabel is-sena ta' preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ; jew

(c)

lis-sajjieda tal-miexi li jkunu wettqu attivitajiet tas-sajd għal mill-inqas 120 jum matul l-aħħar sentejn kalendarji ta' qabel is-sena ta' preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal appoġġ.

Ir-referenza għall-għadd ta' jiem fuq il-baħar f'dan il-paragrafu ma għandhiex tapplika għas-sajd tas-sallura.

6.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jingħata għal perijodu massimu ta' 12-il xahar għal kull bastiment jew għal kull sajjied matul il-perijodu ta' programmazzjoni.

7.   L-attivitajiet tas-sajd kollha li jwettqu l-bastiment tas-sajd jew is-sajjieda kkonċernati għandhom ikunu sospiżi b'mod effettiv matul il-perijodu kkonċernat mill-waqfien temporanju. L-Istat Membru kkonċernat għandu jivverifika hu nnifsu li l-bastiment jew is-sajjied ikkonċernat waqqaf kull attività tas-sajd tul il-perijodu kkonċernat mill-waqfien temporanju u li kwalunkwe kumpens żejjed li jirriżulta mill-użu tal-bastiment għal skopijiet oħra jiġi evitat.

Artikolu 22

Il-kontroll u l-infurzar

1.   Il-FEMSA jista' jappoġġa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' sistema ta' kontroll tas-sajd tal-Unjoni kif previst fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u kif speċifikat aktar fir-Regolamenti (KE) Nru 1224/2009 u (KE) Nru 1005/2008.

L-appoġġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 14(1).

2.   B'deroga mill-punt (k) tal-Artikolu 13, l-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan Artikolu jista' jkopri:

(a)

ix-xiri, l-installazzjoni u l-ġestjoni abbord tal-komponenti meħtieġa għas-sistemi obbligatorji ta' traċċar tal-bastiment u ta' rapportar elettroniku użati għal skopijiet ta' kontroll;

(b)

ix-xiri, l-installazzjoni u l-ġestjoni abbord tal-komponenti meħtieġa għas-sistemi obbligatorji ta' monitoraġġ elettroniku mill-bogħod użati għall-kontroll tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art imsemmi fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(c)

ix-xiri, l-installazzjoni u l-ġestjoni abbord ta' apparati għall-kejl u r-reġistrazzjoni obbligatorji kontinwi tal-potenza propulsiva tal-magni.

3.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jikkontribwixxi wkoll għas-sorveljanza marittima kif imsemmi fl-Artikolu 33, u għall-kooperazzjoni dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta kif imsemmi fl-Artikolu 34.

Artikolu 23

Il-ġbir, il-ġestjoni,l-użu u l-ipproċessar ta' data fis-settur tas-sajd, u l-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni

1.   Il-FEMSA jista' jappoġġa l-ġbir, il-ġestjoni, l-użu u l-ipproċessar ta' data bijoloġika, ambjentali, teknika u soċjoekonomika fis-settur tas-sajd, kif previst fl-Artikolu 25(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u speċifikat aktar fir-Regolament (UE) 2017/1004, abbażi tal-pjanijiet ta' ħidma nazzjonali msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2017/1004. Il-FEMSA tista’ tappoġġa wkoll programmi ta’ riċerka u innovazzjoni tas-sajd u l-akkwakultura, kif previst fl-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

2.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 14(1).

Artikolu 24

Il-promozzjoni ta' kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura mir-reġjuni ultraperiferiċi

1.   Il-FEMSA jista' jappoġġa kumpens għall-ispejjeż addizzjonali mġarrba mill-operaturi fl-oqsma tas-sajd, it-trobbija tal-ħut, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura mir-reġjuni ultraperiferiċi.

2.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 14(1).

3.   L-appoġġ skont dan l-Artikolu jista' jingħata biss skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 36.

Artikolu 25

Il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi akkwatiċi

1.   Il-FEMSA jista' jappoġġa azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi akkwatiċi, inkluż fl-ilmijiet interni.

L-appoġġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jikkontribwixxi għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (f) tal-Artikolu 14(1).

2.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jkopri, fost oħrajn:

(a)

il-kumpens lis-sajjieda għall-ġbir passiv ta' rkaptu tas-sajd mitluf u ta' skart li jinġabar mill-baħar;

(b)

l-investimenti fil-portijiet jew f'infrastruttura oħra biex dawn jipprovdu faċilitajiet adegwati ta' akkoljenza għall-irkaptu tas-sajd mitluf u għall-iskart li jinġabar mill-baħar;

(c)

l-azzjonijiet biex jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb fl-ambjent tal-baħar, kif stipulat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE;

d)

l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' protezzjoni tal-ispazju stabbiliti skont l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2008/56/KE;

(e)

il-ġestjoni, ir-restawr, is-sorveljanza u l-monitoraġġ taż-żoni tan-Natura 2000, b'kont meħud tal-oqfsa ta' azzjonijiet prijoritizzati stabbiliti skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/43/KEE;

(f)

il-protezzjoni tal-ispeċijiet skont id-Direttivi 92/43/KEE u 2009/147/KE, b'kont meħud tal-oqfsa ta' azzjonijiet prijoritizzati stabbiliti skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/43/KEE;

(g)

ir-restawr tal-ilmijiet interni f'konformità mal-programm ta' miżuri stabbilit skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60/KE.

KAPITOLU III

Prijorità 2: It-trawwim ta' attivitajiet ta' akkwakultura sostenibbli u l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, biex b’hekk jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel fl-Unjoni

Taqsima 1

Ambitu tal-appoġġ

Artikolu 26

Objettivi speċifiċi

1.   L-appoġġ skont dan il-Kapitolu għandu jkopri interventi li jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-PSK kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380 2013, permezz tal-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

il-promozzjoni ta' attivitajiet ta' akkwakultura sostenibbli, speċjalment it-tisħiħ tal-kompetittività tal-produzzjoni tal-akkwakultura filwaqt li jiġi żgurat li l-attivitajiet ikunu ambjentalment sostenibbli fit-tul;

(b)

il-promozzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni, tal-kwalità u tal-valur miżjud tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, kif ukoll l-ipproċessar ta' dawk il-prodotti.

2.   B'deroga mill-punt (j) tal-Artikolu 13, f'każ ta' avvenimenti eċċezzjonali li jikkawżaw tfixkil sinifikanti tas-swieq, l-appoġġ imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jkopri:

(a)

kumpens lill-operaturi tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura għall-introjtu li jkunu tilfu jew għall-ispejjeż addizzjonali li jkunu ġarrbu; u

(b)

kumpens lil organizzazzjonijiet ta' produtturi u assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi rikonoxxuti li jaħżnu l-prodotti tas-sajd elenkati fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1379/2013, dment li dawk il-prodotti jinħażnu f'konformità mal-Artikoli 30 u 31 ta' dak ir-Regolament.

L-appoġġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu jista' jkun eliġibbli biss jekk il-Kummissjoni tkun stabbiliet, permezz ta’ deċiżjoni ta' implimentazzjoni, l-okkorrenza ta' avveniment eċċezzjonali. In-nefqa għandha tkun eliġibbli biss matul il-perijodu ta' żmien stabbilit f'dik id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni.

3.   Minbarra l-attivitajiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-appoġġ skont dak il-punt jista' jkopri wkoll interventi li jikkontribwixxu għall-akkwakultura billi jipprovdu servizzi ambjentali, kif ukoll li jiżguraw is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali fl-akkwakultura fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32).

