This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012D0662
Council Decision 2012/662/CFSP of 25 October 2012 in support of activities to reduce the risk of illicit trade in, and excessive accumulation of, Small Arms and Light Weapons in the region covered by the Organisation for Security and Cooperation in Europe (OSCE)
Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/662/PESK tal- 25 ta' Ottubru 2012 b'appoġġ għall-attivitajiet biex jitnaqqas ir-riskju tal-kummerċ illeċitu fi, u l-akkumulazzjoni eċċessiva ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fir-reġjun kopert mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE)
Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/662/PESK tal- 25 ta' Ottubru 2012 b'appoġġ għall-attivitajiet biex jitnaqqas ir-riskju tal-kummerċ illeċitu fi, u l-akkumulazzjoni eċċessiva ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fir-reġjun kopert mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE)
ĠU L 297, 26.10.2012, pp. 29–33
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
|
26.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 297/29 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/662/PESK
tal-25 ta' Ottubru 2012
b'appoġġ għall-attivitajiet biex jitnaqqas ir-riskju tal-kummerċ illeċitu fi, u l-akkumulazzjoni eċċessiva ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fir-reġjun kopert mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 26(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fil-15 u s-16 ta' Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE fil-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni ta' u t-traffikar f'armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon tagħhom (l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW). Dik l-Istrateġija enfasizzat li sabiex ikun imminimizzat ir-riskju kkawżat mill-kummerċ illeċitu fi u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-akkumulazzjonijiet enormi tas-SALW maħżuna fl-Ewropa tal-Lvant u tax-Xlokk u l-modi ta' kif dawn jixxerdu fiż-żoni ta' konflitt. |
|
(2) |
L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tidentifika fost l-għanijiet tagħha it-trawwim ta' multilateraliżmu effettiv sabiex jissawru mekkaniżmi, kemm internazzjonali, reġjonali jew fl-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, kontra l-forniment u t-tixrid destabbilizzanti tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. Fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha, l-Istrateġija tirreferi b’mod partikolari għall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) bħala waħda mill-organizzazzjonijiet reġjonali li magħha għandha tiġi żviluppata l-kooperazzjoni. B'mod partikolari, hemm dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-appoġġ li għandu jingħata lill-azzjoni tal-OSKE fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu tas-SALW u l-munizzjon tagħhom u fil-qerda tal-ħażniet żejda tal-Istati Parteċipanti tal-OSKE (l-Istati Parteċipanti). |
|
(3) |
Fl-24 ta' Novembru 2000, l-Istati Parteċipanti adottaw id-Dokument tal-OSKE dwar is-SALW fejn huma ntrabtu li jistabbilixxu u jimplementaw kontrolli nazzjonali effettivi dwar it-trasferimenti tas-SALW, inkluż kontrolli fuq l-esportazzjoni u l-bejgħ bis-senserija. Dak id-Dokument jenfasizza wkoll l-effetti destabbilizzanti li l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW u l-ġestjoni u s-sigurtà mhux adegwati tal-ħażniet jista' jkollhom fuq is-sigurtà nazzjonali, reġjonali u internazzjonali. Huwa jidentifika l-qerda bħala l-metodu ppreferut għat-tneħħija ta' SALW żejda. |
|
(4) |
Fis-26 ta' Mejju 2010, l-Istati Parteċipanti tal-OSKE adottaw il-Pjan ta' Azzjoni tal-OSKE dwar is-SALW, fejn, fost l-oħrajn, issir referenza għall-ħtieġa li jiġi stabbilit jew rinfurzat il-qafas legali tal-Istati Parteċipanti għal attivitajiet ta' senserija leġittimi, li jissaħħu l-impenji dwar il-ġestjoni u s-sigurtà tal-ħażniet tas-SALW, u li jissaħħaħ l-impenn tal-Istati Parteċipanti għall-qerda ta' SALW żejda u illeċiti, u għal mezzi għat-titjib tal-kapaċità tagħhom għall-qerda ta' SALW żejda u illeċiti. |
|
(5) |
