EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0728

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/728 tal-24 ta' Jannar 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għal proċeduri għall-esklużjoni ta' tranżazzjonijiet ma' kontropartijiet mhux finanzjarji stabbiliti f'pajjiż terz mir-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju ta' aġġustament tal-valwazzjoni tal-kreditu (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2018/0256

OJ L 123, 18.5.2018, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/728/oj

18.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 123/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/728

tal-24 ta' Jannar 2018

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għal proċeduri għall-esklużjoni ta' tranżazzjonijiet ma' kontropartijiet mhux finanzjarji stabbiliti f'pajjiż terz mir-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju ta' aġġustament tal-valwazzjoni tal-kreditu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari r-raba' subparagrafu tal-Artikolu 382(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont il-punt (a) tal-Artikolu 382(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, tranżazzjonijiet bejn istituzzjoni, minn naħa, u kontroparti mhux finanzjarja kif definita fil-punt (9) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), min-naħa l-oħra, li ma jaqbżux il-livell limitu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 10(4) ta' dak ir-Regolament (UE) Nru 648/2012, huma esklużi mir-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju ta' aġġustament tal-valwazzjoni tal-kreditu (AVK), irrispettivament minn jekk il-kontroparti mhux finanzjarja tkunx stabbilita fl-Unjoni jew f'pajjiż terz.

(2)

Il-punt (9) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jiddefinixxi “kontroparti mhux finanzjarja” bħala impriża stabbilita fl-Unjoni. B'hekk il-livell limitu tal-ikklerjar imsemmi fl-Artikolu 10(1) ta' dak ir-Regolament ma japplikax għal kontropartijiet mhux finanzjarji stabbiliti f'pajjiż terz.

(3)

L-Artikolu 382(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma jagħmilx distinzjoni bejn kontropartijiet mhux finanzjarji stabbiliti fl-Unjoni u kontropartijiet mhux finanzjarji stabbiliti f'pajjiż terz. Biex ikunu assigurati kundizzjonijiet ekwi, jenħtieġ li l-istess regoli japplikaw għal kontropartijiet mhux finanzjarji stabbiliti fl-Unjoni u għal kontropartijiet mhux finanzjarji stabbiliti f'pajjiż terz.

(4)

L-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 (3) jistabbilixxi valuri ta' limitu għall-ikklerjar skont il-klassi ta' derivattivi OTC, kif rikjest mill-punt (b) tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Il-Premessa 25 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 149/2013 tiċċara li l-“qbiż ta' wieħed mill-valuri stabbiliti għal klassi ta' derivattivi OTC għandu jiskatta l-qbiż tal-limitu tal-ikklerjar għall-klassijiet kollha”.

(5)

Biex kuntratt ikun eżenti sad-data tal-maturità tiegħu, kif stipulat fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 382(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jenħtieġ li jkun biżżejjed li r-rekwiżiti ta' dak ir-Regolament ikunu ssodisfati fil-bidu tal-kuntratt. Jista' jkun hemm każijiet, madankollu, meta istituzzjoni tidħol f'negozji ma' kontroparti mhux finanzjarja partikolari ta' spiss, u f'xi każijiet, fuq bażi ta' kuljum. Verifika ta' jekk l-istatus tal-kontroparti mhux finanzjarja stabbilita f'pajjiż terz hux rifless fir-rekwiżiti ta' fondi proprji tal-istituzzjoni għar-riskju ta' AVK tista' f'dawk il-każijiet timponi piż sproporzjonat fuq l-istituzzjoni. Għalhekk huwa xieraq li tkun prevista alternattiva fil-forma ta' verifika annwali tal-istatus ta' kontroparti mhux finanzjarja stabbilita f'pajjiż terz. Jenħtieġ li l-frekwenza tal-verifika tiżdied għal kull trimestru, madankollu, meta l-ammont nozzjonali gross tat-tranżazzjonijiet għal klassi ta' derivattivi OTC minn kontroparti mhux finanzjarja jkun qrib li jaqbeż il-livell limitu tal-ikklerjar għal dik il-klassi. Dan għandu jippermetti monitoraġġ iktar frekwenti ta' jekk dak il-livell limitu tal-ikklerjar inqabiżx, minħabba l-probabbiltà ogħla li jiġri hekk.