4.   L-appoġġ skont il-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jikkontribwixxi wkoll għall-kisba tal-objettivi tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura kif previst fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, inkluż il-pjanijiet ta' produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni kif deskritti fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013.

Taqsima 2

Kondizzjonijiet speċifiċi

Artikolu 27

Akkwakultura

Biex jinkiseb l-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 26(1) ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-promozzjoni ta' attivitajiet ta' akkwakultura, l-appoġġ għandu jkun konsistenti mal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali pluriennali għall-iżvilupp tal-akkwakultura msemmija fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 28

L-ipproċessar ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura

Biex jinkiseb l-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 26(1) ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-ipproċessar ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, l-appoġġ lil intrapriżi minbarra SMEs għandu jingħata biss permezz tal-istrumenti finanzjarji previsti fl-Artikolu 58 tar-Regolament (IUE) 2021/1060 jew permezz ta' InvestEU, f'konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2021/523.

KAPITOLU IV

Prijorità 3: L-iffaċilitar ta' ekonomija blu sostenibbli f'żoni kostali, fi gżejjer u f'żoni interni, u t-trawwim tal-iżvilupp ta' komunitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura

Taqsima 1

Ambitu tal-appoġġ

Artikolu 29

Objettiv speċifiku

L-appoġġ skont dan il-Kapitolu għandu jkopri interventi li jikkontribwixxu għall-iffaċilitar ta' ekonomija blu sostenibbli f'żoni kostali, fi gżejjer u f'żoni interni, u għat-trawwim tal-iżvilupp sostenibbli ta' komunitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura.

Taqsima 2

Kondizzjonijiet speċifiċi

Artikolu 30

Żvilupp lokali mmexxi mill-komunità

1.   Biex jintlaħaq l-objettiv speċifiku msemmi fl-Artikolu 29 ta' dan ir-Regolament , l-appoġġ għandu jiġi implimentat permezz tas-CLLD stipulat fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2021/1060.

2.   Għall-finijiet ta’ dan l-Arikolu, l-istrateġiji tas-CLLD imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2021/1060 għandhom jiżguraw li l-komunitajiet f'żoni tas-sajd jew tal-akkwakultura jisfruttaw aħjar u jibbenefikaw iżjed mill-opportunitajiet li toffri l-ekonomija blu sostenibbli billi jsaħħu r-riżorsi ambjentali, kulturali, soċjali u umani u jiksbu l-vantaġġi minnhom. Dawk l-istrateġiji tas-CLLD jistgħu jvarjaw minn dawk li jiffokaw fuq is-sajd jew l-akkwakultura għal strateġiji usa' diretti lejn id-diversifikazzjoni tal-komunitajiet lokali.

KAPITOLU V

Prijorità 4: It-tisħiħ tal-governanza internazzjonali tal-oċeani u l-iffaċilitar ta’ bħra u oċeani siguri, mingħajr periklu, nodfa u ġestiti b'mod sostenibbli

Taqsima 1

Ambitu tal-appoġġ

Artikolu 31

Objettiv speċifiku

L-appoġġ skont dan il-Kapitolu għandu jkopri interventi li jikkontribwixxu għall-ġestjoni sostenibbli tal-ibħra u tal-oċeani permezz tal-promozzjoni tal-għarfien dwar il-baħar, is-sorveljanza marittima jew il-kooperazzjoni tal-gwardja tal-kosta.

Taqsima 2

Kondizzjonijiet speċifiċi

Artikolu 32

Għarfien dwar il-baħar

L-appoġġ mogħti biex jinkiseb l-objettiv speċifiku msemmi fl-Artikolu 31 ta' dan ir-Regolament permezz tal-promozzjoni tal-għarfien dwar il-baħar għandu jikkontribwixxi għal azzjonijiet li għandhom l-għan li jiġbru, jimmaniġġjaw, janalizzaw, jipproċessaw u jużaw data biex jitjieb l-għarfien dwar l-istat tal-ambjent tal-baħar, bil-ħsieb li:

(a)

jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta' monitoraġġ u tal-għażla u l-ġestjoni tas-siti skont id-Direttivi 92/43/KEE u 2009/147/KE;

(b)

jiġi appoġġat l-ippjanar tal-ispazju marittimu skont id-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33); jew

(c)

tittejjeb il-kwalità tad-data u tiżdied il-kondiviżjoni tad-data permezz tan-network Ewropew ta' Osservazzjoni u Data Marittima (EMODnet).

Artikolu 33

Sorveljanza marittima

1.   Biex jinkiseb l-objettiv speċifiku stabbilit fl-Artikolu 31 permezz tal-promozzjoni tas-sorveljanza marittima, għandu jingħata appoġġ għal azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tas-CISE.

2.   L-appoġġ għall-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' sistema ta' kontroll tas-sajd tal-Unjoni skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 22.

Artikolu 34

Kooperazzjoni tal-gwardja tal-kosta

1.   L-appoġġ mogħti biex jinkiseb l-objettiv speċifiku stabbilit fl-Artikolu 31 permezz tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni tal-gwardja tal-kosta għandu jikkontribwixxi għal azzjonijiet li jitwettqu mill-awtoritajiet nazzjonali fil-qafas tal-kooperazzjoni Ewropea dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta msemmija fl-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34), fl-Artikolu 2b tar-Regolament (KE) 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35) u fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36).

2.   L-appoġġ għall-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jista' jikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' sistema ta' kontroll tas-sajd tal-Unjoni skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 22.

KAPITOLU VI

Żvilupp sostenibbli tar-reġjuni ultraperiferiċi

Artikolu 35

Pjan ta' azzjoni għar-reġjuni ultraperiferiċi

F'konformità mal-Artikolu 8(3), bħala parti mill-programm tagħhom, l-Istati Membri kkonċernati għandhom iħejju pjan ta' azzjoni għal kull wieħed mir-reġjuni ultraperiferiċi tagħhom, li għandhom jistipulaw:

(a)

strateġija għall-isfruttament sostenibbli tas-sajd u għall-iżvilupp ta' setturi sostenibbli tal-ekonomija blu;

(b)

deskrizzjoni tal-azzjonijiet ewlenin previsti u l-mezzi finanzjarji li jikkorrispondu għalihom, fosthom:

(i)

l-appoġġ strutturali għas-settur tas-sajd u l-akkwakultura skont dan it-Titolu;

(ii)

il-kumpens għall-ispejjeż addizzjonali msemmija fl-Artikoli 24 u 36, inkluż il-metodoloġija għall-kalkolu tiegħu;

(iii)

kwalunkwe investiment ieħor fl-ekonomija blu sostenibbli meħtieġ biex jinkiseb żvilupp kostali sostenibbli.

Artikolu 36

Kumpens għall-ispejjeż addizzjonali għal prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura

1.   Biex jiġi implimentat il-kumpens għall-ispejjeż addizzjonali mġarrba mill-operaturi fl-oqsma tas-sajd, it-trobbija tal-ħut, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura mir-reġjuni ultraperiferiċi, kif imsemmi fl-Artikolu 24, kull Stat Membru kkonċernat għandu jiddetermina, skont il-kriterji stabbiliti f'konformità mal-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, għal kull reġjun ultraperiferiku, il-lista ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura u l-kwantità ta' dawk il-prodotti eliġibbli għall-kumpens.

