Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0091

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/91 tat-28 ta’ Jannar 2021 li jiffissa, għas-snin 2021 u 2022, l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għal ċerti stokkijiet ta' ħut tal-baħar fond

ĠU L 31, 29.1.2021, p. 20–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/91/oj

29.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 31/20


IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2021/91

tat-28 ta’ Jannar 2021

li jiffissa, għas-snin 2021 u 2022, l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għal ċerti stokkijiet ta' ħut tal-baħar fond

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 43(3) tat-Trattat jistipula li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, irid jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jesiġi li jiġu adottati miżuri ta’ konservazzjoni filwaqt li jitqies il-parir xjentifiku, tekniku u ekonomiku disponibbli, inklużi, fejn rilevanti, rapporti mfasslin mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF, Scientific, technical and economic committee for fisheries).

(3)

Hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, inklużi ċerti kondizzjonijiet funzjonalment marbutin magħhom, skont kif xieraq. Jenħtieġ li jiġu allokati l-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri b’mod li tkun żgurata l-istabbiltà relattiva għal kull Stat Membru fl-attivitajiet tas-sajd għal kull stokk jew għal kull tip ta’ sajd u billi jitqiesu kif dovut l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(4)

Jenħtieġ li l-qabdiet totali permissibbli (TACs, total allowable catches) jiġu stabbiliti abbażi tal-parir xjentifiku disponibbli mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES, International Council for the Exploration of the Sea), b'kont meħud tal-aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi filwaqt li jiġi żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, kif ukoll fid-dawl tal-opinjonijiet espressi waqt il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, u b’mod partikolari mal-kunsilli konsultattivi kkonċernati.

(5)

Għal stokkijiet li għalihom ma hemmx biżżejjed data jew data affidabbli sabiex jingħataw l-istimi dwar id-daqs tal-istokkijiet, il-miżuri ta’ ġestjoni u l-livelli tat-TACs jenħtieġ li jiġi segwit l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd kif iddefinit fil-punt (8) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, filwaqt li jitqiesu l-fatturi speċifiċi għall-istokkijiet, inklużi, b’mod partikolari, l-informazzjoni disponibbli dwar ix-xejriet tal-istokkijiet u kunsiderazzjonijiet dwar is-sajd imħallat.

(6)

Skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għall-istokkijiet li huma soġġetti għal pjanijiet pluriennali speċifiċi, it-TACs jenħtieġ li jiġu stabbiliti f'konformità mar-regoli stabbiliti f'dawk il-pjanijiet. Il-pjan pluriennali tal-Ilmijiet tal-Punent ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u daħal fis-seħħ fl-2019. Peress li l-meded tal-FMSY ma jistgħux jiġu ddeterminati għal kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet koperti minn dan ir-Regolament u li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-pjan pluriennali tal-Ilmijiet tal-Punent, l-opportunitajiet tas-sajd għal dawk l-istokkijiet jenħtieġ li jiġu ffissati f'konformità mal-objettivi ta' dak il-pjan u b'kont meħud tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli kif ukoll tal-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd meta ma tkun disponibbli l-ebda informazzjoni xjentifika adegwata, b'kont meħud ukoll tad-diffikultà tas-sajd tal-istokkijiet kollha sar-rendiment massimu sostenibbli (MSY, maximum sustainable yield) fl-istess ħin, speċjalment f'sitwazzjonijiet fejn dan iwassal għal għeluq prematur tas-sajd.

(7)

Fejn tiġi allokata TAC marbuta ma’ stokk partikolari lil Stat Membru wieħed biss, ikun xieraq li tingħata s-setgħa lil dak l-Istat Membru, f’konformità mal-Artikolu 2(1) tat-Trattat, biex jiddetermina l-livell tat-tali TAC. Jenħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet biex ikun żgurat li, meta jistabbilixxi dak il-livell tat-TAC, l-Istat Membru kkonċernat jaġixxi b’mod li jkun konsistenti għalkollox mal-prinċipji u mar-regoli tal-PKS.

