Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0035

Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK tat- 23 ta’ Jannar 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

ĠU L 19, 24.1.2012, p. 22–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 23/01/2012

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/35(1)/oj

24.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 19/22


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/35/PESK

tat-23 ta’ Jannar 2012

li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-27 ta’ Frar 2007, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (1) li implimentat ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 1737 (2006).

(2)

Fit-23 ta’ April 2007, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2007/246/PESK (2) li implimentat il-UNSCR 1747 (2007).

(3)

Fis-7 ta’ Awwissu 2008, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2008/652/PESK (3) li implimentat il-UNSCR 1803 (2008).

(4)

Fis-26 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (4) li implimentat il-UNSCR 1929 (2010).

(5)

Fl-1 ta' Diċembru 2011, il-Kunsill tenna t-tħassib serju u dejjem aktar fil-fond dwar in-natura tal-programm nukleari tal-Iran, u b'mod partikolari dwar is-sejbiet rigward l-attivitajiet Iranjani relatati mal-iżvilupp tat-teknoloġija nukleari militari, kif rifless fl-aħħar rapport tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA). Fid-dawl ta' dan it-tħassib u f'konformità mad-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2011, il-Kunsill qabel li jwessa' s-sanzjonijiet eżistenti billi jeżamina, b'koordinazzjoni mill-qrib ma' sħab internazzjonali, miżuri addizzjonali inklużi miżuri bil-għan li jaffettwaw serjament is-sistema finanzjarja tal-Iran, fis-settur tat-trasport, fis-settur tal-enerġija, il-miżuri kontra l-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iranjana (IRGC), kif ukoll f'oqsma oħrajn.

(6)

Fid-9 ta' Diċembru 2011, il-Kunsill Ewropew approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 2011 u stieden lill-Kunsill jipproċedi bil-ħidma tiegħu relatata mal-estensjoni tal-portata tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni kontra l-Iran bħala kwistjoni ta' prijorità.

(7)

F'dan il-kuntest, huwa adatt li jkunu pprojbiti jew ikkontrollati l-provvista, il-bejgħ jew it-trasferiment lill-Iran ta’ aktar prodotti, materjal, tagħmir, merkanzija u teknoloġija, li jistgħu jikkontribwixxu għal attivitajiet Iranjani relatati mal-arrikkiment, l-ipproċessar mill-ġdid jew l-ilma tqil, mal-iżvilupp ta’ sistemi ta’ konsenja ta’ armi nukleari jew it-twettiq ta’ attivitajiet relatati ma’ suġġetti oħra li dwarhom l-IAEA esprimiet tħassib jew li identifikat bħala pendenti, jew għal programmi oħra għall-armi ta' qerda massiva. Din il-projbizzjoni għandha tinkludi merkanzija ta' użu doppju u teknoloġija oħra.

(8)

Waqt li jfakkar il-konnessjoni potenzjali bejn id-dħul tal-Iran mis-settur tal-enerġija tiegħu u l-finanzjament tal-attivitajiet nukleari tal-Iran sensittivi f'termini ta' proliferazzjoni u li t-tagħmir u l-materjal għall-proċess kimiku meħtieġa għall-industrija petrokimika għandhom ħafna affarijiet komuni ma' dawk meħtieġa għal ċerti attivitajiet sensittivi marbuta maċ-ċiklu tal-kombustibbli nukleari, kif issottolinjat fil-UNSCR 1929 (2010), il-bejgħ, il-provvista jew it-trasferiment lill-Iran ta' aktar tagħmir u teknoloġija prinċipali li jistgħu jintużaw fis-setturi prinċipali tal-industrija taż-żejt u l-gass naturali jew, fl-industrija tal-petrokimika, għandhom ikunu pprojbiti. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu kwalunkwe investiment ġdid fis-settur tal-petrokimika fl-Iran.

(9)

Barra minn dan, għandhom ikunu pprojbiti x-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport mill-Iran ta' żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi, kif ukoll tal-prodotti petrokimiċi.

(10)

Barra minn hekk, għandhom ikunu pprojbiti l-bejgħ, ix-xiri, it-trasport jew is-senserija ta' deheb, metall prezzjuż u djamanti, lil, minn jew għall-Gvern tal-Iran.