2.   Meta jistabbilixxu l-listi u l-kwantitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-fatturi kollha rilevanti, b'mod partikolari l-ħtieġa li jiżguraw li l-kumpens ikun kompatibbli mar-regoli tal-PKS.

3.   Il-kumpens ma għandux jingħata għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura:

(a)

li jinqabdu minn bastimenti ta' pajjiżi terzi, bl-eċċezzjoni ta' bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela u li joperaw fl-ibħra tal-Unjoni, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1565 (37);

(b)

li jinqabdu minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li ma jkunux irreġistrati f'port ta' wieħed mir-reġjuni ultraperiferiċi;

(c)

li jiġu importati minn pajjiżi terzi.

4.   Il-punt (b) tal-paragrafu 3 ma għandux japplika jekk il-kapaċità eżistenti tal-industrija tal-ipproċessar fir-reġjun ultraperiferiku kkonċernat taqbeż il-kwantità ta' materja prima fornuta.

5.   Biex ikun evitat kumpens żejjed, il-kumpens li jitħallas lill-benefiċjarji li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 fir-reġjuni ultraperiferiċi jew li jkollhom is-sjieda ta' bastiment irreġistrat f'port ta’ wieħed minn dawk ir-reġjuni u li joperaw fih, għandu jqis:

(a)

għal kull prodott jew kategorija ta' prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura, l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-iżvantaġġi speċifiċi tar-reġjuni kkonċernati; kif ukoll

(b)

kwalunkwe tip ieħor ta' intervent pubbliku li jaffettwa l-livell ta' spejjeż addizzjonali.

6.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 62, li jissupplimenta dan ir-Regolament billi jistabbilixxu l-kriterji għall-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-iżvantaġġi speċifiċi tar-reġjuni kkonċernati.

Artikolu 37

Għajnuna mill-Istat għall-implimentazzjoni ta’ kumpens għall-ispejjeż addizzjonali

L-Istati Membri jistgħu jagħtu finanzjament addizzjonali għall-implimentazzjoni tal-kumpens imsemmija fl-Artikolu 24. F'każijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Kummissjoni tista' tapprova, f'konformità ma' dan ir-Regolament, bħala parti minn dak il-kumpens. L-għajnuna mill-Istat li tkun ġiet innotifikata b'dan il-mod għandha titqies bħala notifikata skont it-tifsira tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE.

Artikolu 38

Evalwazzjoni

Meta twettaq l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu msemmija fl-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Kummissjoni għandha teżamina b'mod speċifiku d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, inkluż dawk relatati ma’ kumpens tal-ispejjeż addizzjonali.

KAPITOLU VII

Regoli għall-implimentazzjoni b'ġestjoni kondiviża

Taqsima 1

Appoġġ mill-FEMSA

Artikolu 39

Kalkolu tal-kumpens

Il-kumpens għal spejjeż addizzjonali jew dħul mitluf u kumpens ieħor previst f'dan ir-Regolament għandhom jingħataw fi kwalunkwe waħda mill-forom imsemmijin fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060.

Artikolu 40

Determinazzjoni tar-rati ta' kofinanzjament

Ir-rata massima ta' kofinanzjament tal-FEMSA għal kull objettiv speċifiku għandha tkun ta' 70 % tan-nefqa pubblika eliġibbli, bl-eċċezzjoni tal-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 14(1) li għalih għandha tkun ta' 100 %.

Artikolu 41

Intensità tal-għajnuna pubblika

1.   L-Istati Membri għandhom japplikaw rata ta' intensità massima tal-għajnuna pubblika ta' 50 % tan-nefqa totali eliġibbli tal-operazzjoni.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, ir-rati ta' intensità massima tal-għajnuna speċifiċi huma stabbiliti fl-Anness III.

3.   Meta operazzjoni waħda taqa' taħt diversi ringieli bejn ir-ringiela 2 u r-ringiela 19 tal-Anness III, għandha tapplika l-ogħla rata tal-intensità massima tal-għajnuna.

4.   Meta operazzjoni waħda taqa' taħt ringiela waħda jew diversi mit-2 sa 19 tal-Anness III, u fl-istess ħin taqa' taħt ir-ringiela 1 wkoll ta' dak l-Anness, għandha tapplika r-rata tal-intensità massima tal-għajnuna msemmija fir-ringiela 1.

Taqsima 2

Ġestjoni finanzjarja

Artikolu 42

Interruzzjoni tad-data ta' skadenza tal-pagament

1.   F’konformità mal-Artikolu 96(4) tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Kummissjoni tista' tinterrompi l-iskadenza ta' pagament għal applikazzjoni għal pagament sħiħ jew ta' parti minnu f'każ li Stat Membru ma jikkonformax mal-obbligi tiegħu skont il-PKS, jekk in-nuqqas ta' konformità x'aktarx li jolqot l-infiq li jkun iddikjarat f'applikazzjoni li jkun qed jintalab il-pagament interim għalih.

2.   Qabel ma ssir din l-interruzzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istat Membru kkonċernat li hemm nuqqas ta' konformità u tagħtih żmien raġonevoli biex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

3.   L-interruzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun proporzjonata man-natura, mas-serjetà, mat-tul ta' żmien u mar-ripetizzjoni tan-nuqqas ta' konformità.

4.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni, biex tiddefinixxi l-każijiet serji ta' nuqqas ta’ konformità msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 63(2).

Artikolu 43

Sospensjoni tal-pagamenti

1.   Skont l-Artikolu 91(3) tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jissospendu l-pagamenti interim fil-programm kollha jew parti minnhom f'każ li n-nuqqas ta' konformità ta' Stat Membru mal-obbligi tiegħu skont il-PKS ikun wieħed serju, u jekk ikun jolqot l-infiq iddikjarat f'applikazzjoni għal pagament tal-infiq li jkun qed jintalab il-pagament interim għalih.

2.   Qabel ma ssir is-sospensjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istat Membru kkonċernat li hija tal-fehma li jeżisti każ serju ta' nuqqas ta’ konformità minn dak l-Istat Membru mar-regoli applikabbli skont il-PKS u tagħtih żmien raġonevoli biex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

3.   Is-sospensjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun proporzjonata man-natura, mas-serjetà, mad-durata u mar-ripetizzjoni tan-nuqqas serju ta’ konformità.

4.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tiddefinixxi l-każijiet ta' nuqqas serju ta’ konformità msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 63(2).

Artikolu 44

Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri

F'każijiet tal-korrezzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 11(2), l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-ammont tal-korrezzjoni li għandu jkun proporzjonat man-natura, il-gravità, it-tul ta' żmien u r-ripetizzjoni tal-ksur serju jew ir-reati mill-benefiċjarju kkonċernat u l-importanza tal-kontribuzzjoni tal-FEMSA għall-attività ekonomika ta’ dak il-benefiċjarju.