Fit-23 ta' Ġunju 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/468/PESK dwar il-kontroll fuq is-senserija fil-bejgħ tal-armi (1), li tirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha, inkluż qafas legali ċar għall-attivitajiet leġittimi tal-bejgħ bis-senserija, sabiex jikkontrollaw l-attivitajiet tas-senserija li jsiru ġewwa t-territorju tagħhom, u li tħeġġiġhom jikkunsidraw il-kontroll tal-attivitajiet tal-bejgħ bis-senserija ‘l barra mit-territorju tagħhom imwettqa minn sensara tan-nazzjonalità tagħhom residenti jew stabbiliti fit-territorju tagħhom. |
|
(6) |
Fit-8 ta' Diċembru 2008, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (2). Il-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK tistabbilixxi sett ta' kriterji li jiggwidaw lill-Istati Membri fil-valutazzjoni tal-esportazzjoni, l-esportazzjoni mill-ġdid u l-applikazzjonijiet għall-bejgħ bis-senserija ta' armi konvenzjonali. Hija tirrikjedi li l-Istati Membri jagħmlu kull sforz biex iħeġġu lil Stati oħrajn, li jesportaw teknoloġija jew tagħmir militari, japplikaw il-kriterji ta' dik il-Pożizzjoni Komuni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI
Artikolu 1
1. Għall-fini li tippromwovi l-paċi u s-sigurtà, kif ukoll il-multilateraliżmu effettiv fil-livelli globali u reġjonali, l-UE għandha ssegwi l-għanjiet li ġejjin:
|
— |
it-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà fil-viċinat tal-Unjoni, permezz tar-riduzzjoni tat-theddida li l-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW jirrappreżentaw fir-reġjun tal-OSKE; |
|
— |
l-appoġġ għal multilateraliżmu effettiv fil-livell reġjonali, billi tappoġġa l-azzjoni tal-OSKE għall-prevenzjoni tal-akkumulazzjoni eċċessiva ta', u l-kummerċ illeċitu tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. |
2. Biex tikseb l-għan imsemmi fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha twettaq il-proġetti li ġejjin:
|
— |
l-organizzazzjoni ta’ workshop reġjonali ta' taħriġ għall-uffiċjali rilevanti tal-Istati Parteċipanti tal-OSKE responsabbli għall-kontrolli tal-bejgħ bis-senserija tas-SALW, |
|
— |
it-titjib fis-sigurtà tas-siti tal-ħżin tas-SALW fil-Bjelorussja u l-Kirgistan, |
|
— |
il-qerda tas-SALW żejda fil-Bjelorussja u l-Kirgistan biex jiġi evitat li jmorru lejn il-kummerċ illeċitu, |
|
— |
l-introduzzjoni ta' applikazzjoni informatika għall-ġestjoni tal-inventarju tas-SALW, biex jittejbu l-ħażniet, iż-żamma ta' reġistri u t-traċċar tas-SALW u l-munizzjon konvenzjonali f'diversi Stati Parteċipanti tal-OSKE. |
Deskrizzjoni ddettaljata ta' dan il-proġetti hi mniżżla fl-Anness.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-RGħ) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq minn żewġ aġenziji ta' implimentazzjoni:
|
(a) |
Is-Segretarjat tal-OSKE għandu jimplimenta:
|
|
(b) |
Il-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Bjelorussja (Uffiċċju tal-UNDP fil-Bjelorussja) għandu jimplimenta t-titjib fis-sigurtà għad-depożiti tal-ħażniet ta' armi konvenzjonali u munizzjon fil-Bjelorussja. |
3. Is-Segretarjat tal-OSKE u l-Uffiċċju tal-UNDP fil-Bjelorussja għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan il-fini, ir-RGħ għandu jagħmel fl-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat tal-OSKE u l-Uffiċċju tal-UNDP fil-Bjelorussja.
Artikolu 3
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 1 680 000.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni xierqa tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1. Għal dan il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehimiet ta' finanzjament mas-Segretarjat tal-OSKE u mal-UNDP fil-Bjelorussja. Il-ftehimiet għandhom jistipulaw li s-Segretarjat tal-OSKE u l-Uffiċċju tal-UNDP fil-Bjelorussja għandhom l-obbligu li jiżguraw il-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatt għad-daqs tagħha.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehimiet ta' finanzjament imsemmijin fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill dwar kwalunkwe diffikultà f'dan il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta' finanzjament.
Artikolu 4
Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mis-Segretarjat tal-OSKE u l-uffiċċju tal-UNDP fil-Bjelorussja. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.
