EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2013C0093

Rakkomandazzjoni Nru 93/13/COL tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tal- 21 ta’ Frar 2013 dwar pjan ta' kontroll ikkoordinat bil-ħsieb li jistabbilixxi l-prevalenza tal-prattiki frawdolenti fil-kummerċjalizzazzjoni ta' ċertu ikel

OJ L 118, 30.4.2013, p. 44–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2013/93/oj

30.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/44


RAKKOMANDAZZJONI Nru 93/13/COL TAL-AWTORITÀ TA’ SORVELJANZA TAL-EFTA

tal-21 ta’ Frar 2013

dwar pjan ta' kontroll ikkoordinat bil-ħsieb li jistabbilixxi l-prevalenza tal-prattiki frawdolenti fil-kummerċjalizzazzjoni ta' ċertu ikel

L-AWTORITÀ TAS-SORVELJANZA TAL-EFTA,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 109 u l-Protokoll 1 tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2)(b) u l-Protokoll 1 tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 54zzzi tal-Kapitolu XII tal-Anness II tal-Ftehim ŻEE (ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali), kif korrett u emendat, u b' mod partikolari l-Artikolu 53 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni 75/13/COL tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA tad-19 ta' Frar 2013 li tagħti s-setgħa lill-Membru tal-Kulleġġ kompetenti biex jadotta Rakkomandazzjoni finali kif approvata mill-Kumitat Veterinarju u Fitosanitarju tal-EFTA (Avveniment Nru 663341),

Billi:

(1)

L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jagħti s-setgħa lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA (l-Awtorità) li tirrakkomanda pjanijiet ikkoordinati fejn jitqies li hemm bżonn, organizzati fuq bażi ad hoc, b’mod partikolari bil-ħsieb li tistabbilixxi l-prevalenza tal-perikli fl-għalf, fl-ikel jew fl-annimali.

(2)

Id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta' liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta' oġġetti tal-ikel (1), tistabbilixxi r-regoli taż-ŻEE dwar it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel applikabbli għall-oġġetti tal-ikel kollha.

(3)

Skont id-Direttiva 2000/13/KE, it-tikkettar u l-metodi użati ma għandhomx iqarrqu bil-konsumatur, b’mod partikolari dwar il-karatteristiki tal-ikel, inklużi n-natura proprja u l-identità tiegħu. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi nazzjonali jew taż-ŻEE, l-isem li bih jinbiegħ l-ikel għandu jkun l-isem li normalment jinbiegħ bih fl-Istat taż-ŻEE, jew deskrizzjoni tal-ikel li tkun ċara biżżejjed biex ix-xerrej ikun jaf in-natura proprja tiegħu.

(4)

Barra minn hekk, l-ingredjenti kollha jridu jissemmew fuq it-tikketta tal-oġġetti tal-ikel ippakkjati minn qabel maħsuba għall-konsumatur aħħari jew l-istabbilimenti tal-ikel tal-massa. B’mod partikolari, ikel li fih laħam bħala ingredjent, meta jkun maħsub għall-konsumatur aħħari jew l-istabbilimenti tal-ikel tal-massa, għandhom jindikaw l-ispeċi tal-annimal li minnu joriġina l-laħam direttament fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu. Jekk ingredjent jissemma fl-isem tal-ikel, il-kwantità tiegħu espressa bħala perċentwali wkoll trid tkun ipprovduta fil-lista tal-ingredjenti sabiex ikun evitat li l-konsumatur jitqarraq fir-rigward tal-identità u l-kompożizzjoni tal-ikel.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (2), jistipula r-rekwiżiti tat-tikkettar addizzjonali applikabbli għal ikel speċifiku. B’mod partikolari, jipprovdi li l-pakketti maħsuba għall-provvista lill-konsumatur aħħari li fihom il-kapuljat, fost l-oħrajn, mis-solipedi għandu jkollhom avviż li jindika li prodotti bħal dawn għandhom jissajru qabel jittieklu, jekk, u sa fejn, ir-regoli nazzjonali fl-Istat Membru fit-territorju li fih jitqiegħed il-prodott fis-suq hekk ikunu jeħtieġu.