Artikolu 45

Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni

1.   Skont l-Artikolu 104(5) tar-Regolament (UE) 2021/1060, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jagħmlu korrezzjonijiet finanzjarji permezz tal-kanċellazzjoni totali jew parzjali tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal programm operazzjonali jekk, wara li twettaq l-eżami meħtieġ, hija tikkonkludi li:

(a)

in-nefqa ddikjarata f'applikazzjoni għal pagament tkun affettwata minn każijiet fejn kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-Regolament tkun twettqet u ma tkunx ġiet ikkorreġuta mill-Istat Membru kkonċernat qabel il-ftuħ tal-proċedura ta' korrezzjoni skont dan il-paragrafu;

(b)

in-nefqa ddikjarata f'applikazzjoni għal pagament tkun affettwata minn każijiet ta' nuqqas serju ta’ konformità mar-regoli tal-PKS mill-Istat Membru li wasslu biex jiġi sospiż il-pagament skont l-Artikolu 43 ta' dan ir-Regolament u meta l-Istat Membru kkonċernat jibqa' ma jurix li ħa l-azzjoni meħtieġa ta' rimedju biex jiżgura l-konformità mar-regoli applikabbli tal-PKS u l-infurzar tagħhom fil-ġejjieni.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 63(2) ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-ammont tal-korrezzjoni billi tikkunsidra n-natura, il-gravità, it-tul ta' żmien u r-ripetizzjoni tan-nuqqas serju ta' konformità mar-regoli tal-PKS mill-Istat Membru jew mill-benefiċjarju kkonċernat u l-importanza tal-kontribuzzjoni tal-FEMSA għall-attività ekonomika tal-benefiċjarju kkonċernat.

3.   Meta ma jkunx possibbli li jiġi kkwantifikat preċiżament l-ammont tan-nefqa marbut man-nuqqas serju ta’ konformità mar-regoli tal-PKS mill-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha tapplika rata fissa jew korrezzjoni finanzjarja estrapolata skont il-paragrafu 4.

4.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni, biex tiddetermina l-kriterji biex jiġi stabbilit il-livell tal-korrezzjoni finanzjarja li għandha tiġi applikata u l-kriterji għall-applikazzjoni ta' rati fissi jew korrezzjonijiet finanzjarji estrapolati. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 63(2).

Taqsima 3

Il-monitoraġġ u r-rappurtar

Artikolu 46

Qafas għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

1.   L-indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati għall-FEMSA kif stabbiliti fl-Anness I ta' dan ir-Regolament u fejn meħtieġ, indikaturi speċifiċi għall-programmi, għandhom jintużaw f'konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(1), il-punt (d)(ii) tal-Artikolu 22(3) u l-punt (b) tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament (UE) 2021/1060.

2.   F'konformità mar-rekwiżit ta' rappurtar tagħha skont il-paragrafu (iii) tal-punt (h) tal-Artikolu 41(3) tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-prestazzjoni tal-FEMSA. F'dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tuża l-indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin stabbiliti fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

3.   Minbarra r-regoli ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2021/1060, l-awtorità ta' ġestjoni għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b'data ta' implimentazzjoni fil-livell ta' operazzjoni rilevanti li għandha tinkludi karatteristiċi ewlenin tal-benefiċjarju (isem, tip ta' benefiċjarju, id-daqs tal-impriża, is-sess u d-dettalji ta' kuntatt) u tal-operazzjoni appoġġata (objettiv speċifiku, tip ta' operazzjoni, settur ikkonċernat, valuri tal-indikaturi, stat ta' progress tal-operazzjoni, numru ta' reġistrazzjoni tal-flotta komuni, data finanzjarja u forma ta' appoġġ). Id-data għandha tiġi pprovduta fil-31 ta' Jannar u l-31 ta' Lulju ta' kull sena. L-ewwel trażmissjoni ta’ dik id-data għandha tkun dovuta sal-31 ta' Jannar 2022 u l-aħħar waħda sal-31 ta' Jannar 2030.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw regoli li jispeċifikaw aktar id-data eżatta msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u għall-preżentazzjoni tagħha. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 63(2).

5.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 62, biex jiġi emendat l-Anness I billi jiżdiedu l-indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin sabiex tadatta għall-bidliet li jseħħu matul il-perijodu ta' programmazzjoni.

Artikolu 47

Ir-rappurtar tar-riżultati tal-operazzjoni finanzjata

1.   Il-benefiċjarji għandhom jirrappurtaw il-valur tal-indikaturi tar-riżultati rilevanti wara t-tlestija tal-operazzjoni u mhux aktar tard mill-applikazzjoni finali għal ħlas. L-awtorità ta' ġestjoni għandha tirrieżamina l-plawżibbiltà tal-valur tal-indikaturi tar-riżultati rrappurtati mill-benefiċjarju b'mod parallel mal-pagament finali.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipposponu l-iskedi ta' żmien stabbiliti fil-paragrafu 1.

TITOLU III

L-APPOĠĠ B'ĠESTJONI DIRETTA U INDIRETTA

KAPITOLU I

Prijorità 1: It-trawwim tas-sajd sostenibbli u r-restawr u l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi akkwatiċi

Artikolu 48

Implimentazzjoni tal-PKS

Il-FEMSA għandu jappoġġa l-implimentazzjoni tal-PKS permezz:

(a)

tal-għoti ta' pariri u għarfien xjentifiku biex jgħinu biex jittieħdu deċiżjonijiet tajbin u effiċjenti dwar il-ġestjoni tas-sajd skont il-PKS, anke permezz tal-parteċipazzjoni ta' esperti f'korpi xjentifiċi;

(b)

tal-kooperazzjoni reġjonali dwar il-miżuri ta' konservazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b'mod partikolari fil-kuntest tal-pjanijiet pluriennali msemmija fl-Artikoli 9 u 10;

(c)

tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' sistema ta' kontroll tas-sajd tal-Unjoni kif previst fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u kif speċifikat ukoll fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(d)

tal-funzjonament ta' Kunsilli Konsultattivi stabbiliti skont l-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, li l-objettiv tagħhom ikun li jifforma parti mill-PKS u li jappoġġaha;

(e)

ta' kontribuzzjonijiet volontarji għall-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet internazzjonali dwar is-sajd, bi qbil mal-Artikoli 29 u 30 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 49

Il-promozzjoni ta' ibħra u oċeani nodfa u b'saħħithom

1.   Il-FEMSA għandu jappoġġa l-promozzjoni ta' ibħra u oċeani nodfa u b'saħħithom, anke permezz ta' azzjonijiet li jappoġġaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/56/KE u permezz ta' azzjonijiet li jiżguraw koerenza mal-objettiv ta’ ksib ta' status ambjentali tajjeb kif stipulat fil-punt (j) tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, u l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropea għall-plastik f'ekonomija ċirkolari.

2.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jkun f’konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-għan li jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb kif stipulat fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE.

KAPITOLU II

Prijorità 2: It-trawwim ta' attivitajiet ta' akkwakultura sostenibbli u l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, biex b’hekk jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel fl-Unjoni.

Artikolu 50

Informazzjoni dwar is-suq

Il-FEMSA għandu jappoġġa l-iżvilupp u d-disseminazzjoni tal-informazzjoni dwar is-suq għal prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013.

KAPITOLU III

Prijorità 3: L-iffaċilitar ta' ekonomija blu sostenibbli f'żoni kostali, fi gżejjer u f'żoni interni, u t-trawwim tal-iżvilupp ta' komunitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura

Artikolu 51

Il-politika marittima u l-iżvilupp ta' ekonomija blu sostenibbli

Il- FEMSA għandu jappoġġa l-implimentazzjoni tal-politika marittima u l-iżvilupp ta' ekonomija blu sostenibbli permezz:

(a)

tal-promozzjoni ta' ekonomija blu sostenibbli, b'livell baxx ta' karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima;

(b)

tal-promozzjoni ta' governanza u ġestjoni integrati tal-politika marittima, anke permezz tal-ippjanar tal-ispazju marittimu, ta' strateġiji tal-baċiri tal-baħar u l-kooperazzjoni reġjonali marittima;

(c)

tat-titjib tat-trasferiment u l-użu tar-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija fl-ekonomija blu sostenibbli;

(d)

tat-titjib tal-ħiliet marittimi, tal-għarfien dwar l-oċeani u l-kondiviżjoni tad-data soċjoekonomika u ambjentali dwar l-ekonomija blu sostenibbli;

(e)

tal-iżvilupp ta' riżervi ta' proġetti u ta' strumenti ta' finanzjament innovattivi.