(8)

Għal ċerti TACs, huma disponibbli kwoti kondiviżi għall-Istati Membri mingħajr kwota allokata, indikati bħala “Oħrajn”. L-Istati Membri li jkunu użaw tali kwota kondiviża jistgħu aktar tard jiksbu kwota tagħhom stess, eż. permezz ta’ skambju. Meta jirrapportaw il-qabdiet lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istess TAC, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu distinzjoni bejn il-qabdiet li għandhom jinqatgħu mill-kwota tagħhom stess u l-qabdiet li għandhom jinqatgħu mill-kwota kondiviża. Sabiex tkun tista' ssir tali distinzjoni, jenħtieġ li jiġi introdott kodiċi ta’ rapportar separat.

(9)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 (3) introduċa kondizzjonijiet addizzjonali għall-ġestjoni tat-TACs minn sena għal sena, inklużi dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà għat-TACs prekawzjonarji u analitiċi. Taħt dak ir-Regolament, meta jiffissa t-TACs, il-Kunsill irid jiddeċiedi liema huma l-istokkijiet li għalihom ma għandux japplika l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament, b’mod partikolari abbażi tal-istat bijoloġiku tal-istokkijiet. Fl-2014, l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 introduċa mekkaniżmu ieħor ta’ flessibbiltà minn sena għal sena għall-istokkijiet kollha li huma soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art. Għalhekk, sabiex tiġi evitata flessibbiltà eċċessiva li timmina l-prinċipju ta’ sfruttament razzjonali u responsabbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, li xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-PKS u li twassal biex tmur għall-agħar il-qagħda bijoloġika tal-istokkijiet, jenħtieġ li jiġi stabbilit li l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplikaw għat-TACs analitiċi biss fejn ma tintużax il-flessibbiltà minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(10)

F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu ta’ ħatt l-art japplika bis-sħiħ mill-1 ta’ Jannar 2019 u l-ispeċijiet kollha soġġetti għal-limiti ta’ qbid iridu jinħattu l-art. L-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jistipula li, meta japplika l-obbligu ta’ ħatt l-art fir-rigward ta’ stokk tal-ħut, l-opportunitajiet tas-sajd iridu jiġu stabbiliti billi titqies il-bidla li ssir mill-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd li jirriflettu l-ħatt l-art għall-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd li jirriflettu l-qabdiet. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti ppreżentati mill-Istati Membri u f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2019/472, il-Kummissjoni adottat għadd ta’ Regolamenti delegati li jistabbilixxu d-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fil-forma ta’ pjanijiet speċifiċi għall-iskartar tal-ħut.

(11)

Meta jiġu ffissati l-opportunitajiet tas-sajd għal stokkijiet ta’ speċijiet li jaqgħu taħt l-obbligu ta’ ħatt l-art jenħtieġ li jittieħed kont tal-fatt li l-iskartar fil-prinċipju ma għadux permess. Għalhekk, l-opportunitajiet tas-sajd jenħtieġ li jkunu bbażati fuq iċ-ċifra suġġerita għall-qabdiet totali (minflok iċ-ċifra suġġerita għall-qabdiet mixtieqa), kif provdut mill-ICES. L-ammonti li, permezz ta' eċċezzjoni mill-obbligu ta’ ħatt l-art, jistgħu jibqgħu jiġu skartati, jenħtieġ li jitnaqqsu minn dik iċ-ċifra suġġerita għall-qabdiet totali.

