Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0224

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/224 tat-8 ta' Frar 2017 li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali li jippermettu lis-servizz kummerċjali offrut mis-sistema stabbilita skont il-programm Galileo jissodisfa l-funzjoni prevista fl-Artikolu 2(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    C/2017/0598

    ĠU L 34, 9.2.2017, p. 36–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 31/07/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/224/oj

    9.2.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 34/36


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/224

    tat-8 ta' Frar 2017

    li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali li jippermettu lis-servizz kummerċjali offrut mis-sistema stabbilita skont il-programm Galileo jissodisfa l-funzjoni prevista fl-Artikolu 2(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3)(d) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 jipprevedi li servizz kummerċjali offrut mis-sistema stabbilita skont il-programm Galileo, għandu jippermetti l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet għall-użu professjonali jew kummerċjali permezz ta' titjib fil-prestazzjoni u dejta b'valur aktar miżjud minn dawk miksuba permezz tas-servizz miftuħ.

    (2)

    Is-servizz kummerċjali huwa wieħed mill-elementi essenzjali tas-sistema stabbilita skont il-programm Galileo minħabba li, minn naħa waħda, is-sistemi globali l-oħra ta' navigazzjoni bis-satellita (il-GNSS) ma jinkludux servizz ta' dan it-tip u, min-naħa l-oħra, dan huwa mistenni jiġġenera dħul skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013. L-aċċess għalih għandu jkun soġġett għal ħlas. Il-politika tal-ipprezzar tas-servizz kummerċjali mhijiex koperta minn din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li tiġi definita fi stadju aktar tard.

    (3)

    Is-servizz kummerċjali għandu jingħata permezz ta' kuntratt ma' fornitur wieħed jew aktar tas-servizz.

    (4)

    Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali tas-servizz kummerċjali jiġu stabbiliti issa stess, peress li jridu jgħaddu bosta snin minn meta dawn jiġu stabbiliti għal meta s-servizz jibda jintuża b'mod effettiv. It-tfassil tal-ispeċifikazzjonijiet kien is-suġġett ta' diversi studji, esperimenti u konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati matul dawn l-aħħar snin. Huwa wkoll ir-riżultat ta' kompromess bejn il-bżonn li jiġi pprovdut valur miżjud reali għall-benefiċċju tal-utenti, minn naħa waħda, u l-bżonn li jitnaqqsu kemm jista' jkun il-modifiki fis-sistema, minħabba li dawn jinvolvu riskju, u li tkun irrispetatta l-iskeda taż-żmien stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1285/2013, min-naħa l-oħra.

    (5)

    Konsegwentement, sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati applikazzjonijiet għall-użu professjonali jew kummerċjali, huwa essenzjali, u teknikament fattibbli, li s-servizz kummerċjali jtejjeb żewġ affarijiet ewlenin fis-servizz miftuħ, jiġifieri preċiżjoni akbar f'termini tal-ġeolokalizzazzjoni u kapaċità ta' awtentikazzjoni msaħħa. Barra minn hekk, sabiex jissodisfa bl-aqwa mod il-ħtiġijiet varji ta' komunitajiet ta' utenti differenti tas-servizz kummerċjali, huwa essenzjali li t-titjib f'dawn iż-żewġ affarijiet jiġi offrut b'mod separat.

    (6)

    Preċiżjoni għolja f'termini tal-ġeolokalizzazzjoni għandha testendi l-kamp tal-applikazzjonijiet tat-teknoloġija tar-radjunavigazzjoni bis-satellita. Għalhekk huwa importanti li titjieb il-kwalità tad-dejta fornuta mis-sistema stabbilita skont il-programm Galileo ħalli l-iżball fil-pożizzjonament jitnaqqas għal inqas minn deċimetru f'kundizzjonijiet nominali tal-użu. Ta' min jinnota li s-sinjali trażmessi minn sistemi globali oħra tar-radjunavigazzjoni bis-satellita, bħal, pereżempju, is-sistema ta' lokalizzazzjoni bis-satellita (il-GPS) tal-Istati Uniti, jistgħu jgħinu wkoll biex jintlaħaq dan l-għan.

