Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0757

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/757 tat-13 ta' Mejju 2019 li jimplimenta l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

ST/8875/2019/INIT

ĠU L 125, 14.5.2019, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/757/oj

14.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/757

tat-13 ta' Mejju 2019

li jimplimenta l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 tal-10 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-10 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 224/2014.

(2)

Fit-18 ta' April 2019, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit bis-saħħa tar-Riżoluzzjoni 2127 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti aġġorna l-informazzjoni li tirrigwarda persuna waħda soġġetta għal miżuri restrittivi.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 224/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 224/2014 huwa b'dan emendat kif indikat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Mejju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)   ĠU L 70, 11.3.2014, p. 1.


ANNESS

Fir-Regolament (UE) Nru 224/2014, l-Anness I, Parti A (Persuni) l-entrata għall-persuna elenkata hawn taħt hija sostitwita bl-entrata li ġejja:

“12.   Abdoulaye HISSENE (psewdonimu: a) Abdoulaye Issène; b) Abdoulaye Hissein; c) Hissene Abdoulaye; d) Abdoulaye Issène Ramadane; e) Abdoulaye Issene Ramadan; f) Issene Abdoulaye)

Data tat-twelid: a) 1967; b) 1 ta' Jannar 1967

Post tat-twelid: a) Ndele, Bamingui-Bangoran, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana; b) Haraze Mangueigne, iċ-Chad

Nazzjonalità: a) ir-Repubblika Ċentru-Afrikana; b) iċ-Chad

Nru. tal-passaport: Passaport diplomatiku tar-RĊA bin-numru D00000897, maħruġ fil-5 ta' April 2013 (validu sal-4 ta' April 2018)

Nru ta' identifikazzjoni nazzjonali: Numru tal-karta tal-identità nazzjonali taċ-Chad 103-00653129-22, maħruġ fil-21 ta' April 2009 (jiskadi fil-21 ta' April 2019)

Indirizz: a) KM5, Bangui, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana; b) Nana-Grebizi, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana; c) Ndjari, Ndjamena, iċ-Chad

Data tad-deżinjazzjoni min-NU: 17 ta' Mejju 2017

Informazzjoni oħra: Hissène kien preċedentement il-Ministru għaż-Żgħażagħ u l-Isport bħala parti mill-Kabinett tal-eks-President tar-Repubblika Ċentru-Afrikana Michel Djotodia. Qabel dan, huwa kien il-kap tal-Konvenzjoni tal-Patrijotti għall-Ġustizzja u l-Paċi, partit politiku. Huwa stabbilixxa wkoll lilu nnifsu bħala l-mexxej tal-milizzji armati f'Bangui, b'mod partikolari fil-kwartier “PK5” (it-tielet distrett). Isem il-missier hu Abdoulaye. Isem l-omm hu Absita Moussa. Ritratt huwa disponibbli biex jiddaħħal fl-Avviż Speċjali ta' bejn l-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/6098910

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Abdoulaye Hissène ġie elenkat fis-17 ta' Mejju 2017 skont il-paragrafi 16 u 17(g) tar-riżoluzzjoni 2339(2017) bħala li jieħu sehem jew jipprovdi appoġġ għal atti li jdgħajfu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA, inkluż atti li jheddu jew ixekklu l-proċess ta' transizzjoni politika, jew il-proċess ta' stabbilizzazzjoni u rikonċiljazzjoni jew li jħeġġu l-vjolenza;’ u li huwa ‘involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, l-isponsorizzazzjoni, jew it-twettiq ta' attakki kontra missjonijiet tan-NU jew preżenzi tas-sigurtà internazzjonali, inkluż il-MINUSCA, il-Missjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-operazzjonijiet Franċiżi li jappoġġawhom.’

Informazzjoni addizzjonali:

Abdoulaye Hissène u membri oħra tal-eks-Séléka kkollaboraw ma' instigaturi anti-balaka alleati mal-eks-President tar-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA) François Bozizé, inkluż Maxime Mokom, biex jinkoraġġixxu protesti vjolenti u ġlied f'Settembru tal-2015 bħala parti minn attentat ta' kolp ta' stat li falla biex iwaqqa' l-Gvern waqt li l-President Transizzjonali ta' dakinhar Catherine Samba-Panza kienet qed tattendi l-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-2015. Mokom, Hissène, u oħrajn ġew akkużati mill-gvern tar-RĊA b'diversi reati kriminali, inkluż qtil, ħruq, tortura, u sakkeġġi, li rriżultaw mill-kolp ta' stat li falla.