(12)

L-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd jenħtieġ li jkun f'konformità ma' ftehimiet u prinċipji internazzjonali, bħall-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1995 relatat mal-konservazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ ħażniet ta’ ħut li jpassi f’żona limitata (straddling) u ħażniet ta' ħut li jpassi ħafna (highly migratory) (4), u mal-prinċipji dettaljati ta’ ġestjoni stabbiliti fil-Linji Gwida Internazzjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fil-Fond fl-Ibħra Internazzjonali adottati fl-2008 mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti, li taħthom, b’mod partikolari, regolatur jenħtieġ li jkun aktar kawt meta l-informazzjoni ma tkunx ċerta, ma tkunx affidabbli jew ma tkunx adegwata. In-nuqqas ta’ informazzjoni xjentifika adegwata ma għandux iservi ta’ raġuni biex jiġu posposti, jew biex ma jittieħdux, miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni.

(13)

Isiru qabdiet tal-paġella l-ħamra (Pagellus bogaraveo) fiż-żoni tal-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant (CECAF) u tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) li l-konfini tagħhom imissu mas-subżona 9 tal-ICES. Minħabba li d-data tal-ICES għal dawk iż-żoni li jmissu ma’ dik is-subżona mhijiex kompluta, jenħtieġ li l-ambitu tat-TAC jibqa’ limitat għas-subżona 9 tal-ICES.

(14)

Peress li s'issa ma ntlaħaq l-ebda ftehim mar-Renju Unit dwar il-livelli tat-TACs għall-ħażniet ta’ ħut li jpassi f’żona limitata u sabiex jiġi stabbilit qafas regolatorju xieraq għall-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni sa meta jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni konġunta, jenħtieġ li jiġu ffissati opportunitajiet tas-sajd proviżorji għall-ewwel tliet xhur tal-2021. Jenħtieġ li tali opportunitajiet tas-sajd proviżorji jiġu ffissati f'livelli li ma jippreġudikawx l-eżitu tal-konsultazzjonijiet mal-pajjiżi terzi rilevanti u jenħtieġ li ma jipperikolawx il-possibbiltà li jiġu stabbiliti TACs permanenti f'konformità mal-parir xjentifiku. Għalhekk, bħala approċċ ġenerali, jenħtieġ li dawn jikkorrispondu għal 25 % tas-sehem tal-Unjoni tal-opportunitajiet tas-sajd iffissati għall-2020. Dawk l-opportunitajiet tas-sajd proviżorji jenħtieġ li fl-ebda ċirkostanza ma jostakolaw l-iffissar ta' opportunitajiet tas-sajd definittivi f'konformità mal-ftehimiet internazzjonali, b'mod partikolari l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra (5), li japplika proviżorjament mill-1 ta' Jannar 2021, u mal-eżitu tal-konsultazzjonijiet, mal-qafas legali tal-Unjoni u mal-parir xjentifiku.

(15)

L-ICES ta parir li l-mera tal-Atlantiku (Hoplostethus atlanticus) ma tinqabadx qabel l-2024. Jixraq li jibqgħu pprojbiti s-sajd, iż-żamma abbord, it-trażbord u l-ħatt l-art ta’ dik l-ispeċi minħabba li l-istokk tagħha naqas ferm u mhux qed jirkupra. Skont l-ICES, mill-2010 ’l hawn ma sar l-ebda sajd dirett min-naħa tal-Unjoni għal dik l-ispeċi fl-Atlantiku tal-Grigal.

(16)

L-ICES ta parir li titnaqqas għall-minimu l-mortalità mis-sajd tal-klieb il-baħar tal-fond. Il-klieb il-baħar tal-fond huma speċijiet li jgħixu fit-tul b’rati baxxi ta’ riproduzzjoni u ġew sfruttati żżejjed. Għalhekk, jenħtieġ li s-sajd għal dawk l-ispeċijiet ikun projbit.