    (7)

    Il-kapaċità ta' awtentikazzjoni għandha żżid il-livell ta' sigurtà u tipprevjeni b'mod partikolari r-riskji ta' falsifikazzjoni u ta' frodi. Għal dan l-iskop jeħtieġ li jiġu inkorporati elementi addizzjonali fis-sinjali tas-satellita sabiex l-utenti jkunu ċerti li l-informazzjoni li jirċievu tkun ġejja verament mis-sistema stabbilita skont il-programm Galileo u mhux tkun ġejja minn xi sors ieħor mhux magħruf. Pereżempju, il-kapaċità ta' awtentikazzjoni tas-servizz kummerċjali minn naħa waħda tintegra l-kapaċità ta' awtentikazzjoni ta' dejta marbuta mal-ġeolokalizzazzjoni li tkun inkorporata fis-sinjali tas-servizz miftuħ offrut mingħajr ħlas, u min-naħa l-oħra, bi skop ta' protezzjoni mtejba, tkun tinkludi wkoll identifikazzjoni partikolari tas-sinjali permezz tal-qari tal-kodiċijiet kriptati li wkoll jinsabu fis-sinjali u li l-aċċess għalihom se jkun bi ħlas.

    (8)

    Qabel ma jinbeda l-iżvilupp operazzjonali tas-servizz kummerċjali, għandha titwettaq analiżi tar-riskju komprensiva. Din l-analiżi għandha sseħħ qabel il-konklużjoni pożittiva tal-“GNSS Service Centre delta Critical Design Review”, li hija prevista għall-1 ta' Ġunju 2017.

    (9)

    Is-servizz kummerċjali għandu jipprovdi valur miżjud meta mqabbel mas-servizz miftuħ sabiex jippermetti l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet għall-użu professjonali jew kummerċjali, u għalhekk għandu jkun aċċessibbli għall-akbar numru possibbli ta' utenti u jkun jinkludi kriptaġġ kummerċjali. Għal dan l-għan, l-użu ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (IKUE) minn naħa tal-fornitur tas-servizz kummerċjali msejjaħ “Commercial Service Provider” jew tal-utent finali mhuwiex previst la għas-servizz miftuħ u lanqas għas-servizz kummerċjali. Madankollu, jekk użu ta' dan it-tip ikun meħtieġ, dan għandu jiġi deċiż f'konformità mar-regoli dwar is-sigurtà previsti fl-Artikolu 17(a) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013, abbażi b'mod partikolari ta' analiżi tar-riskju tas-sigurtà, filwaqt li titqies bis-sħiħ l-opinjoni tal-esperti tal-Istati Membri. Din id-Deċiżjoni għandha tqis ukoll analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji.

    (10)

    L-ispeċifikazzjonijiet li huma soġġetti għal din id-Deċiżjoni huma konformi mar-regoli stabbiliti fil-livell internazzjonali fil-qasam tar-radjunavigazzjoni, b'mod partikolari mal-istandards stabbiliti mill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni, kif ukoll mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim konkluż fis-26 ta' Ġunju 2004 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra, dwar il-promozzjoni, il-forniment u l-użu tas-Sistemi ta' Navigazzjoni bis-Satellita tal-programm Galileo u tal-GPS u tal-applikazzjonijiet assoċjati magħhom.

    (11)

    Konsegwentement għandhom jiġu stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali li jippermettu lis-servizz kummerċjali offrut mis-sistema stabbilita skont il-programm Galileo jissodisfa l-funzjoni prevista fl-Artikolu 2(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013, filwaqt li jitqies li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/496/PESK (2) għadhom japplikaw bis-sħiħ.

    (12)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali li jippermettu lis-servizz kummerċjali offrut mis-sistema stabbilita skont il-programm Galileo jissodisfa l-funzjoni prevista fl-Artikolu 2(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 huma stabbiliti fl-Anness.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Frar 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/496/PESK tat-22 ta' Lulju 2014 dwar aspetti tal-iskjerament, l-operazzjoni u l-użu tas-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni Globali bis-Satellita li jaffettwaw is-sigurtà tal-Unjoni Ewropea u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2004/552/PESK (ĠU L 219, 25.7.2014, p. 53).