(11)

Barra minn dan, il-konsenja ta' karti tal-flus u muniti denominati Iranjani, li għadhom kif ġew stampati jew inħarġu jew dawk li għadhom ma nħarġux, lill-Bank Ċentrali tal-Iran, jew għall-benefiċċju tiegħu, għandha tkun ipprojbita.

(12)

Barra minn hekk, għandhom jiġu imposti miżuri restrittivi kontra l-Bank Ċentrali tal-Iran fid-dawl tal-involviment tiegħu f'attivitajiet biex jiġu evitati s-sanzjonijiet imposti kontra l-Iran.

(13)

Ir-restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni u l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi għandhom jiġu applikati għal aktar persuni u entitajiet li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran u li jippermettulu jkompli attivitajiet nukleari sensittivi f'termini ta' proliferazzjoni jew l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ konsenja ta’ armi nukleari, b'mod partikolari persuni u entitajiet li jipprovdu appoġġ finanzjarju, loġistiku jew materjali lill-Gvern tal-Iran.

(14)

Ir-restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni u l-iffriżar tal-fondi applikati għall-membri tal-IRGC m'għandhomx jibqgħu ristretti għal membri għoljin iżda jistgħu japplikaw għal membri oħrajn tal-IRGC.

(15)

Barra minn hekk, aktar persuni u entitajiet għandhom jiġu inklużi fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għall-miżuri restrittivi kif jinsabu fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/413/PESK.

(16)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(1), il-punt (e) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(e)

merkanzija ta' użu doppju u teknoloġija oħra elenkati fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta’ oġġetti b’użu doppju (*) u mhux koperti mill-punt (a) għajr għall-ċerti oġġetti fil-kategorija 5 - il-Parti 1 u l-kategorija 5 - il-Parti 2 fl-Anness I għal dak ir-Regolament.

(*)  ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.";"

(2)

għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 3a

1.   L-importazzjoni, ix-xiri, jew it-trasport ta’ żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi Iranjani għandhom ikunu pprojbiti.

L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom jkunu koperti b'din id-dispożizzjoni.

2.   Għandu jkun ipprojbit li jingħata, direttament jew indirettament, finanzjament jew għajnuna finanzjarja, inklużi derivattivi finanzjarji, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, relatati mal-importazzjoni, ix-xiri, jew it-trasport ta’ żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi Iranjani.

Artikolu 3b

1.   L-importazzjoni, ix-xiri, jew it-trasport ta' prodotti petrokimiċi Iranjani għandhom ikunu pprojbiti.

L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-punti rilevanti li għandhom jkunu koperti b'din id-dispożizzjoni.

2.   Għandu jkun ipprojbit li jingħata direttament jew indirettament, finanzjament jew għajnuna finanzjarja, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, relatati mal-importazzjoni, ix-xiri, jew it-trasport ta’ żejt mhux maħdum u prodotti petrokimiċi Iranjani.

Artikolu 3c

1.   Il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3a għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għat-twettiq, sal-1 ta' Lulju 2012, ta' kuntratti konklużi qabel it-23 ta’ Jannar 2012 jew kuntratti anċillari meħtieġa għat-twettiq ta' tali kuntratti, li għandhom jiġu konklużi u mwettqa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2012.

2.   Il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3a għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta' obbligi previsti f'kuntratti konklużi qabel it-23 ta’ Jannar 2012 jew f'kuntratti anċillari meħtieġa għat-twettiq ta' tali obbligi fejn il-provvista ta' żejt mhux maħdum Iranjan u prodotti petroliferi jew ir-rikavat ottenut mill-provvista tagħhom ikunu għar-rimbors ta' ammonti pendenti fir-rigward ta' kuntratti konklużi qabel it-23 ta’ Jannar 2012 dovuti lill-persuni u entitajiet fit-territorji tal-Istati Membri jew taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, fejn dawk il-kuntratti jipprevedu speċifikament għal tali rimborsi.

Artikolu 3d

1.   Il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3b għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għat-twettiq, sal-1 ta' Mejju 2012, ta' obbligi previsti f'kuntratti konklużi qabel it-23 ta’ Jannar 2012 jew f'kuntratti anċillari meħtieġa għat-twettiq ta' tali kuntratti, li għandhom jiġu konklużi u mwettqa mhux aktar tard mill-1 ta' Mejju 2012.