(17)

Biex jiġi evitat li jiġu interrotti l-attivitajiet tas-sajd u biex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2021. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiżguraw l-applikazzjoni f'waqtha ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jiffissa, għall-2021 u l-2022, l-opportunitajiet tas-sajd annwali disponibbli għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għall-istokkijiet tal-ħut ta' ċerti speċijiet tal-baħar fond fl-ilmijiet tal-Unjoni u f'ċerti ilmijiet li mhumiex tal-Unjoni fejn huma meħtieġa limiti tal-qbid.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Ma’ dawk għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“qabda totali permissibbli” (TAC, total allowable catch) tfisser:

(i)

fil-każ tal-attivitajiet tas-sajd li għalihom tapplika l-eżenzjoni mill-obbligu ta' ħatt l-art imsemmija fl-Artikolu 15(4) sa (7) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-ammont ta' ħut li jista' jinħatt l-art minn kull stokk kull sena;

(ii)

fil-każ tal-attivitajiet l-oħrajn kollha tas-sajd, l-ammont ta' ħut li jista' jinqabad minn kull stokk kull sena;

(b)

“kwota” tfisser proporzjon mit-TAC allokata lill-Unjoni jew lil Stat Membru;

(c)

“ilmijiet internazzjonali” tfisser ilmijiet li ma jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni tal-ebda Stat;

(d)

“valutazzjoni analitika” tfisser evalwazzjonijiet kwantitattivi tax-xejriet fi stokk partikolari, abbażi ta' data dwar il-bijoloġija u l-isfruttament tal-istokk, li l-analiżi xjentifika tkun indikat li hija ta' kwalità biżżejjed biex abbażi tagħha jingħataw pariri xjentifiċi dwar l-għażliet għall-qabdiet fil-ġejjieni;

(e)

“iż-żoni tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES, International Council for the Exploration of the Sea) tfisser iż-żoni ġeografiċi speċifikati fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

(f)

“iż-żoni tal-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant (CECAF) tfisser iż-żoni ġeografiċi li huma speċifikati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 216/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

(g)

“klieb il-baħar tal-fond” tfisser l-ispeċijiet elenkati fil-punt 2 tal-Parti 1 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

TACs u allokazzjonijiet

1.   It-TACs għall-ispeċijiet tal-baħar fond li jinqabdu mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet tal-Unjoni u f'ċerti ilmijiet li mhumiex tal-Unjoni, l-allokazzjoni tat-tali TACs fost l-Istati Membri u l-kondizzjonijiet funzjonalment marbutin magħhom, fejn hu xieraq, huma stabbiliti fl-Anness.

2.   Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jistgħu jkunu awtorizzati jistadu, fil-limiti tat-TACs stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament, f'ilmijiet li jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni tas-sajd tar-Renju Unit, soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u fid-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tiegħu.

Artikolu 4

Bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Renju Unit, irreġistrati fir-Renju Unit u liċenzjati minn amministrazzjoni tas-sajd tar-Renju Unit

Il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Renju Unit, reġistrati fir-Renju Unit u liċenzjati minn amministrazzjoni tas-sajd tar-Renju Unit jistgħu jkunu awtorizzati jistadu fl-ilmijiet tal-Unjoni fil-limiti tat-TACs stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament, u għandhom ikunu soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2403.

Artikolu 5

TACs li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri

1.   Il-Portugall għandu jiddetermina t-TAC għaċ-ċinturin l-iswed (Aphanopus carbo) fiż-żona 34.1.2 tas-CECAF. Dan l-istokk huwa identifikat fl-Anness.

2.   It-TAC li għandha tiġi ddeterminata mill-Portugall:

(a)

għandha tkun konsistenti mal-prinċipji u r-regoli tal-PKS, b'mod partikolari mal-prinċipju tal-isfruttament sostenibbli tal-istokk; u

(b)

għandha tirriżulta:

(i)

jekk tkun disponibbli valutazzjoni analitika, fl-isfruttament tal-istokk b’mod konsistenti mal-MSY mill-2019 ’il quddiem, bl-ogħla probabbiltà possibbli;

(ii)

jekk ma tkunx disponibbli valutazzjoni analitika jew jekk din ma tkunx kompluta, fl-isfruttament tal-istokk b'mod konsistenti mal-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd.

