EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0346

2011/346/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 20 ta’ Lulju 2010 dwar l-Għajnuna mill-Istat C 33/09 (ex NN 57/09, CP 191/09) implimentata mill-Portugall fil-forma ta’ garanzija tal-Istat lil BPP (notifikata bid-dokument numru C(2010) 4932) Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 159, 17.6.2011, p. 95–104 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/346/oj

17.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/95


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ Lulju 2010

dwar l-Għajnuna mill-Istat C 33/09 (ex NN 57/09, CP 191/09) implimentata mill-Portugall fil-forma ta’ garanzija tal-Istat lil BPP

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 4932)

(It-test Portugiż biss huwa awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/346/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

(1)

Din id-deċiżjoni tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Portugall fil-forma ta’ garanzija tal-Istat favur Banco Privado Português (minn hawn ‘il quddiem “BPP”).

1.   ASPETTI PROĊEDURALI

(2)

Fit-13 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni approvat, permezz ta’ deċiżjoni (“id-Deċiżjoni dwar Għajnuna għas-Salvataġġ”) (2) garanzija tal-Istat li tissottoskrivi self ta’ EUR 450 miljun mogħti lil BPP minn sitt banek Portugiżi fil-5 ta’ Diċembru 2008. Il-miżura ġiet awtorizzata għal perjodu ta’ sitt xhur abbażi tal-Artikolu 87(3)(b) tat-Trattat tal-KE (issal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE), fuq is-suppożizzjoni li l-awtoritajiet Portugiżi għandhom jimplimentaw l-impenn tagħhom li jissottomettu pjan ta’ ristrutturar fi żmien sitt xhur (jiġifieri sal-5 ta’ Ġunju 2009).

(3)

Fil-15 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Portugiżi biex jissottomettu urġentament il-pjan ta’ ristrutturar għal BPP. Minħabba li l-pjan mitlub ma ġiex sottomess, permezz ta’ ittra datata s-6 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni bagħtet nota ta’ tfakkir uffiċjali skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (3).

(4)

Fl-10 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-miżura allegata ta’ għajnuna mill-Istat. Fl-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni ħarġet mandat ta’ informazzjoni li jitlob lill-Portugall jissottometti l-pjan ta’ ristrutturar sat-22 ta’ Diċembru 2009.

(5)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-6 ta’ Marzu 2010 (4). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu kummenti dwar il-miżura ta’ għajnuna. Il-kummenti ġew sottomessi permezz ta’ ittra datata s-6 ta’ April 2010 minn parti terza li xtaqet tibqa’ anonima.

(6)

Il-Kummissjoni talbet informazzjoni mill-Portugall permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Marzu 2010, li l-Portugall wieġeb għaliha permezz ta’ ittra datata t-13 ta’ April 2010, irreġistrata kif waslet fl-14 ta’ April 2010.

(7)

Il-kummenti mill-partijiet interessati ntbagħtu lill-Portugall permezz ta’ ittra tal-15 ta’ April 2010. Il-Portugall wieġeb għal dawn il-kummenti permezz ta’ ittra datata t-13 ta’ Mejju 2010, irreġistrata fl-14 ta’ Mejju 2010.

(8)

Il-Kummissjoni talbet għal iżjed informazzjoni fid-29 ta’ April 2010, li l-Portugall issottometta permezz ta’ ittra datata t-13 ta’ Mejju 2010. Il-Portugall ipprovda iżjed informazzjoni fil-15 u fil-21 ta’ Ġunju 2010.

2.   IL-BENEFIĊJARJU U L-MIŻURA

2.1.   Il-benefiċjarju

(9)

BPP hija istituzzjoni finanzjarja bbażata fil-Portugall li tipprovdi servizzi bankarji privati, konsulenza korporattiva u ekwità privata. Il-klijenti ta’ BPP huma depożitanti privati u istituzzjonali, inklużi ħames banek tal-kreditu agrikoli reċiproċi (caixas de crédito agrícola mútuo), bank wieħed tat-tfaddil (caixa económica), diversi fondi tal-pensjoni, kumpaniji tal-assigurazzjoni u oħrajn. BPP huwa preżenti fil-Portugall, Spanja u sa ċertu punt fil-Brażil u fl-Afrika t’Isfel.