    ANNESS

    Tekniċi u operazzjonali li jippermettu lis-servizz kummerċjali offrut mis-sistema stabbilita skont il-programm Galileo jissodisfa l-funzjoni prevista fl-Artikolu 2(4)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013

    Is-servizz kummerċjali (minn hawn 'il quddiem is-“SK”) joffri żewġ affarijiet ewlenin li huma aħjar minn dawk tas-servizz miftuħ (minn hawn 'il quddiem is-“SM”). Dawn huma l-preċiżjoni aktar għolja f'termini ta' ġeolokalizzazzjoni (minn hawn 'il quddiem “preċiżjoni għolja SK”) u l-kapaċità ta' awtentikazzjoni msaħħa (minn hawn 'il quddiem “awtentikazzjoni SM”) li jistgħu jiġu offruti lill-utenti b'mod separat. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali korrispondenti huma stabbiliti fit-tabella ta' hawn taħt:

     

    Preċiżjoni għolja SK

    Awtentikazzjoni SK

    L-ispeċifikazzjonijiet komuni għas-SM u għas-SK: L-awtentikazzjoni tal-informazzjoni tal-ġeolokalizzazzjoni

    L-ispeċifikazzjonijiet li jappartjenu biss għas-SK: L-awtentikazzjoni permezz ta' kodiċijiet kriptati

    L-ispeċifikazzjonijiet ġenerali

    Il-forniment ta' dejta ta' preċiżjoni għolja sabiex jinkiseb żball tal-pożizzjonament ta' inqas minn deċimetru f'kundizzjonijiet nominali ta' użu

    Il-forniment ta' dejta ta' awtentikazzjoni tal-informazzjoni tal-ġeolokalizzazzjoni mis-SM, integrata fis-sinjali

    L-awtentikazzjoni tas-sinjali permezz tal-aċċess għal kodiċijiet kriptati integrati fis-sinjali

    Il-komponenti tas-sinjali użati

    E6, il-komponent E6-B għall-forniment ta' dejta ta' preċiżjoni għolja

    E1, il-komponent E1-B għad-dejta ta' awtentikazzjoni għall-informazzjoni tal-ġeolokalizzazzjoni

    E6, il-komponent E6-B għad-dejta ta' aċċess għall-kodiċijiet kriptati u l-komponent E6-C (pilota)

    L-ispeċifikazzjonijiet tas-segment tal-utenti

    Il-preċiżjoni għolja tal-pożizzjonament miksuba permezz ta' algoritmi ta' pożizzjonament preċiż integrati fir-riċevitur u li jużaw id-dejta trażmessa fis-sinjali

    Il-verifika tal-awtentiċità tad-dejta permezz ta' protokoll ta' kriptografija asimmetrika trażmessa fis-sinjali u permezz ta' ċavetta kriptografika pubblika

    Il-verifika tal-awtentiċità tas-sinjali permezz tad-dekriptaġġ tal-kodiċijiet tas-sinjali kriptati permezz ta' ċavetta kriptografika privata

    Il-kopertura ġeografika

    Globali

    Globali

    Globali

    L-arkitettura tas-sistema

    Dejta ta' preċiżjoni għolja pprovduta minn fornitur ta' servizzi wieħed jew aktar, trażmessa lill-utenti permezz taċ-ċentru tas-servizzi GNSS (il-GSC), is-segment fuq l-art u s-satelliti konnessi mas-segment fuq l-art

    Dejta tal-awtentikazzjoni inkorporata fil-kapaċità disponibbli tal-kamp EDBS tal-komponent tas-sinjal E1-B, u mxerrda permezz tas-satelliti konnessi mas-segment fuq l-art

    Il-kriptaġġ tal-kodiċijiet tas-sinjali E6 mis-satelliti Galileo, it-trażmissjoni taċ-ċwievet privati ġġenerati mis-segment fuq l-art għal fornitur ta' servizzi wieħed jew aktar permezz taċ-ċentru tas-servizzi GNSS (il-GSC), u

    t-trażmissjoni tal-informazzjoni OTAR fil-komponent tas-sinjal E6-B

    Il-forniment tas-servizz

    Id-dejta ta' preċiżjoni għolja fornuta minn fornitur ta' servizzi wieħed jew aktar

