Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0672

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19

    ST/7917/2020/INIT

    ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/672/oj

    20.5.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 159/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2020/672

    tad-19 ta’ Mejju 2020

    dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 122(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jippermetti lill-Kunsill jiddeċiedi, fuq proposta mill-Kummissjoni u fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, dwar il-miżuri xierqa biex iwieġbu għas-sitwazzjoni soċjoekonomika wara t-tifqigħa tal-COVID-19.

    (2)

    L-Artikolu 122(2) TFUE jagħti s-setgħa lill-Kunsill biex jagħti assistenza finanzjarja mill-Unjoni lil Stat Membru li jsib ruħu f’diffikultajiet jew ikun mhedded serjament minn diffikultajiet qawwija kkawżati minn ċirkostanzi eċċezzjonali li ma jkollux kontroll fuqhom.

    (3)

    Is-sindromu respiratorju akut gravi coronavirus 2 (SARS-CoV-2) li jikkawża l-marda tal-coronavirus, li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) semmietu COVID-19, huwa razza ġdida ta’ coronavirus li ma ġietx identifikata qabel fil-bniedem. It-tifqigħa globali ta’ dik il-marda qed tevolvi malajr u ġiet iddikjarata pandemija mid-WHO. Mill-bidu tat-tifqigħa tal-COVID-19 fl-Unjoni sat-30 ta’ Marzu 2020, ġew irrapportati 334 396 każ u 22 209 każ ta’ mewt fl-Istati Membri.

    (4)

    L-Istati Membri implimentaw miżuri straordinarji biex irażżnu t-tifqigħa tal-COVID-19 u l-impatt tagħha. Il-probabbiltà ta’ trażmissjoni ulterjuri tal-COVID-19 fl-Unjoni hija meqjusa bħala waħda għolja. Minbarra l-impatti fuq is-saħħa pubblika b’riżultati fatali sostanzjali, it-tifqigħa tal-COVID-19 ikkawżat impatt enormi u ta’ tfixkil fuq is-sistemi ekonomiċi tal-Istati Membri, ikkawżat tfixkil fis-soċjetà u żiedet in-nefqa pubblika f’għadd dejjem jikber ta’ Stati Membri.

    (5)

    Dik is-sitwazzjoni eċċezzjonali, li tmur lil hinn mill-kontroll tal-Istati Membri u li immobilizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol tagħhom, wasslet għal żieda għall-għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika tal-Istati Membri fi skemi ta’ xogħol b'ħinijiet iqsar għal impjegati u miżuri simili, b’mod partikolari għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif ukoll infiq f'miżuri relatati mas-saħħa, b'mod partikolari fuq il-post tax-xogħol. Sabiex tinżamm l-enfasi b'saħħitha tal-istrument previst f'dan ir-Regolament u b’hekk l-effettività tiegħu, il-miżuri relatati mas-saħħa għall-fini ta' dak l-istrument jistgħu jikkonsistu f'dawk li għandhom l-għan li jnaqqsu l-perikli okkupazzjonali u jiżguraw il-protezzjoni tal-impjegati u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll, fejn xieraq, f'xi miżuri oħrajn relatati mas-saħħa. Huwa meħtieġ li jiġu ffaċilitati l-isforzi mill-Istati Membri sabiex jindirizzaw iż-żieda għall-għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika sakemm it-tifqigħa tal-COVID-19 u l-impatt tagħha fuq il-forza tax-xogħol tagħhom ikunu taħt kontroll.

    (6)

    Il-ħolqien ta’ strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex itaffi r-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) (l-"istrument") wara t-tifqigħa tal-COVID-19 għandu jippermetti li l-Unjoni tirrispondi għall-kriżi fis-suq tax-xogħol b’mod koordinat, rapidu u effettiv u fi spirtu ta’ solidarjetà fost l-Istati Membri, biex b’hekk jittaffa l-impatt fuq l-impjiegi għall-individwi u l-aktar setturi ekonomiċi affettwati u jittaffew l-effetti diretti ta’ din is-sitwazzjoni eċċezzjonali fuq in-nefqa pubblika mill-Istati Membri.

