EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0346

Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' April 2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 115, 25.4.2013, p. 18–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 066 P. 12 - 32

In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/03/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/346/oj

25.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/18


REGOLAMENT (UE) Nru 346/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' April 2013

dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, filwaqt li l-investituri wkoll qed ifittxu li jiksbu għanijiet soċjali u mhux qed ifittxu biss li jkollhom redditi finanzjarji, aktar qed jitfaċċa fl-Unjoni suq ta’ investiment soċjali, magħmul, parzjalment, minn fondi tal-investiment li jimmiraw lejn impriżi soċjali. Fondi ta’ investiment bħal dawn jipprovdu finanzjament għall-impriżi soċjali li jaġixxu bħala muturi tal-bidla soċjali billi joffru soluzzjonijiet innovattivi għall-problemi soċjali, pereżempju billi jgħinu biex jindirizzaw il-konsegwenzi soċjali tal-kriżi finanzjarja, u billi jagħtu kontribut ferm importanti għall-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 stipulati fil-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”.

(2)

Dan ir-Regolament huwa parti mill-Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali stabbilita mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2011 intitolata “Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali — Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni”.

(3)

Huwa meħtieġ li jiġi stipulat qafas komuni ta’ regoli dwar l-użu tad-denominazzjoni “EuSEF” għal fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, partikolarment dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll ta’ fondi li joperaw b’dik id-denominazzjoni, il-miri ta’ investiment eliġibbli tagħhom, l-għodod tal-investiment li jużaw u l-kategoriji ta’ investituri li jkunu eliġibbli li jinvestu fihom permezz ta’ regoli uniformi tal-Unjoni. Fl-assenza ta’ qafas komuni bħal dan, hemm ir-riskju li l-Istati Membri jwettqu miżuri diverġenti fil-livell nazzjonali li jkollhom impatt negattiv dirett fuq il-funzjonament korrett tas-suq intern u joħolqu ostakoli għalih, minħabba li l-fondi li jkunu jixtiequ joperaw lil hinn mill-fruntieri jkunu soġġetti għal regoli differenti fi Stati Membri differenti. Barra minn hekk, rekwiżiti diverġenti ta’ kwalità dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll, il-miri ta’ investiment u l-investituri eliġibbli jistgħu jwasslu għal livelli differenti ta’ protezzjoni għall-investitur u jiġġeneraw konfużjoni fir-rigward tal-offerta ta’ investiment assoċjata mal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti. Barra minn hekk, l-investituri għandhom, ikunu jistgħu jikkomparaw l-offerti ta’ investiment ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti differenti. Huwa meħtieġ li jitneħħew l-ostakoli sinifikanti għall-ġbir transkonfinali ta’ fondi minn fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, li jiġu evitati distorsjonijiet għall-kompetizzjoni bejn dawk il-fondi, u li jiġi pprevenut li fil-futur jinbtu kwalunkwe ostakolu ieħor għall-kummerċ u distorsjonijiet sinifikanti għall-kompetizzjoni. Konsegwentement, il-bażi legali xierqa għal dan ir-Regolament hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif interpretat mill-ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(4)

Huwa meħtieġ li jiġi adottat Regolament li jistabbilixxi regoli uniformi applikabbli għall-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u li jimponi obbligi korrispondenti fuq il-maniġers tagħhom fl-Istati Membri kollha li jkunu jixtiequ jiġbru l-kapital mill-Unjoni kollha permezz tad-denominazzjoni “EuSEF”. Dawn ir-rekwiżiti għandhom jiżguraw il-fiduċja tal-investituri li jkunu jixtiequ jinvestu f’tali fondi. Ir-Regolament m’għandux japplika għal skemi nazzjonali eżistenti li jippermettu investiment fin-negozji soċjali u li ma jużawx id-denominazzjoni “EuSEF”.

(5)

Id-definizzjoni tar-rekwiżiti tal-kwalità għall-użu tad-denominazzjoni “EuSEF” permezz ta’ Regolament tiżgura li dawk ir-rekwiżiti huma applikabbli b’mod dirett għall-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li jżidu l-fondi permezz ta’ dik id-denominazzjoni. Dan jiżgura ukoll kondizzjonijiet uniformi għall-użu ta’ din id-denominazzjoni billi jkunu evitati rekwiżiti nazzjonali diverġenti bħala riżultat tat-traspożizzjoni ta’ direttiva. Il-maniġers tal-impriżi ta’ investiment kollettiv li jużaw din id-denominazzjoni għandhom isegwu l-istess regoli fl-Unjoni kollha, u dan għandu jkabbar il-fiduċja tal-investituri. Dan ir-Regolament inaqqas ukoll il-kumplessità regolatorja u l-ispiża għall-maniġers tal-konformità ma’ regoli nazzjonali ta’ spiss diverġenti li jirregolaw dawn il-fondi, speċjalment għal dawk il-maniġers li jixtiequ jżidu l-kapital fuq bażi transkonfinali. Huwa jikkontribwixxi wkoll għall-eliminazzjoni ta’ distorsjonijiet kompetittivi.

(6)

Għandu jkun possibbli li fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkun ġestit esternament jew internament. Fejn fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkun ġestit internament, il-fond jkun ukoll il-maniġer u għalhekk għandu jikkonforma mar-rekwiżiti kollha rilevanti għall-maniġers taħt dan ir-Regolament u jkun irreġistrat f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huwa ġestit internament ma għandux mandankollu jiġi permess ikun il-maniġer estern ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv oħrajn jew ta’ jew ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS).

(7)

Sabiex tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn dan ir-Regolament u regoli oħra dwar l-impriżi ta’ investiment kollettiv u l-maniġers tagħhom, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit li dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-maniġers tal-impriżi ta’ investiment kollettiv għajr l-UCITS li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (4) u li jkunu stabbiliti fl-Unjoni u jkunu rreġistrati mal-awtorità kompetenti fl-Istat Membru domiċiljari tagħhom skont id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (5), sakemm dawk il-maniġers jiġġestixxu portafolli ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti. Madankollu, maniġers esterni ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huma reġistrati f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandhom ikunu jistgħu jiġġestixxu wkoll UCITS, suġġetti għal awtorizzazzjoni taħt id-Direttiva 2009/65/KE.

(8)

Barra minn hekk, dan ir-Regolament japplika biss għal maniġers ta’ dawk l-impriżi ta’ investiment kollettiv li l-assi ġestiti tagħhom ma jaqbżux bħala total il-limitu msemmi fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE. Il-kalkolu tal-limitu għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament huwa l-istess bħal dak għall-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE.

(9)

Madankollu, il-maniġers reġistrati f’konformità ma’ dan ir-Regolament u b’assi ġestiti li t-total tagħhom sussegwentement jaqbeż il-limitu msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE, u li għalhekk isiru soġġetti għal awtorizzazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ dik id-Direttiva, għandhom ikunu jistgħu jkomplu jużaw id-denominazzjoni “EuSEF” għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti fl-Unjoni, sakemm dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament għall-użu tad-denominazzjoni “EuSEF” speċifikati f’dan ir-Regolament f’kull waqt fir-rigward ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti. Dan japplika kemm għal fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti eżistenti kif ukoll għal fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti stabbiliti wara li jinqabeż il-limitu.

(10)

Fejn il-maniġers tal-impriżi ta’ investiment kollettiv ma jkunux jixtiequ jużaw id-denominazzjoni “EuSEF”, dan ir-Regolament m’għandux japplika. F’dawk il-każijiet, għandhom ikomplu japplikaw ir-regoli nazzjonali u r-regoli ġenerali eżistenti tal-Unjoni.

(11)

Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli uniformi dwar in-natura tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, b’mod partikolari dwar l-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li fihom il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom ikunu permessi jinvestu, kif ukoll l-istrumenti tal-investiment li għandhom jintużaw. Dan huwa meħtieġ sabiex tkun tista’ tinġibed linja ta’ demarkazzjoni ċara bejn fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u fondi ta’ investiment alternattivi oħra li jadottaw strateġiji ta’ investiment oħrajn li jkunu anqas speċjalizzati, pereżempju buyouts, li dan ir-Regolament mhuwiex intiż li jippromovi.

(12)

Sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u ċ-ċertezza meħtieġa, dan ir-Regolament għandu wkoll jistabbilixxi kriterji uniformi sabiex jidentifika l-impriżi soċjali bħala impriżi ta’ portafoll kwalifikanti eliġibbli. Impriża soċjali għandha tiġi definita bħala operatur fl-ekonomija soċjali, li l-għan prinċipali tagħha huwa li jkollha impatt soċjali aktar milli biex tagħmel profitt għas-sidien jew l-azzjonisti tagħha. Hi topera billi tipprovdi prodotti u servizzi għas-suq u tuża l-profitti tagħha primarjament biex tilħaq objettivi soċjali. Hija ġestita b’manjiera responsabbli u trasparenti u, b’mod partikolari, billi tinvolvi l-impjegati, il-konsumaturi u partijiet interessati li huma affettwati mill-attivitajiet kummerċjali tagħha.

(13)

Ladarba l-għan prinċipali tal-impriżi soċjali huwa li jkollhom impatt soċjali pożittiv u mhux li jimmassimizzaw il-profitti tagħhom, dan ir-Regolament għandu jippromovi biss appoġġ għal impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li jiffukaw fuq il-ksib ta’ impatt soċjali li jista’ jitkejjel u pożittiv. Impatt soċjali li jista’ jitkejjel u pożittiv jista’ jinkludi l-forniment ta’ servizzi lil immigranti li normalment huma esklużi, jew l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ gruppi marġinalizzati fis-suq tax-xogħol billi jipprovdilhom impjieg, taħriġ u appoġġ ieħor. L-impriżi soċjali jużaw il-profitti tagħhom sabiex jiksbu l-objettiv soċjali primarju tagħhom u huma ġestiti b’mod responsabbli u trasparenti. Fejn, fuq bażi eċċezzjonali, li fihom impriża ta’ portafoll kwalifikanti tkun tixtieq tqassam profitti lill-azzjonisti u s-sidien tagħha, hija għandu jkollha proċeduri u regoli predefiniti dwar kif jitqassmu l-profitti. Dawk ir-regoli għandhom jispeċifikaw li tali tqassim tal-profitti ma jippreġudikax l-objettiv soċjali primarju tal-impriża ta’ portafoll soċjali kwalifikanti.