Mill-2015, Hissène kien sar wieħed mill-mexxejja ewlenin tal-milizzji armati li jinsabu fil-kwartier “PK5” ta' Bangui u li kienu jinkludu aktar minn 100 raġel. Huwa xekkel il-libertà ta' moviment u t-treġġigħ lura tal-awtorità tal-istat fiż-żona, inkluż permezz ta' tassazzjoni illegali tat-trasport u attivitajiet kummerċjali. Fit-tieni nofs tal-2015, Hissène aġixxa bħala r-rappreżentant tan-“Nairobisti” tal-eks-Séléka f'Bangui li operaw fil-qafas ta' ravviċinament mal-ġellieda anti-balaka taħt Mokom. Irġiel armati taħt il-kontroll ta' Haroun Gaye u Hissène pparteċipaw fil-ġrajjiet vjolenti li seħħew f'Bangui bejn is-26 ta' Settembru u t-3 ta' Ottubru 2015.

Il-membri tal-grupp ta' Hissène huma ssuspettati li kienu involuti f'attakk fit-13 ta' Diċembru 2015 — il-jum tar-referendum kostituzzjonali — fuq il-vettura ta' Mohamed Moussa Dhaffane, mexxej tal-eks-Séléka. Hissène huwa akkużat li orkestra l-vjolenza fid-distrett KM5 ta' Bangui li biha nqatlu ħames persuni, indarbu għoxrin, u żammet lir-residenti milli jivvutaw fir-referendum kostituzzjonali. Hissène qiegħed l-elezzjonijiet f'riskju billi ħoloq ċiklu ta' attakki ta' ritaljazzjoni bejn gruppi differenti.

Fil-15 ta' Marzu 2016, Hissène nqabad mill-pulizija fl-ajruport M'poko ta' Bangui u ġie ttrasferit lit-taqsima ta' riċerka u investigazzjoni tal-ġendarmerija nazzjonali. Il-milizzja tiegħu sussegwentement ħelsuh, bl-użu tal-forza, u serqet arma li preċedentement kienet mgħoddija minn MINUSCA bħala parti minn talba għal eżenzjoni approvata mill-Kumitat.

Fid-19 ta' Ġunju 2016, wara l-arrest ta' negozjanti Musulmani minn forzi tas-sigurtà interni f'“PK 12”, il-milizzji ta' Gaye u Hissène ħatfu ħames pulizija nazzjonali f'Bangui. Fl-20 ta' Ġunju, il-MINUSCA għamlet tentattiv biex teħles il-pulizija. Irġiel armati taħt il-kontroll ta' Hissène u Gaye kienu involuti fi sparar ma' forzi taż-żamma tal-paċi li ppruvaw jeħilsu l-ostaġġi. B'riżultat ta' dan, inqatlu mill-inqas sitt individwi u indarab membru tal-forzi għaż-żamma tal-paċi.

Fit-12 ta' Awwissu 2016, Hissène mexxa konvoj ta' sitt vetturi b'individwi armati sew. Il-konvoj, li kien qed jaħrab minn Bangui, ġie interċettat minn MINUSCA fin-Nofsinhar ta' Sibut. Fi triqtu lejn it-Tramuntana, il-konvoj kien involut fi sparar ma' forzi tas-sigurtà interna f'diversi punti ta' kontroll. Il-konvoj eventwalment twaqqaf minn MINUSCA 40 km min-Nofsinhar ta' Sibut. Wara bosta ġlidiet b'armi tan-nar, MINUSCA qabdet 11-il raġel, iżda Hissène u diversi oħra ħarbu. Individwi arrestati indikaw lil MINUSCA li Hissène kien il-mexxej tal-konvoj li l-għan tiegħu kien li jasal Bria u jipparteċipa fl-Assemblea tal-gruppi eks-Séléka li ġiet organizzata minn Nourredine Adam.

F'Awwissu u Settembru 2016, il-Bord ta' Esperti żar Sibut darbtejn sabiex jispezzjona l-oġġetti personali tal-konvoj ta' Hissène, Gaye u Hamit Tidjani, li nqabad minn MINUSCA fit-13 ta' Awwissu. Il-Bord spezzjona wkoll il-munizzjon maqbud fid-dar ta' Hissène fis-16 ta' Awwissu. Tagħmir militari letali u mhux letali ġie rkuprat mis-sitt vetturi u mill-individwi maqbuda. Fis-16 ta' Awwissu 2016, il-Ġendarmerija Ċentrali għamlet rejd fid-dar ta' Hissène f'Bangui. Instabu aktar minn 700 arma.

Fl-4 ta' Settembru 2016, grupp ta' elementi eks-Séléka li kienu ġejjin minn Kaga-Bandoro fuq sitt muturi biex jiġbru lil Hissène u l-affiljati tiegħu fetħu n-nar kontra MINUSCA ħdejn Dékoa. Waqt dan l-inċident, inqatel ġellied eks-Séléka, u żewġ membri tal-forzi taż-żamma tal-paċi u ċivili sfaw midruba.”


Top