    (7)

    L-Artikolu 220(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jgħid li l-assistenza finanzjarja mill-Unjoni lill-Istati Membri tista’ tieħu l-forma ta’ self. Tali self għandu jingħata lill-Istati Membri fejn it-tifqigħa tal-COVID-19wasslet għal żieda għall-għarrieda u qawwija, mill-1 ta' Frar 2020, fin-nefqa pubblika effettiva u possibbilment dik ippjanata wkoll minħabba miżuri nazzjonali . Dik id-data tiżgura trattament ugwali għall-Istati Membri kollha u tippermetti l-kopertura taż-żidiet effettivi tagħhom u possibbilment dawk ippjanati fl-infiq relatat mal-effetti fuq is-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri, irrispettivament minn meta seħħet it-tifqigħa tal-COVID-19 f’kull Stat Membru speċifiku. Il-miżuri nazzjonali li jkunu mifhuma li huma konformi mal-prinċipji tad-drittijiet fundamentali rilevanti, jenħtieġ li jkunu direttament relatati mal-ħolqien jew l-estensjoni ta’ skemi ta’ xogħol b'ħinijiet iqsar u ma’ miżuri simili inkluż miżuri għal persuni li jaħdmu għal rashom, jew ma' xi miżuri relatati mas-saħħa. Skemi ta’ xogħol b'ħinijiet iqsar huma programmi pubbliċi li f’ċerti ċirkostanzi jippermettu li n-negozji li jkunu qed jesperjenzaw diffikultajiet ekonomiċi jnaqqsu b’mod temporanju s-sigħat maħduma mill-impjegati tagħhom, li jingħataw appoġġ pubbliku għall-introjtu għas-sigħat mhux maħduma.

    Jeżistu skemi simili għas-sostituzzjoni tal-introjtu għal dawk li jaħdmu għal rashom. L-Istat Membru li jitlob assistenza finanzjarja jenħtieġ li jipprovdi evidenza ta’ żieda għall-għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika effettiva u possibbilment dik ippjanata wkoll għal skemi ta’ xogħol b'ħinijiet iqsar jew miżuri simili. Jekk tingħata għajnuna finanzjarja għal miżuri relatati mas-saħħa, l-Istat Membru li jitlob assistenza finanzjarja jenħtieġ li jipprovdi wkoll evidenza ta’ nefqa effettiva jew ippjanata relatata mal-miżuri rilevanti relatati mas-saħħa.

    (8)

    Sabiex l-Istati Membri affettwati jiġu pprovduti, taħt termini favorevoli, b’mezzi finanzjarji biżżejjed biex ikunu jistgħu jindirizzaw l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq is-suq tax-xogħol tagħhom, l-operazzjonijiet mutwarji u mutwanti tal-Unjoni skont l-Istrument jenħtieġ li jkunu kbar biżżejjed. Għaldaqstant jenħtieġ li l-assistenza finanzjarja mogħtija mill-Unjoni f'forma ta' self tiġi ffinanzjata permezz ta’ rikors għas-swieq kapitali internazzjonali.

    (9)

    It-tifqigħa tal-COVID-19 kellha impatt massiv u ta’ tfixkil fuq is-sistema ekonomika ta’ kull Stat Membru. Għalhekk hemm bżonn ta’ kontribuzzjonijiet kollettivi mill-Istati Membri fil-forma ta’ garanziji li jappoġġaw is-self mill-baġit tal-Unjoni. Tali l-garanziji huma meħtieġa sabiex l-Unjoni tkun tista’ tagħti self ta’ grad għoli biżżejjed lill-Istati Membri, sabiex tappoġġa l-politiki tas-suq tax-xogħol li jinsabu taħt l-akbar pressjoni. Biex ikun żgurat li r-responsabbiltà kontinġenti li tirriżulta minn tali self tkun kompatibbli mal-qafas finanzjarju pluriennali ('QFP') applikabbli u mal-limiti massimi tar-riżorsi proprji, il-garanziji pprovduti mill-Istati Membri jenħtieġ li jkunu irrevokabbli, mingħajr kundizzjonijiet u fuq talba, filwaqt li jenħtieġ li r-robustezza tas-sistema tkun imsaħħa b’salvagwardji addizzjonali. F’konformità mar-rwol komplementari ta’ tali garanziji, u mingħajr preġudizzju għan-natura irrevokabbli, mingħajr kundizzjonijiet u fuq talba tagħhom, il-Kummissjoni, qabel ma titlob għall-ħlas tal-garanziji mogħtija mill-Istati Membri, hija mistennija li tuża l-marġni disponibbli taħt il-limitu massimu tar-riżorsi proprji għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament sa fejn dan jitqies sostenibbli mill-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu, fost l-oħrajn, l-obbligazzjonijiet kontinġenti totali tal-Unjoni, inkluż taħt il-faċilità tal-bilanċ tal-pagamenti stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 (2). Fit-talba rilevanti għall-ħlas tal-garanziji, il-Kummissjoni jenħtieġ li tinforma lill-Istati Membri dwar sa fejn użat il-marġni disponibbli. Il-ħtieġa ta' garanziji pprovduti mill-Istati Membri tista' tiġi rieżaminata jekk jintlaħaq ftehim dwar limitu rivedut tar-riżorsi proprji.