(14)

L-impriżi soċjali jinkludu firxa wiesgħa ta’ impiżi, ta’ forom ġuridiċi varji, li jipprovdu servizzi soċjali jew oġġetti lil persuni vulnerabbli, marġinati, żvantaġġati jew esklużi. Dawn is-servizzi jinkludu aċċess għal abitazzjoni, servizzi ta’ kura tas-saħħa, assistenza għal persuni anzjani jew diżabbli, indukrar tat-tfal, aċċess għall-impjieg u taħriġ kif ukoll maniġġar tad-dipendenzi. L-impriżi soċjali jinkludu wkoll impriżi li jużaw metodu ta’ produzzjoni ta’ oġġetti jew servizzi li jinkorpora l-objettiv soċjali tagħhom, iżda li l-attivitajiet tagħhom jistgħu jaqgħu barra l-kamp tal-forniment tal-prodotti jew servizzi soċjali. Dawk l-attivitajiet jinkludu l-integrazzjoni soċjali jew professjonali permezz ta’ aċċess għal impjieg għal persuni żvantaġġati b’mod partikolari minħabba kwalifiki nieqsa jew problemi soċjali jew professjonali li jwasslu għall-esklużjoni u l-marġinazzjoni. Dawk l-attivitajiet jistgħu jirrigwardaw ukoll il-protezzjoni ambjentali b’impatt fuq is-soċjetà, bħal miżuri kontra t-tniġġis, ir-riċiklaġġ u l-enerġija rinnovabbli.

(15)

F’konformità mal-għan li jiġu delimitati b’mod preċiż l-impriżi ta’ investiment kollettiv li se jkunu koperti minn dan ir-Regolament u sabiex tiġi żgurata enfasi fuq il-forniment ta’ kapital lill-impriżi soċjali, fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, għandhom jitqiesu bħala fondi li għandhom il-ħsieb li jinvestu mill-inqas 70 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u tal-kapital impenjat mhux mitlub tagħhom f’impriżi bħal dawn. Il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti m’għandhomx jiġu permessi jinvestu aktar minn 30 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati tagħha u l-kapital impenjat mhux mitlub tagħha f’assi li mhumiex investimenti kwalifikanti. Dan ifisser li filwaqt li l-limitu ta’ 30 % għandu jkun il-limitu massimu f’kull żmien għal investimenti mhux kwalifikanti, il-limitu ta’ 70 % għandu jkunu riservat għal investimenti kwalifikanti matul il-ħajja tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti. Dawk il-limiti għandhom ikunu kkalkulati fuq il-bażi tal-ammonti investibbli wara tnaqqis tal-ispejjeż relevanti kollha u l-parteċipazzjoni ta’ flus u ekwivalenti ta’ flus. Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi d-dettalji meħtieġa għall-kalkolu tal-limiti.

(16)

L-għan ta’ dan ir-Regolament hu li jtejjeb t-tkabbir tal-impriżi soċjali fl-Unjoni. L-investimenti f’impriżi ta’ portafoll kwalifikanti stabbiliti f’pajjiżi terzi jistgħu jġibu aktar kapital lill-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u b’hekk jibbenefikaw impriżi soċjali fl-Unjoni. Madankollu, dan ir-Regolament taħt l-ebda ċirkustanza ma għandu jiffavorixxi l-investimenti operati f’impriżi ta’ portafoll stabbiliti f’pajjiżi terzi kkaratterizzati minn nuqqas ta’ arranġamenti xierqa ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali u ma’ kull Stat Membru li fih l-unitajiet jew ishma tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti huma intiżi li jiġu kkumerċjalizzati jew minn nuqqas ta’ skambju effikaċi ta’ informazzjoni fi kwistjonijiet ta’ taxxa.

(17)

Fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu, bħala l-ewwel pass, jiġi stabbilit fl-Unjoni sabiex ikun intitolat juża d-denominazzjoni “EuSEF” kif stabbilit minn dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha, sa sentejn mill-bidu tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, tirrivedi r-restrizzjoni fuq l-użu tad-denominazzjoni “EuSEF” għall-fondi stabbiliti fl-Unjoni, filwaqt li tieħu kont tal-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw l-istandards minimi ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa.

(18)

Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom ikunu kapaċi jattiraw impenji ta’ kapital addizzjonali matul iċ-ċiklu ta’ ħajja ta’ fond. Dawn l-impenji ta’ kapital addizzjonali għandhom, matul iċ-ċiklu ta’ ħajja ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, jiġu kkunsidrati meta jkun qed jiġi previst l-investiment li jmiss fl-assi minbarra f’assi kwalifikanti. Impenji ta’ kapital addizzjonali għandhom ikunu permessi skont il-kriterji u suġġetti għall-kondizzjonijiet stabbilit fir-regoli ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni.

(19)

B’kont meħud tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament speċifiċi tal-impriżi soċjali, huwa meħtieġ li tinkiseb ċarezza rigward it-tipi ta’ strumenti li fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu juża għal dawn il-finanzjamenti. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli uniformi dwar strumenti eliġibbli li għandhom jintużaw minn fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti meta jagħmel investimenti, li jinkludu strumenti ta’ equity jew quasi-equity, strumenti ta’ dejn, bħal ċedoli u ċertifikati ta’ depożitu, investimenti f’fondi oħrajn ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, selfiet garantiti jew mhux garantiti, u għotjiet. Sabiex l-investimenti ma jispiċċawx dilwiti f’impriżi ta’ portafoll kwalifikanti, il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom ikunu jistgħu jinvesti f’fondi oħrajn ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti meta dawk il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti l-oħra nfushom ma jkunux investew aktar minn 10 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u ta’ kapital impenjat mhux eżerċitat tagħhom f’fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti oħrajn.

(20)

L-attivitajiet ewlenin tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti huma li jiggarantixxu finanzjament għal impriżi soċjali permezz ta’ investimenti primarji. Il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ma għandhom la jipparteċipaw f’attivitajiet bankarji ta’ importanza sistemika barra mill-qafas regolatorju prudenzjali normattiv (imsejħa “shadow banking”). u lanqas ma għandhom isegwu strateġiji tipiċi ta’ equity privata, bħal leveraged buyouts.

(21)

Sabiex tinżamm il-flessibbiltà meħtieġa fil-portafoll ta’ investiment tagħhom, il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jistgħu jinvestu f’assi li mhumiex investimenti kwalifikanti sakemm dawn l-investimenti ma jaqbżux il-limitu ta’ 30 % stabbilit minn dan ir-Regolament għal investimenti nonkwalifikanti. Parteċipazzjonijiet ta’ flus kontanti u ekwivalenti għal flus kontanti ma għandhomx jittieħdu f’kunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ dak il-limitu minħabba li flus kontanti u ekwivalenti għal flus kontanti ma għandhomx ikunu kkunsidrati bħala investimenti. Il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jieħdu sehem f’investimenti matul il-portafoll tagħhom li jkunu konsistenti mal-istrateġija etika ta’ investiment tagħhom, pereżempju huma ma għandhomx jagħmlu investimenti li jiffinanzjaw l-industrija tal-armamenti, li fiha riskju ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew li tista’ tinvolvi rimi ta’ skart elettroniku.

(22)

Sabiex jiġi żgurat li d-denominazzjoni “EuSEF” tkun affidabbli u faċilment rikonoxxuta mill-investituri fl-Unjoni, huma biss il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li jikkonformaw mal-kriterji ta’ kwalità uniformi kif stabbiliti f’dan ir-Regolament li għandhom ikunu eliġibbli biex jużaw id-denominazzjoni “EuSEF” meta jikkummerċjalizzaw fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti madwar l-Unjoni.

(23)

Sabiex jiġi żgurat li l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkollhom profil distint u identifikabbli li jkun adattat għall-finijiet tagħhom, għandu jkun hemm regoli uniformi dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll u dwar it-teknika ta’ investiment ammissibbli għal dawn il-fondi.

(24)

Sabiex jiġi żgurat li l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ma jikkontribwixxux għall-iżvilupp ta’ riskji sistemiċi, u li, fl-attivitajiet tal-investiment tagħhom, fondi bħal dawn jikkonċentraw fuq l-appoġġ għal impriżi ta’ portafoll kwalifikanti, m’għandux ikun permess l-użu ta’ leverage finanzjarju fil-livell tal-fond. Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom ikunu awtorizzati biss biex jissellfu, jemettu obbligi ta’ dejn jew jipprovdu garanziji, fil-livell tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, sakemm tali self, obbligi ta’ dejn jew garanziji jkunu koperti minn impenji mhux mitluba u għalhekk ma jżidux l-espożizzjoni tal-fond lil hinn mil-livell tal-kapital mitlub tiegħu. L-antiċipi ta’ flus kontanti minn investituri tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huma kompletament koperti b’impenji ta’ kapital minn dawk l-investituri ma jżidux l-espożizzjoni tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u għalhekk għandhom ikunu permessi. Barra minn hekk, sabiex il-fond ikun permess ikopri l-ħtiġijiet ta’ likwidità straordinarji li jistgħu jirriżultaw bejn is-sejħa ta’ kapital kommess mill-investituri u r-riċezzjoni attwali tal-kapital fil-kontijiet tiegħu, għandu jkun permess is-self fuq medda qasira ta’ żmien sakemm l-ammont ta’ tali self ma jeċċedix il-kapital impenjat mhux mitlub tal-fond.

