Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0926

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/926 tat-3 ta' Ġunju 2019 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

C/2019/4252

ĠU L 148, 6.6.2019, pp. 16–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/926/oj

6.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 148/16


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/926

tat-3 ta' Ġunju 2019

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Ġunju 2019.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi tan-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett b'daqs ta' madwar 160 x 54 x 38 cm u li jiżen madwar 1,5 kg, magħmul minn żewġ saffi ta' drapp tessili magħqudin flimkien u mimli b'pedding ta' plastik ċellulari. In-naħa ta' ġewwa tad-drapp tessili huwa miksi bil-plastik.

L-oġġett għandu rfid tad-dahar tiegħu li huwa magħmul minn qafas ta' vireg tal-metall li jista' jintewa u li huwa parzjalment integrat fl-oġġett. Għandu borża għall-ħżin meħjuta mat-tarf tal-irfid tad-dahar. L-għoli tal-irfid tad-dahar jista' jiġi aġġustat permezz ta' ċinga b'bokkla tal-plastik.

L-oġġett jista' jintewa biex jiġi trasportat jew maħżun. Mal-kantunieri tan-naħa ta' fuq tal-irfid tad-dahar għandu meħjuta ċinga biex jinġarr minnha, u għandu diversi strixxi tat-tip “Velcro” biex l-irfid tad-dahar ikun jista' jitwaħħal ma' wiċċ mimdud waqt it-trasport jew meta jinħażen.

L-oġġett huwa offrut għall-bejgħ bħala saqqu tal-kampeġġ jew bħala saqqu ta' fejn il-baħar.

Ara l-istampa (*1).

6306 90 00

Il-klassifikazzjoni hija determinata bir-regoli ġenerali (GIR) 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda kif ukoll bil-kliem tal-Kodiċijiet tan-NM 6306 u 6306 90 00 .

Minħabba l-materjal tessili li minnu hija magħmula l-parti l-kbira tal-wiċċ, il-materjal tessili jagħti lill-oġġett il-karattru essenzjali tiegħu fis-sens tal-GIR 3(b).

Abbażi tal-karatteristiċi oġġettivi tiegħu (ħafif, miksi bil-plastik bħala protezzjoni, jinfetaħ u jiġi ppakkjat malajr, u faċli biex jiġi trasportat), l-oġġett huwa intiż għall-użu fuq barra biex jittieħed, pereżempju, fil-kampeġġi, fejn il-baħar, eċċ. u biex jintuża hemmhekk b'mod temporanju (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda għas-subintestatura 6306 90 00 ).

Il-klassifikazzjoni tal-oġġett taħt l-intestatura 9404 bħala oġġett ta' friex jew tagħmir (furnishing) simili, bħal mitraħ, hija eskluża minħabba li l-oġġett mhuwiex intiż għall-armar ta' sodda u mhuwiex simili għal mitraħ jew oġġetti bħalu.

Għaldaqstant l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 6306 90 00 bħala “oġġetti oħra għal ikkampjar”.

Image 1

(*1)  L-istampa hija biss għal finijiet ta' informazzjoni.


Top