2.   Il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3b għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta' obbligi previsti f'kuntratti konklużi qabel it-23 ta’ Jannar 2012 jew f'kuntratti anċillari meħtieġa għat-twettiq ta' tali obbligi fejn il-provvista ta' prodotti petrokimiċi jew ir-rikavat ottenut mill-provvista tagħhom ikunu għar-rimbors ta' ammonti pendenti fir-rigward ta' kuntratrti konklużi qabel it-23 ta’ Jannar 2012 dovuti lill-persuni u entitajiet fit-territorji tal-Istati Membri jew taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, fejn dawk il-kuntratti jipprevedu speċifikament għal tali rimborsi.";

(3)

għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

"Artikolu 4a

1.   Il-bejgħ, il-provvista, jew it-trasferiment ta' tagħmir u teknoloġija prinċipali għall-industrija petrokimika fl-Iran, jew lil intrapriżi Iranjani jew bi sjieda Iranjana li huma involuti f'dik l-industrija barra l-Iran, minn ċittadini tal-Istati Membri, jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew bl-użu ta' bastimenti jew inġenji tal-ajru taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri għandhom ikunu pprojbiti sew jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom u sew jekk le

L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-punti rilevanti li għandhom ikunu koperti b'din id-dispożizzjoni.

2.   Għandha tiġi pprojbita l-provvista ta' dawn li ġejjin lill-intrapriżi fl-Iran li huma involuti fl-industrija petrokimika Iranjana jew lil intrapriżi Iranjani jew bi sjieda Iranjana involuti f'dik l-industrija barra l-Iran:

(a)

assistenza teknika jew taħriġ jew servizzi oħra relatati ma' tagħmir u teknoloġija prinċipali kif iddeterminat skont il-paragrafu 1;

(b)

finanzjament jew assistenza finanzjarja għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' tagħmir u teknoloġija prinċipali kif iddeterminat skont il-paragrafu 1 jew għall-provvediment ta' assistenza teknika jew taħriġ relatati.

3.   Għandha tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni, konsapevolment jew b'intenzjoni, f’attivitajiet li għandhom bħala għan jew effett l-evażjoni tal-projbizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 4b

1.   Il-projbizzjoni fl-Artikolu 4(1) għandha tkun mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta' obbligu relatat mal-konsenja ta' oġġetti previst f'kuntratti konklużi qabel is-26 ta' Lulju 2010.

2.   Il-projbizzjonijiet fl-Artikolu 4 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta' obbligu li jirriżulta minn kuntratti konklużi qabel is-26 ta' Lulju 2010 u relatat ma' investimenti magħmulin fl-Iran qabel l-istess data minn intrapriżi stabbiliti fl-Istati Membri.

3.   Il-projbizzjoni fl-Artikolu 4a(1) għandha tkun mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta' obbligu relatat mal-konsenja ta' oġġetti previsti f'kuntratti konklużi qabel it-23 ta’ Jannar 2012.

4.   Il-projbizzjonijiet fl-Artikolu 4a għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta' obbligu li jirriżulta minn kuntratti konklużi qabel it-23 ta’ Jannar 2012 u relatat ma' investimenti magħmulin fl-Iran qabel l-istess data minn intrapriżi stabbiliti fl-Istati Membri.

Artikolu 4c

Il-bejgħ, xiri, trasport jew senserija diretti jew indiretti ta' deheb jew metalli prezzjużi, kif ukoll djamanti, lil, minn jew għall-Gvern tal-Iran, il-korpi, il-korporazzjonijiet u l-aġenziji pubbliċi tiegħu, il-Bank Ċentrali tal-Iran, kif ukoll lil, minn jew għal persuni u entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew fuq id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet li jappartjenu lilhom jew huma kkontrollati minnhom għandhom jiġu pprojbiti.

L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-punti rilevanti li għandhom ikunu koperti b'din id-dispożizzjoni.