3.   Sal-15 ta’ Marzu ta’ kull sena, il-Portugall għandu jippreżenta lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja:

(a)

it-TAC adottata;

(b)

id-data miġbura u vvalutata mill-Portugall li fuqha tkun ibbażata t-TAC adottata;

(c)

id-dettalji dwar kif it-TAC adottata tkun tikkonforma mal-paragrafu 2.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd

1.   L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif stabbilita f'dan ir-Regolament għandha tkun mingħajr preġudizzju għas-segwenti:

(a)

għall-iskambji li jsiru skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b)

għat-tnaqqis u għar-riallokazzjonijiet li jsiru skont l-Artikolu 37 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (9);

(c)

għar-riallokazzjonijiet li jsiru skont l-Artikolu 12(7) tar-Regolament (UE) Nru 2017/2403;

(d)

għall-ħatt l-art addizzjonali permess skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(e)

għall-kwantitajiet miżmumin skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(f)

għat-tnaqqis li jsir skont l-Artikoli 105, 106 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

2.   L-istokkijiet li huma soġġetti għal TACs prekawzjonarji jew analitiċi huma identifikati fl-Anness.

3.   L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 għandu japplika għall-istokkijiet soġġetti għal TACs prekawzjonarji, filwaqt li l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament għandhom japplikaw għall-istokkijiet soġġetti għal TACs analitiċi, ħlief fejn hu speċifikat mod ieħor fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

4.   L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandhomx japplikaw fejn Stat Membru juża l-flessibbiltà minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 7

Kondizzjonijiet għall-ħatt l-art ta' qabdiet u ta' qabdiet aċċessorji

Il-qabdiet li mhumiex soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandhom jinżammu abbord jew jinħattu l-art biss jekk dawn:

(a)

ikunu saru minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru li jkollu kwota għalihom u dik il-kwota ma tkunx ġiet eżawrita; jew

(b)

ikunu jikkonsistu f'sehem minn kwota tal-Unjoni li ma tkunx ġiet allokata fost l-Istati Membri fil-forma ta' kwoti, u dik il-kwota tal-Unjoni ma tkunx ġiet eżawrita.

Artikolu 8

Applikazzjoni tat-TACs proviżorji

1.   Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu f'tabella stabbilita fl-Anness għal dan ir-Regolament, l-opportunitajiet tas-sajd f'dik it-tabella huma proviżorji u għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Marzu 2021. Dawk l-opportunitajiet tas-sajd proviżorji għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-istabbiliment ta' opportunitajiet tas-sajd definittivi għall-2021 u l-2022 f'konformità mal-eżiti tan-negozjati u/jew konsultazzjonijiet internazzjonali, mal-parir xjentifiku, mad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u mal-pjanijiet pluriennali rilevanti.

2.   Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jistgħu jistadu għal stokkijiet soġġett għal opportunitajiet tas-sajd proviżorji msemmija fil-paragrafu 1 fl-ilmijiet tal-Unjoni u f’dawk internazzjonali u fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi li taw aċċess għall-ilmijiet tagħhom lil bastimenti tas-sajd tal-Unjoni.

Artikolu 9

Projbizzjonijiet

Dan li ġejjin huma pprojbiti għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni:

(a)

is-sajd għall-mera tal-Atlantiku (Hoplostethus atlanticus) fl-ilmijiet tal-Unjoni u f’dawk internazzjonali tas-subżoni 1 sa 10, 12 u 14 tal-ICES, u ż-żamma abbord, it-trażbord jew il-ħatt l-art tal-mera tal-Atlantiku maqbuda f’dawk is-subżoni;

(b)

is-sajd għall-klieb il-baħar tal-fond fis-subżoni 5 sa 9 tal-ICES, fl-ilmijiet tal-Unjoni u fl-ilmijiet internazzjonali tas-subżona 10 tal-ICES, fl-ilmijiet internazzjonali tas-subżona 12 tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni taż-żoni 34.1.1, 34.1.2 u 34.2 tas-CECAF, u ż-żamma abbord, it-trażbord, ir-rilokazzjoni jew il-ħatt l-art tal-klieb il-baħar tal-fond maqbuda f’dawk iż-żoni.