Il-Kummissjoni tipprovdi l-informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġetti kif imsemmi fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta' finanzjament imsemmija fl-Artikolu 3(3) jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk l-ebda ftehim ta' finanzjament ma jkun ġie konkluż fi ħdan dak il-perjodu.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ottubru 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
E. MAVROU
ANNESS
1. Għanjiet
L-għan ġenerali ta' din id-Deċiżjoni huwa l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà fil-viċinat tal-Unjoni, permezz tat-tnaqqis tat-theddida li l-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW jirrappreżentaw fir-reġjun tal-OSKE. Din id-Deċiżjoni timmira wkoll għall-promozzjoni ta' multilateraliżmu effettiv fil-livell reġjonali, permezz tal-appoġġ tal-azzjoni tal-OSKE għall-prevenzjoni tal-akkumulazzjoni eċċessiva u l-kummerċ illeċitu tas-SALW, u l-munizzjon tagħhom. Dawn l-attivitajiet jinkludu l-qerda ta' SALW żejda fir-reġjun tal-OSKE, it-titjib fis-sigurtà u l-ġestjoni tal-hażniet tal-armi, l-iżvilupp ta' għodod adatti għaż-żamma ta' reġistri tal-armi, u t-tisħiħ tal-kontroll tat-trasferimenti ta' armi konvenzjonali, b'mod partikolari il-bejgħ bis-senserija.
2. Deskrizzjoni tal-proġetti
2.1. L-organizzazzjoni ta’ workshop reġjonali ta' taħriġ għall-uffiċjali rilevanti tal-Istati Parteċipanti dwar il-kontrolli tal-bejgħ bis-senserija tas-SALW
2.1.1. Għan tal-proġett
|
— |
Li titqajjem il-konsapevolezza u li tittejjeb l-implimentazzjoni mill-Istati Parteċipanti tal-impenji internazzjonali and reġjonali eżistenti fil-qasam tal-kontrolli tal-bejgħ bis-senserija tas-SALW, |
|
— |
Li jiġu analizzati l-aħjar prattiki u lezzjonjiet miksuba minn pajjiżi/reġjuni oħra u li tiġi identifikata l-applikabbiltà tagħhom għall-ħtiġijiet tal-parteċipanti. |
2.1.2. Deskrizzjoni tal-proġett
|
— |
L-organizzazzjoni mis-Segretarjat tal-OSKE ta’ workshop reġjonali ta' tlett ijiem għall-uffiċjali rilevanti tal-istati minn mhux iktar minn 15-il Stat Parteċipanti. |
Rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet rilevanti internazzjonali u reġjonali, u esperti oħra, inkluż esperti mill-Unjoni, ser jipparteċipaw f'dan l-avveniment. Mhux iktar minn 70-il parteċipant ser jattendu għal dan l-avveniment. Is-Segretarjat tal-OSKE, f'koordinazzjoni mar-RGħ u l-korpi rilevanti tal-Kunsill, ser jiżviluppa id-dokument iddettaljat ta' kunċett u l-aġenda għall-avveniment.
2.1.3. Riżultati mistennija tal-proġett
|
— |
It-titjib tal-kontrolli tal-bejgħ bis-senserija tas-SALW fl-Istati Parteċipanti li huma mistiedna jipparteċipaw fil-workshop, |
|
— |
It-tnaqqis tar-riskji ta' attivitajiet illegali ta' bejgħ bis-senserija, u ta' kummerċ illegali tas-SALW, u b’konsegwenza ta' sigurtà msaħħa għall-popolazzjonijiet, il-gruppi u l-individwi li jintlaqtu ħazin mill-kummerċ illegali tas-SALW. |
2.1.4. Postijiet għas-seminars
Is-Segretarjat tal-OSKE ser jipproponi lista ta' postijiet potenzjali għas-seminars reġjonali, li mbagħad jiġu approvati mir-RGħ f'konsultazzjoni mal-korpi kompetenti tal-Kunsill.