Artikolu 4d

Il-konsenja tal-karti tal-flus u muniti denominati Iranjani li għadhom kif ġew stampati jew inħarġu jew dawk li għadhom ma nħarġux, lill-Bank Ċentrali tal-Iran, jew għall-benefiċċju tiegħu, għandha tkun ipprojbita.”;

(4)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 6a

Dan li ġej għandu jiġi pprojbit:

(a)

l-għoti ta' kwalunkwe self jew kreditu finanzjarju lill-intrapriżi fl-Iran li huma involuti fl-industrija petrokimika Iranjana jew lil intrapriżi Iranjani jew bi sjieda Iranjana involuti f'dik l-industrija barra mill-Iran;

(b)

l-akkwist jew l-estensjoni ta’ parteċipazzjoni f’intrapriżi fl-Iran li huma involuti fl-industrija petrokimika Iranjana, jew f’intrapriżi Iranjani jew bi sjieda Iranjana li huma involuti f'dik l-industrija barra mill-Iran, inkluż l-akkwist b’mod sħiħ ta’ tali intrapriżi u l-akkwist ta’ ishma jew ta’ titoli ta’ natura parteċipattiva;

(c)

il-ħolqien ta’ kwalunkwe impriża konġunta ma’ intrapriżi fl-Iran li huma involuti fl-industrija petrokimika Iranjana u ma’ kwalunkwe sussidjarja jew affiljat taħt il-kontroll tagħhom.";

(5)

l-Artikolu 7 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 7

1.   Il-projbizzjonijiet fl-Artikolu 6(a) u (b) rispettivament:

(i)

għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ obbligu li jirriżulta minn kuntratti jew ftehimiet li ġew konklużi qabel is-26 ta’ Lulju 2010;

(ii)

ma għandhomx iwaqqfu l-estensjoni ta’ parteċipazzjoni, jekk tali estensjoni tkun obbligu skont ftehim li ġie konkluż qabel is-26 ta’ Lulju 2010.

2.   Il-projbizzjonijiet fl-Artikolu 6a(a) u (b) rispettivament:

(i)

għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta' obbligu li jirriżulta minn kuntratti jew ftehimiet konklużi qabel it-23 ta’ Jannar 2012;

(ii)

ma għandhomx iwaqqfu l-estensjoni ta' parteċipazzjoni, jekk tali estensjoni hija obbligu taħt ftehim konkluż qabel it-23 ta’ Jannar 2012.";

(6)

l-Artikolu 19(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

persuni oħrajn mhux koperti mill-Anness I li jkunu involuti fi, assoċjati direttament ma', jew jipprovdu appoġġ għall-attivitajiet nukleari sensittivi f'termini ta' proliferazzjoni tal-Iran jew għall-iżvilupp ta' sistemi ta' twassil ta' armi nukleari, inkluż permezz ta' involviment fl-akkwist ta' oġġetti, merkanzija, tagħmir, materjal u teknoloġija pprojbiti, jew persuni li jaġixxu f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew persuni li għenu lil persuni jew entitajiet indikati biex jevadu jew jiksru d-dispożizzjonijiet ta’ UNSCR 1737 (2006), UNSCR 1747 (2007), UNSCR 1803 (2008) u UNSCR 1929 (2010) jew din id-Deċiżjoni kif ukoll membri oħra tal-IRGC, kif elenkati fl-Anness II.";

(b)

jiżdied il-punt li ġej:

"(c)

persuni oħra mhumiex koperti mill-Anness I li jipprovdi appoġġ lill-Gvern tal-Iran, u persuni assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness II.";

(7)

l-Artikolu 20(1), huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

persuni u entitajiet mhux koperti mill-Anness I li jkunu involuti fi, assoċjati direttament ma', jew jipprovdu appoġġ għal, attivitajiet nukleari sensittivi f'termini ta' proliferazzjoni tal-Iran jew għall-iżvilupp ta' sistemi ta' twassil ta' armi nukleari, inkluż permezz ta' involviment fl-akkwist ta' oġġetti, merkanzija, tagħmir, materjal u teknoloġija pprojbiti, jew persuni jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet tagħhom jew ikkontrollati minnhom, inkluż permezz ta' mezzi illeċti, jew persuni u entitajiet li għenu lil persuni jew entitajiet indikati biex jevadu jew jiksru d-dispożizzjonijiet tal-UNSCR 1737 (2006), UNSCR 1747 (2007), UNSCR 1803 (2008) u UNSCR 1929 (2010) jew din id-Deċiżjoni kif ukoll membri u entitajiet oħrajn tal-IRGC u l-IRISL u entitajiet tagħhom jew ikkontrollati minnhom jew li jaġixxu f'isimhom, kif elenkati fl-Anness II.";

(ii)

jiżdied il-punt li ġej:

"(c)

persuni jew entitajiet oħra mhumiex koperti mill-Anness I li jipprovdu appoġġ lill-Gvern tal-Iran, u persuni u entitajiet assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness II.";

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"4a.   Fir-rigward ta' persuni u entitajiet imniżżlin fl-Anness II, eżenzjonijiet jistgħu jsiru wkoll għall-fondi u riżorsi ekonomiċi li għandhom jitħallsu fi jew minn kont ta' missjoni diplomatika jew konsulari jew organizzazzjoni internazzjonali li jgawdu immunitajiet skont il-liġi internazzjonali, safejn ħlasijiet bħal dawn ikunu intenzjonati li jiġu użati għall-għanijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew organizzazzjoni internazzjonali.";

(c)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

"7.   Il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx japplikaw għal trasferiment mill-Bank Ċentrali tal-Iran, jew permezz tiegħu, ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi riċevuti u ffriżati wara d-data tan-nomina tiegħu jew għal trasferiment ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi lill-Bank Ċentrali tal-Iran, jew permezz tiegħu, wara d-data tan-nomina tiegħu meta tali trasferiment ikun marbut ma' ħlas minn istituzzjoni finanzjarja mhux nominata li jkun dovut skont kuntratt speċifiku ta' kummerċ, dment li l-Istat Membru rilevanti jkun iddetermina, abbażi ta' każ b'każ, li l-ħlas ma jiġix riċevut direttament jew indirettament minn persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1.

8.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika għal trasferiment mill-Bank Ċentrali tal-Iran, jew permezz tiegħu, ta' fondi ffriżati jew riżorsi ekonomiċi meta tali tasferiment ikollu l-għan li jipprovdi likwidità għall-finanzjament tal-kummerċ lill-istituzzjonijiet finanzjarji taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, dment li l-ħlas ikun ġie awtorizzat mill-Istat Membru rilevanti.;

9.   Il-paragrafu 2 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal ħlasijiet lill-Bank Ċentrali tal-Iran b'rabta mat-twettiq ta' obbligi f'konformità mal-Artikoli 3a, 3b, 3c jew 3d.

10.   Il-paragrafu 1 m'għandux iżomm lill-Bank Tejarat elenkat fl-Anness II, għal perijodu ta' xahrejn min-nomina tiegħu, milli jagħmel ħlas minn fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati riċevuti minnu wara d-data tan-nomina tiegħu jew milli jirċievi ħlas wara d-data tan-nomina tiegħu, fejn tali ħlas ikun dovut skont kuntratt speċifiku ta' kummerċ, dment li l-Istat Membru rilevanti ikun iddetermina, abbażi ta' każ b'każ, li l-ħlas mhuwiex riċevut, direttament jew indirettament, minn persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1.

11.   Il-paragrafi 7, 8, 9 u 10 huma mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 3, 4, 4a, 5 u 6 ta' dan l-Artikolu u għall-Artikolu 10(3).";

(8)

fl-Artikolu 24, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"2.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna jew entità għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 19(1)(b) u (c) u 20(1)(b) u (c), huwa għandu jemenda l-Anness II kif adatt.";

(9)

fl-Artikolu 25, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"2.   L-Annessi I u II għandhom jinkludu wkoll, fejn disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex il-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati jiġu identifikati, kif pprovduta mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat fir-rigward tal-Anness I. Fir-rigward tal-persuni, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet inkluż il-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-entitajiet tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju. L-Annessi I u II għandhom jinkludu wkoll id-data tan-nomina.";

(10)

fl-Artikolu 26, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

"2.   Il-miżuri li jikkonċernaw il-projbizzjoni tal-importazzjoni, ix-xiri u t-trasport ta' żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi Iranjani fl-Artikolu 3a ser jiġu rrieżaminati mhux aktar tard mill-1 ta' Mejju 2012, partikolarment b'kont dovut meħud tad-disponibbiltà u l-kondizzjonijiet finanzjarji għall-provvista ta' żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi prodotti f'pajjiżi barra mill-Iran, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista tal-enerġija tal-Istati Membri.

3.   Il-miżuri msemmijin fl-Artikoli 19(1)(b) u (c) u 20(1)(b) u (c) għandhom jiġu rrieżaminati f'intervalli regolari u mill-anqas kull 12-il xahar. Il-miżuri ma għandhomx jibqgħu japplikaw fir-rigward tal-persuni u l-entitajiet konċernati jekk il-Kunsill jiddetermina, konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 24, li l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom ma jkunux aktar sodisfatti.".