(25)

Sabiex jiġi żgurat li l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti huma kkummerċjalizzati biss lil investituri li għandhom l-esperjenza, l-għarfien u l-għarfien espert sabiex jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom fuq investimenti u jevalwaw sew ir-riskji li dawk il-fondi jkollhom, u sabiex tinżamm il-fiduċja tal-investituri fil-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, iridu jkunu stabbiliti ċerti salvagwardji. Għaldaqstant, il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom ikunu kkummerċjalizzati biss lil investituri li huma klijenti professjonali jew li jistgħu jkunu ttrattati bħala klijenti professjonali skont id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (6). Madankollu, sabiex ikun hemm bażi tal-investituri wiesgħa biżżejjed għall-investiment fil-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti huwa mixtieq ukoll li ċerti investituri oħra jkollhom aċċess għal dawn il-fondi, inklużi l-individwi ta’ valur nett għoli. Għal dawk l-investituri l-oħra, madankollu, għandhom ikunu stabbiliti salvagwardji speċifiċi sabiex jiġi żgurat li l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti huma kkummerċjalizzati biss lil dawk l-investituri li għandhom il-profil adattat biex jagħmlu tali investimenti. Dawn is-salvagwardji jeskludu l-kummerċjalizzazzjoni permezz ta’ pjanijiet ta’ tfaddil perjodiku. Barra minn hekk, l-investimenti magħmula minn diriġenti eżekuttivi, diretturi jew impjegati involuti fil-ġestjoni ta’ maniger ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom ikunu possibbli meta dawn isiru fil-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li jiġġestixxu, ladarba dawn l-individwi jkollhom konoxxenza suffiċjenti biex jipparteċipaw f’dawn l-investimenti.

(26)

Sabiex jiġi żgurat li d-denominazzjoni “EuSEF” tintuża biss minn maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li jissodisfaw kriterji tal-kwalità uniformi fir-rigward tal-kondotta tagħhom fis-suq, għandu jkun hemm regoli dwar it-tmexxija tan-negozju u r-relazzjoni ta’ dawk il-maniġers mal-investituri tagħhom. Għall-istess raġuni, għandhom jiġu stabbiliti kondizzjonijiet uniformi fir-rigward tat-trattament ta’ konflitti ta’ interess minn maniġers bħal dawn. Dawk ir-regoli u kondizzjonijiet għandhom ukoll jirrikjedu li l-maniġer ikollu l-arranġamenti organizzattivi u amministrattivi meħtieġa fis-seħħ biex ikun żgurat immaniġġar korrett ta’ konflitti ta’ interess.

(27)

Fejn maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkollu l-ħsieb li jiddelega funzjonijiet lil partijiet terzi, r-responsabbiltà tal-maniġer għall-fond ta’ intraprenditorija soċjali u l-investituri fih m’għandhiex tiġi affettwata minn tali delega ta’ funzjonijiet mill-maniġer lil parti terza. Barra minn hekk, il-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti m’għandux jiddelega funzjonijiet sal-punt fejn, essenzjalment, ma jkunx jista’ jitqies aktar bħala l-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u jkun sar entità “tal-kaxxa tal-ittri”. Il-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu jibqa’ responsabbli għall-eżekuzzjoni xierqa tal-funzjonijiet delegati u għall-konformità ma’ dan ir-Regolament f’kull mument. Id-delega ta’ funzjonijiet ma għandhiex iddgħajjef l-effikaċja tas-superviżjoni tal-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u, b’mod partikolari m’għandhiex tipprevjeni lill-maniġer milli jaġixxi, jew il-fond milli jiġi ġestit, fl-aħjar interessi tal-investituri tiegħu.

(28)

Il-ħolqien ta’ impatti soċjali pożittivi flimkien mal-ġenerazzjoni tar-redditi finanzjarji għall-investituri huwa karatteristika prinċipali tal-fondi ta’ investiment li fil-mira tagħhom għandhom l-impriżi soċjali, tali li jiddistingwihom minn tipi oħrajn ta’ fondi ta’ investiment. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jeħtieġ li l-maniġers ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jistabbilixxu proċeduri għall-kejl tal-impatti soċjali pożittivi biex jintlaħqu permezz ta’ investiment fl-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti.

(29)

Attwalment, il-fondi li qed jimmiraw lejn riżultati jew impatti soċjali tipikament jivvalutaw u jiġbru informazzjoni dwar kemm l-impriżi soċjali qed jiksbu r-riżultati jew impatti li huma qed jimmiraw għalihom. Hemm firxa wiesgħa ta’ tipi differenti ta’ riżultati u impatti soċjali li lejhom impriża soċjali tista’ tipprova timmira. Għalhekk ġew żviluppati modi differenti li jidentifikaw ir-riżultati jew l-impatti soċjali u li jkejluhom. Pereżempju, kumpanija li qed tfittex li timpjega persuni żvantaġġati tista’ tagħmel rapport dwar in-numru ta’ persuni mpjegati li kieku ma kinux isibu xogħol, u kumpanija li qed tfittex li ttejjeb ir-riabilitazzjoni ta’ priġunieri tista’ tivvaluta l-prestazzjoni tagħha f’termini ta’ reċidività. Il-fondi jgħinu lill-impriżi soċjali fit-tħejjija u l-provvediment ta’ informazzjoni dwar l-għanijiet u l-kisbiet tagħhom, u fil-ġbir ta’ dan għall-investituri. Filwaqt li informazzjoni dwar ir-riżultati jew l-impatti soċjali hi ferm importanti għall-investituri, hu diffiċli li tqabbel bejn impriżi soċjali differenti u fondi differenti kemm minħabba d-differenzi fir-riżultati jew l-impatti soċjali li jkunu fil-mira u kemm minħabba l-varjetà ta’ approċċi attwali. Sabiex tkun imħeġġa l-konsistenza u l-komparabbiltà fuq medda itwal ta’ żmien u l-akbar effiċjenza fil-proċeduri biex tinkiseb l-informazzjoni, għandhom jiġu żviluppati atti delegati f’dan il-qasam. Dawn l-atti delegati għandhom ukoll jiżguraw ċarezza akbar għall-kontrolluri, il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u l-impriżi soċjali.

(30)

Sabiex tiġi żgurata l-integrità tad-denominazzjoni “EuSEF”, ghandhom jiġu stabbiliti kriterji ta’ kwalità fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti. Għaldaqstant, rekwiżiti uniformi u proporzjonati għall-ħtieġa li jinżammu riżorsi tekniċi u umani adegwati għandhom jiġu stipulati.

(31)

Sabiex tiġi żgurata ġestjoni xierqa ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u l-kapaċità tal-maniġer tagħhom li jkopru riskji potenzjali li jiġu mill-attivitajiet tagħhom, għandhom jiġu stipulati rekwiżiti uniformi u proporzjonati għall-maniġers ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali biex iżommu fondi proprji suffiċjenti. L-ammont ta’ dawn il-fondi proprji għandu jkun biżżejjed biex jiżgura l-kontinwità u l-ġestjoni xierqa tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti.

(32)

Għall-finijiet tal-protezzjoni tal-investitur huwa meħtieġ li jkun żgurat li l-assi ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jiġu evalwati kif jixraq. Għaldaqstant, ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu jkun fihom dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjoni tal-assi. Dan għandu jiżgura l-integrità u t-trasparenza tal-valutazzjoni.

(33)

Sabiex jiġi żgurat li l-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li jużaw id-denominazzjoni “EuSEF” jagħtu rendikont suffiċjenti tal-attivitajiet tagħhom, għandhom ikunu stabbiliti regoli uniformi rigward ir-rapporti annwali.

(34)

Filwaqt li f’dan ir-Regolament hemm inklużi salvagwardji li jaċċertaw li l-fondi jintużaw b’mod xieraq, l-awtoritajiet superviżorji għandhom ikunu viġilanti biex jiżguraw li jkun hemm konformità ma’ dawk is-salvagwardji.

(35)

Sabiex tiġi żgurata l-integrità tad-denominazzjoni “EuSEF” f’għajnejn l-investituri, huwa meħtieġ li din tintuża biss minn maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huma trasparenti b’mod sħiħ fir-rigward tal-politika tal-investiment tagħhom u l-miri tal-investiment tagħhom. Għandhom għalhekk jiġu stabbiliti regoli uniformi dwar ir-rekwiżiti tal-iżvelar li għandhom jagħmlu l-maniġers fir-rigward tal-investituri tagħhom. Dawn ir-regoli għandhom jinkludu dawk l-elementi li huma speċifiċi għall-investimenti fl-impriżi soċjali, sabiex ikunu jistgħu jinkisbu konsistenza u komparabbiltà akbar ta’ dan it-tagħrif. Dawn jinkludu tagħrif dwar il-kriterji u l-proċeduri li jintużaw sabiex jintgħażlu impriżi ta’ portafoll kwalifikanti partikolari bħala miri tal-investiment. Din tinkludi wkoll tagħrif dwar l-impatt soċjali pożittiv miksub mill-politika tal-investiment u dwar kif dan l-eżitu għandu jiġi mmonitorjat u vvalutat. Sabiex jiġu żgurati l-kunfidenza u l-fiduċja meħtieġa tal-investituri f’dawn it-tipi ta’ investimenti, tkun inkluża anki l-informazzjoni dwar l-assi tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti minbarra dawk investiti f’impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u dwar kif dawn jintgħażlu.

(36)

Sabiex tiġi żgurata superviżjoni effettiva tar-rekwiżiti uniformi li fih dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tissorvelja l-konformità tal-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti mar-rekwiżiti uniformi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-maniġers li għandhom l-intenzjoni li jikkummerċjalizzaw il-fondi tagħhom taħt id-denominazzjoni “EuSEF” għandhom jinformaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom dwar dik l-intenzjoni. L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra lill-maniġer jekk tkun ġiet ipprovduta l-informazzjoni kollha meħtieġa u jekk hemm fis-seħħ arranġamenti xierqa għal konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Tali reġistrazzjoni għandha tkun valida madwar l-Unjoni kollha.

(37)

Sabiex tiġi faċilitata kummerċjalizzazzjoni transkonfinali effiċjenti tal-EuSEF, ir-reġistrazzjoni tal-maniġer għandha ssir malajr kemm jista’ jkun.

(38)

Sabiex tiġi żgurata superviżjoni effettiva tal-konformità mal-kriterji uniformi stipulati f’dan ir-Regolament, għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar iċ-ċirkustanzi fejn ikun meħtieġ li l-informazzjoni pprovduta lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ domiċilju tiġi aġġornata.