2.1.5. Benefiċjarji tal-proġett
|
— |
L-uffiċjali tal-istat u l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Parteċipanti responsabbli għall-kontrolli tat-trasferimenti tas-SALW, |
|
— |
Il-popolazzjonijiet, il-gruppi u l-individwi li jintlaqtu ħazin mill-kummerċ illegali tas-SALW. |
2.2. Titjib fis-sigurtà tad-depożiti tal-ħażniet ta' armi konvenzjonali u munizzjon fil-Bjelorussja u l-Kirgistan
2.2.1. Għan tal-proġett
|
— |
Li jissaħħu s-sigurtà u l-ġestjoni tal-ħażniet f'mhux iktar minn żewġ siti tal-ħżin tas-SALW fil-Bjelorussja u f'mhux iktar minn tliet siti tal-ħżin tas-SALW fil-Kirgistan, |
|
— |
Li jikkontribwixxi għal sigurtà msaħħa fl-Asja Ċentrali u fl-Ewropa tal-Lvant, u li jitnaqqas ir-riskju tal-kummerċ illeċitu tas-SALW. |
2.2.2. Deskrizzjoni tal-proġett
|
— |
It-titjib tas-sistemi tas-sigurtà f'mhux iktar minn żewġ siti tal-ħżin tas-SALW fil-Bjelorussja, skont l-Aħjar Prattika dwar is-SALW tal-OSKE, inkluż permezz tal-istallazzjoni u/jew ir-rinnovazzjoni meħtieġa tal-istallazzjonijiet tal-elettriku, tal-kapaċità għat-tifi tan-nar tal-ewwel għajnuna, tal-għeluq u t-tidwil tal-perimetri, tas-sistemi ta' kxif ta' intrużi u tal-allarm, kif ukoll tat-tagħmir tat-telekomunikazzjoni għal sigurtà msaħħa, |
|
— |
It-titjib u /jew l-istabbiliment f'mhux iktar minn tliet siti tal-ħżin tas-SALW fil-Kirgistan, skont l-Aħjar Prattika dwar is-SALW tal-OSKE, inkluż permezz tal-istallazzjoni u/jew ir-rinnovazzjoni tal-għeluq u t-tidwil tal-perimetri, ta' bibien u twieqi ta' sigurtà fis-siti tal-ħżin, tas-sistemi ta' kxif ta' intrużi, tal-kameras ta' sigurtà close circuit (CCTV) u tat-tagħmir tat-telekomunikazzjoni. |
Is-Segretarjat tal-OSKE u l-Uffiċċju tal-UNDP fil-Bjelorussja, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti tal-Bjelorussja u tal-Kirgistan, ser jidentifikaw is-siti tal-ħżin li għandhom ħtieġa ta' titjib fis-sigurtà u ser jindikaw is-siti preċiżi li għandu jsirilhom titjib bl-appoġġ ta' din id-Deċiżjoni, f'konsultazzjoni mar-RGħ u mal-korpi kompetenti tal-Kunsill. L-attivitajiet kollha minbarra dawk relatati ma' titjib tas-siti tal-ħżin tas-SALW fil-Bjelorussja ser jiġu implimentati mis-Segretarjat tal-OSKE. Fil-Bjelorussja, l-attivitajiet ser jiġu implimentati mill-Uffiċċju tal-UNDP fil-Bjelorussja minħabba li l-OSKE m'għandux rappreżentanza adatta u status legali fil-Bjelorussja, u wkoll minħabba li l-implimentazzjoni ta' din il-parti tal-proġett mill-Uffiċċju tal-UNDP fil-Bjelorussja hija aktar kosteffettiva meta mqabbla ma' ġestjoni bbażata fi Vjenna ta' proġett mill-OSKE. Ir-rwol tal-OSKE fil-koordinazzjoni ġenerali tal-proġett u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni relatata mal-għażla tas-siti tal-ħżin u miżuri ta' sikurezza u sigurtà li għandhom jiġu implimentati, il-pjanijiet annwali ta' ħidma, il-kontroll tal-kwalità ta' xogħlijiet kompluti u l-kontribuzzjoni nazzjonali tal-gvern tal-Bjelorussja ser jibqgħu. Il-Gvernijiet tal-Bjelorussja u tal-Kirgistan ser jipprovdu appoġġ għal dan il-proġett permezz ta' kontribut finanzjarju u/jew kontribut mhux finanzjarju, skont il-każ.
