Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0178

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/178 tal-31 ta' Jannar 2017 Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1111 dwar il-konformità tal-proposta konġunta mressqa mill-Istati Membri kkonċernati għall-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv (notifikata bid-dokument C(2017) 142)

C/2017/0142

ĠU L 28, 2.2.2017, p. 71–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/178/oj

2.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 28/71


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/178

tal-31 ta' Jannar 2017

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1111 dwar il-konformità tal-proposta konġunta mressqa mill-Istati Membri kkonċernati għall-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv

(notifikata bid-dokument C(2017) 142)

(It-testi biċ-Ċek, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż,, bil-Litwan, bin-Netherlandiż u bil-Pollakk biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, il-ministeri responsabbli għat-trasport ferrovjarju fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fil-Litwanja, fin-Netherlands u fil-Polonja bagħtu ittra ta' intenzjoni lill-Kummissjoni bid-data tas-27 ta' April 2014. Din kienet tinkludi proposta dwar l-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku sar-Repubblika Ċeka, in-Nofsinhar tal-Polonja u l-fruntiera bejn il-Polonja u l-Urkraina.

(2)

Il-Kummissjoni eżaminat din il-proposta skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 u adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1111 (2) dwar il-konformità mal-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament.

(3)

L-ittra ta' intenzjoni bid-data tas-27 ta' April 2014 stqarret li l-estensjoni minn Katowice sa Medyka tista' tkun operazzjonali fl-2020 biss. Madankollu, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1111 tkopri wkoll din l-estensjoni u skont l-Artikolu 5(7) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jibnu l-kuritur tal-merkanzija sa mhux aktar tard minn sentejn wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni. Abbażi ta' dan, l-estensjoni sa Medyka trid tkun operattiva sa mhux aktar tard mis-7 ta' Lulju 2017; dan ma jikkorrispondix mal-intenzjoni speċifikata fl-ittra tal-Istati Membri. Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1111 għandha għalhekk tiġi emendata billi titneħħa r-referenza għall-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku sa Medyka.

(4)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1111 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 1

L-ittra ta' intenzjoni bid-data tas-27 ta' April 2014 dwar l-estensjoni tal-Kuritur tat-Trasport Ferrovjarju tal-Merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku sar-Repubblika Ċeka u san-Nofsinhar tal-Polonja, mibgħuta lill-Kummissjoni mill-ministeri responsabbli għat-trasport ferrovjarju fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fil-Litwanja, fin-Netherlands u fil-Polonja, u li tipproponi r-rotta ‘Wilhelmshaven/Bremerhaven/Hamburg/Amsterdam/Rotterdam/Antwerp-Aachen-Hannover/Berlin-Varsavja-Terespol (il-fruntiera bejn il-Polonja u l-Belarussja)/Kaunas-Riga-Tallinn/Falkenberg-Praga/Wroclaw-Katowice’ bħala r-rotta prinċipali tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku hija konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lir-Renju tan-Netherlands u lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Jannar 2017.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1111 tas-7 ta' Lulju 2015 dwar il-konformità tal-proposta konġunta mressqa mill-Istati Membri kkonċernati għall-estensjoni tal-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv (ĠU L 181, 9.7.2015, p. 82).


Top