(39)

Biex ikun hemm superviżjoni effettiva tar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament, għandu wkoll jiġi stabbilit proċess għan-notifiki transkonfinali bejn l-awtoritajiet kompetenti superviżorji, li jiskatta mar-reġistrazzjoni tal-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti fl-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu.

(40)

Sabiex jinżammu kondizzjonijiet trasparenti għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti madwar l-Unjoni, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (“AETS”) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), għandha tiġi fdata biż-żamma ta’ database ċentrali li telenka l-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti kollha ġestiti minnhom li jkunu rreġistrati taħt dan ir-Regolament.

(41)

Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkollha raġunijiet ċari u dimostrabbli biex temmen li maniġer ta’ impriża ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkun qed jikser dan ir-Regolament fi ħdan it-territorju tagħha, din għandha tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju, li għandha tieħu miżuri xierqa.

(42)

Jekk il-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jippersisti li jaġixxi f’manjiera li tkun f’konflitt ċar ma’ dan ir-Regolament minkejja l-miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jew jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tonqos milli tieħu miżuri fi żmien raġonevoli, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tkun tista’, wara li tinforma l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju, tieħu l-miżuri xierqa kollha meħtieġa sabiex tipproteġi l-investituri, inkluża l-possibbiltà li żżomm il-maniġer ikkonċernat milli jwettaq kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali li jikkwalifikaw tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

(43)

Sabiex tiġi żgurata s-superviżjoni effettiva tal-kriterji uniformi stabbiliti f’dan ir-Regolament, dan ir-Regolament jinkludi lista tas-setgħat superviżorji li l-awtoritajiet kompetenti jrid ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

(44)

Sabiex jiġi żgurat infurzar korrett, dan ir-Regolament jinkludi penali amministrattivi u miżuri oħra għall-ksur ta’ dispożizzjonijiet ewlenin ta’ dan ir-Regolament, li huma r-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll, dwar is-salvagwardji relatati mal-identità tal-investituri eliġibbli, u dwar l-użu tad-denominazzjoni “EuSEF” biss minn maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huma rreġistrati b’konformità ma’ dan ir-Regolament. Għandu jkun stabbilit li l-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ewlenin iwassal, fejn opportun, għal projbizzjoni tal-użu tad-denominazzjoni u t-tneħħija tal-maniġer ikkonċernat mir-reġistru.

(45)

Għandha tiġi skambjata informazzjoni superviżorja bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri domiċiljari u ospitanti u l-AETS.

(46)

Il-kooperazzjoni regolatorja effettiva fost l-entitajiet inkarigati bis-sorveljanza tal-konformità mal-kriterji uniformi stabbiliti f’dan ir-Regolament tirrikjedi li għandu jkun applikat livell għoli ta’ segretezza professjonali lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kollha u l-AETS.

(47)

Il-kontribut ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għat-tkabbir ta’ suq Ewropew għal investimenti soċjali se jiddependi fuq l-adozzjoni tad-denominazzjoni “EuSEF”mill-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, ir-rikonoxximent tad-denominazzjoni mill-investituri u l-iżvilupp ta’ sistema ekoloġika b’saħħitha għal impriżi soċjali madwar l-Unjoni kollha li tgħin lil dawk l-impriżi jagħmlu użu mill-għażliet ta’ finanzjament ipprovduti. Għal dak l-għan, il-partijiet interessati kollha, inklużi l-operaturi tas-suq, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, il-Kummissjoni u entitajiet relevanti oħra fl-Unjoni, għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw livell għoli ta’ għarfien tal-possibbiltajiet ippreżentati minn dan ir-Regolament.

(48)

Sabiex jiġu speċifikati r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament, is-setgħa li jiġu adottati atti b’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikar tat-tipi ta’ oġġetti u servizzi jew metodi ta’ produzzjoni tal-oġġetti u s-servizzi li jinkorporaw objettiv soċjali u s-sitwazzjonijiet li fihom il-profitti jistgħu jitqassmu lill-proprjetarji u lill-investituri, it-tipi ta’ konflitti ta’ interess li l-maniġers ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jeħtieġu jevitaw u l-passi li għandhom jittieħdu f’dan ir-rigward, id-dettalji tal-proċeduri sabiex jitkejlu l-impatti soċjali li għandhom jinkisbu mill-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u l-kontenut u l-proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni lill-investituri. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa, matul il-ħidma preparatorja tagħha, anki flimkien ma’ esperti, billi jitqiesu l-inizjattivi awtoregolatorji u l-kodiċi ta’ kondotta. Il-konsultazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni matul ix-xogħol preparatorju fir-rigward tal-atti delegati dwar id-dettalji tal-proċeduri li jkejlu l-impatti soċjali li jridu jinkisbu mill-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti għandu jinvolvi partijiet interessati relevanti u l-AETS. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal l-atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti relevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(49)

L-istandards tekniċi fis-servizzi finanzjarji għandhom jiżguraw armonizzazzjoni konsistenti u livell għoli ta’ sorveljanza fl-Unjoni kollha. Bħala korp b’kompetenza speċjalizzata ħafna, ikun effiċjenti u xieraq li l-AETS tiġi fdata bit-tfassil ta’ abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fejn dawn ma jinvolvux għażliet ta’ politika, biex jiġi preżentat lill-Kummissjoni.

(50)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni taħt l-Artikolu 291 TFUE u f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. L-AETS għandha tiġi fdata bit-tfassil tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-format tan-notifika msemmija f’dan ir-Regolament.

(51)

Sa mhux aktar tard minn erba’ snin wara d-data li fiha dan ir-Regolament isir applikabbli, il-Kummissjoni għandha tagħmel reviżjoni ta’ dan ir-Regolament sabiex tevalwa l-iżvilupp tas-suq ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti madwar l-Unjoni. Ir-reviżjoni għandha tinkludi stħarriġ ġenerali tal-funzjonament tar-regoli f’dan ir-Regolament u l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tagħhom. Fuq il-bażi tar-reviżjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposti leġiżlattivi.

(52)

Barra minn hekk, sa mhux aktar tard minn erba’ snin wara d-data li fiha dan ir-Regolament isir applikabbli, il-Kummissjoni għandha tibda reviżjoni tal-interazzjoni bejn dan ir-Regolament u regoli oħra dwar impriżi ta’ investiment kollettiv u l-maniġers tagħhom, b’mod partikolari dawk tad-Direttiva 2011/61/UE. B’mod partikolari, din ir-reviżjoni għandha tindirizza l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament filwaqt li tevalwa jekk hux meħtieġ li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni għal maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv akbar biex jużaw id-denominazzjoni “EuSEF”. Fuq il-bażi tar-reviżjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien, jekk ikun xieraq, ma’ proposti leġiżlattivi.

(53)

Fil-kuntest ta’ din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni għandha tevalwa kull ostakolu li seta’ impedixxa l-assorbiment tal-fondi mill-investituri, inkluż l-impatt fuq investituri istituzzjonali ta’ regolamentazzjoni oħra ta’ natura prudenzjali, kif din tista’ tapplika għalihom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiġbor dejta biex tevalwa l-kontribut tad-denominazzjoni “EuSEF” għal programmi oħra tal-Unjoni bħal Orizzont 2020, li wkoll ifittxu li jappoġġaw l-innovazzjoni fl-Unjoni.

(54)

Fir-rigward tal-eżami tal-Kummissjoni dwar ostakoli fiskali għal investimenti f’fondi ta’ kapital ta’ riskju transkonfinali kif previst mill-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2011 intitolata “Pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs” u fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tqis li twettaq eżami ekwivalenti ta’ ostakoli fiskali possibbli għal fondi ta’ intraprenditorija soċjali u tevalwa inċentivi fiskali possibbli bl-għan li tinkoraġġixxi intraprenditorija soċjali fl-Unjoni.

(55)

L-AETS għandha tevalwa l-ħtiġijiet ta’ persunal u riżorsi li jirriżultaw mill-mument meta tassumi s-setgħat u d-dmirijiet tagħha b’konformità ma’ dan ir-Regolament u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(56)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż id-dritt għar-rispett lejn il-ħajja privata u tal-familja (Artikolu 7) u l-libertà tal-intrapriża (Artikolu 16).

(57)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (8) tirregola l-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq fl-Istati Membri fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-awtoritajiet pubbliċi indipendenti maħtura mill-Istati Membri. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (9), jirregola l-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq mill-AETS fi ħdan il-qafas ta’ dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta

(58)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-iżvilupp ta’ suq intern għall-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti billi jistabbilixxi qafas għar-reġistrazzjoni ta’ maniġers ta’ tali fondi, u b’hekk tiġi faċilitata l-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti madwar l-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u għalhekk jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dan l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiinkseb dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti u kondizzjonijiet uniformi għal dawk il-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li jixtiequ jużaw id-denominazzjoni “EuSEF” fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti fl-Unjoni, u b’hekk jikkontribwixxi għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern.

Dan jistabbilixxi wkoll regoli uniformi għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti lill-investituri eliġibbli fl-Unjoni, għall-kompożizzjoni tal-portafoll ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, għall-istrumenti tal-investiment eliġibbli u t-teknika li jridu jintużaw mill-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti kif ukoll għall-organizzazzjoni, il-kondotta u t-trasparenza ta’ maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li jikkummerċjalizzaw fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti madwar l-Unjoni.

Artikolu 2

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv kif iddefiniti fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-total tal-assi ġestiti tagħhom b’kollox ma jeċċedux il-limitu msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(b)

huma stabbiliti fl-Unjoni;

(c)

huma suġġetti għal reġistrazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2011/61/UE; u

(d)

jiġġestixxu portafolli ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti.

2.   Fejn l-assi totali ġestiti minn maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti rreġistrati f’konformità mal-Artikolu 15 sussegwentement jeċċedi l-limitu msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE, u fejn dawk il-maniġers huma għalhekk suġġetti għal awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ dik id-Direttiva, huma jistgħu jkomplu jużaw id-denominazzjoni “EuSEF” fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti fl-Unjoni, sakemm f’kull ħin fir-rigward tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ġestiti minnhom, huma:

(a)

jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2011/61/UE; u

(b)

jkomplu jikkonformaw mal-Artikoli 3, 5, 10, mal-Artikolu 13(2) u mal-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-Regolament.