Artikolu 10

Trażmissjoni tad-data

Meta, skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni d-data marbuta ma' ħatt l-art tal-kwantitajiet tal-istokkijiet li jkunu qabdu, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)  Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(2)  Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008 (ĠU L 83, 25.3.2019, p. 1).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta’ Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TAC u l-kwoti (ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3).

(4)  Il-Ftehim fuq l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-konservazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ ħażniet ta’ ħut li jpassi f’żona limitata (straddling) u ħażniet ta' ħut li jpassi ħafna (highly migratory) (ĠU L 189, 3.7.1998, p. 16).

(5)   ĠU L 444, 31.12.2020, p. 14.

(6)  Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta' statistiċi ta' qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-grigal tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70).

(7)  Regolament (KE) Nru 216/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta' statistiċi ta' qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu f'ċerti żoni li mhumiex fl-Atlantiku tat-Tramuntana (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 1).

(8)  Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).

(9)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).


ANNESS

PARTI 1

Tabella komparattiva tal-ismijiet komuni u l-ismijiet xjentifiċi u d-definizzjoni

1.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, tapplika t-tabella komparattiva li ġejja tal-ismijiet komuni u l-ismijiet xjentifiċi tal-ispeċijiet:

Isem komuni

Kodiċi alfa-3

Isem xjentifiku

Ċinturin iswed

BSF

Aphanopus carbo

Fonsa l-ħamra

ALF

Beryx spp.

Grenadier imnieħru tond

RNG

Coryphaenoides rupestris

Grenadier rasu raffa

RHG

Macrourus berglax

Paġella ħamra

SBR

Pagellus bogaraveo

2.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “il-klieb il-baħar tal-fond” tfisser dan il-ġej:

Isem komuni

Kodiċi alfa-3

Isem xjentifiku

Gattarelli tal-fond

API

Apristurus spp.

Kelb il-baħar tal-frilli

HXC

Chlamydoselachus anguineus

Żagħrun

CWO

Centrophorus spp.

Mazzola Portugiża

CYO

Centroscymnus coelolepis

Mazzola bellusija mneħirha twil

CYP

Centroscymnus crepidater

Mazzola sewda

CFB

Centroscyllium fabricii

Mazzola munqar l-għasfur

DCA

Deania calcea

Murruna sewda

SCK

Dalatias licha

Mazzola tal-fanal maġġuri

ETR

Etmopterus princeps

Mazzola tal-fanal

ETX

Etmopterus spinax

Gattarell ġurdien

GAM

Galeus murinus

Murruna ta’ sitt garġi

SBL

Hexanchus griseus

Pixxiporku tal-Atlantiku (Sharpback shark)

OXN

Oxynotus paradoxus

Mazzola snienha tas-skieken

SYR

Scymnodon ringens

Kelb il-baħar ta’ Greenland

GSK

Somniosus microcephalus

PARTI 2

Opportunitajiet tas-sajd annwali (f’tunnellati ta’ piż ħaj)

Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, iż-żoni tas-sajd imsemmija f’din il-Parti għandhom ikunu ż-żoni tal-ICES

Fil-lista stabbilita f'din il-Parti, l-istokkijiet tal-ħut jissemmew skont l-ordni alfabetika tal-ismijiet xjentifiċi tal-ispeċijiet

Speċijiet:

Ċinturin iswed

Aphanopus carbo

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni u dawk internazzjonali taż-żoni 5, 6, 7 u 12

(BSF/56712-)

Il-Ġermanja

7

 

TAC prekawzjonarja

Japplika l-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament

L-Estonja

4

 

L-Irlanda

18

 

Spanja

35

 

Franza

494

 

Il-Latvja

23

 

Il-Litwanja

0

 

Il-Polonja

0

 

Pajjiżi oħrajn

2

 (1)

L-Unjoni

583

 

