Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1380

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1380 tal-10 ta' Awwissu 2015 li tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka jirratifika l-Konvenzjoni dwar Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli u mal-Protokoll tagħha dwar affarijiet li jolqtu b'mod speċifiku apparat użat fl-ajruplani, adottati konġuntement f'Cape Town fis-16 ta' Novembru 2001 (notifikat bid-dokument C(2015) 5553)

ĠU L 213, 12.8.2015, pp. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1380/oj

12.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 213/6


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1380

tal-10 ta' Awwissu 2015

li tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka jirratifika l-Konvenzjoni dwar Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli u mal-Protokoll tagħha dwar affarijiet li jolqtu b'mod speċifiku apparat użat fl-ajruplani, adottati konġuntement f'Cape Town fis-16 ta' Novembru 2001

(notifikat bid-dokument C(2015) 5553)

(It-test bid-Daniż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/325/KE tas-27 ta' April 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 1a tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(2) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (2) (“il-Ftehim”) jirrikjedi li d-Danimarka ma tidħol fl-ebda ftehim internazzjonali li jista' jaffettwa jew ibiddel il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 (3), sakemm ma tagħmilx dan bi ftehim mal-Unjoni Ewropea u ma jkunux saru arranġamenti soddisfaċenti rigward ir-relazzjoni bejn il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u d-Danimarka, minn naħa waħda, u l-ftehim internazzjonali inkwistjoni min-naħa l-oħra. Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 ġie revokat u sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(2)

F'konformità mal-Artikolu 3(2) tal-Ftehim, id-Danimarka, permezz ta' ittra tal-20 ta' Diċembru 2012, innotifikat lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li timplimenta l-kontenut tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (5). F'konformità mal-Artikolu 3(6) tal-Ftehim, in-notifika Daniża ħolqot obbligi reċiproċi skont il-liġi internazzjonali bejn id-Danimarka u l-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 jikkostitwixxi emenda għall-Ftehim.

(3)

Fit-30 ta' Marzu 2015, id-Danimarka talbet lill-Unjoni Ewropea sabiex taqbel mar-ratifika proposta tagħha tal-Konvenzjoni dwar interessi internazzjonali fl-apparat mobbli (“il-Konvenzjoni”) u l-Protokoll tagħha dwar affarijiet li jolqtu b'mod speċifiku apparat użat fl-ajruplani (“il-Protokoll”), adottati konġuntement f'Cape Town fis-16 ta' Novembru 2001.

(4)

Xi wħud mill-materji rregolati mill-Konvenzjoni u l-Protokoll huma koperti wkoll mir-Regolament (UE) Nru 1215/2012, minħabba li dawk l-istrumenti jaffettwaw dak ir-Regolament. B'mod partikulari, l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni u l-Artikolu X tal-Protokoll jirregolaw miżuri provviżorji. Dan l-Artikolu tal-aħħar japplika biss jekk Stat Kontraenti għall-Protokoll jagħmel dikjarazzjoni skont l-Artikolu XXX(2). Barra minn hekk, l-Artikolu 43 tal-Konvenzjoni u l-Artikolu XXI tal-Protokoll jirregolaw il-ġuriżdizzjoni tal-Qrati skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni. Għaldaqstant, il-ftehim tal-Unjoni Ewropea li d-Danimarka tirratifika l-Konvenzjoni u l-Protokoll huwa meħtieġ sa fejn dawn ir-regoli jaffettwaw ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012.

(5)

Skont l-Artikolu 1a tad-Deċiżjoni 2006/325/KE għall-fini li jiġi applikat l-Artikolu 5(2) tal-Ftehim, il-Kummissjoni trid tivvaluta, qabel ma tittieħed deċiżjoni li tesprimi l-ftehim tal-Unjoni, jekk il-ftehim internazzjonali previst mid-Danimarka jrendix il-Ftehim ineffettiv u ma jimminax il-funzjonament tajjeb tas-sistema stabbilita bir-regoli tiegħu.

(6)

L-Unjoni Ewropea aderiet għall-Konvenzjoni u l-Protokoll fuq il-bażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/370/KE (6), u ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni fit-28 ta' April 2009.