Artikolu 2

1.   Il-persuni u l-entitajiet elenkati fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiżdiedu mal-lista mniżżla fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK.

2.   L-entitajiet elenkati fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni għandhom jitħassru mil-lista li tinsab fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/413/PESK.

3.   L-entrati fl-Anness II għad-Deċiżjoni 2010/413/PESK għandhom jiġu emendati kif stipulat fl-Anness III għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 61, 28.2.2007, p. 49.

(2)  ĠU L 106, 24.4.2007, p. 67.

(3)  ĠU L 213, 8.8.2008, p. 58.

(4)  ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39.


ANNESS I

Lista ta' persuni u entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 2(1)

I.   Persuni u entitajiet involuti f'attivitajiet fir-rigward ta' missili nukleari jew ballistiċi

B.   Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Bank Ċentrali tal-Iran (magħruf ukoll bħala Bank Ċentrali tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran)

Indirizz Postali: Mirdamad Blvd., NO.144, Tehran, Islamic Republic of Iran

Kaxxa Postali: 15875 / 7177

Switchboard: +98 21 299 51

Indirizz bil-kejbil: MARKAZBANK

Telex: 216 219-22

MZBK IR Indirizz SWIFT: BMJIIRTH

Sit Elettroniku: http://www.cbi.ir

Posta Elettronika: G.SecDept@cbi.ir

Involviment f'attivitajiet biex jiġu evitati s-sanzjonijiet

23.1.2012

2.

Bank Tejarat

Indirizz Postali: Taleghani Br. 130, Taleghani Ave.

Kaxxa Postali: 11365 - 5416, Tehran

Tel.: 88826690

Tlx.: 226641 TJTA IR.

Fax: 88893641

Sit Elettroniku: http://www.tejaratbank.ir

Bank Tejarat huwa bank propjetà tal-Istat. Huwa ffaċilita b'mod dirett l-isforzi nukleari tal-Iran. Fl-2011, pereżempju, Bank Tejarat iffaċilita l-mobilizzazzjoni ta' għexieren ta' miljuni ta' dollari fi sforz biex jiġi assistit l-isforz kontinwu tal-Organizzazzjoni tal-Enerġija Atomika tal-Iran, li hija indikata min-NU, biex jinkiseb uranju tat-tip yellowcake. L-OEAI hija l-organizzazzjoni Iranjana ewlenija għar-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġija nukleari, u tamministra il-programmi ta' produzzjoni ta' materjal fissili.

Fil-passat, Bank Tejarat ukoll assista banek Iranjani indikati biex iduru ma' sanzjonijiet internazzjonali, pereżempju billi pparteċipa f'kummerċ li jinvolvi l-kumpanniji ta' kopertura tas- Shahid Hemmat Industrial Group, indikat min-NU.

Permezz tas-servizzi finanzjarji tiegħu lill-Bank Mellat u Export Development Bank of Iran (EDBI), li huma indikati mill-UE, f'dawn l-aħħar snin, Bank Tejarat apoġġa wkoll l-attivitajiet tas-sussidjarji u s-subordinati tal-Korpi tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iranjani, l-Organizzazzjoni tal-Industriji tad-Difiża, indikata min-NU, u MODAFL, indikat min-NU.

23.1.2012

3.

Tidewater (magħrufa wkoll bħala Tidewater Middle East Co.)

Indirizz Postali: No. 80, Tidewater Building, Vozara Street, Next to Saie Park, Tehran, Iran

Proprjetà jew ikkontrollata mill-IRGC

23.1.2012

4.

Turbine Engineering Manufacturing (TEM) (magħrufa wkoll bħala T.E.M. Co.)

Indirizz Postali: Shishesh Mina Street, Karaj Special Road, Tehran, Iran

Użata bħala kumpannija fittizja minn Industriji Iranjani tal-Inġenji tal-Ajru (IACI) indikata għal attivitajiet ta' akkwist sigriet.

23.1.2012

5.