3.   Fejn maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkunu maniġers esterni, u jkunu reġistrati f’konformità mal-Artikolu 15, huma jistgħu wkoll jiiġġestixxu impriżi għall-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), soġġetti għal awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2009/65/KE.

Artikolu 3

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“impriża ta’ investiment kollettiv” tfisser AIF kif definita fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(b)

“fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti” tfisser impriża ta’ investiment kollettiv li:

(i)

għandha l-ħsieb tinvesti mill-inqas 70 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u l-kapital impenjat mhux mitlub tagħha f’assi li huma investimenti kwalifikanti, ikkalkulati fuq il-bażi tal-ammonti investibbli wara tnaqqis tal-ispejjeż u holdings fi flus kontanti u ekwivalenti ta’ flus kontanti rilevanti kollha fiż-żmien stipulat fir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tagħha;

(ii)

ma tużax aktar minn 30 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u kapital impenjat mhux mitlub tagħha għall-akkwist ta’ assi minbarra investimenti kwalifikanti, ikkalkulati fuq il-bażi tal-ammonti investibbli wara tnaqqis tal-ispejjeż u holdings fi flus kontanti u ekwivalenti ta’ flus kontanti rilevanti kollha;

(iii)

hija stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru;

(c)

“maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti” tfisser persuna ġuridika li n-negozju regolari tagħha jkun li tiġġestixxi mill-inqas fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti wieħed;

(d)

“impriża ta’ portafoll kwalifikanti” tfisser impriża li:

(i)

meta jsir investiment mill-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ma tkunx aċċettata li tinnegozja f’suq regolat jew f’faċilità ta’ kummerċ multilaterali (MTF) kif iddefinit fil-punti (14) u (15) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE:

(ii)

tkun kisbet impatti soċjali pożittivi kalkolabbli bħala l-objettiv primarju tagħha skont l-artikoli ta’ stabbiliment, l-istatuti tagħha jew kwalunkwe regoli jew strumenti ta’ inkorporazzjoni oħra li jistabbilixxu n-negozju, fejn l-impriża:

tipprovdi servizzi jew oġġetti lil persuni vulnerabbli, emarġinati, żvantaġġjati jew esklużi,

timpjega metodu ta’ produzzjoni ta’ oġġetti jew servizzi li jinkludu l-objettivi soċjali tagħha, jew

tipprovdi appoġġ finanzjarju esklużivament għal impriżi soċjali kif definit fl-ewwel żewġ inċiżi;

(iii)

tuża l-profitti tagħha primarjament sabiex tikseb l-objettiv primarju soċjali tagħha skont l-artikoli ta’ assoċjazzjoni, l-istatuti tagħha jew kwalunkwe regoli jew strumenti ta’ inkorporazzjoni oħra li jistabbilixxu n-negozju u skont il-proċeduri u regoli predefiniti għal kwalunkwe ċirkostanza fejn jitqassmu l-profitti lill-azzjonisti jew lis-sidien biex jiżguraw li kull distribuzzjoni ta’ profitti bħal din ma ddgħajjifx l-objettiv primarju tagħha;

(iv)

tkun ġestita b’mod responsabbli u trasparenti, b’mod partikolari billi tinvolvi lill-ħaddiema, klijenti u partijiet interessati affettwati mill-attivitajiet ta’ negozju tagħha;

(v)

hija stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru, jew f’pajjiż terz sakemm dak il-pajjiż terz:

mhuwiex imniżżel fil-lista ta’ Pajjiż u Territorju Non Kooperattiv mill-Grupp ta’ Azzjoni Finanzjarja dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu,

ikun iffirma ftehim mal-Istat Membru tad-domiċilju tal-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u ma’ kull Stat Membru ieħor fejn ikun intiż li jiġu kkummerċjalizzati l-unitajiet jew l-ishma tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti sabiex ikun assigurat li l-pajjiż terz jikkonforma kompletament mal-istandards stipulati fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD u li jiżgura skambju ta’ informazzjoni effikaċi fil-kwistjonijiet fiskali, inkluż kwalunkwe ftehim fiskali multilaterali;

(e)

“investimenti kwalifikanti” tfisser kwalunkwe wieħed mill-istrumenti li ġejjin:

(i)

strumenti ta’ equity jew quasi-equity li jkunu maħruġin minn:

impriża ta’ portafoll kwalifikanti u akkwistata direttament mill-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti mill-impriża ta’ portafoll kwalifikanti,

impriża ta’ portafoll kwalifikanti fi skambju għal titolu ta’ equity maħruġ mill-impriża ta’ portafoll kwalifikanti, jew

impriża li tagħha l-impriża ta’ portafoll kwalifikanti li hija sussidjarja b’sehem azzjonarju maġġoritarju u li hija akkwistata mill-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti fi skambju għal strument ta’ equity maħruġ mill-impriża ta’ portafoll kwalifikanti;

(ii)

strumenti ta’ dejn garantiti u mhux garantiti, maħruġin minn impriża ta’ portafoll kwalifikanti;

(iii)

unitajiet jew ishma ta’ fond ieħor ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti wieħed jew aktar, sakemm dawk il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti stess ma jkunux investew aktar minn 10 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u ta’ kapital impenjat mhux mitlub tagħhom f’fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(iv)

self garantit u mhux garantit mogħti mill-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti lil impriża ta’ portafoll kwalifikanti;

(v)

kwalunkwe tip ieħor ta’ parteċipazzjoni f’impriża ta’ portafoll kwalifikanti;

(f)

“spejjeż relevanti” tfisser id-drittijiet, l-imposti u l-ispejjeż kollha li jiġu mġarrba direttament jew indirettament mill-investituri u li jkun sar qbil dwarhom bejn il-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali u l-investituri fih;

(g)

“equity” tfisser interess azzjonarju f’impriża, irrappreżentat mill-ishma jew forom oħra ta’ parteċipazzjoni fil-kapital tal-impriża ta’ portafoll kwalifikanti, maħruġa lill-investituri tagħha;

(h)

“quasi-equity” tfisser kwalunkwe tip ta’ strument ta’ finanzjament, li jikkonsisti f’equity u dejn, fejn il-qligħ fuq l-istrument huwa konness mal-qligħ jew it-telf tal-impriża ta’ portafoll kwalifikanti, u fejn il-ħlas lura tal-istrument f’każ ta’ mankanza ma jkunx garantit bis-sħiħ;

(i)

“kummerċjalizzazzjoni” tfisser l-offerta jew l-allokazzjoni diretta jew indiretta fuq inizjattiva tal-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali jew f’isem dak il-maniġer ta’ unitajiet jew ishma ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huwa ġestit minn dak il-maniġer lil jew ma’ investituri ddomiċiljati jew b’uffiċċju rreġistrat fl-Unjoni;

(j)

“kapital impenjat” tfisser kwalunkwe impenn li taħtu investitur huwa obbligat, fiż-żmien stipulat fir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, li jakkwista interess fi, jew jagħmel kontribuzzjonijiet kapitali għal, dak il-fond;

(k)

“Stat Membru ta’ domiċilju ” tfisser Stat Membru fejn il-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti huwa stabbilit u huwa suġġett għal reġistrazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti skont il-punt (a) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(l)

“Stat Membru ospitanti” tfisser Stat Membru, li ma jkunx l-Istat Membru ta’ domiċilju, fejn il-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jikkummerċjalizza fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti taħt dan ir-Regolament;

(m)

“awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità nazzjonali li jaħtar l-Istat Membru ta’ domiċilju, bil-liġi jew b’regolament, biex tagħmel ir-reġistrazzjoni ta’ maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

Fir-rigward tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, fejn il-forma legali ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti tippermetti ġestjoni interna u fejn il-korp ta’ tmexxija tal-fond jagħżel li ma jaħtarx maniġer estern, il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti nnifsu għandu jkun reġistrat bħala l-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti f’konformità mal-Artikolu 15. Fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li hu reġistrat bħala maniġer intern ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti m’għandux jiġi reġistrat bħala maniġer estern ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv oħra.

2.   Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 26 biex tispeċifika t-tipi ta’ servizzi jew oġġetti u l-metodi ta’ produzzjoni tas-servizzi jew oġġetti li jinkorporaw objettiv soċjali msemmi fil-punt (ii) tal-punt (d) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u jitqiesu t-tipi differenti ta’ impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u dawk iċ-ċirkostanzi fejn il-profitti jkunu jistgħu jitqassmu lis-sidien u lill-investituri.

KAPITOLU II

KONDIZZJONIJIET GĦALL-UŻU TAD-DENOMINAZZJONI “EuSEF”

Artikolu 4

Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-Kapitolu għandhom ikunu intitolati li jużaw id-denominazzjoni “EuSEF” fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti madwar l-Unjoni.

Artikolu 5

1.   Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jiżguraw li, meta jakkwistaw l-assi, li mhumiex investimenti kwalifikanti, mhux aktar minn 30 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u l-kapital impenjat mhux mitlub jintużaw għall-akkwist ta’ tali assi. Il-limitu tat-30 % għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta’ ammont investibbli wara t-tnaqqis tal-ispejjeż relevanti kollha; parteċipazzjoni fuq medda ta’ żmien fil-qosor fi flus jew l-ekwivalenti ta’ flus m’għandhomx jitqiesu biex jiġi kkalkulat dak il-limitu minħabba li flus kontanti u ekwivalenti għal flus kontanti ma għandhomx ikunu kkunsidrati bħala investimenti.

2.   Il-maniġers ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ma għandhomx jużaw fil-livell tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti xi metodu li bih tiżdied l-espożizzjoni tal-fond lil hinn mill-livell ta’ kapital impenjat, kemm permezz ta’ self ta’ flus kontanti jew titoli, involviment f’pożizzjonijiet derivattivi, kif ukoll bi kwalunkwe mezz ieħor.