(6)

Is-Sezzjoni III tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tirrikjedi li l-operaturi tan-negozju tal-ikel li joperaw il-biċċeriji jitolbu, jivverifikaw u jaġixxu fuq l-informazzjoni dwar il-katina alimentari fir-rigward tal-annimali kollha, ħlief l-annimali tal-kaċċa, mibgħuta jew intenzjonati li jintbagħtu fil-biċċeriji. L-informazzjoni rilevanti dwar il-katina alimentari għandha tkopri, b’mod partikolari, il-prodotti veterinarji mediċinali amministrati lill-annimali matul il-perjodu rilevanti u b’perjodu ta’ rtirar ta’ iżjed minn żero, flimkien mad-dati tal-amministrazzjoni u l-perjodi ta’ rtirar tagħhom. Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (3), jirrikjedi fost l-oħrajn li l-veterinarju uffiċjali jwettaq kompiti ta’ verifika u spezzjoni. B’mod partikolari, il-veterinarju uffiċjali għandu jivverifika u janalizza l-informazzjoni rilevanti mir-reġistri tal-impriża minn fejn joriġinaw l-annimali maħsuba għall-qatla, inkluża l-informazzjoni dwar il-katina alimentari u jikkunsidra r-riżultati dokumentati ta’ din il-verifika u l-analiżi meta jwettaq l-ispezzjoni ta’ qabel u wara l-qatla.

(7)

B’segwitu għall-kontrolli uffiċjali li ilhom jitwettqu f’għadd ta’ Stati Membri minn Diċembru 2012, jidher li ċerti prodotti li huma ppakkjati minn qabel kien fihom laħam taż-żiemel, li ma kienx iddikjarat fil-lista tal-ingredjenti li tidher direttament fuq il-pakkett jew fuq it-tikketta mwaħħla miegħu. Minflok, l-isem ta’ ċerti oġġetti tal-ikel bħal dawn u/jew il-lista ta’ akkumpanjament tal-ingredjenti irreferiet biss, b’mod qarrieqi, għall-preżenza taċ-ċanga.

(8)

B’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (4), l-operaturi tan-negozju tal-oġġetti tal-ikel fl-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni fi ħdan in-negozji tagħhom fil-kontroll tagħhom, għandhom jiżguraw li l-oġġetti tal-ikel jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-liġi tal-oġġetti tal-ikel li huma rilevanti għall-attivitajiet tagħhom u għandhom jivverifikaw li dawn ir-rekwiżiti jiġu sodisfatti.

(9)

Iż-żwiemel huma speċi ta’ annimal li jistgħu jkunu "produtturi tal-ikel" jew "mhux produtturi tal-ikel". Il-fenilbutażon hija mediċina veterinarja li l-użu tagħha huwa permess biss f’annimali li mhumiex produtturi tal-ikel skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 37/2010 tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar is-sustanzi farmakoloġikament attivi u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-limiti massimi ta’ residwu fl-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-annimali (5). Għalhekk, żwiemel li mhumiex produtturi tal-ikel, li f’xi punt ta’ ħajjithom ħadu trattament tal-fenilbutażon, ma jistgħux jidħlu fil-katina alimentari. B’konsiderazzjoni tal-prattiki qarrieqa fir-rigward tal-preżenza ta' laħam taż-żiemel mingħajr ma jkun indikat fit-tikketta f’ċerti prodotti tal-ikel, jixraq, għal finijiet ta’ prevenzjoni, li jkun aċċertat jekk żwiemel li mhumiex produtturi tal-ikel li ħadu trattament tal-fenilbutażon daħlux fil-katina alimentari.

(10)

Għalhekk, huwa neċessarju għall-Awtorità li tirrakkomanda lin-Norveġja u lill-Islanda li jwettqu pjan ta' kontroll ikkoordinat bil-ħsieb li tiġi stabbilita l-prevalenza tal-prattiki qarrieqa fil-kummerċjalizzazzjoni ta' ċertu ikel għal perjodu ta' xahar. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż b’perjodu addizzjonali ta’ xahrejn.

(11)

Il-pjan ta’ kontroll rakkomandat għandu jikkonsisti f'żewġ azzjonijiet.

