EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018D0789
Council Implementing Decision (EU) 2018/789 of 25 May 2018 authorising Hungary to introduce a special measure derogating from Article 193 of Directive 2006/112/EC on the common system of value added tax
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/789 tal-25 ta' Mejju 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/789 tal-25 ta' Mejju 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
ST/8045/2018/INIT
OJ L 134, 31.5.2018, p. 10–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 11/10/2021
31.5.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 134/10 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/789
tal-25 ta' Mejju 2018
li tawtorizza lill-Ungerija biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
F'konformità mal-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, kwalunkwe persuna taxxabbli li twettaq provvista taxxabbli ta' oġġetti jew servizzi, bħala regola ġenerali, hija responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa. |
(2) |
Permezz ta' ittra reġistrata mal-Kummissjoni fit-13 ta' Lulju 2017, l-Ungerija talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura biex tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura speċjali”) fir-rigward tal-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fil-każ ta' ċerti provvisti mwettqa minn persuna taxxabbli soġġetta għal likwidazzjoni jew għal kwalunkwe proċediment ieħor li jistabbilixxi legalment l-insolvenza tagħha. |
(3) |
F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, permezz ta' ittri datati l-15 ta' Jannar 2018 il-Kummissjoni ttrasmettiet it-talba ppeżentata mill-Ungerija lill-Istati Membri l-oħra. Permezz ta' ittra datata s-16 ta' Jannar 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ungerija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista' tqis it-talba. |
(4) |
L-Ungerija ssostni li l-persuni taxxabbli f'likwidazzjoni jew taħt proċedura ta' insolvenza ta' spiss ma jħallsux il-VAT dovuta lill-awtoritajiet tat-taxxa. Fl-istess ħin, ix-xerrej, li huwa persuna taxxabbli bid-dritt għat-tnaqqis, jista' xorta jnaqqas il-VAT mġarrba, u dan ikollu impatt negattiv fuq il-baġit u jippermetti li tiġi ffinanzjata l-likwidazzjoni. L-Ungerija irreġistrat ukoll każijiet ta' frodi fejn kumpanniji f'likwidazzjoni joħorġu fatturi fittizji lil kumpaniji attivi u jnaqqsu b'mod sostanzjali t-taxxa pagabbli mingħajr il-garanzija li l-emittent iħallas il-VAT dovuta. |
(5) |
F'konformità mal-punt (g) tal-Artikolu 199(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT tkun il-persuna taxxabbli li lilha ssirilha l-provvista ta' proprjetà immobbli mibjugħa mid-debitur tas-sentenza fi proċedura ta' bejgħ obbligatorju (“il-mekkaniżmu tar-reverse charge”). Biex tagħmel tajjeb għat-telf fid-dħul pubbliku, l-Ungerija talbet deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE biex tkun awtorizzata ddaħħal l-mekkaniżmu tar-reverse charge għal provvisti oħrajn minn persuni taxxabbli taħt proċedura ta' insolvenza, jiġifieri l-provvista ta' oġġetti kapitali u l-provvista ta' oġġetti jew servizzi oħra b'valur tas-suq miftuħ ta' aktar minn HUF 100 000. |
(6) |
Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Ungerija, l-għażla tar-riċevitur li jkun persuna taxxabbli bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT f'dawk il-każijiet partikolari ser tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tal-VAT u tevita l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. L-Ungerija tqis li l-miżura speċjali ser tillimita wkoll it-telf tad-dħul pubbliku u ser tirriżulta fil-ġenerazzjoni ta' dħul addizzjonali. |
(7) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Ungerija tkun atorizzata tappika l-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-provvista ta' oġġetti kapitali u l-provvista ta' oġġetti u servizzi oħra b'valur tas-suq miftuħ ta' aktar minn HUF 100 000 minn persuna taxxabbli soġġetta għal likwidazzjoni jew kwalunkwe proċediment ieħor li jistabbilixxi legalment l-insolvenza tagħha. |
(8) |
Jenħtieġ li l-miżura speċjali tkun limitata fiż-żmien. |
(9) |
Minħabba l-kamp ta' applikazzjoni u n-novità tal-miżura speċjali, huwa importanti li jiġi evalwat l-impatt tagħha. Għalhekk, jekk l-Ungerija tikkunsidra estensjoni tal-miżura speċjali lil hinn mill-2021, jenħtieġ li tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jinkludi rieżami tal-miżura speċjali flimkien mat-talba għall-estensjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2020. |
(10) |
Il-miżura speċjali ser ikollha effett negliġibbli biss fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux ser ikollha impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B'deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Ungerija hija awtorizzata li tistipula li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT tkun il-persuna taxxabbli li lilha jsirulha kwalunkwe waħda mill-provvisti li ġejjin:
(a) |
il-provvista ta' oġġetti kapitali minn persuna taxxabbli soġġetta għal likwidazzjoni jew għal kwalunkwe proċediment ieħor li jistabbilixxi legalment l-insolvenza tagħha; |
(b) |
il-provvista ta' oġġetti u servizzi oħra b'valur tas-suq miftuħ ta' aktar minn HUF 100 000 fiż-żmien tal-provvista minn persuna taxxabbli soġġetta għal likwidazzjoni jew għal kwalunkwe proċediment ieħor li jistabbilixxi legalment l-insolvenza tagħha. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2021.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Mejju 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
V. GORANOV
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.