KAPITOLU IV

Prijorità 4: It-tisħiħ tal-governanza internazzjonali tal-oċeani u l-iffaċilitar ta’ ibħra u oċeani siguri, mingħajr periklu, nodfa u ġestiti b'mod sostenibbli

Artikolu 52

Network Ewropew ta' osservazzjoni u data marittima

Il-FEMSA għandu jappoġġa l-implimentazzjoni tal-EMODnet.

Artikolu 53

Sigurtà u sorveljanza marittima

Il-FEMSA għandu jappoġġa l-promozzjoni tas-sigurtà u s-sorveljanza marittima, inkluż permezz tal-kondiviżjoni ta' data, u l-kooperazzjoni fost il-gwardji tal-kosta u fost l-aġenziji kontra l-attivitajiet kriminali u illegali fuq il-baħar.

Artikolu 54

Il-governanza internazzjonali tal-oċeani

Il-FEMSA għandu jappoġġa l-implimentazzjoni tal-politika ta' governanza internazzjonali tal-oċeani permezz:

(a)

ta' kontributi volontarji lil organizzazzjonijiet internazzjonali li huma attivi fil-qasam tal-governanza tal-oċeani;

(b)

tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni volontarji fost fora, organizzazzjonijiet, korpi u istituzzjonijiet internazzjonali fil-kuntest tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, "l-Aġenda 2030" u ftehimiet, arranġamenti u sħubijiet internazzjonali rilevanti oħra;

(c)

tal-implimentazzjoni ta' sħubijiet tal-oċeani bejn l-Unjoni u l-atturi rilevanti fil-qasam tal-oċeani;

(d)

tal-implimentazzjoni ta' ftehimiet, arranġamenti u strumenti internazzjonali rilevanti li jimmiraw li jippromwovu governanza aħjar tal-oċeani, kif ukoll l-iżvilupp ta' azzjonijiet, miżuri, għodod u għarfien li jippermettu li l-ibħra u l-oċeani jkunu sikuri, siguri, nodfa u ġestiti b'mod sostenibbli;

(e)

tal-implimentazzjoni ta' ftehimiet, miżuri u għodod internazzjonali rilevanti għall-prevenzjoni, l-iskoraġġiment u l-eliminazzjoni tas-sajd IUU;

(f)

tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tar-riċerka u d-data dwar l-oċeani u l-iżvilupp tagħhom.

KAPITOLU V

Regoli għall-implimentazzjoni b'ġestjoni diretta u indiretta

Artikolu 55

Forom ta' finanzjament mill-Unjoni

1.   Il-FEMSA jista' jipprovdi l-finanzjament ta' kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, b'mod partikolari l-akkwist u l-għotjiet skont it-Titoli VII u VIII ta' dak ir-Regolament, rispettivament. Jista' jipprovdi finanzjament fil-forma ta' strumenti finanzjarji f'operazzjonijiet ta' taħlit, kif imsemmi fl-Artikolu 56 ta' dak ir-Regolament.

2.   L-evalwazzjoni tal-proposti tal-għotjiet tista' ssir minn esperti indipendenti.

Artikolu 56

Operazzjonijiet ta' taħlit

L-operazzjonijiet ta' taħlit skont il-FEMSA għandhom ikunu implimentati f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/523 u t-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 57

Evalwazzjoni mill-Kummissjoni

1.   L-evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu f'waqthom sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. L-evalwazzjonijiet għandhom jiġu fdati f'idejn esperti interni jew esterni li huma funzjonalment indipendenti.

2.   L-evalwazzjoni interim tal-appoġġ skont it-Titolu III għandha titwettaq sal-aħħar tal-2024.

3.   Rapport ta' evalwazzjoni finali dwar l-appoġġ skont it-Titolu III għandu jitħejjew sal-aħħar tal-2031.

4.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 58

Monitoraġġ taħt ġestjoni diretta u indiretta

1.   Il-Kummissjoni għandha tuża l-indikaturi tar-riżultati u tal-output stabbiliti fl-Anness I biex timmonitorja r-riżultati tal-implimentazzjoni tal-FEMSA taħt ġestjoni diretta u indiretta.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiġbor data dwar l-operazzjonijiet magħżula għall-appoġġ taħt ġestjoni diretta u indiretta, inkluż karatteristiċi ewlenin tal-benefiċjarju u l-operazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 46(3).

Artikolu 59

Awditi

L-awditi dwar l-użu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni mwettqa minn persuni jew minn entitajiet, inkluż minn persuni jew entitajiet minbarra dawk imqabbda mill-Istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni, għandhom jiffurmaw il-bażi tal-garanzija kumplessiva skont l-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 60

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.   Ir-riċevituri ta' finanzjament mill-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta' dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, b'mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż lill-media u lill-pubbliku.

2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni relatati mal-FEMSA, mal-azzjonijiet meħuda skont il-FEMSA u mar-riżultati miksuba. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-FEMSA għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-prijoritajiet imsemmija fl-Artikolu 3.

Artikolu 61

Entitajiet eliġibbli, attivitajiet u spejjeż

1.   Il-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw flimkien mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 197 tar-Regolament Finanzjarju.

2.   L-entitajiet li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli:

(a)

entitajiet ġuridiċi stabbiliti fi Stat Membru jew f'pajjiż terz elenkat fil-programm taħt il-kondizzjonijiet speċifikati fil-paragrafi 3 u 4;

(b)

kwalunkwe entità ġuridika maħluqa skont il-liġi tal-Unjoni jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali.

3.   L-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f'pajjiż terz għandhom ikunu eċċezzjonalment eliġibbli biex jipparteċipaw fejn dan ikun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' azzjoni partikolari.

4.   L-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f'pajjiż terz li mhuwiex assoċjat mal-programm, bi prinċipju għandhom iġarrbu huma l-ispejjeż għall-parteċipazzjoni tagħhom.

5.   F'konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 193(2) tar-Regolament Finanzjarju u permezz ta' deroga mill-Artikolu 193(4) tiegħu, b’kont meħud tad-dħul fis-seħħ tardiv ta’ dan ir-Regolament u sabiex tkun żgurata l-kontinwità, kif stabbilit fid-deċiżjoni dwar il-finanzjament u għal perijodu limitat, l-attivitajiet appoġġati skont dan ir-Regolament u l-ispejjeż sottostanti jistgħu jitqiesu eliġibbli mill-1 ta' Jannar 2021, anke jekk l-attivitajiet ġew implimentati u l-ispejjeż imġarrba qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal għotja.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI

Artikolu 62

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 11, 36, 46 u 65 għandha tingħata lill-Kummissjoni mill-14 ta’ Lulju 2021 sal-31 ta' Diċembru 2027.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikoli 11, 36, 46 u 65 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 11, 36, 46 u 65 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dan il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 63

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 64

Emendi għar-Regolament (UE) 2017/1004

L-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2017/1004 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dan li ġej:

"1.   Mingħajr ħsara għall-obbligi attwali dwar il-ġbir ta' data skont id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiġbru data fil-qafas ta' pjan ta' ħidma mfassal skont il-programm pluriennali tal-Unjoni (il-'pjan ta' ħidma nazzjonali'). L-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet ta' ħidma nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni b'mezzi elettroniċi sal-15 ta' Ottubru tas-sena li tiġi qabel is-sena li minnha għandu japplika l-pjan ta' ħidma nazzjonali, dment li ma jkunx għadu japplika pjan eżistenti, f'liema każ huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dan.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li japprovaw il-pjanijiet ta' ħidma nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 sal-31 ta' Diċembru tas-sena li tiġi qabel is-sena li minnha għandu japplika l-pjan ta' ħidma nazzjonali. Meta tkun qed tapprova l-pjanijiet ta' ħidma nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tqis l-evalwazzjoni mwettqa mill-STECF f'konformità mal-Artikolu 10. Jekk din l-evalwazzjoni tindika li pjan ta' ħidma nazzjonali ma jikkonformax ma' dan l-Artikolu jew li ma jiżgurax ir-rilevanza xjentifika tad-data jew il-kwalità suffiċjenti tal-metodi u l-proċeduri proposti, il-Kummissjoni għandha tgħarraf minnufih lill-Istat Membru kkonċernat u tindika emendi għal dak il-pjan ta' ħidma li l-Kummissjoni tqis meħtieġa. Sussegwentement, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta pjan ta' ħidma nazzjonali rivedut lill-Kummissjoni.";

(2)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

"5.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu r-regoli dwar il-proċeduri, il-format u l-iskedi ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-pjanijiet ta' ħidma nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 25(2).".

Artikolu 65

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 u kwalunkwe att delegat u ta' implimentazzjoni adottat skont dak ir-Regolament għandhom ikomplu japplikaw għall-programmi u l-operazzjonijiet appoġġati mill-FEMS taħt il-perijodu ta' programmazzjoni 2014-2020.

2.   Sabiex tiffaċilita t-tranżizzjoni mill-iskema ta' appoġġ stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 508/2014 għall-iskema stabbilita b'dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, b'konformità mal-Artikolu 62 ta' dan ir-Regolament, biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li taħthom l-appoġġ approvat mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 jista' jiġi integrat fl-appoġġ previst skont dan ir-Regolament.

3.   Ir-referenzi għar-Regolament (UE) Nru 508/2014 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament fir-rigward tal-perijodu ta' programmazzjoni 2021-2027.

Artikolu 66

Dħul fis-seħħ u data ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021 fir-rigward tal-appoġġ taħt ġestjoni diretta u indiretta previst fit-Titolu III.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-7 ta’ Lulju 2021.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A. LOGAR


(1)   ĠU C 110, 22.3.2019, p. 104.

(2)   ĠU C 361, 5.10.2018, p. 9.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' 4 ta’ April 2019 (ĠU C 116, 31.3.2021, p. 81) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-14 ta' Ġunju 2021 (ĠU C 271, 7.7.2021, p. 1). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2021 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta' Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u L-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi il-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L107, 26.3.2021, p. 30).

(7)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r- Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/159 tad-19 ta’ Diċembru 2016 li timplimenta l-Ftehim li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol konkluż fil-21 ta’ Mejju 2012 bejn il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (COGECA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) u l-Assoċjazzjoni ta’ Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd fl-Unjoni Ewropea (Europêche) (ĠU L 25, 31.1.2017, p. 12).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta’ qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (ĠU L 157, 20.6.2017, p. 1).

(14)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġi (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(15)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(16)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(17)  Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).

(18)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU L 179, 23.6.1998, p. 1).

(19)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(20)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(21)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(22)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(23)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE") (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(24)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(25)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(26)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(27)  Ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet (ĠU L 57, 3.3.2017, p. 1).

(28)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).

(29)  Id-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta' ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (ĠU L 155, 12.6.2019, p. 1).

(30)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(31)  Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28).

(32)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.03.2016, p. 1).

(33)  Id-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 135).

(34)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

(35)  Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenziji Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1).

(36)  Ir-Regolament (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (ĠU L 83, 25.3.2019, p. 18).

(37)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1565 tal-14 ta' Settembru 2015 dwar l-approvazzjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta' opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklużiva 'l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża (ĠU L 244, 19.9.2015, p. 55).


ANNESS I

INDIKATURI KOMUNI TAL-FEMSA

INDIKATURI TA' PRESTAZZJONI EWLENIN (1)

INDIKATURI TAR-RIŻULTATI (UNITAJIET TA' KEJL)

INDIKATURI TAL-OUTPUT

CI 01 - Negozji maħluqa

CI 02 - Negozji b'fatturat ogħla

CI 03 - Impjiegi maħluqa

CI 04 - Impjiegi miżmuma

CI 05 - Persuni li jibbenefikaw

CI 06 - Azzjonijiet li jikkontribwixxu għal status ambjentali tajjeb, inkluż ir-restawr tan-natura, il-konservazzjoni, il-protezzjoni tal-ekosistemi, il-bijodiversità, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali

CI 07 - Konsum tal-enerġija li jwassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2

CI 08 - Għadd ta' SMEs appoġġati

CR 01 - Kapaċità ta' produzzjoni ġdida (tunnellati/fis-sena)

CR 02 - Produzzjoni tal-akkwakultura miżmuma (tunnellati/fis-sena)

CR 03 - Negozji maħluqa (għadd ta' entitajiet)

CR 04 - Negozju b'fatturat ogħla (għadd ta' entitajiet)

CR 05 - Kapaċità ta' bastimenti rtirati (GT u kW)

CR 06 - Impjiegi maħluqa (għadd ta' persuni)

CR 07 - Impjiegi miżmuma (għadd ta' persuni)

CR 08 - Persuni li jibbenefikaw (għadd ta' persuni)

CR 09 - Żona indirizzata minn operazzjonijiet li jikkontribwixxu għal status ambjentali tajjeb, li jipproteġu, jikkonservaw, u jirrestawraw il-bijodiversità u l-ekosistemi (km2 jew km)

CR 10 - Azzjonijiet li jikkontribwixxu għal status ambjentali tajjeb inkluż ir-restawr tan-natura, il-konservazzjoni, il-protezzjoni tal-ekosistemi, il-bijodiversità, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali (għadd ta' azzjonijiet)

CR 11 - Entitajiet li jżidu s-sostenibbiltà soċjali (għadd ta' entitajiet)

CCO 01 - Għadd ta' operazzjonijiet

CI 09 - Għadd ta' bastimenti tas-sajd mgħammrin b'apparat elettroniku ta' lokalizzazzjoni u ta' rappurtar tal-qabdiet

CI 10 - Għadd ta' gruppi ta' azzjoni lokali

CI 11 - Għadd ta' bastimenti tas-sajd kostali fuq skala żgħira appoġġati

CI12 - Użu tal-pjattaformi tad-data u tal-informazzjoni

CR 12 - Effettività tas-sistema għall-"ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-data" (skala: għolja, medja, baxxa)

CR 13 - Attivitajiet ta' kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati (għadd ta' azzjonijiet)

CR 14 - Innovazzjonijiet attivati (għadd ta' prodotti, servizzi, proċessi, mudelli jew metodi ta' negozju ġodda)

CR 15 - Mezzi ta' kontroll installati jew imtejba (għadd ta' mezzi)

CR 16 - Entitajiet li jibbenefikaw mill-attivitajiet ta' promozzjoni u informazzjoni (għadd ta' entitajiet)

CR 17 - Entitajiet li jtejbu l-effiċjenza fir-riżorsi fil-produzzjoni u/jew fl-ipproċessar (għadd ta' entitajiet)

CR 18 - Konsum tal-enerġija li jwassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2 (kWh/tunnellata jew litri/siegħa)

CR 19 - Azzjonijiet għat-titjib tal-kapaċità ta' governanza (għadd ta' azzjonijiet)

CR 20 - Investiment indott (EUR)

CR 21 - Settijiet ta' data u pariri li jsiru disponibbli (għadd)

CR 22 - Użu ta' pjattaformi ta' data u informazzjoni (għadd ta' żjarat tal-paġna)

 


(1)  Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-FEMSA li għandhom jintużaw mill-Kummissjoni f'konformità mar-rekwiżit ta' rappurtar tagħha skont il-paragrafu (iii) tal-punt (h) tal-Artikolu 41(3) tar-Regolament Finanzjarju.


