EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0581

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 581/2014 tat- 28 ta' Mejju 2014 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Jambon sec de Corse/Jambon sec de Corse — Prisuttu (DPO)]

OJ L 160, 29.5.2014, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/581/oj

29.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/23


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 581/2014

tat-28 ta' Mejju 2014

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Jambon sec de Corse/Jambon sec de Corse — Prisuttu (DPO)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, it-talba minn Franza biex id-denominazzjoni “Jambon sec de Corse”/“Jambon sec de Corse — Prisuttu di Corsica” tiddaħħal fir-reġistru, ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

Billi l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta' oġġezzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, id-“Jambon sec de Corse”/“Jambon sec de Corse — Prisuttu di Corsica” għandha tiġi rreġistrata,

(3)

B'ittra mehmuża mat-talba ta' reġistrazzjoni li waslet is-26 ta' April 2012, l-awtoritajiet ta' Franza nnotifikaw lill-Kummissjoni li l-impriżi L'Aziana Charcuterie Corse Nunzi Sauveur, Orezza Charcuterie La Castagniccia, Charcuterie Costa & Fils, Charcuterie Fontana, Salaisons Joseph Pantaloni, Charcuterie Passoni, Salaisons Sampiero, Salaisons réunies u Établissements Semidei kienu kkummerċjalizzaw legalment il-prodott li jġib l-isem “Jambon sec de Corse”/“Jambon sec de Corse — Prisuttu di Corsica” billi użaw din id-denominazzjoni kontinwament għal iktar minn ħames snin; l-awtoritajiet ta' Franza nnotifikaw lill-Kummissjoni wkoll li dan il-punt tqajjem fil-qafas tal-proċedura nazzjonali ta' oġġezzjoni. Għaldaqstant, perjodu ta' addattament li beda mid-data tat-tressiq tat-talba għand il-Kummissjoni ngħata lill-impriżi msemmija skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (3), li kien fis-seħħ fil-mument tat-tressiq tat-talba.

(4)

Barra minn hekk, billi l-impriżi msemmija kienu jilħqu l-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, fl-istess ittra mehmuża mat-talba ta' reġistrazzjoni, l-awtoritajiet ta' Franza talbu lill-Kummissjoni tistabbilixxi perjodu ta' tranżizzjoni skont l-Artikolu msemmi, sabiex dawk l-impriżi jkunu jistgħu jużaw id-denominazzjoni għall-bejgħ wara r-reġistrazzjoni tagħha.

(5)

Intant, ir-Regolament (KE) Nru 510/2006 ħadlu postu r-Regolament (UE) Nru 1151/2012, fis-seħħ sa mit-3 ta' Jannar 2013. Il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 nġabru fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(6)

Billi l-impriżi L'Aziana Charcuterie Corse Nunzi Sauveur, Orezza Charcuterie La Castagniccia, Charcuterie Costa & Fils, Charcuterie Fontana, Salaisons Joseph Pantaloni, Charcuterie Passoni, Salaisons Sampiero, Salaisons réunies u Établissements Semidei jilħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, għandhom jingħataw perjodu ta' tranżizzjoni ta' ħames snin li fih huma awtorizzati li jużaw id-denominazzjoni “Jambon sec de Corse”/“Jambon sec de Corse — Prisuttu di Corsica”. Madankollu, billi diġà gawdew mill-perjodu ta' adattament nazzjonali, jaqbel li l-perjodu ta' ħames snin jibda jgħodd mid-data tat-tressiq tat-talba ta' reġistrazzjoni għand il-Kummissjoni.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni dwar il-Kwalità tal-prodotti agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni “Jambon sec de Corse”/“Jambon sec de Corse — Prisuttu di Corsica” (DPO) hija b'dan irreġistrata.

Id-denominazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tidentifika prodott tal-Klassi 1.2. Prodotti abbażi tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.) tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1898/2006 tal-Kummissjoni (4).

Artikolu 2

L-impriżi L'Aziana Charcuterie Corse Nunzi Sauveur, Orezza Charcuterie La Castagniccia, Charcuterie Costa & Fils, Charcuterie Fontana, Salaisons Joseph Pantaloni, Charcuterie Passoni, Salaisons Sampiero, Salaisons réunies u Etablissements Semidei huma awtorizzati li jkomplu jużaw, b'mod tranżitorju, id-denominazzjoni rreġistrata “Jambon sec de Corse”/“Jambon sec de Corse — Prisuttu di Corsica” (DPO), sas-27 ta' April 2017.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 80, 19.3.2013, p. 17.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta' Marzu 2006, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1898/2006 tal-14 ta' Diċembru 2006 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u tal-ikel (ĠU L 369, 23.12.2006, p. 1).


Top