2.2.3. Riżultati mistennija tal-proġett
|
— |
It-tisħiħ tas-sigurtà u l-ġestjoni tal-ħażniet f'mhux iktar minn żewġ siti tal-ħżin tas-SALW fil-Bjelorussja u f'mhux iktar minn tliet siti tal-ħżin tas-SALW fil-Kirgistan, |
|
— |
It-tnaqqis tar-riskju tal-kummerċ illeċitu tas-SALW u fl-armi konvenzjonali, u t-titjib tas-sigurtà u fl-Ewropa tal-Lvant. |
2.2.4 Benefiċjarji tal-proġett
|
— |
Il-Ministeri tad-Difiża fil-Bjelorussja u l-Kirgistan, |
|
— |
Il-popolazzjonijiet, il-gruppi u l-individwi li jintlaqtu ħazin mill-kummerċ illegali tas-SALW. |
2.3. Il-qerda tas-SALW żejda fil-Bjelorussja u l-Kirgistan biex jiġi evitat li jmorru lejn il-kummerċ illeċitu
2.3.1. Għan tal-proġett
|
— |
Li jitnaqqas ir-riskju tal-kummerċ illeċitu tas-SALW billi jinqerdu l-armi żejda fil-pussess tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti fil-Bjelorussja u l-Kirgistan. |
2.3.2. Deskrizzjoni tal-proġett
|
— |
Il-qerda ta' mhux ikar minn 12 000 biċċa tas-SALW żejda fil-Bjelorussja, |
|
— |
Il-qerda ta' mhux ikar minn 2 000 biċċa tas-SALW u mhux iktar minn 51 Sistemi ta' Difiża li Jinġarru mill-Bniedem kontra Attakki mill-Ajru (MANPADS) fil-Kirgistan. |
Il-Gvernijiet tal-Bjelorussja u tal-Kirgistan ser jipprovdu appoġġ għal dan il-proġett permezz ta' kontribut finanzjarju u tagħmir, u ta' kontribut mhux finanzjarju, skont il-każ. L-attivitajiet kollha minbarra dawk relatati ma' titjib tas-siti tal-ħżin tas-SALW fil-Bjelorussja ser jiġu implimentati mis-Segretarjat tal-OSKE.
Fil-Bjelorussja, l-attivitajiet relatati ma' titjib tas-siti tal-ħżin tas-SALW ser jiġu implimentati mill-Uffiċċju tal-UNDP fil-Bjelorussja minħabba li l-OSKE m'għandux rappreżentanza adatta u status legali fil-Bjelorussja, u wkoll minħabba li l-implimentazzjoni ta' din il-parti tal-proġett mill-Uffiċċju tal-UNDP fir-Repubblika tal-Bjelorussja hija aktar kosteffettiva meta mqabbla ma' ġesjtoni bbażata fi Vjenna ta' proġett mill-OSKE. Ir-rwol tal-OSKE fil-koordinazzjoni ġenerali tal-proġett u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni relatata mal-għażla tas-siti tal-ħżin u miżuri ta' sikurezza u sigurtà li għandhom jiġu implimentati, il-pjanijiet annwali ta' ħidma, il-kontroll tal-kwalità ta' xogħlijiet kompluti u l-kontribuzzjoni nazzjonali tal-gvern tal-Bjelorussja ser jibqgħu.