(12)

L-ewwel azzjoni għandha tikkonsisti f'kontrolli adattati li jitwettqu fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, fuq ikel intenzjonat għall-konsumatur aħħari jew l-istabbilimenti tal-ikel tal-massa, li huma kummerċjalizzati u/jew tikkettati bħala li fihom ċ-ċanga. Dawn il-kontrolli jistgħu jiġu estiżi wkoll għal stabbilimenti oħrajn (eż. l-imħażen tal-friża). L-għan ta’ dawn il-kontrolli se jkun li jiġi stabbilit jekk prodotti bħal dawn fihomx laħam taż-żiemel, li mhux tikkettat kif suppost fuq il-pakkett jew, fil-każ ta’ oġġetti tal-ikel li mhumiex ippakkjati minn qabel, l-informazzjoni dwar il-preżenza tiegħu ma tkunx disponibbli għall-konsumatur jew l-istabbilimenti tal-ikel tal-massa. Kontrolli bħal dawn għandhom jitwettqu fuq kampjun rappreżentattiv.

(13)

Jeżistu metodi affidabbli li jippermettu, bi grad suffiċenti ta’ preċiżjoni, is-sejba tal-preżenza ta’ proteini ta’ speċijiet mhux iddikjarati f'kampjun. Il-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-proteini tal-annimali fl-oġġetti tal-għalf jista’ jipprovdi pariri siewja dwar dawk il-metodi u l-użu tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti tan-Norveġja u l-Islanda għandhom jiġu mistiedna joqogħdu fuq il-parir ta’ dak il-laboratorju dwar il-metodi li jistgħu jintużaw.

(14)

It-tieni azzjoni għandha tikkonsisti f'kontrolli xierqa li jitwettqu mill-istabbilimenti li jitrattataw il-laħam taż-żiemel intenzjonat għall-konsum mill-bniedem, inkluż ikel li joriġina minn pajjiżi terzi, għad-detezzjoni tar-residwi tal-fenilbutażon. Dawn il-kontrolli għandhom jitwettqu wkoll fuq kampjun rappreżentattiv, filwaqt li jiġu kkunsidrati ċ-ċifri tal-produzzjoni u l-importazzjoni. F’dan il-każ jixraq li ssir referenza għall-metodi pprovduti permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/657/KE li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE rigward il-ħidma ta' metodi analitiċi u l-interpretazzjoni tar-riżultati (6).

(15)

In-Norveġja u l-Islanda għandhom jikkomunikaw ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli lill-Awtorità fuq bażi regolari, sabiex tivvaluta s-sejbiet u tiddeċiedi dwar azzjoni adatta. Dawn ir-riżultati se jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea.

Il-miżuri stipulati f 'din ir-Rakkomandazzjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Fitosanitarju u Veterinarju tal-EFTA li jassisti lill-Awtorità,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

In-Norveġja u l-Islanda għandhom japplikaw pjan ta’ kontroll ikkoordinat, b’konformità mal-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, li jikkonsisti fl-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

kontrolli uffiċjali dwar ikel intenzjonat għall-konsumatur aħħari jew l-istabbilimenti tal-ikel tal-massa, li huma kummerċjalizzati u/jew tikkettati bħala li fihom iċ-ċanga; u,

(b)

kontrolli uffiċjali fuq laħam taż-żiemel intenzjonat għall-konsum mill-bniedem għad-detezzjoni tar-residwi tal-fenilbutażon.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Frar 2013.

Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA

Sverrir Haukur GUNNLAUGSSON

Membru tal-Kulleġġ

Xavier LEWIS

Direttur


(1)  L-Att imsemmi fil-punt 18 tal-Kapitolu XII tal-Anness II tal-Ftehim ŻEE

(2)  L-Att imsemmi fil-punt 6.1.17 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE

(3)  L-Att imsemmi fil-punt 1.1.12 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE

(4)  L-Att imsemmi fil-punt 54zzzc tal-Kapitolu XII tal-Anness II tal-Ftehim ŻEE

(5)  L-Att imsemmi fil-punt 13 tal-Kapitolu XIII tal-Anness II tal-Ftehim ŻEE

(6)  L-Att imsemmi fil-punt 7.2.19 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE


ANNESS

Pjan ikkoordinat ta' kontroll bil-għan li tiġi stabbilita l-prevalenza ta’ prattiki qarrieqa fil-kummerċjalizzazzjoni ta' ċertu ikel

I.   AZZJONIJIET U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAL-PJAN TA’ KONTROLL IKKOORDINAT

Il-pjan ta’ kontroll ikkoordinat għandu jikkonsisti f'żewġ azzjonijiet:

AZZJONI 1:   Kontrolli ta’ ikel kummerċjalizzat u/jew tikkettat bħala li fih iċ-ċanga

A.   Kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott

1.