ANNESS II

ORGANIZZAZZJONI TA' APPOĠĠ B'ĠESTJONI KONDIVIŻA

OBJETTIVI TA' POLITIKA

Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2021/1060

PRIJORITÀ TAL-FEMSA

OBJETTIV SPEĊIFIKU TAL-FEMSA

NOMENKLATURA LI GĦANDHA TINTUŻA FIL-PJAN TA' FINANZJAMENT

Tabella 11A tal-Anness V għar-Regolament (UE) 2021/1060

Ewropa aktar ekoloġika, b'livell baxx ta' karbonju bi tranżizzjoni lejn ekonomija b’żero emmissjonijiet tal-karbonju u Ewropa reżiljenti permezz tal-promozzjoni ta' tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u ġusta, investiment ekoloġiku u blu, l-ekonomija ċirkolari, il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji, u l-mobbiltà urbana sostenibbli

Il-trawwim tas-sajd sostenibbli u r-restawr u l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi akkwatiċi

It-tisħiħ ta' attivitajiet tas-sajd li huma ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli

1.1.1

l-operazzjonijiet kollha ħlief dawk appoġġati skont l-Artikoli 16 u 16b

1.1.2

l-operazzjonijiet appoġġati skont l-Artikoli 16 u 16b

Iż-żieda fl-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 permezz ta' sostituzzjoni jew modernizzazzjoni tal-magni tal-bastimenti tas-sajd

1.2

Il-promozzjoni tal-aġġustament tal-kapaċità tas-sajd għal opportunitajiet tas-sajd f'każijiet ta' waqfien permanenti tal-attività tas-sajd u l-kontribut għal standard ta' għajxien ġust f'każijiet ta' waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd

1.3

 

 

It-trawwim ta' kontroll u infurzar effiċjenti tas-sajd, inkluż il-ġlieda kontra s-sajd IUU, kif ukoll data affidabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet ibbażat fuq l-għarfien

1.4

Il-promozzjoni ta' kondizzjonijiet ekwi għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura mir-reġjuni ultraperiferiċi

1.5

Il-kontribut għall-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi akkwatiċi

1.6

It-trawwim ta' attivitajiet ta' akkwakultura sostenibbli, u l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, biex b’hekk jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel fl-Unjoni

Il-promozzjoni ta' attivitajiet ta' akkwakultura sostenibbli, speċjalment it-tisħiħ tal-kompetittività tal-produzzjoni tal-akkwakultura, filwaqt li jiġi żgurat li l-attivitajiet ikunu ambjentalment sostenibbli fit-tul

2.1

 

 

Il-promozzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni, tal-kwalità u tal-valur miżjud tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, kif ukoll l-ipproċessar ta' dawk il-prodotti

2.2

It-tisħiħ tal-governanza internazzjonali tal-oċeani u l-iffaċilitar ta’ ibħra u oċeani siguri, mingħajr periklu, nodfa u ġestiti b'mod sostenibbli

It-tisħiħ tal-ġestjoni sostenibbli tal-baħar u tal-oċeani permezz tal-promozzjoni tal-għarfien dwar il-baħar, is-sorveljanza marittima jew il-kooperazzjoni tal-gwardja tal-kosta

4.1

Ewropa eqreb iċ-ċittadini billi jitrawmu l-iżvilupp sostenibbli u integrat tat-tipi kollha ta’ territorji u l-inizjattivi lokali

L-iffaċilitar ta' ekonomija blu sostenibbli f'żoni kostali, fi gżejjer u f'żoni interni, u t-trawwim tal-iżvilupp ta' komunitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura

L-iffaċilitar ta' ekonomija blu sostenibbli f'żoni kostali, fi gżejjer u f'żoni interni, u t-trawwim tal-iżvilupp sostenibbli ta' komunitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura

3.1

 

Assistenza teknika

5.1

5.2


ANNESS III

RATI TA' INTENSITÀ MASSIMA TAL-GĦAJNUNA SPEĊIFIĊI B'ĠESTJONI KONDIVIŻA

NUMRU TAR-RINGIELA

KATEGORIJA SPEĊIFIKA TA' OPERAZZJONI

RATA TA' INTENSITÀ MASSIMA TAL-GĦAJNUNA

1

L-operazzjonijiet appoġġati skont l-Artikoli 17, 18 u 19

40 %

2

L-operazzjonijiet li ġejjin li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta' ħatt l-art imsemmi fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013:

 

operazzjonijiet li jtejbu s-selettività tad-daqs jew tal-ispeċi tal-irkaptu tas-sajd;

100 %

operazzjonijiet li jtejbu l-infrastruttura tal-portijiet tas-sajd, tas-swali tal-irkant, tal-postijiet ta' ħatt l-art u ta' postijiet ta' kenn biex jiġu ffaċilitati ħatt l-art u l-ħżin ta' qabdiet mhux mixtieqa;

75 %

operazzjonijiet li jiffaċilitaw il-kummerċjalizzazzjoni ta' qabdiet mhux mixtieqa minn stokkijiet kummerċjali li jinħattu l-art bi qbil mal-punt (b) Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013.

75 %

3

Operazzjonijiet immirati lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tas-saħħa, tas-sikurezza u tax-xogħol abbord il-bastimenti tas-sajd, bl-eċċezzjoni tal-operazzjonijiet appoġġati skont l-Artikolu 19

75 %

4

Operazzjonijiet fir-reġjuni ultraperiferiċi

85 %

5

Operazzjonijiet fil-gżejjer Griegi remoti u fil-gżejjer Kroati Dugi Otok, Vis, Mljet u Lastovo

85 %

6

Operazzjonijiet appoġġati skont l-Artikolu 22

85 %

7

Operazzjonijiet relatati mas-sajd kostali fuq skala żgħira

100 %

8

Operazzjonijiet għal meta l-benefiċjarju jkun korp pubbliku jew impriża li tkun ingħatat ir-responsabbiltà li tħaddem servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali kif imsemmi fl-Artikolu 106(2) TFUE, fil-każ li jingħata appoġġ biex jitħaddmu dawn is-servizzi

100 %

9

Operazzjonijiet relatati mal-kumpensi msemmija fl-Artikolu 39

100 %

10

Operazzjonijiet appoġġati skont l-Artikoli 23 u 25 u taħt il-Prijorità 4

100 %

11

Operazzjonijiet b'rabta mat-tfassil, l-iżvilupp, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni jew il-ġestjoni ta' sistemi trasparenti għall-iskambju tal-opportunitajiet tas-sajd bejn l-Istati Membri, skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013

100 %

12

Operazzjonijiet relatati mal-ispejjeż operattivi tal-gruppi ta' azzjoni lokali

100 %

13

Operazzjonijiet appoġġati skont l-Artikolu 30 li jissodisfaw mill-inqas wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(i)

ikunu ta' interess kollettiv;

(ii)

għandhom benefiċjarju kollettiv; jew

(iii)

għandhom karatteristiċi innovattivi, fejn xieraq, fil-livell lokali, u jiżguraw l-aċċess pubbliku għar-riżultati tagħhom.