3.   Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jistgħu biss jisselfu, jemettu obbligi ta’ dejn jew jipprovdu garanziji, fil-livell tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, fejn tali self, obbligi ta’ dejn jew garanziji jkunu koperti minn impenji mhux mitluba.

Artikolu 6

1.   Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jikkummerċjalizzaw l-unitajiet u l-ishma tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti esklużivament lil investituri li jitqiesu bħala klijenti professjonali b’konformità mat-Taqsima I tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE jew li jistgħu, meta jintalab hekk, ikunu ttrattati bħala klijenti professjonali b’konformità mat-Taqsima II tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE, jew lil investituri oħra li:

(a)

jimpenjaw li jinvestu minimu ta’ EUR 100 000; u

(b)

jiddikjaraw bil-miktub, f’dokument separat mill-kuntratt konkluż għall-impenn li jinvestu, li huma mgħarrfa dwar ir-riskji assoċjati mal-impenn jew l-investiment previst.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal investimenti li jsiru minn diriġenti eżekuttivi, diretturi jew impjegati involuti fil-ġestjoni ta’ maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti meta dawn jinvestu f’fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huma jiġġestixxu.

Artikolu 7

Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom, fir-rigward tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ġestiti minnhom:

(a)

jaġixxu onestament, b’mod ġust u b’ħila, reqqa u kawtela xierqa fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom;

(b)

japplikaw politika u proċeduri xierqa biex ikunu evitati prattiċi ħżiena li raġonevolment jistgħu jkunu mistennija jaffettwaw l-interessi tal-investituri u l-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti;

(c)

iwettqu l-attivitajiet ta’ negozju tagħhom b’mod li jippromovu l-impatt soċjali pożittiv tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li jkunu investew fihom, l-aħjar interessi tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huma jiġġestixxu, l-investituri fihom u l-integrità tas-suq;

(d)

japplikaw livell għoli ta’ diliġenza fl-għażla u l-monitoraġġ kontinwu tal-investimenti ta’ portafoll kwalifikanti u l-impatt soċjali pożittiv ta’ dawk l-impriżi;

(e)

ikollhom għarfien u fehim xierqa rigward l-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li fihom jinvestu;

(f)

jittrattaw lill-investituri b’mod ekwu;

(g)

jiżguraw li l-ebda investitur ma jikseb trattament preferenzjali, sakemm tali trattament preferenzjali ma jiġix żvelat fir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti.

Artikolu 8

1.   Fejn maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jiddelega funzjonijiet lil partijiet terzi, ir-responsabbiltà tal-maniġer lejn il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jew l-investituri fih m’għandhiex tiġi affettwata. Il-maniġer m’għandux jiddelega funzjonijiet sal-punt fejn, essenzjalment, ma jkunx jista’ jitqies aktar bħala l-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u minħabba li jkun sar entità fantażma.

2.   Kwalunkwe delega ta’ funzjonijiet taħt il-paragrafu 1 m’għandhiex iddgħajjef l-effikaċja tas-superviżjoni tal-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u, b’mod partikolari m’għandhiex tipprevjeni lill-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti milli jaġixxi, jew il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti milli jiġi ġestit, fl-aħjar interessi tal-investituri fih.

Artikolu 9

1.   Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jidentifikaw u jevitaw il-konflitti ta’ interess u, meta dawn ma jistgħux ikunu evitati, jiġġestixxu u jimmonitorjaw u, skont il-paragrafu 4, jiżvelaw minnufih, dawk il-konflitti ta’ interess sabiex ma jitħallewx jaffettwaw ħażin l-interessi tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u l-investituri fihom u biex jiżguraw li l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ġestiti minnhom jiġu ttrattati b’mod ġust.

2.   Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jidentifikaw b’mod partikolari dawk il-konflitti ta’ interess li jistgħu jinħolqu bejn:

(a)

il-maniġers tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali, dawk il-persuni li effettivament iwettqu n-negozju tal-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, l-impjegati ta’, jew kwalunkwe persuna li direttament jew indirettament jikkontrollaw jew huma kkontrollati mill-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, u l-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ġestit mill-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, jew l-investituri fih;

(b)

il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jew l-investituri fih, u fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ieħor ġestit mill-istess maniġer, jew l-investituri fih;

(c)

il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jew l-investituri fih, u impriża ta’ investiment kollettiv jew UCITS ġestiti mill-istess maniġer, jew l-investituri fih.

3.   Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom iżommu u joperaw arranġamenti organizzattivi u amministrattivi effettivi sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.

4.   Għandhom jiġu żvelati konflitti ta’ interess kif imsemmi fil-paragrafu 1 fejn l-arranġamenti organizzattivi magħmula mill-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti biex jidentifika, jevita, jiġġestixxi u jimmonitorja l-konflitti ta’ interess ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw, b’fiduċja raġonevoli, li riskji ta’ ħsara għall-interessi tal-investituri se jkunu evitati. Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jiżvelaw f’termini ċari n-natura jew is-sorsi tal-konflitti ta’ interess lill-investituri qabel iwettqu n-negozju f’isimhom.

5.   Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati taħt l-Artikolu 26 biex tispeċifika:

(a)

it-tipi ta’ konflitti ta’ interess imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

il-passi li l-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jridu jieħdu, f’termini tal-istrutturi u l-proċeduri organizzattivi u amministrattivi sabiex jidentifikaw, jevitaw, jiġġestixxu, jimmonitorjaw u jiżvelaw il-konflitti ta’ interess.

Artikolu 10

1.   Għal kull fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li jiġġestixxu, il-maniġers ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jużaw proċeduri sabiex ikejlu sa fejn l-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti, li fihom il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jinvesti, jiksbu l-impatt soċjali pożittiv li huma impenjati għalihom. Il-maniġers għandhom jiżguraw li dawn il-proċeduri jkunu ċari u trasparenti u jinkludu indikaturi li jistgħu, skont l-objettiv soċjali u n-natura tal-impriża ta’ portafoll kwalifikanti, jinkludu wieħed jew aktar mis-suġġetti li ġejjin:

(a)

is-swieq tal-impjiegi u tax-xogħol;

(b)

l-istandards u d-drittijiet relatati mal-kwalità tal-impjiegi;

(c)

l-inklużjoni soċjali u l-ħarsien ta’ gruppi partikolari;

(d)

l-ugwaljanza tat-trattament, opportunitajiet ugwali u n-nondiskriminazzjoni;

(e)

is-saħħa u s-sikurezza pubbliċi;

(f)

l-aċċess għas-sistemi tal-ħarsien soċjali, tas-saħħa u tal-edukazzjoni u l-effetti fuqhom.

2.   Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati taħt l-Artikolu 26 biex tispeċifika d-dettalji tal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, b’rabta ma’ impriżi ta’ portafoll kwalifikanti differenti.

Artikolu 11

1.   Fi kwalunkwe ħin, il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu jkollhom biżżejjed fondi tagħhom stess u jużaw riżorsi umani u tekniċi adegwati u adattati kif ikun meħtieġ għall-ġestjoni xierqa tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huma jiġġestixxu.

2.   Fi kwalunkwe ħin, il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jiżguraw li jkunu jistgħu jiġġustifikaw li l-fondi tagħhom huma suffiċjenti biex iżommu kontinwità operattiva u jiddivulgaw ir-raġunament tagħhom dwar kif dawn il-fondi huma biżżejjed kif speċifikat fl-Artikolu 14.

Artikolu 12

1.   Ir-regoli għall-valutazzjoni tal-assi jiġu stabbiliti fir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-EuSEF u għandhom jiżguraw proċess ta’ valutazzjoni tajjeb u trasparenti.

2.   Il-proċeduri ta’ valutazzjoni użati għandhom jiżguraw li l-assi jingħataw valur xieraq, u li l-valur tal-assi jkun ikkalkulat għall-inqas darba kull sena.

3.   Sabiex tkun assigurata l-konsistenza fil-valutazzjoni ta’ impriżi ta’ portafoll kwalifikanti, l-AETS għandha tiżviluppa linji gwida li jistabbilixxu prinċipji komuni dwar it-trattament tal-investimenti f’dawn l-impriżi b’kont meħud tal-objettiv primarju li jiksbu impatt soċjali pożittivi u miżurabbli u tal-użu tal-profitti tagħhom, l-ewwel u qabel kollox, biex jinkiseb dak l-impatt.

Artikolu 13

1.   Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jagħmlu rapport annwali disponibbli għall-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għal kull fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huma jiġġestixxu, sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara t-tmiem tas-sena finanzjarja. Ir-rapport għandu jiddeskrivi l-kompożizzjoni tal-portafoll tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u l-attivitajiet tas-sena preċedenti. Għandu wkoll jiddivulga l-profitti totali miksuba mill-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti fit-tmiem taċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu u, fejn applikabbli, il-profitti mqassma matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tiegħu. Dan irid jinkludi l-kontijiet finanzjarji awditjati għall-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti. Ir-rapport annwali għandu jsir skont l-istandards tar-rappurtar eżistenti u t-termini miftehma bejn il-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u l-investituri. Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jipprovdu r-rapport lill-investituri meta dan jintalab. Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u l-investituri jistgħu jiftiehmu bejniethom li jiżvelaw aktar lil xulxin.

2.   Bħala minimu, ir-rapport annwali għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

dettalji, kif ikun xieraq, dwar l-eżiti soċjali globali miksuba mill-politika ta’ investiment u l-metodu użat għall-kejl ta’ dawn l-eżiti;

(b)

dikjarazzjoni dwar kwalunkwe ċessjoni li tkun seħħet fir-rigward tal-impriża ta’ portafoll kwalifikanti;

(c)

deskrizzjoni dwar jekk iċ-ċessjonijiet fir-rigward tal-assi l-oħra tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikantili ma jkunux investiti f’impriżi ta’ portafoll kwalifikanti seħħewx fuq il-bażi tal-kriterji kif imsemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 14(1);

(d)

sommarju tal-attivitajiet li l-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti impenja ruħu fihom fir-rigward tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti kif imsemmi fil-punt (l) tal-Artikolu 14(1);

(e)

tagħrif dwar in-natura u l-għan tal-investimenti għajr investimenti kwalifikanti msemmija fl-Artikolu 5(1).