    Id-dejta tal-awtentikazzjoni fornuta mis-sistema stabbilita skont il-programm Galileo

    Is-sinjali kriptati fornuti mill-persuna responsabbli għall-operazzjoni tas-sistema

    L-aċċess għas-servizz

    Aċċess bi ħlas skont il-politika tal-ipprezzar fis-seħħ

    Kontroll minn fornitur ta' servizzi wieħed jew aktar

    Aċċess bi ħlas għall-kodiċijiet ta' kriptaġġ skont il-politika tal-ipprezzar fis-seħħ,

    Aċċess għall-kodiċijiet ta' kriptaġġ ikkontrollat minn fornitur ta' servizzi wieħed jew aktar bl-assistenza tal-persuna responsabbli għall-operazzjoni tas-sistema

    It-tnedija tas-servizz

    Il-fażi tal-ittestjar u tal-validazzjoni li għandha tiġi konkluża fl-2018

    Il-fażi tal-operazzjoni kummerċjali inizjali bejn l-2018 u l-2020

    Il-fażi tal-operazzjoni kummerċjali sħiħa mill-2020

    Il-fażi tal-ittestjar u tal-validazzjoni li għandha tiġi konkluża fl-2018

    Il-fażi tal-provvista tas-sinjali inizjali bejn l-2018 u l-2020

    Il-fażi tal-prestazzjoni sħiħa tas-servizzi mill-2020

    Il-fażi tal-ittestjar u tal-validazzjoni li għandha tiġi konkluża mhux aktar tard mill-2020

    Il-fażi tal-operazzjoni kummerċjali li għandha tibda eżatt wara

    L-użu ta' informazzjoni klassifikata tal-UE

    L-IKUE ma tistax tintuża minn “Commercial Service Provider” jew mill-utent finali. Jekk, madankollu, dan l-użu huwa meħtieġ, dan għandu jkun deċiż f'konformità mar-regoli dwar is-sigurtà msemmija fl-Artikolu 17(a) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013

    L-IKUE ma tistax tintuża minn “Commercial Service Provider” jew mill-utent finali. Jekk, madankollu, dan l-użu huwa meħtieġ, dan għandu jkun deċiż f'konformità mar-regoli ta' sigurtà msemmija fl-Artikolu 17(a) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013

    L-IKUE ma tistax tintuża minn “Commercial Service Provider” jew mill-utent finali. Jekk, madankollu, dan l-użu huwa meħtieġ, dan għandu jkun deċiż f'konformità mar-regoli ta' sigurtà msemmija fl-Artikolu 17(a) tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013

    Speċifikazzjonijiet oħra

    Id-dejta ta' preċiżjoni għolja pprovduta għas-satelliti Galileo u possibbilment għas-satelliti ta' kostellazzjonijiet oħrajn

    It-trażmissjoni tad-dejta tal-awtentikazzjoni m'għandha twassal għall-ebda deterjorazzjoni tas-servizz miftuħ

    Id-dejta ta' awtentikazzjoni għandha tiġi fornuta għas-satelliti Galileo u possibbilment għas-satelliti ta' kostellazzjonijiet oħrajn

    L-utenti ta' OS jaċċettaw ir-riskji assoċjati mal-użu tad-dejta tal-awtentikazzjoni

    m/a

    L-akronimi

    E1-B

    Il-kanal tad-dejta tas-sinjal fil-frekwenza E1 tas-sistema Galileo, fuq il-frekwenza 1 575,45 MHz

    E6

    Il-frekwenza E6 tas-sistema Galileo, fuq il-frekwenza 1 278,75 MHz

    E6-B

    Il-komponent tas-sinjal E6, li jikkorrispondi għall-kanal tad-dejta

    E6-C

    Il-komponent tas-sinjal E6, li jikkorrispondi għall-kanal pilota

    EDBS

    “External Data Broadcast Service”

    GNSS

    Is-Sistema globali ta' navigazzjoni bis-satellita

    m/a

    Mhux applikabbli

    OTAR

    “Over-The-Air Rekeying”


    Top