    (10)

    Jenħtieġ li s-salvagwardji addizzjonali biex tissaħħaħ is-saħħa tas-sistema jkunu jikkonsistu f’ġestjoni finanzjarja konservattiva, skopertura annwali massima, u diversifikazzjoni suffiċjenti tal-portafoll tas-self.

    (11)

    Jenħtieġ li s-self mogħti skont l-Istrument jikkostitwixxi assistenza finanzjarja skont it-tifsira tal-Artikolu 220 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. F’konformità mal-punt (g) tal-Artikolu 282(3) ta' dak ir-Regolament, l-Artikolu 220 ta' dak ir-Regolament ser japplika biss għas-self mogħti taħt l-Istrument mid-data ta’ applikazzjoni tal-QFP ta’ wara l-2020. Madankollu, huwa xieraq li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 220(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 japplikaw għall-operazzjonijiet mutwatarji u mutwanti skont l-Istrument sa mill-bidu tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    (12)

    Sabiex ir-responsabbiltà kontinġenti li tirriżulta mis-self mogħti taħt l-Istrument tkun kompatibbli mal-QFP applikabbli u mal-limiti massimi tar-riżorsi proprji, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli prudenzjali, inkluż dwar il-possibbiltà ta’ riportament tas-self ikkuntrattat f’isem l-Unjoni.

    (13)

    Fid-dawl tal-implikazzjonijiet finanzjarji partikolari tagħhom, id-deċiżjonijiet biex tingħata assistenza finanzjarja mill-Unjoni skont dan ir-Regolament jeħtieġu l-eżerċizzju ta’ setgħat ta' implimentazzjoni li għandhom jiġu kkonferiti lill-Kunsill. Meta jiddeċiedi dwar l-ammont ta’ self, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jenħtieġ li jikkunsidra l-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tal-Istat Membru li jkun għamel it-talba, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont dan ir-Regolament diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, b’kont meħud tal-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza, u b'mod li jirrispetta bis-sħiħ il-kompetenza tal-Istati Membri.

    (14)

    L-Artikolu 143(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (3) (il-"Ftehim dwar il-Ħruġ") jillimita r-responsabbiltà tar-Renju Unit għas-sehem tiegħu tal-obbligazzjonijiet finanzjarji kontinġenti tal-Unjoni għal dawk l-obbligazzjonijiet finanzjarji kontinġenti tal-Unjoni li jirriżultaw minn operazzjonijiet finanzjarji meħuda mill-Unjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.. Kull obbligazzjoni finanzjarja kontinġenti tal-Unjoni li tirriżulta minn assistenza finanzjarja skont dan ir-Regolament tkun sussegwenti għad-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. . Għalhekk, jenħtieġ li r-Renju Unit ma jipparteċipax fl-assistenza finanzjarja skont dan ir-Regolament.

    (15)

    Peress li l-Istrument huwa wieħed ta’ natura temporanja sabiex jindirizza t-tifqigħa tal-COVID-19, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta kull sitt xhur jekk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jikkawżaw it-tfixkil ekonomiku gravi fl-Istati Membri jkunux għadhom jeżistu u tirrapporta lill-Kunsill. B’mod konsistenti mal-bażi ġuridika għall-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-ebda assistenza finanzjarja ma għandha tkun disponibbli skont dan ir-Regolament ladarba tkun għaddiet l-emerġenza tal-COVID-19. Għal dak il-għan, huwa xieraq li tkun limitata d-disponibbiltà tal-Istrument fil-ħin. Il-Kunsill għandu jingħata s-setgħa, fuq proposta mill-Kummissjoni, li jestendi l-perijodu ta’ disponibbiltà tal-Istrument fejn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jibqgħu jeżistu.

    (16)

    Il- Bank Ċentrali Ewropew ta l-opinjoni tiegħu fit-8 ta' Mejju 2020.

    (17)

    Minħabba l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-bżonn għal rispons urġenti għall-konsegwenzi ta' dik it-tifqigħa, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta' applikazzjoni1.