(7)

F'konformità mad-Deċiżjoni 2009/370/KE, mal-adeżjoni tagħha għall-Konvenzjoni u l-Protokoll, l-Unjoni Ewropea għamlet dikjarazzjoni skont l-Artikolu 55 tal-Konvenzjoni rigward l-applikazzjoni tal-Artikoli 13 u 43 tagħha f'sitwazzjonijiet fejn id-debitur ikun domiċiljat fit-territorju ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Hija għamlet ukoll dikjarazzjoni skont l-Artikolu XXX(5) tal-Protokoll, li tiddikjara li l-Artikolu XXI tiegħu mhux se japplika fi ħdan l-Unjoni Ewropea u r-Regolament (KE) Nru 44/2001 se japplika għal din il-kwistjoni għall-Istati Membri marbutin bir-Regolament imsemmi jew bi kwalunkwe ftehim ieħor maħsub sabiex jestendi l-effetti tiegħu. Hija ma għamlet l-ebda dikjarazzjoni rigward l-Artikolu X tal-Protokoll.

(8)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2009/370/KE u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Hija se tkun marbuta bil-Konvenzjoni u l-Protokoll biss bħala parti kontraenti separata.

(9)

Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkustanzi u l-fatt li l-Konvenzjoni u l-Protokoll daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Awwissu 2009 fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni minbarra d-Danimarka, il-Kummissjoni tqis li r-ratifika tagħhom mid-Danimarka ma trendix il-Ftehim ineffettiv u lanqas ma timmina l-funzjonament xieraq tas-sistema stabbilita mir-regoli tagħha, sakemm id-Danimarka tagħmel dikjarazzjoni skont l-Artikolu 55 tal-Konvenzjoni u l-Artikolu XXX(5) tal-Protokoll, simili għal dawk magħmula mill-Unjoni Ewropea. Skont din l-istess kundizzjoni, din mhux se taffettwa l-kundizzjonijiet li skonthom l-Unjoni Ewropea nnifisha aderixxiet għal din il-Konvenzjoni u l-Protokoll.

(10)

Għalhekk, l-Unjoni Ewropea għandha tawtorizza lid-Danimarka sabiex tirratifika l-Konvenzjoni u l-Protokoll. Meta tirratifika l-Konvenzjoni u l-Protokoll, id-Danimarka għandha tagħmel dikjarazzjonijiet dwar l-Artikoli 13 u 43 tal-Konvenzjoni u dwar l-Artikolu XXI tal-Protokoll, bħal dawk magħmula mill-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka jirratifika l-Konvenzjoni dwar Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli u mal-Protokoll tagħha dwar affarijiet li jolqtu b'mod speċifiku apparat użat fl-ajruplani, adottati konġuntement f'Cape Town fis-16 ta' Novembru 2001.

Artikolu 2

Meta tirratifika l-Konvenzjoni u l-Protokoll, id-Danimarka tagħmel id-dikjarazzjonijiet li ġejjin rispettivament:

“1.

Skont l-Artikolu 55 tal-Konvenzjoni ta' Cape Town, meta d-debitur ikun domiċiljat fit-territorju ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka tapplika l-Artikoli 13 u 43 tal-Konvenzjoni għal miżuri provviżorji biss b'konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (*1), kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta' Brussell tas-27 ta' Settembru 1968 dwar il-ġuriżdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (*2).

2.

F'konformità mal-Artikolu XXX(5) tal-Protokoll tal-Ajruplani, id-Danimarka mhijiex se tapplika l-Artikolu XXI ta' dak il-Protokoll u r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 se japplika għal din il-kwistjoni.

(*1)   ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1."

(*2)   ĠU L 299, 31.12.1972, p. 32.” "

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Awwissu 2015.

Għall-Kummissjoni

Věra JOUROVÁ

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 120, 5.5.2006, p. 22.

(2)   ĠU L 299, 16.11.2005, p. 62.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

(5)   ĠU L 79, 21.3.2013, p. 4.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/370/KE tas-6 ta' April 2009 dwar l-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Konvenzjoni dwar Interessi Internazzjonali fl-Apparat Mobbli u mal-Protokoll tagħha dwar affarijiet li jolqtu b'mod speċifiku apparat użat fl-ajruplani, adottati konġuntement f'Cape Town fis-16 ta' Novembru 2001 (ĠU L 121, 15.5.2009, p. 3).


Top