(6)

L-Artikolu 382(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jgħid li t-tranżazzjonijiet mal-kontropartijiet mhux finanzjarji, li ma jaqbżux il-livell limitu tal-ikklerjar speċifikat fil-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, għandhom ikunu esklużi mir-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju ta' AVK. Għalhekk, meta, wara l-valutazzjoni stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, istituzzjoni tiskopri li waħda mill-kontropartijiet tagħha stabbilita f'pajjiż terz jew ma tikkwalifikax bħala kontroparti mhux finanzjarja jew meta t-tranżazzjoni kkonċernata taqbeż il-livell limitu tal-ikklerjar kif speċifikat fiha, l-istituzzjoni hija meħtieġa tikkalkula r-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju ta' AVK skont it-Titolu VI ta' dak ir-Regolament għall-istrumenti derivattivi tal-OTC kollha ma' dik il-kontroparti koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 382(1) ta' dak ir-Regolament.

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji żviluppati b'kooperazzjoni mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u ppreżentati mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni.

(8)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqu, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal- Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (4),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 382(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw bħala kontropartijiet mhux finanzjarji stabbiliti f'pajjiż terz, il-kontropartijiet li jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikunu stabbiliti f'pajjiż terz;

(b)

kienu jikkwalifikaw bħala kontroparti mhux finanzjarja skont it-tifsira tal-punt (9) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li kieku kienu stabbiliti fl-Unjoni.

2.   L-istituzzjonijiet għandhom jivverifikaw jekk kontroparti tkunx kontroparti mhux finanzjarja stabbilita f'pajjiż terz:

(a)

fil-bidu tan-negozju meta jkun hemm negozjar ma' kontroparti ġdida;

(b)

fuq bażi annwali għal kontropartijiet eżistenti;

(c)

meta jkun hemm raġuni biex wieħed jemmen li l-kontroparti ma tkunx għadha kontroparti mhux finanzjarja stabbilita f'pajjiż terz.

3.   L-istituzzjonijiet għandhom jissustanzjaw l-opinjoni tagħhom li impriża tkun kontroparti mhux finanzjarja stabbilita f'pajjiż terz.

Artikolu 2

1.   Sabiex jeskludu tranżazzjonijiet ma' kontroparti mhux finanzjarja stabbilita f'pajjiż terz mir-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju ta' AVK skont il-punt (a) tal-Artikolu 382(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet għandhom jivverifikaw, għal kull klassi ta' kunratti ta' derivattivi OTC imsemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 149/2013, li l-valur nozzjonali gross tal-kuntratti tad-derivattivi OTC ta' dik il-kontroparti mhux finanzjarja f'dik il-klassi ma taqbiżx il-livell limitu ta' kklerjar rilevanti msemmi fl-Artikolu 11 ta' dak ir-Regolament.

2.   L-istituzzjonijiet għandhom iwettqu l-verifika msemmija fil-paragrafu 1 f'wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

fil-bidu ta' kull negozju ġdid ma' dik il-kontroparti;

(b)

fuq bażi perjodika.

3.   Għall-fini tal-punt (b) tal-paragrafu 2, il-verifika perjodika għandha ssir b'waħda mill-frekwenzi li ġejjin:

(a)

fuq bażi annwali;

(b)

fuq bażi trimestrili, meta għal kwalunkwe waħda mill-klassijiet ta' derivattivi OTC, il-valur nozzjonali gross tat-tranżazzjonijiet ta' derivattiv OTC tal-kontroparti mhux finanzjarja stabbilita f'pajjiż terz ikun ikbar minn 75 % tal-valur ta' limitu tal-ikklerjar għal dik il-klassi msemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 149/2013.

4.   L-istituzzjonijiet għandhom jissustanzjaw l-opinjoni tagħhom li, għal kull klassi ta' kuntratti ta' derivattivi OTC imsemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 149/2013, il-valur nozzjonali gross tal-kuntratti tad-derivattivi OTC ta' kontroparti mhux finanzjarja stabbilita f'pajjiż terz, għal dik il-klassi, ma jaqbiżx il-livell limitu ta' kklerjar korrispondenti msemmi f'dak l-Artikolu.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Jannar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-arranġamenti tal-ikklerjar indiretti, l-obbligu tal-ikklerjar, ir-reġistru pubbliku, l-aċċess għal ċentru tan-negozjar, kontropartijiet nonfinanzjarji, tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskji għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 11).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


Top