    1.   Sabiex jiġi indirizzat l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u b'rispons għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-istrument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE), (l-'Istrument'),.

    2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri li jippermettu lill-Unjoni tipprovdi assistenza finanzjarja lil Stat Membru li jkun qed jesperjenza tfixkil ekonomiku gravi, jew ikun mhedded serjament minn tali tfixkil, ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19 għall-finanzjament, prinċipalment, ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar jew miżuri simili bl-għan li jiġu protetti l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk titnaqqas l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tal-introjtu, kif ukoll għall-finanzjament, bħala anċillari, ta' xi miżuri relatati mas-saħħa, b'mod partikolari fuq il-post tax-xogħol.

    Artikolu 2

    In-natura komplementari tal-Istrument

    L-Istrument għandu jikkomplementa l-miżuri nazzjonali meħuda mill-Istati Membri affettwati billi jipprovdi assistenza finanzjarja biex jgħin lil dawk l-Istati Membri jlaħħqu maż-żieda għall-għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika effettiva u possibbilment dik ippjanata wkoll maħsuba biex ittaffi l-effetti diretti ekonomiċi, soċjali u relatati mas-saħħa taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mit-tifqigħa tal-COVID-19.

    Artikolu 3

    Il-kundizzjonijiet għall-użu tal-Istrument

    1.   Stat Membru jista’ jitlob l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni taħt l-Istrument ('assistenza finanzjarja') meta n-nefqa pubblika effettiva tiegħu u possibbilment dik ippjanata wkoll tiżdied għall-għarrieda u b'mod qawwi mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba miżuri nazzjonali relatati direttament ma’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19.

    2.   L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jużaw l-assistenza finanzjarja prinċipalment b’appoġġ għall-iskemi nazzjonali tagħhom ta' xogħol b’ħinijiet iqsar jew miżuri simili, u, fejn applikabbli, b'appoġġ għal miżuri rilevanti relatati mas-saħħa.

    Artikolu 4

    Il-forma tal-assistenza finanzjarja

    L-assistenza finanzjarja għandha tieħu l-forma ta’ self mogħti mill-Unjoni lill-Istat Membru kkonċernat. Għal dak il-għan, u f'konformità ma' deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill adottata skont l-Artikolu 6(1), il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tissellef mis-swieq kapitali jew mill-istituzzjonijiet finanzjarji f’isem l-Unjoni fl-aktar żmien xieraq sabiex tottimizza l-kost tal-finanzjament u tippreserva r-reputazzjoni tagħha bħala l-emittent tal-Unjoni fis-swieq.

    Artikolu 5

    L-ammont massimu ta’ assistenza finanzjarja

    L-ammont massimu ta’ assistenza finanzjarja ma għandux jaqbeż il-EUR 100 000 000 000 għall-Istati Membri kollha.

    Artikolu 6

    Il-proċedura biex tintalab assistenza finanzjarja

    1.   L-assistenza finanzjarja għandha ssir disponibbli permezz ta’ deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill adottata abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni.

    2.   Qabel ma tippreżenta proposta lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mingħajr dewmien żejjed mal-Istat Membru kkonċernat biex tivverifika ż-żieda għall-għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika effettiva u possibbilment dik ippjanata wkoll relatata direttament ma’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif ukoll, fejn xieraq, ma' miżuri rilevanti relatati mas-saħħa, fl-Istat Membru li jitlob l-assistenza finanzjarja, li jkunu marbuta maċ-ċirkostanza eċċezzjonali kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19. Għal dak il-għan, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi evidenza xierqa lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tivverifika l-konformità mar-regoli prudenzjali stabbiliti fl-Artikolu 9.

    3.   Id-deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha:

    (a)

    l-ammont tas-self, il-maturità medja massima tiegħu, il-formula tal-ipprezzar tiegħu, l-għadd massimu ta’ ħlasijiet parzjali tiegħu, il-perijodu ta’ disponibbiltà tiegħu u r-regoli dettaljati l-oħra meħtieġa għall-għoti tal-assistenza finanzjarja;

    (b)

    valutazzjoni tal-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3, mill-Istat Membru; u

    (c)

    deskrizzjoni tal-iskemi nazzjonali ta' xogħol b'ħinijiet iqsar jew miżuri simili, kif ukoll, fejn xieraq, tal-miżuri rilevanti relatati mas-saħħa, li jistgħu jiġu ffinanzjati.

