EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1757

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1757 tad-19 ta’ Novembru 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor dwar l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992

OJ L 396, 25.11.2020, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1757/oj

25.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 396/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1757

tad-19 ta’ Novembru 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor dwar l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993. Il-Ftehim ġie konkluż inizjalment għal perjodu ta’ tliet snin.

(2)

Skont l-Artikolu 45(2) tal-Ftehim, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor jista’ jestendi l-Ftehim għal perjodi suċċessivi, ta’ mhux aktar minn sentejn kull darba. Mill-konklużjoni tiegħu ’l hawn, il-Ftehim ġie estiż regolarment għal perjodi ulterjuri ta’ sentejn. Il-Ftehim ġie estiż l-aħħar fl-10 ta’ Lulju 2019 u jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2021.

(3)

L-Artikolu 41 tal-Ftehim jistipula li l-Ftehim hu miftuħ għall-adeżjoni mill-Gvernijiet tal-Istati kollha f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor.

(4)

Fit-2 ta’ Ottubru 2020, ir-Renju Unit applika formalment għall-adeżjoni mal-Ftehim mill-1 ta’ Jannar 2021 ’il quddiem.

(5)

Matul is-57 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor, li hija skedata li ssir fis-27 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor huwa ppjanat li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor.

(7)

Ir-Renju Unit huwa produttur ewlieni taz-zokkor. L-approvazzjoni tal-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim hija fl-interess tal-Unjoni.

(8)

Jenħtieġ li l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim issir effettiva biss wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2). Il-Ftehim ma għandux jiġi applikat b’mod proviżorju fir-rigward tar-Renju Unit qabel tmiem dak il-perjodu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul is-57 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor fis-27 ta’ Novembru 2020 għandha tkun li tapprova l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992, dment li l-adeżjoni ma ssirx effettiva, u l-Ftehim ma jiġix applikat b’mod proviżorju fir-rigward tar-Renju Unit, qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE tat-13 ta’ Novembru 1992 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 379, 23.12.1992, p. 15).

(2)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.


Top