L-oġġetti tal-ikel kummerċjalizzati u/jew tikkettati bħala li fihom iċ-ċanga (eż kapuljat, prodotti tal-laħam, preparati tal-laħam) li jaqgħu taħt il-kategoriji li ġejjin:

(a)

Oġġetti tal-ikel ippakkjati minn qabel intenzjonati għall-konsumatur aħħari jew l-istabbilimenti tal-ikel tal-massa li huma tikkettati bħala li fihom iċ-ċanga;

(b)

Oġġetti tal-ikel offurti għall-bejgħ lill-konsumatur aħħari jew lill-istabbilimenti tal-ikel tal-massa mingħajr ippakkjar minn qabel u oġġetti tal-ikel ippakkjati fil-post tal-bejgħ fuq it-talba tal-konsumatur jew ippakkjat minn qabel għal bejgħ dirett, li huma kummerċjalizzati u/jew indikati mod ieħor bħala li fihom iċ-ċanga.

2.

Għall-finijiet ta’ dan il-pjan ta’ kontroll ikkoordinat, għandha tapplika d-definizzjoni ta’ "oġġetti tal-ikel ippakkjati minn qabel" fl-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 2000/13/KE.

3.

Għall-fini ta’ dan il-pjan ta’ kontroll ikkoordinat, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ta' "ikkapuljat", "preparati tal-laħam" u "prodotti tal-laħam" fil-punti 1.13, 1.15 u 7.1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

B.   Għan

L-awtoritajiet kompetenti tan-Norveġja u l-Islanda għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali biex jistabbilixxu jekk il-prodotti msemmija fil-punt A fihomx laħam taż-żiemel, li mhux tikkettat kif suppost fuq il-pakkett jew, fil-każ ta’ oġġetti tal-ikel mhux ippakkjati minn qabel, l-informazzjoni dwar il-preżenza tiegħu mhix disponibbli għall-konsumatur jew l-istabbilimenti tal-ikel tal-massa, b'konformità mal-liġi taż-ŻEE u, fejn xieraq, mad-dispożizzjonijiet nazzjonali.

C.   Punti dwar il-kampjuni u l-proċedura

1.

Il-kampjun għandu jkun rappreżentattiv tal-prodotti kkonċernati u jkopri varjetà ta' prodotti.

2.

L-għażla tal-kampjuni tal-prodotti għandha ssir fil-livell tal-bejgħ bl-imnut (eż. supermarkits, ħwienet iżgħar, biċċiera) u jista' jiġi estiż ukoll għal stabbilimenti oħrajn (eż. imħażen tal-friża).

D.   Għadd u modalitajiet tal-kampjuni

It-tabella ta’ hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali lejn l-għadd minimu indikattiv rakkomandat ta’ kampjuni li għandhom jittieħdu fi żmien il-perjodu pprovdut fit-Taqsima II. L-awtoritajiet kompetenti tan-Norveġja u l-Islanda huma mistiedna jieħdu aktar kampjuni fejn possibbli. Id-distribuzzjoni tal-kampjuni għal kull pajjiż hija bbażata fuq iċ-ċifri tal-popolazzjoni b’għadd minimu ta’ 10 kampjuni tal-prodotti kkonċernati għal kull pajjiż għal kull xahar kalendarju kif indikat fit-Taqsima II.

Oġġetti tal-ikel kummerċjalizzati u/jew tikkettati bħala li fihom iċ-ċanga

Pajjiż tal-bejgħ

Għadd indikattiv rakkomandat ta’ kampjuni għal kull xahar

In-Norveġja

50

L-Islanda

10

E.   Metodi

L-awtoritajiet kompetenti tan-Norveġja u l-Islanda għandhom preferibbilment jużaw il-metodu/i rakkomandat(i) mil-Laboratorju ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-proteini tal-annimali fl-oġġetti tal-għalf.

AZZJONI 2:   Kontrolli tal-laħam taż-żiemel intenzjonati għall-konsum mill-bniedem

A.   Kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott

Laħam ta' żwiemel, ħmir tal-barr, bgħula tad-debba jew tal-ħmara, friski, imkessħin jew iffriżati, ikklassifikati taħt il-Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda 0205 u li huma intenzjonati għall-konsum mill-bniedem.

