This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017D0177
Commission Implementing Decision (EU) 2017/177 of 31 January 2017 on the compliance with Article 5 of Regulation (EU) No 913/2010 of the European Parliament and of the Council of the joint proposal to establish the ‘Amber’ rail freight corridor (notified under document C(2017) 141)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/177 tal-31 ta' Jannar 2017 dwar il-konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-proposta konġunta biex jiġi stabbilit il-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija “Amber” (notifikata bid-dokument C(2017) 141)
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/177 tal-31 ta' Jannar 2017 dwar il-konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-proposta konġunta biex jiġi stabbilit il-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija “Amber” (notifikata bid-dokument C(2017) 141)
C/2017/0141
ĠU L 28, 2.2.2017, p. 69–70
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
2.2.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 28/69 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/177
tal-31 ta' Jannar 2017
dwar il-konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-proposta konġunta biex jiġi stabbilit il-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija “Amber”
(notifikata bid-dokument C(2017) 141)
(It-test bl-Ungeriż, bil-Pollakk, bis-Slovakk u bis-Sloven biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, il-ministeri responsabbli għat-trasport ferrovjarju fl-Ungerija, fir-Repubblika tal-Polonja, fir-Repubblika Slovakka u fir-Repubblika tas-Slovenja bagħtu ittra ta' intenzjoni lill-Kummissjoni li waslet fis-7 ta' April 2016. L-ittra kien fiha proposta biex jiġi stabbilit il-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija “Amber” fuq it-territorju ta' dawk l-erba' Stati Membri. |
(2) |
Il-Kummissjoni eżaminat din il-proposta skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, u tqisha konformi mal-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament għar-raġunijiet stabbiliti hawn taħt. |
(3) |
Il-kriterji mniżżlin fl-Artikolu 4 tar-Regolament ġew ikkunsidrati fil-proposta. Il-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija propost li jaqsam it-territorju ta' aktar minn tliet Stati Membri, jiffaċilita l-konnessjonijiet marittimi bejn il-portijiet tal-Adrijatiku fir-Repubblika tas-Slovenja, il-portijiet tal-passaġġi tal-ilma interni fuq id-Danubju fl-Ungerija u fir-Repubblika Slovakka. Itejjeb ukoll il-konnessjonijiet mat-terminali ferrovjarji intermodali ewlenin fl-Istati Membri involuti u jipprovdi rotta diretta għall-merkanzija lejn il-lvant tal-Alpi. Jista' wkoll irawwem l-iżvilupp tat-traffiku ferrovjarju mas-Serbja u potenzjalment itejjeb it-traffiku ferrovjarju lil hin mill-fruntiera tal-Lvant tal-UE u fuq il-pont kontinentali bejn l-Ewropa u l-Asja. |
(4) |
Barra minn hekk, ir-riżultati tal-istudji tas-suq li jappoġġjaw il-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija “Amber” juru li hemm domanda tat-traffiku tul ir-rotta proposta, inkluż it-traffiku intern bejn il-portijiet permezz tal-Punent tal-Ungerija minn u lejn il-port marittimu ta' Koper u t-traffiku bejn ir-reġjunijiet tal-Lvant tal-Polonja, tas-Slovakkja u tal-Ungerija. L-istudji juru l-potenzjal għal bidla modali u għal żieda fit-traffiku tul il-kuritur. |
(5) |
Il-maniġers tal-infrastruttura kkonċernati esprimew l-appoġġ sħiħ tagħhom għal dan il-kuritur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija l-ġdid u, skont l-ittra ta' intenzjoni, l-applikanti potenzjali esprimew l-interess tagħhom li jużaw dan il-kuritur. |
(6) |
Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-ittra ta' intenzjoni li waslet nhar is-7 ta' April 2016 rigward it-twaqqif tal-kuritur tat-trasport tal-merkanzija “Amber”, mibgħuta lill-Kummissjoni mill-ministeri responsabbli għat-trasport ferrovjarju fl-Ungerija, fir-Repubblika tal-Polonja, fir-Repubblika Slovakka u fir-Repubblika tas-Slovenja, u li tipproponi r-rotta Koper — Ljubljana –/Zalaszentivan — Sopron/Csorna –/(il-fruntiera bejn l-Ungerija u s-Serbja) — Kelebia — Budapest –/– Komárom — Leopoldov/Rajka — Bratislava — Žilina — Katowice/Kraków — Warszawa/Łuków — Terespol — (il-fruntiera bejn il-Polonja u l-Belarus) bħala r-rotta prinċipali tal-kuritur ferrovjarju tal-merkanzija “Amber” hija konformi mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Slovakka u lir-Repubblika tas-Slovenja.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Jannar 2017.
Għall-Kummissjoni
Violeta BULC
Membru tal-Kummissjoni