Ir-Renju Unit

35

 

TAC

618

 


Speċijiet:

Ċinturin iswed

Aphanopus carbo

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni u dawk internazzjonali taż-żoni 8, 9 u 10

(BSF/8910-)

Sena

2021

 

2022

 

TAC prekawzjonarja

Spanja

7

 

7

 

Franza

18

 

18

 

Il-Portugall

2 241

 

2 241

 

L-Unjoni

2 266

 

2 266

 

TAC

2 266

 

2 266

 


Speċijiet:

Ċinturin iswed

Aphanopus carbo

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni u dawk internazzjonali taż-żona 34.1.2 tas-CECAF

(BSF/C3412-)

Sena

2021

2022

TAC prekawzjonarja

Japplika l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament

Il-Portugall

Trid tiġi stabbilita

 

Trid tiġi stabbilita

 

L-Unjoni

Trid tiġi stabbilita

 (2)

Trid tiġi stabbilita

 (2)

TAC

Trid tiġi stabbilita

 (2)

Trid tiġi stabbilita

 (2)


Speċijiet:

Fonsa l-ħamra

Beryx spp.

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni u dawk internazzjonali taż-żoni 3, 4, 5, 6, 7, 8, 9, 10, 12 u 14

(ALF/3X14-)

L-Irlanda

2

 (3)

TAC prekawzjonarja

Japplika l-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament

Spanja

14

 (3)

Franza

4

 (3)

Il-Portugall

41

 (3)

L-Unjoni

61

 (3)

Ir-Renju Unit

2

 (3)

TAC

63

 (3)


Speċijiet:

Grenadier imnieħru tond

Coryphaenoides rupestris

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni u dawk internazzjonali taż-żona 3

(RNG/03-)

Sena

2021

2022

TAC prekawzjonarja

Id-Danimarka

4,730

 (4)  (5)

4,730

 (4)  (5)

Il-Ġermanja

0,027

 (4)  (5)

0,027

 (4)  (5)

L-Iżvezja

0,243

 (4)  (5)

0,243

 (4)  (5)

L-Unjoni

5

 (4)  (5)

5

 (4)  (5)

TAC

5

 (4)  (5)

5

 (4)  (5)


Speċijiet:

Grenadier imnieħru tond

Coryphaenoides rupestris

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni u dawk internazzjonali taż-żoni 5b, 6 u 7

(RNG/5B67-)

Il-Ġermanja

1

 (6)  (7)

TAC prekawzjonarja

Japplika l-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament

L-Estonja

9

 (6)  (7)

L-Irlanda

42

 (6)  (7)

Spanja

10

 (6)  (7)

Franza

527

 (6)  (7)

Il-Litwanja

12

 (6)  (7)

Il-Polonja

6

 (6)  (7)

Pajjiżi oħrajn

1

 (6)  (7)  (8)

L-Unjoni

608

 (6)  (7)

Ir-Renju Unit

31

 (6)  (7)

TAC

639

 (6)  (7)


Speċijiet:

Grenadier imnieħru tond

Coryphaenoides rupestris

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni u dawk internazzjonali taż-żoni 8, 9, 10, 12 u 14

(RNG/8X14-)

Il-Ġermanja

4

 (9)  (10)

TAC prekawzjonarja

Japplika l-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament

L-Irlanda

1

 (9)  (10)

Spanja

410

 (9)  (10)

Franza

19

 (9)  (10)

Il-Latvja

7

 (9)  (10)

Il-Litwanja

1

 (9)  (10)

Il-Polonja

128

 (9)  (10)

L-Unjoni

570

 (9)  (10)

Ir-Renju Unit

2

 (9)  (10)

TAC

572

 (9)  (10)


Speċijiet:

Paġella ħamra

Pagellus bogaraveo

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni u dawk internazzjonali taż-żoni 6, 7 u 8

(SBR/678-)

L-Irlanda

1

 (11)