2.3.3. Riżultati mistennija tal-proġett
|
— |
Il-qerda ta' partijiet tas-SALW u l-MANPADS żejda fl-Bjelorussja u l-Kirgistan, |
|
— |
It-tnaqqis tar-riskju tal-kummerċ illeċitu tas-SALW u t-titjib tas-sigurtà fl-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali. |
2.3.4. Benefiċjarji tal-proġett
|
— |
Il-Ministeri tad-Difiża fil-Bjelorussja u l-Kirgistan, |
|
— |
Il-popolazzjonijiet, il-gruppi u l-individwi li jintlaqtu ħazin mill-kummerċ illegali tas-SALW. |
2.4. Introduzzjoni ta' software għall-inventarju tas-SALW, biex jittejbu l-ġestjoni tal-ħażniet, iż-żamma ta' reġistri u t-traċċar tal-armi
2.4.1. Għan tal-proġett
|
— |
Li jittejbu l-ġestjoni u ż-żamma ta' reġistri tal-ħażniet tas-SALW u l-munizzjon konvenzjonali f'mhux iżjed minn tmien Stati Parteċipanti, u b'dan il-mod li jitnaqqas ir-riskju tal-kummerċ illeċitu fil-munizzjon tas-SALW u tal-armi konvenzjonali. |
2.4.2. Deskrizzjoni tal-proġett
|
— |
Preżentazzjoni tal-applikazzjoni informatika għall-inventarju tas-SALW lill-Istati Parteċipanti interessati għal mhux iżjed minn 20 persuna, |
|
— |
Laqgħat mal-esperti f'mhux iżjed minn tmien Stati Parteċipanti sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-applikazzjoni informatika għall-inventarju tas-SALW mar-rekwiżiti nazzjonali u s-segwitu rigward proċeduti u legislazzjoni nazzjonali, |
|
— |
Aġġustamenti tekniċi għall-applikazzjoni informatika għall-inventarju tas-SALW f'mhux iżjed minn tmien Stati Parteċipanti sabiex ikun hemm kompatibbiltà ma' rekwiżiti tekniċi maqbula, f'kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-UNDP fil-Bjelorussja u l-Ministeru tad-Difiża tal-Bjelorussja, |
|
— |
Traduzzjoni tal-applikazzjoni informatika għall-inventarju tas-SALW f'mhux iżjed minn tliet lingwi nazzjonali (b'kollox) kif rikjest fl-Istati Parteċipanti li jintroduċu l-applikazzjoni informatika għall-inventarju tas-SALW, |
|
— |
Provvista limitata lil mhux iżjed minn tmien Stati Parteċipanti, fejn meħtieġ, |
|
— |
Istallazzjoni ta' sistema elettronika ta' żamma ta' reġistri f'mhux iżjed minn tmien Stati Parteċipanti, |
|
— |
L-iżvilupp ta' kurrikulu ta' taħriġ għal mhux iżjed minn tmien Stati Parteċipanti (żewġ moduli – għall-persunal fil-kwartieri militari fil-kapitali tal-Istati Parteċipanti magħżulin, u għall-persunal fis-siti tal-ħżin), |
|
— |
It-twettiq ta' taħriġ f'mhux iżjed minn tmien Stati Parteċipanti skont il-kurrikulu ta' taħriġ imsemmi hawn fuq. |
2.4.3. Riżultati mistennija tal-proġett
|
— |
It-titjib u l-istandardizzazzjoni tal-ġestjoni u ż-żamma ta' reġistri tal-ħażniet tas-SALW u l-munizzjon konvenzjonali f'mhux iżjed minn tmien Stati parteċipanti, |
|
— |
It-tnaqqis tar-riskju tal-kummerċ illegali tas-SALW u l-munizzjon konvenzjonali fir-reġjun tal-OSKE. |
2.4.4. Benefiċjarji tal-proġett
|
— |
Il-Ministeri tad-Difiża ta' mhux iżjed minn tmien Stati parteċipanti tal-OSKE, |
|
— |
Il-popolazzjonijiet, il-gruppi u l-individwi li jintlaqtu ħazin mill-kummerċ illegali tas-SALW. |
Is-Segretarjat tal-OSKE, f'konsultazzjoni mar-RGħ u l-korpi kompetenti tal-Kunsill, ser jdentifika l-Istati parteċipanti tal-OSKE li ser jibbenefikaw mill-proġett.
3. Tul ta' żmien
It-tul ta' żmien totali tal-proġetti hu stmat li jkun ta' 36 xahar.
4. Entità tal-Implimentazzjoni Teknika
L-implimentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni ser tkun fdata lis-Segretarjat tal-OSKE u l-Uffiċċju tal-UNDP fil-Bjelorussja li ser iwettqu l-kompitu tagħhom taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ.
5. Rappurtar
Is-Segretarjat tal-OSKE u l-Uffiċċju tal-UNDP fil-Bjelorussja ser iħejju rapporti b'mod regolari, kif ukoll rapporti wara li titlesta kull waħda mill-attivitajiet deskritti. Ir-rapporti għandhom ikunu ppreżentati lir-RGħ mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara li jitlestew l-attivitajiet rilevanti.
6. Spiża totali stmata tal-proġett u l-kontribut finanzjarju tal-UE
L-ispiża totali tal-proġett hija ta' EUR 1 680 000.