B.   Għan

L-awtoritajiet kompetenti tan-Norveġja u l-Islanda għandhom iwettqu l-kontrolli uffiċjali sabiex jaqbdu l-preżenza possibbli ta’ residwi tal-fenilbutażon fil-prodotti msemmija fil-punt A.

C.   Punti dwar il-kampjuni u l-proċedura

L-għażla tal-kampjuni tal-prodotti għandu jsir fl-istabbilimenti li jamministraw il-prodotti msemmija fil-punt A (eż. biċċeriji, postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntieri).

D.   Għadd u modalitajiet tal-kampjuni

L-għadd minimu rakkomandat ta’ kampjuni li jrid jittieħed matul il-perjodu stipulat fit-Taqsima II għandu jkun iffissat għal kampjun 1 għal kull 50 tunnellata ta’ prodotti msemmija fil-punt A, b’minimu ta’ 5 kampjuni għal kull pajjiż.

E.   Metodi

L-awtoritajiet kompetenti tan-Norveġja u l-Islanda għandhom jużaw metodi vvalidati skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/657/KE. Metodi bħal dawn huma disponibbli fil-websajt tal-Laboratorju ta’ Referenza Ewropew għar-residwi tal-mediċini veterinarji u l-kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali għal residwi elenkati fl-Anness I, il-Grupp A (5) u l-Grupp B (2)(a), (b), (e) tad-Direttiva 96/23/KE  (1).

II.   TUL TAL-PERJODU TAL-PJAN TA’ KONTROLL IKKOORDINAT

Il-pjan ta’ kontroll ikkoordinat għandu jitwettaq għal perjodu ta’ xahar li jibda mid-data tal-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni jew sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu 2013.

III.   RAPPORTAR TAR-RIŻULTATI

1.

L-awtoritajiet kompetenti tan-Norveġja u l-Islanda għandhom jirrapportaw it-taqsira tal-informazzjoni li ġejja għal kull waħda mill-azzjonijiet imsemmija fit-Taqsima I ta’ dan l-Anness:

(a)

għadd ta’ kampjuni meħuda, għal kull kategorija ta’ prodotti;

(b)

il-metodu/i użat(i) għall-analiżi u t-tip ta’ analiżi mwettqa;

(c)

l-għadd ta’ sejbiet pożittivi;

(d)

il-kontrolli ta’ segwitu mwettqa fir-rigward tas-sejbiet pożittivi fil-prodotti msemmija fil-punt A taħt l-Azzjoni 1 fil-każijiet fejn il-preżenza individwalizzata tal-laħam taż-żiemel taqbeż il-1 %;

(e)

il-kontrolli ta’ segwitu mwettqa fir-rigward ta’ sejbiet pożittivi fil-prodotti fil-punt A taħt l-Azzjoni 2;

(f)

ir-riżultati tal-kontrolli ta’ segwitu;

(g)

fir-rigward ta’ sejbiet pożittivi fi prodotti msemmija fil-punt A taħt l-Azzjoni 2, il-pajjiż fejn l-annimal ikkonċernat ġie ċċertifikat għall-qatla.

Ir-rapport għandu jkun ikkomunikat lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mill-aħħar tal-perjodu ta’ xahar imsemmi fit-Taqsima II.

Ir-rapport għandu jkun ippreżentat f’konformità mal-format ipprovdut mill-Awtorità

2.

L-awtoritajiet kompetenti tan-Norveġja u l-Islanda għandhom jirrapportaw immedjatament kwalunkwe riżultat pożittiv tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fir-rigward tal-Azzjonijiet 1 u 2 imsemmija fit-Taqsima I permezz tas-Sistema ta’ Allert Rapida għall-Ikel u l-Għalf lill-Awtorità.

3.

L-awtoritajiet kompetenti tan-Norveġja u l-Islanda għandhom jirrapportaw ukoll ir-riżultati ta’ kwalunkwe verifika mwettqa fuq it-talba tagħhom mill-operaturi tan-negozji tal-oġġetti tal-ikel stess lill-Awtorità. Informazzjoni bħal din għandha tkun akkumpanjata mid-dettalji msemmija fil-punt 1 u ppreżentata f’konformità mal-format li għandu jiġi pprovdut mill-Awtorità.


(1)  L-Att imsemmi fil-punt 2 tal-Parti 7.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE


Top