3.   Il-verifika tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandha ssir għall-inqas darba fis-sena. Il-verifika għandha tikkonferma li l-flus u l-assi huma miżmuma f’isem il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u li l-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkun stabbilixxa u żamm rekords u kontrolli adegwati fir-rigward tal-użu ta’ kwalunkwe mandat jew kontroll fuq il-flus u l-assi tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u tal-investituri tiegħu.

4.   Fejn il-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkun meħtieġ jippubblika rapport finanzjarju annwali f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat (10) fir-rigward tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu tista’ tkun ipprovduta separatament jew bħala parti addizzjonali tar-rapport finanzjarju annwali.

Artikolu 14

1.   Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom, fir-rigward tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, jinfurmaw lill-investituri tagħhom, qabel id-deċiżjoni tal-investiment ta’ dawn tal-aħħar, b’mod ċar u li jinftiehem, dwar dan li ġej:

(a)

l-identità ta’ dak il-maniġer u kwalunkwe fornituri ta’ servizzi oħra kuntrattati minn dak il-maniġer fir-rigward tal-ġestjoni tagħhom, u deskrizzjoni tad-dmirijiet tagħhom;

(b)

l-ammont ta’ fondi proprji disponibbli għal dak il-maniġer, u dikjarazzjoni dettaljata dwar ir-raġuni għaliex dak il-maniġer iqis li dak l-ammont huwa biżżejjed biex iżommu r-riżorsi umani u tekniċi meħtieġa għat-tmexxija xierqa tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(c)

deskrizzjoni tal-istrateġija u l-objettivi ta’ investiment tal-EuSEF, inklużi:

(i)

it-tipi tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li fihom għandu l-ħsieb li jinvesti;

(ii)

kwalunkwe fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ieħor li fih għandu l-ħsieb li jinvesti;

(iii)

it-tipi ta’ impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li fihom kwalunkwe fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ieħor, kif imsemmi fil-punt (ii), għandu l-ħsieb li jinvesti;

(iv)

l-investimenti mhux kwalifikanti li għandu l-ħsieb li jagħmel;

(v)

it-teknika li għandu l-ħsieb li juża; u

(vi)

kwalunkwe restrizzjoni ta’ investiment applikabbli;

(d)

l-impatt soċjali pożittiv fil-mira tal-politika ta’ investiment tal-EuSEF, inklużi, fejn dawn ikunu relevanti, projjezzjonijiet ta’ dawn l-eżiti skont kif ikun xieraq, u tagħrif dwar prestazzjoni fl-imgħoddi f’dan il-qasam;

(e)

il-metodoloġiji li se jintużaw sabiex jitkejlu l-impatti soċjali;

(f)

deskrizzjoni tal-assi li ma jkunux impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u l-proċess u l-kriterji li jintużaw għas-selezzjoni ta’ dawn l-assi, sakemm ma jkunux flus jew inkella ekwivalenti ta’ flus;

(g)

deskrizzjoni tal-profil tar-riskju tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u kwalunkwe riskji assoċjati mal-assi li fihom jista’ jinvesti l-fond jew it-teknika tal-investiment li jistgħu jkunu użati;

(h)

deskrizzjoni tal-proċedura tal-valutazzjoni tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u l-metodoloġija tal-ipprezzar għall-valutazzjoni tal-assi, inklużi l-metodi użati għall-valutazzjoni ta’ impriżi ta’ portafoll kwalifikanti;

(i)

deskrizzjoni ta’ kif tiġi ikkalkolata r-remunerazzjoni tal-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(j)

deskrizzjoni tal-ispejjeż rilevanti kollha u l-ammonti massimi tagħhom;

(k)

meta tkun disponibbli, il-prestazzjoni finanzjarja storika tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(l)

is-servizzi ta’ appoġġ tan-negozji u l-attivitajiet ta’ appoġġ l-oħrajn forniti mill-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jew irranġanti permezz ta’ partijiet terzi sabiex jiffaċilita l-iżvilupp, it-tkabbir jew b’xi mod ieħor l-operazzjonijiet kurrenti tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li fihom il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jinvesti jew inkella, fejn dawn is-servizzi jew l-attivitajiet ma jkunux ipprovduti, spjegazzjoni dwar dak il-fatt;

(m)

deskrizzjoni tal-proċeduri li bihom il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jista’ jibdel l-istrateġija tal-investiment jew il-politika tal-investiment tiegħu, jew it-tnejn.

2.   It-tagħrif kollu kif imsemmi fil-paragrafu 1 ikun ġust, ċar u ma jiżgwidax. Għandu jinżamm aġġornat u jiġi revedut b’mod regolari fejn relevanti.

3.   Fejn il-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkun meħtieġ jippubblika prospett f’konformità mad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ (11) jew f’konformità mal-liġi nazzjonali fir-rigward tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista’ tingħata jew separatament jew bħala parti mill-prospett.

4.   Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati taħt l-Artikolu 26 biex tispeċifika:

(a)

il-kontenut tat-tagħrif imsemmi fil-punti (c) sa (f) u (l) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

kif it-tagħrif kif imsemmi fil-punti (c) sa (f) u (l) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jiġi ppreżentat b’mod uniformi sabiex jiżgura l-ogħla livell possibbli ta’ komparabbiltà.

KAPITOLU III

SUPERVIŻJONI U KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 15

1.   Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li għandhom l-intenzjoni li jużaw id-denominazzjoni “EuSEF” għall-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti tagħhom għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom dwar l-intenzjoni tagħhom u għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità tal-persuni li effettivament iwettqu n-negozju tal-ġestjoni tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(b)

l-identità tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, li l-unitajiet jew l-ishma tagħhom se jkunu kkummerċjalizzati u l-istrateġiji tal-investiment tagħhom;

(c)

tagħrif dwar l-arranġamenti li saru għall-konformità mar-rekwiżiti tal-Kapitolu II;

(d)

lista tal-Istati Membri fejn il-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza kull fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(e)

lista ta’ Stati Membri fejn il-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti waqqaf, jew għandu l-ħsieb li jwaqqaf, fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti.

2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tirreġistra l-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali biss jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet segwenti:

(a)

il-persuni li jmexxu effettivament in-negozju ta’ maniġment ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkunu ta’ reputazzjoni tajba biżżejjed u esperjenzati biżżejjed ukoll fir-rigward tal-istrateġiji ta’ investiment segwiti mill-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(b)

l-informazzjoni meħtieġa msemmija fil-paragrafu 1 tkun kompluta;

(c)

l-arranġamenti nnotifikati skont il-punt (c) tal-paragrafu 1 jkunu xierqa għall-konformità mar-rekwiżiti tal-Kapitolu II;

(d)

il-lista notifikata taħt il-punt (e) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu turi li l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti kollha huma stabbiliti f’konformità mal-punt (iii) tal-punt (b) tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament.

3.   Ir-reġistrazzjoni taħt dan l-Artikolu għandha tkun valida fit-territorju kollu tal-Unjoni u għandha tippermetti lill-maniġers tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li jikkummerċjalizzaw il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti taħt id-denominazzjoni “EuSEF” fl-Unjoni kollha.

Artikolu 16

Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jinformaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju fejn għandhom l-intenzjoni li jikkummerċjalizzaw:

(a)

fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ġdid; jew

(b)

fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti eżistenti fi Stat Membru mhux imsemmi fil-lista msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 15(1).

Artikolu 17

1.   Immedjatament wara r-reġistrazzjoni ta’ maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, iż-żieda ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ġdid, iż-żieda ta’ domiċilju ġdid għat-twaqqif ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jew iż-żieda ta’ Stat Membru ġdid fejn il-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali għandu l-ħsieb li jikkummerċjalizza fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tinnotifika, kif meħtieġ, lill-Istati Membri indikati f’konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 15(1) u lill-AETS.

2.   L-Istati Membri ospitanti indikati skont il-punt (d) tal-Artikolu 15(1) m’għandhomx jimponu, fuq il-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti rreġistrat taħt l-Artikolu 15, xi rekwiżiti jew proċeduri amministrattivi fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti tiegħu, u lanqas m’għandhom jirrikjedu xi approvazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni qabel isseħħ.

3.   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tfassal abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina l-format tan-notifika taħt dan l-Artikolu.

4.   L-AETS għandha tippreżenta dawn l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sas-16 ta’ Frar 2014.

5.   Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 18

L-AETS għandha żżomm aġġornata database ċentrali, aċċessibbli fuq l-internet, li telenka l-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti kollha rreġistrati taħt l-Artikolu 15 u l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti kollha li jikkummerċjalizzaw, kif ukoll il-pajjiżi li fihom dawk il-fondi jkunu kkummerċjalizzati.

Artikolu 19

1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tissorvelja l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   Fejn ikun hemm raġunijiet ċari u dimostrabbli li jwasslu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti biex temmen li maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkun kiser dan ir-Regolament fi ħdan it-territorju tagħha, din għandha tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju b’dan. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tieħu miżuri xierqa.