TAC prekawzjonarja

Japplika l-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament

Spanja

21

 (11)

Franza

1

 (11)

Pajjiżi oħrajn

1

 (11)  (12)

L-Unjoni

24

 (11)

Ir-Renju Unit

3

 (11)

TAC

27

 (11)


Speċijiet:

Paġella ħamra

Pagellus bogaraveo

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni u dawk internazzjonali taż-żona 9

(SBR/09-)

Sena

2021

 

2022

 

TAC prekawzjonarja

Spanja

93

 

93

 

Il-Portugall

25

 

25

 

L-Unjoni

118

 

118

 

TAC

119

 

119

 


Speċijiet:

Paġella ħamra

Pagellus bogaraveo

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni u dawk internazzjonali taż-żona 10

(SBR/10-)

Spanja

1

 

TAC prekawzjonarja

Japplika l-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament

Il-Portugall

136

 

L-Unjoni

137

 

Ir-Renju Unit

1

 

TAC

138

 


(1)  Għall-qabdiet aċċessorji biss. Mhu permess l-ebda sajd dirett fil-kuntest ta’ din il-kwota. Il-qabdiet li jridu jinqatgħu minn din il-kwota kondiviża għandhom jiġu rrapportati separatament (BSF/56712_AMS).

(2)  Stabbilita fl-istess kwantità bħall-kwota għall-Portugall.

(3)  Għall-qabdiet aċċessorji biss. Mhu permess l-ebda sajd dirett fil-kuntest ta’ din il-kwota.

(4)  Mhu permess l-ebda sajd dirett tal-grenadier imnieħru tond fiż-żona 3a.

(5)  Mhu permess l-ebda sajd dirett tal-grenadier rasu raffa. Il-qabdiet aċċessorji tal-grenadier rasu raffa (RHG/03-) għandhom jinqatgħu minn din il-kwota. Dawn ma għandhomx jaqbżu l-1 % tal-kwota.

(6)  Fl-ilmijiet tal-Unjoni u f'dawk internazzjonali taż-żoni 8, 9, 10, 12 u 14 jista' jiġi mistad ammont massimu ta' 10 % minn kull kwota (RHG/*8X14 - għall-grenadier imnieħru tond; RHG/*8X14- għall-qabdiet aċċessorji tal-grenadier rasu raffa).

(7)  Mhu permess l-ebda sajd dirett tal-grenadier rasu raffa. Il-qabdiet aċċessorji tal-grenadier rasu raffa (RHG/5B67-) għandhom jinqatgħu minn din il-kwota. Dawn ma għandhomx jaqbżu l-1 % tal-kwota.

(8)  Għall-qabdiet aċċessorji biss. Mhu permess l-ebda sajd dirett. Il-qabdiet li jridu jinqatgħu minn din il-kwota kondiviża għandhom jiġu rrapportati separatament (RNG/5B67_AMS għall-grenadier imnieħru tond; RHG/5B67_AMS għall-grenadier rasu raffa).

(9)  Fl-ilmijiet tal-Unjoni u f'dawk internazzjonali taż-żoni 5b, 6 u 7 jista' jiġi mistad ammont massimu ta' 10 % minn kull kwota (RNG/*5B67- għall-grenadier imnieħru tond; RHG/*5B67 - għall-qabdiet aċċessorji tal-grenadier rasu raffa).

(10)  Mhu permess l-ebda sajd dirett tal-grenadier rasu raffa. Il-qabdiet aċċessorji tal-grenadier rasu raffa (RHG/8X14-) għandhom jinqatgħu minn din il-kwota. Dawn ma għandhomx jaqbżu l-1 % tal-kwota.

(11)  Għall-qabdiet aċċessorji biss. Mhu permess l-ebda sajd dirett fil-kuntest ta’ din il-kwota.

(12)  Il-qabdiet li jinqatgħu minn din il-kwota kondiviża għandhom jiġu rrapportati separatament (SBR/678_AMS).


Top