    4.   Meta jadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kunsill għandu jikkunsidra l-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tal-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba, kif ukoll talbiet għal assistenza finanzjarja skont dan ir-Regolament diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza.

    Artikolu 7

    L-iżborż tas-self mogħti skont l-Istrument

    L-iżborż tas-self mogħti skont l-Istrument ("self") għandu jsir bi ħlasijiet parzjali.

    Artikolu 8

    Operazzjonijiet mutwatarji u mutwanti

    1.   L-operazzjonijiet mutwatarji u mutwanti skont l-Istrument għandhom isiru bl-euro.

    2.   Il-karatteristiċi tas-self għandhom jiġu miftiehma fi ftehim tas-self bejn l-Istat Membru benefiċjarju u l-Kummissjoni (il-"ftehim tas-self"). Tali ftehimiet għandu jkun fihom id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 220(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    3.   Wara talba mill-Istat Membru benefiċjarju u meta ċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax fuq is-self, il-Kummissjoni tista’ tirrifinanzja s-self inizjali kollu jew parti minnu, jew tirristruttura l-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti.

    4.   Il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju għandu jinżamm infurmat b'rifinanzjament jew ristrutturar kif imsemmi fil-paragrafu 3.

    Artikolu 9

    Ir-regoli prudenzjali applikabbli għall-portafoll tas-self

    1.   Is-sehem tas-self mogħti lit-tliet Stati Membri li jirrappreżentaw l-akbar sehem ta’ self mogħti m’għandux jaqbeż is-60 fil-mija tal-ammont massimu imsemmi fl-Artikolu 5.

    2.   L-ammonti dovuti mill-Unjoni f’sena partikolari ma għandhomx jaqbżu l-10 fil-mija tal-ammont massimu msemmi fl-Artikolu 5.

    3.   Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ tirrifinanzja s-self assoċjat ikkuntrattat f’isem l-Unjoni.

    Artikolu 10

    L-amministrazzjoni tas-self

    1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għall-amministrazzjoni tas-self mal-Bank Ċentrali Ewropew.

    2.   L-Istat Membru benefiċjarju għandu jiftaħ kont speċjali mal-bank ċentrali nazzjonali tiegħu għall-ġestjoni tal-assistenza finanzjarja li jkun irċieva. Huwa għandu jittrasferixxi wkoll il-kapital u l-imgħax dovut skont il-ftehim tas-self f’kont mas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali , 20 jum tax-xogħol tat-TARGET2 qabel id-data dovuta korrispondenti.

    Artikolu 11

    Il-kontribuzzjonijiet għall-Istrument fil-forma ta’ garanziji mill-Istati Membri

    1.   L-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu għall-Istrument billi jagħtu kontrogaranzija għar-riskju mġarrab mill-Unjoni.

    2.   Il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri għandhom jingħataw fil-forma ta’ garanziji irrevokabbli, mingħajr kundizzjonijiet u fuq talba.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim mal-Istat Membru kontribwenti dwar il-garanziji irrevokabbli, mingħajr kundizzjonijiet u fuq talba msemmija fil-paragrafu 2. Tali ftehimiet għandhom jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-ħlas.

    4.   Talbiet għal ħlas ta' garanziji pprovduti mill-Istati Membri għandhom isiru pro rata għas-sehem relattiv ta’ kull Stat Membru fid-dħul nazzjonali gross tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 12(1). Fejn Stat Membru jonqos, kompletament jew parzjalment, li jonora talba fil-ħin, il-Kummissjoni, sabiex tkopri għall-parti li tikkorrispondi għall-Istat Membru kkonċernat, għandu jkollha d-dritt li tagħmel talbiet addizzjonali għal ħlas ta' garanziji lil Stati Membri oħra. Tali talbiet għal ħlas għandhom isiru pro rata għas-sehem relattiv ta’ kull wieħed mill-Istati Membri l-oħrajn fid-dħul nazzjonali gross tal-Unjoni kif msemmi fl-Artikolu 12(1) u adattat mingħajr ma jittieħed kont tas-sehem relattiv tal-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru li jkun naqas milli jonora t-talba għal ħlas għandu jibqa’ responsabbli li jonoraha. L-Istati Membri l-oħrajn għandhom jiġu rimborżati għall-kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-ammonti rkuprati mill-Kummissjoni mill-Istat Membru kkonċernat. Il-garanzija mitluba minn Stat Membru għandha tkun limitata, fiċ-ċirkostanzi kollha, mill-ammont globali tal-garanzija kkontribwit minn dak l-Istat Membru skont il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3.