100 %

14

Operazzjonijiet għajr dawk koperti fir-ringiela 13 li jaqdu l-kriterji kollha li ġejjin:

(i)

ikunu ta' interess kollettiv;

(ii)

għandhom benefiċjarju kollettiv;

(iii)

għandhom karatteristiċi innovattivi jew jiżguraw l-aċċess pubbliku għar-riżultati tagħhom.

100 %

15

Operazzjonijiet implimentati minn organizzazzjonijiet ta' produtturi, assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi jew organizzazzjonijiet interprofessjonali.

75 %

16

Strumenti finanzjarji, bl-eċċezzjoni ta' strumenti finanzjarji relatati ma' operazzjonijiet imsemmija fir-ringiela 1

100 %

17

Operazzjonijiet li jappoġġaw l-akkwakultura sostenibbli implimentati mill-SMEs

60 %

18

Operazzjonijiet li jappoġġaw prodotti, proċessi jew tagħmir innovattivi fis-sajd, l-akkwakultura u l-ipproċessar

75 %

19

Operazzjonijiet implimentati minn organizzazzjonijiet ta' sajjieda jew benefiċjarji kollettivi oħra

60 %


ANNESS IV

TIPI TA' INTERVENT

Nru

TIPI TA' INTERVENT

KLIMA KOEFFIĊJENT

KOEFFIĊJENT AMBJENTALI

1

It-tnaqqis tal-impatti negattivi u/jew il-kontribut għal impatti pożittivi fuq l-ambjent u l-kontribuzzjoni għal status ambjentali tajjeb

100 %

100 %

2

Il-promozzjoni ta' kundizzjonijiet għal setturi tas-sajd, tal-akkwakultura u tal-ipproċessar ekonomikament vijabbli, kompetittivi u attraenti

40 %

40 %

3

Il-kontribut għan-newtralità klimatika

100 %

100 %

4

Il-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd

100 %

100 %

5

Il-waqfien permanenti mill-attivitajiet tas-sajd

100 %

100 %

6

Il-kontribut għal status ambjentali tajjeb permezz tal-Implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' żoni protetti tal-baħar, inkluż Natura 2000

100 %

100 %

7

Il-kumpens għal avvenimenti ambjentali, klimatiċi jew tas-saħħa pubblika mhux mistennija

0 %

0 %

8

Il-kumpens għall-ispejjeż addizzjonali fir-reġjuni l-aktar imbiegħda

0 %

0 %

9

Is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali

40 %

40 %

10

Il-kontroll u l-infurzar

40 %

100 %

11

Il-ġbir ta' data u l-analiżi, u l-promozzjoni ta' għarfien dwar il-baħar

100 %

100 %

12

Is-sorveljanza u s-sigurtà marittimi

40 %

40 %

L-iżvilupp lokali mmexxi mill-Komunità (CLLD)

13

L-azzjonijiet ta' tħejjija tas-CLLD

0 %

0 %

14

L-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-CLLD

40 %

40 %

15

L-ispejjeż operazzjonali tas-CLLD u animazzjoni

0 %

0 %

L-assistenza teknika

16

L-assistenza teknika

0 %

0 %


ANNESS V

RIŻORSI GLOBALI MILL-FEMSA GĦAL KULL STAT MEMBRU GĦALL-PERIJODU MILL-1 TA' JANNAR 2021 SAL-31 TA' DIĊEMBRU 2027

 

2021

2022

2023

2024

2025

2026

2027

TOTAL

TOTAL

649 646 302

867 704 926

833 435 808

798 047 503

707 757 512

721 531 085

732 876 864

5 311 000 000

BE

4 925 394

6 578 640

6 318 823

6 050 521

5 365 973

5 470 400

5 556 420

40 266 171

BG

10 390 512

13 878 165

13 330 060

12 764 057

11 319 949

11 540 245

11 721 710

84 944 698

CZ

3 670 269

4 902 222

4 708 614

4 508 683

3 998 577

4 076 392

4 140 492

30 005 249

DK

24 582 747

32 834 129

31 537 379

30 198 278

26 781 687

27 302 881

27 732 208

200 969 309

DE

25 908 996

34 605 542

33 238 833

31 827 487

28 226 569

28 775 883

29 228 372

211 811 682

EE

11 912 962

15 911 637

15 283 223

14 634 286

12 978 583

13 231 157

13 439 212

97 391 060

IE

17 414 773

23 260 170

22 341 533

21 392 895

18 972 532

19 341 754

19 645 895

142 369 552

EL

45 869 836

61 266 389

58 846 736

56 348 059

49 972 919

50 945 434

51 746 530

374 995 903

ES

137 053 465

183 056 482

175 826 854

168 361 115

149 312 971

152 218 730

154 612 307

1 120 441 924

FR

69 372 651

92 658 097

88 998 661

85 219 712

75 578 071

77 048 886

78 260 448

567 136 526

HR

29 808 019

39 813 303

38 240 917

36 617 179

32 474 362

33 106 342

33 626 925

243 687 047

IT

63 388 749

84 665 656

81 321 871

77 868 885

69 058 907

70 402 853

71 509 909

518 216 830

CY

4 685 786

6 258 605

6 011 428

5 756 178

5 104 932

5 204 279

5 286 114

38 307 322

LV

16 498 239

22 035 996

21 165 707

20 266 995

17 974 015

18 323 805

18 611 939

134 876 696

LT

7 484 030

9 996 101

9 601 315

9 193 636

8 153 481

8 312 155

8 442 859

61 183 577

LU

-

-

-

-

-

-

-

-

HU

4 612 763

6 161 072

5 917 747

5 666 475

5 025 378

5 123 176

5 203 735

37 710 346

MT

2 669 689

3 565 790

3 424 963

3 279 536

2 908 494

2 965 097

3 011 721

21 825 290

NL

11 978 187

15 998 755

15 366 900

14 714 410

13 049 642

13 303 600

13 512 794

97 924 288

AT

821 763

1 097 594

1 054 246

1 009 482

895 270

912 693

927 046

6 718 094

PL

62 675 756

83 713 340

80 407 168

76 993 019

68 282 136

69 610 965

70 705 569

512 387 953

PT

46 307 271

61 850 651

59 407 923

56 885 418

50 449 481

51 431 271

52 240 007

378 572 022

RO

19 871 141

26 541 038

25 492 826

24 410 382

21 648 625

22 069 926

22 416 967

162 450 905

SI

2 927 095

3 909 597

3 755 191

3 595 743

3 188 925

3 250 985

3 302 105

23 929 641

SK

1 862 388

2 487 512

2 389 271

2 287 821

2 028 980

2 068 465

2 100 991

15 225 428

FI

8 777 254

11 723 405

11 260 401

10 782 276

9 562 384

9 748 476

9 901 766

71 755 962

SE

14 176 567

18 935 038

18 187 218

17 414 975

15 444 669

15 745 235

15 992 823

115 896 525


Top