Sad Export Import Company (magħrufa wkoll bħala SAD Import & Export Company)

Indirizz Postali: Haftom Tir Square, South Mofte Avenue, Tour Line No; 3/1, Tehran, Iran

P.O. Box 1584864813 Tehran, Iran

Użata bħala kumpannija fittizja minn Organizzazzjoni tal-Industriji tad-Difiża (DIO) indikata. Involuta fi trasferimenti ta' armi lejn is-Sirja. L-involviment tal-kumpannija ġie wkoll innutat fi trasferiment illeċitu ta' armi abbord M/V Monchegorsk.

23.1.2012

6.

Rosmachin

Indirizz Postali: Haftom Tir Square, South Mofte Avenue, Tour Line No; 3/1, Tehran, Iran

P.O. Box 1584864813 Tehran, Iran

Kumpannija fittizja ta' Sad Export Import Company. Involuta fi trasferiment illeċitu ta' armi abbord M/V Monchgorsk.

23.1.2012

II.   Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC)

A.   Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Ali Ashraf NOURI

 

Viċi Kmandant tal-IRGC, Kap Politiku tal-Uffiċju tal-IRGC

23.1.2012

2.

Hojatoleslam Ali SAIDI (magħruf ukoll bħala Hojjat- al-Eslam Ali Saidi jew Saeedi

 

Rappreżentant tal-Mexxej Suprem tal-IRGC

23.1.2012

3.

Amir Ali Haji ZADEH (magħruf ukoll bħala Amir Ali Hajizadeh)

 

Kmandant tal-Forzi tal-Ajru tal-IRGC, Brigadier Ġenerali

23.1.2012


B.   Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Behnam Sahriyari Trading Company

Indirizz Postali: Ziba Buidling, 10th Floor, Northern Sohrevardi Street, Tehran, Iran

Bagħat żewġ containers ta' diversi tipi ta' armi tan-nar mill-Iran lejn is-Sirja f'Mejju tal-2007 b'vjolazzjoni tal-op. 5 tal-UNSCR 1747(2007)

23.1.2012

III.   Islamic Republic of Iran Shipping Lines (IRISL)

B.   Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

BIIS Maritime Limited

Indirizz Postali: 147/1 St. Lucia, Valletta, Malta

Proprjetà jew ikkontrollata minn Irano Hind indikata

23.1.2012

2.

Darya Delalan Sefid Khazar Shipping Company (Iran) (magħrufa wkoll bħala Khazar Sea Shipping Lines jew Darya-ye Khazar Shipping Company jew Khazar Shipping Co. jew KSSL jew Daryaye Khazar (Caspian Sea) Co. jew Darya-e-khazar shipping Co.

Indirizz Postali: M. Khomeini St., Ghazian, Bandar Anzil, Gilan, IranNo. 1, End of Shahid Mostafa Khomeini St., Tohid Square, Bandar Anzali, 1711-324, Iran

Proprjetà jew ikkontrollat mill-IRISL

23.1.2012


ANNESS II

Entità msemmija fl-Artikolu 2(2)

Syracuse S.L


ANNESS III

Entrati msemmija fl-Artikolu 2(3)

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Hanseatic Trade Trust & Shipping (HTTS) GmbH

Indirizz Postali: Schottweg 7, 22087 Hamburg, Germany; Opp 7th Alley, Zarafshan St, Eivanak St, Qods Township; HTTS GmbH

Ikkontrollata minn u/jew taġixxi f'isem l-IRISL. HTTS hija rreġistrata taħt l-istess indirizz bħall-IRISL Europe GmbH f'Hamburg, u l-prinċipal tagħha Dr. Naser Baseni kien impjegat qabel mal-IRISL.

23.1.2012

2.

Oasis Freight Agency

Indirizz Postali: Al Meena Street, Opposite Dubai Ports & Customs, 2nd Floor, Sharaf Building, Dubai UAE; Sharaf Building, 1st Floor, Al Mankhool St., Bur Dubai, P.O. Box 5562, Dubai, United Arab Emirates; Sharaf Building, No. 4, 2nd Floor, Al Meena Road, Opposite Customs, Dubai, United Arab Emirates, Kayed Ahli Building, Jamal Abdul Nasser Road (Parallel to Al Wahda St.), P.O. Box 4840, Sharjah, United Arab Emirates

Aġixxiet f'isem l-IRISL fl-Emirati Għarab Magħquda. Ġiet sostitwita minn Good Luck Shipping Company li hija wkoll indikata biex taġixxi f'isem l-IRISL

23.1.2012


Top