    5.   Qabel ma titlob għall-ħlas tal-garanziji mogħtija mill-Istati Membri, il-Kummissjoni, fid-diskrezzjoni u r-responsabbiltà esklużiva tagħha bħala l-istituzzjoni tal-Unjoni fdata bl-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 317 TFUE, hija mistennija teżamina l-possibbiltà ta' prelevament mill-marġni disponibbli taħt il-limitu massimu tar-riżorsi proprji għall-approprjazzjonijiet ta' pagament sa fejn dan jitqies sostenibbli mill-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu, fost oħrajn, l-obbligazzjonijiet kontinġenti totali tal-Unjoni, inkluż taħt il-faċilità tal-bilanċ tal-pagamenti stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 332/2002 u s-sostenibbiltà tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Tali eżami ma għandux jaffettwa n-natura irrevokabbli, bla kundizzjonijiet u fuq talba tal-garanziji pprovduti skont il-paragrafu 2. Fit-talba għall-ħlas tal-garanziji, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar sa fejn użat il-marġni.

    6.   Ammonti li jirriżultaw minn talbiet għall-ħlas tal-garanziji msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern għall-Istrument f'konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    Artikolu 12

    Id-disponibbiltà tal-Istrument

    1.   L-Istrument għandu jsir disponibbli biss wara li l-Istati Membri kollha jkunu kkontribwew għall-Istrument f'konformità mal-Artikolu 11għal ammont li jirrappreżenta mill-inqas 25 fil-mija tal-ammont massimu msemmi fl-Artikolu 5, sakemm l-ishma relattivi tal-kontribuzzjonijiet ta’ kull Stat Membru tal-ammont kumplessiv tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri jikkorrispondu mal-ishma relattivi tal-Istati Membri fid-dħul nazzjonali gross totali tal-Unjoni, kif jirriżulta mill-kolonna (1) tat-Tabella 3 tal-Parti A “Introduzzjoni u finanzjament tal-baġit ġenerali” tal-parti tad-dħul tal-baġit għall-2020 stabbilit fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2020, kif adottat fis-27 ta’ Novembru 2019 (4).

    2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill meta l-Istrument isir disponibbli.

    3.   Il-perijodu ta’ disponibbiltà tal-Istrument li matulu tista’ tiġi adottata deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) għandu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2022.

    4.   Fejn il-Kummissjoni tkun ikkonkludiet fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 14 li t-tfixkil ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19 li jaffettwa l-finanzjament tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1 jibqa’ jeżisti. il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jiddeċiedi li jestendi l-perijodu ta’ disponibbiltà tal-Istrument, kull darba għal perijodu addizzjonali ta' sitt xhur.

    Artikolu 13

    Il-kontroll u l-awditjar

    1.   Il-ftehim tas-self għandu jkun fih id-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar il-kontrolli u l-awditjar kif meħtieġ mill-Artikolu 220(5) tar-Regolament (UE, Euratom ) 2018/1046.

    2.   Meta talba għal assistenza finanzjarja ppreżentata f'konformità mal-Artikolu 3(1) tkun, kompletament jew parzjalment, ibbażata fuq in-nefqa pubblika ppjanata, l-Istat Membru benefiċjarju, kull sitt xhur, għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' tali nefqa pubblika ppjanata.

    Artikolu 14

    Ir-rapportar

    1.   Fi żmien sitt xhur mill-jum li fih l-Istrument isir disponibbli f'konformità mal-Artikolu 12 u kull sitt xhur wara dan fil-kuntest tal-Artikolu 250 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u lill-Kumitat tal-Impjiegi, rapport dwar l-użu tal-assistenza finanzjarja, inkluż ammonti pendenti u l-iskeda ta' ripagament applikabbli taħt l-Istrument, u dwar il-kontinwazzjoni taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Fejn xieraq, ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1għandu jkun akkumpanjat minn proposta għal deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li testendi l-perijodu ta’ disponibbiltà tal-Istrument.

    Artikolu 15

    Applikabbiltà

    1.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għar-Renju Unit jew fih.

    2.   Ir-referenzi għall-Istati Membri f’dan ir-Regolament ma għandhomx jinftiehmu li jinkludu lir-Renju Unit.

    Artikolu 16

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Mejju 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. GRLIĆ RADMAN


    (1)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri (ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1).

    (3)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

    (4)  Adozzjoni definittiva (UE, Euratom) 2020/227 tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, (ĠU L 57, 27.2.2020. p. 1).


    Top