Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1027

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1027 tat-22 ta’ Ġunju 2021 li tafda f’idejn il-Kummissjoni Ewropea - l-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) - l-eżerċizzju ta’ setgħat mogħtija lill-awtorità tal-ħatra u l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ relatati mal-assigurazzjoni kontra r-riskju ta’ mard jew inċidenti okkupazzjonali

ST/8321/2021/INIT

ĠU L 224, 24.6.2021, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1027/oj

24.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/29


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1027

tat-22 ta’ Ġunju 2021

li tafda f’idejn il-Kummissjoni Ewropea - l-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) - l-eżerċizzju ta’ setgħat mogħtija lill-awtorità tal-ħatra u l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ relatati mal-assigurazzjoni kontra r-riskju ta’ mard jew inċidenti okkupazzjonali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) ta’ dawk ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 6 ta’ dawk il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/262 tas-6 ta’ Frar 2017 li tiddetermina, għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, l-awtorità tal-ħatra u l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/811/UE (2),

Billi:

(1)

Uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea huma assigurati kontra r-riskju ta’ mard jew inċidenti okkupazzjonali skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolamenti tal-Persunal”) u l-Artikoli 28 u 95 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea (“il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg”). Skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kondizzjonijiet ta’ dik l-assigurazzjoni huma stipulati fir-regoli komuni mfassla bi qbil komuni tal-istituzzjonijiet kollha rreġistrati mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-13 ta’ Diċembru 2005.

(2)

L-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) tal-Kummissjoni Ewropea huwa responsabbli mill-amministrazzjoni u l-ħlas tal-intitolamenti finanzjarji tal-persunal tal-Kummissjoni u, permezz ta’ ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz (FLS), ta’ ċerti istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni.

(3)

Taħt l-FLS konkluż bejn il-PMO u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) fit-3 ta’ Mejju 2019, il-PMO huwa responsabbli għall-amministrazzjoni u l-ħlas ta’ intitolamenti individwali, drittijiet tal-pensjoni u benefiċċji tal-qgħad għall-persunal tas-SĠK. F’dawk l-oqsma, il-PMO jeżerċita ċerti setgħat tal-awtorità tal-ħatra u l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/792 (3).

(4)

L-FLS tat-3 ta’ Mejju 2019 jipprevedi, inter alia, li l-ambitu tas-servizzi offruti mill-PMO jista’ jiġi estiż biex ikopri l-ġestjoni tal-assigurazzjoni kontra r-riskju ta’ mard jew inċidenti okkupazzjonali tal-persunal tas-SĠK. Minħabba li l-kondizzjonijiet li jikkonċernaw dik l-assigurazzjoni huma komuni għall-istituzzjonijiet kollha u li l-PMO għandu l-kapaċitajiet u l-esperjenza meħtieġa, huwa xieraq li tali servizzi jiġu fdati lill-PMO.

(5)

Sabiex it-trasferiment ta’ tali servizzi jkun effettiv, jenħtieġ li l-Kunsill jafda lill-PMO l-eżerċizzju tas-setgħat rilevanti mogħtija lill-awtorità tal-ħatra u l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ għall-persunal tas-SĠK.

(6)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-persunal tas-SĠK, jenħtieġ li jiġi ċċarat li t-talbiet u l-ilmenti relatati mal-assigurazzjoni kontra r-riskju ta’ mard jew inċidenti okkupazzjonali jitressqu lill-Kummissjoni. Għal dak l-istess għan, jenħtieġ li jkun ċar li l-appelli relatati lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandhom isiru kontra l-Kummissjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-awtorità tal-ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg lill-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ, fir-rigward tal-persunal tas-SĠK, huwa fdat lill-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO)tal-Kummissjoni Ewropea, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikoli 28 u 95 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

2.   It-talbiet u l-ilmenti relatati mal-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu ppreżentati lill-awtorità tal-ħatra jew lill-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 90c tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikoli 46 u 117 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, rispettivament. L-appelli lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea relatati mal-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom isiru kontra l-Kummissjoni skont l-Artikolu 91a tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikoli 46 u 117 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2021.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)   ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(2)   ĠU L 39, 16.2.2017, p. 4.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/792 tat-13 ta’ Mejju 2019 li tafda f’idejn il-Kummissjoni Ewropea - l-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) - l-eżerċizzju ta’ ċerti setgħat mogħtija lill-awtorità tal-ħatra u l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ (ĠU L 129, 17.5.2019, p. 3).


Top