3.   Jekk il-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jippersisti li jaġixxi b’mod ċar bi ksur ta’ dan ir-Regolament, minkejja l-miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jew jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tonqos milli tieħu azzjoni fi żmien raġonevoli, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista’, wara li tinforma l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju, tieħu l-miżuri xierqa kollha meħtieġa sabiex tipproteġi l-investituri, inkluża l-projbizzjoni tal-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti milli jwettaq kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

Artikolu 20

L-awtoritajiet kompetenti, f’konformità mal-liġi nazzjonali, għandu jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. B’mod partikolari huma għandhom ikollhom is-setgħa li:

(a)

jitolbu l-aċċess għal kwalunkwe dokument fi kwalunkwe forma, u li jirċievu jew jieħdu kopja tiegħu;

(b)

jesiġu li l-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jipprovdi l-informazzjoni mingħajr dewmien;

(c)

jirrikjedu informazzjoni mingħand kwalunkwe persuna relatata mal-attivitajiet tal-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jew il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(d)

iwettqu ispezzjonijiet fuq il-post b’avviż minn qabel jew mingħajru;

(e)

jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkompli jikkonforma ma’ dan ir-Regolament;

(f)

joħorġu ordni sabiex jiżguraw li l-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jikkonforma ma’ dan ir-Regolament u jiddesisti minn repetizzjoni ta’ xi kondotta li tikkonsisti fi ksur ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 21

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali amministrattivi u miżuri oħra applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom iwettqu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li huma jiġu implimentati. Il-penali amministrattivi u miżuri oħraprevisti jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Sas-16 ta’ Mejju 2015 l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-AETS bir-regoli msemmija fil-paragrafu 1. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u l-AETS mingħajr dewmien rigward kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

Artikolu 22

1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità, twettaq il-miżuri xierqa msemmija fil-paragrafu 2 fejn maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti:

(a)

jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti li japplikaw għall-kompożizzjoni tal-portafoll bi ksur tal-Artikolu 5;

(b)

jikkummerċjalizza, bi ksur tal-Artikolu 6, l-unitajiet u l-ishma ta’ EuSEF lil investituri mhux eliġibbli;

(c)

juża d-denominazzjoni “EuSEF” mingħajr ma jkun irreġistrat f’konformità mal-Artikolu 15;

(d)

juża d-denominazzjoni “EuSEF” biex jikkummerċjalizza fondi li mhumiex stabbiliti f’konformità mal-punt (iii) tal-punt (b) tal-Artikolu 3(1);

(e)

akkwista reġistrazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew b’xi mod irregolari ieħor bi ksur tal-Artikolu 15;

(f)

jonqos milli jaġixxi onestament, b’mod ġust jew b’ħila, r-reqqa jew d-diliġenza xierqa fit-twettiq tan-negozju tiegħu, bi ksur tal-punt (a) tal-Artikolu 7;

(g)

jonqos milli japplika politika u proċeduri xierqa biex jevita prattiċi ħżiena bi ksur tal-punt (b) tal-Artikolu 7;

(h)

ripetutament jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti taħt l-Artikolu 13 dwar ir-rapport annwali;

(i)

ripetutament jonqos milli jikkonforma mal-obbligu li jinforma lill-investituri taħt l-Artikolu 14.

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha, kif meħtieġ:

(a)

tieħu l-miżuri li jiżguraw li l-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jikkonforma mal-Artikoli 5 u 6, mal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 7, u mal-Artikoli 13, 14 u 15;

(b)

tipprojbixxi l-użu tad-denominazzjoni “EuSEF” u tneħħi lill-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti mir-reġistru.

3.   L-awtorità kompetenti tal-Istati Membri ta’ domiċilju għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti indikati skont il-punt (d) tal-Artikolu 15(1) u l-AETS, mingħajr dewmien, dwar it-tneħħija tal-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti mir-reġistru msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Id-dritt li jkun ikkummerċjalizzat fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti wieħed jew aktar skont id-denominazzjoni “EuSEF” jiskadi b’effett immedjat mid-data tad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2.

Artikolu 23

1.   L-awtoritajiet kompetenti u l-AETS għandhom jikkoperaw ma’ xulxin għall-finijiet tat-twettiq tad-dmirijiet rispettivi tagħhom taħt dan ir-Regolament skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

2.   L-awtoritajiet kompetenti u l-AETS għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex iwettqu d-dmirijiet rispettivi tagħhom taħt dan ir-Regolament f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, b’mod partikolari biex jidentifikaw u jirrimedjaw kull ksur ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 24

1.   Il-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti jew għall-AETS, kif ukoll l-awdituri u l-esperti li jingħataw struzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti, huma marbutin bl-obbligu ta’ segretezza professjonali. L-ebda informazzjoni kunfidenzjali li dawn il-persuni jirċievu matul it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom m’għandha tkun żvelata lil xi persuna jew awtorità, ħlief f’forma sommarja jew aggregata b’tali mod li l-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ma jkunux jistgħu jiġu identifikati individwalment, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mil-liġi kriminali u l-proċeduri taħt dan ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-AETS m’għandhomx jinżammu milli jiskambjaw l-informazzjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament jew liġijiet oħra tal-Unjoni applikabbli għal maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti.

3.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti jew l-AETS jirċievu informazzjoni kunfidenzjali skont il-paragrafu 2, huma jistgħu jużawha biss fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom jew għall-finijiet tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji.

Artikolu 25

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar xi valutazzjoni, azzjoni jew omissjoni ta’ awtorità kompetenti waħda f’oqsma fejn dan ir-Regolament jitlob kooperazzjoni jew koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti minn aktar minn Stat Membru wieħed, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirriferu l-kwistjoni lill-AETS, li tista’ taġixxi bi qbil mas-setgħat mogħtija lilha taħt l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, sa fejn in-nuqqas ta’ qbil ma jkunx relatat mal-punt (i) tal-punt (b) jew mal-punt (i) tal-punt (d) tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSIZZJONALI U FINALI

Artikolu 26

1.   Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(2), fl-Artikolu 9(5), fl-Artikolu 10(2) u fl-Artikolu 14(4) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ erba’ snin mill-15 ta’ Mejju 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ erba’ snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 3(2), fl-Artikolu 9(5), fl-Artikolu 10(2) u fl-Artikolu 14(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat taħt l-Artikolu 3(2), l-Artikolu 9(5), l-Artikolu 10(2) jew l-Artikolu 14(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 27

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrivedi dan ir-Regolament skont il-paragrafu 2. Ir-reviżjoni għandha tinkludi stħarriġ ġenerali tal-funzjonament tar-regoli f’dan ir-Regolament u l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tagħhom, inklużi:

(a)

il-punt sa fejn id-denominazzjoni “EuSEF” intużat minn maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti fi Stati Membri differenti, kemm fuq bażi nazzjonali kif ukoll fuq bażi transkonfinali;

(b)

id-distribuzzjoni ġeografika u settorjali tal-investimenti mwettqa mill-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(c)

l-adegwatezza tar-rekwiżiti tal-informazzjoni taħt l-Artikolu 14, b’mod partikolari jekk dawn humiex suffiċjenti biex jippermettu li l-investituri jieħdu deċizjoni infurmata dwar investiment;

(d)

l-użu tal-investimenti kwalifikanti differenti mill-EuSEFs u x’impatt dan ħalla fuq l-iżvilupp tal-impriżi soċjali madwar l-Unjoni;

(e)

kemm hu xieraq li tiġi stabbilita tikketta Ewropea għal “impriżi soċjali”;

(f)

il-possibbiltà li fondi ta’ intraprenditorija soċjali stabbiliti f’pajjiż terz ikunu jistgħu jużaw id-denominazzjoni “EuSEF”, filwaqt li jittieħed kont tal-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw l-istandards minimi ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa;

(g)

l-applikazzjoni prattika tal-kriterji għall-identifikazzjoni tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u l-impatt ta’ din fuq l-iżvilupp tal-impriżi soċjali madwar l-Unjoni u l-impatt soċjali pożittiv tagħhom;

(h)

analiżi tal-proċeduri implimentati minn maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti sabiex jitkejjel l-impatt soċjali pożittiv iġġenerat mill-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti msemmija fl-Artikolu 10 u valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-introduzzjoni ta’ standards armonizzati għall-kejl tal-impatt soċjali fil-livell tal-Unjoni b’mod konsistenti mal-politika soċjali tal-Unjoni;

(i)

il-possibbiltà li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti tkun estiża għal investituri fil-livell tal-konsum;

(j)

kemm hu xieraq li l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkunu inklużi bħala assi eliġibbli skont id-Direttiva 2009/65/KE;

(k)

kemm hu xieraq li dan ir-Regolament jiġi komplementat b’reġim depożitarju;

(l)

eżami tal-ostakoli fiskali possibbli għal fondi ta’ intraprenditorija soċjali u valutazzjoni tal-inċentivi fiskali possibbli bl-għan li tiġi inkoraġġita intraprenditorija soċjali fl-Unjoni;

(m)

evalwazzjoni ta’ kwalunikwe ostakolu li setgħa impedixxa l-investiment f’fondi li jużaw id-denominazzjoni “EuSEF”, inkluż l-impatt fuq investituri istituzzjonali ta’ liġijiet oħra tal-Unjoni ta’ natura prudenzjali.

2.   Ir-reviżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha titwettaq:

(a)

sat-22 ta’ Lulju 2017 fir-rigward tal-punti (a) sa (e), (g) sa (m); u

(b)

sat-22 ta’ Lulju 2015 fir-rigward tal-punt (f).

3.   Wara r-reviżjoni msemmi fil-paragrafu 1, u wara konsultazzjoni mal-AETS, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien, jekk dan ikun xieraq, ma’ proposta leġiżlattiva.

Artikolu 28

1.   Sat-22 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni għandha tibda reviżjoni tal-interazzjoni bejn dan ir-Regolament u regoli oħra dwar impriżi ta’ investiment kollettiv u tal-maniġers tagħhom, b’mod partikolari dawk stipulati fid-Direttiva 2011/61/UE. Dik ir-reviżjoni għandha tindirizza l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Hija għandha tiġbor dejta biex tivvaluta jekk hux meħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni jiġi estiż biex jippermetti li l-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali b’total ta’ assi ġestiti li jeċċedi l-limitu previst fl-Artikolu 2(1) jkunu jistgħu jsiru maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.   Wara r-reviżjoni msemmi fil-paragrafu 1, u wara konsultazzjoni mal-AETS, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien, jekk dan ikun xieraq, ma’ proposta leġiżlattiva.

Artikolu 29

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-22 ta’ Lulju 2013, ħlief għall-Artikolu 3(2), l-Artikolu 9(5), l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 14(4), li japplikaw mill-15 ta’ Mejju 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta’ April 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. CREIGHTON


(1)  ĠU C 175, 19.6.2012, p. 11.

(2)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 55.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Marzu 2013.

(4)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.

(5)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1.

(6)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

(7)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(8)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(10)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

(11)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.


Top