(10)

L-ishma ta’ BPP mhumiex elenkati fil-Borża u, għaldaqstant, il-prezz tas-suq tal-ishma tiegħu mhuwiex osservabbli. Mit-30 ta’ Ġunju 2008, l-assi totali fil-karta tal-bilanċ ta’ BPP ammontaw għal EUR 2,9 biljun, li jirrappreżenta inqas minn 1 % tal-assi totali tas-settur bankarju Portugiż. BPP huwa ppossedut 100 % mill-grupp Privado Holding SGPS (sociedade gestora de participações sociais) S.A. Mit-30 ta’ Ġunju 2008, il-maġġoranza tal-ishma ta’ din il-kumpanija possedenti (51,5 %) kienu f’idejn 12-il azzjonist. Fl-2009, il-grupp Privado Holding kellu 187 impjegat, b’148 minnhom jaħdmu għal BPP.

2.2.   Diffikultajiet finanzjarji tal-bank

(11)

Skont l-awtoritajiet Portugiżi, BPP żviluppa problema ta’ likwidità minħabba d-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika globali, li naqset b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-bank biex iġestixxi l-likwidità tiegħu.

(12)

Fl-24 ta’ Novembru 2008, BPP informa lill-Bank Ċentrali Portugiż (“Bank tal-Portugall”) li huwa kien qiegħed jirriskja li ma jissodisfax l-obbligi ta’ ħlas tiegħu. BPP imbagħad tħalla jissospendi l-ħlasijiet tiegħu kollha mill-1 ta’ Diċembru 2008.

(13)

Fil-5 ta’ Diċembru 2008, BPP irċeva self ta’ EUR 450 miljun appoġġat b’garanzija tal-Istat, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti hawn taħt. Is-self u l-garanzija kienu jkopru biss l-obbligazzjonijiet ta’ BPP kif irreġistrati fil-karta tal-bilanċ fl-24 ta’ Novembru 2008 u s-self kellu jintuża biss għar-rimbors lid-depożitanti u kredituri oħrajn u mhux biex ikopri l-obbligazzjonijiet ta’ entitajiet oħrajn tal-grupp.

2.3.   Il-miżura ta’ għajnuna ta’ emerġenza

(14)

Fil-5 ta’ Diċembru 2008, BPP iffirma ftehim dwar self (“il-ftehim dwar self”), appoġġjat minn garanzija tal-Istat, għal EUR 450 miljun, ma’ sitt banek kbar Portugiżi (Banco Comercial Português, S.A., Caixa Geral de Depósitos, S.A., Banco Espírito Santo, S.A., Banco BPI, S.A., Banco Santander Totta, S.A., Caixa Central – Caixa Central de Crédito Agricola Mútuo CRL) (“il-konsorzju tal-bank”). Is-self kellu maturità ta’ sitt xhur, kien jiġġedded għal massimu ta’ sentejn, u kellu rata tal-imgħax ta’ EURIBOR + 100 punti bażi. Ir-remunerazzjoni għas-self ġiet stabbilita abbażi tal-ispejjeż tal-finanzjament għall-banek kredituri fiż-żmien tat-transizzjoni.

(15)

Skont l-awtoritajiet Portugiżi, mingħajr garanzija tal-Istat, l-ebda mutwanti ma kien lest jiffinanzja lil BPP għal rata raġonevoli, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli. Il-garanzija tal-Istat li akkompanjat is-self ingħatat skont il-Liġi Nru 112/97, jiġifieri barra mill-iskema ta’ garanzija Portugiża (Liġi 60-A/2008) li kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Ottubru 2008 (5). B’mod partikolari, l-awtoritajiet Portugiżi stqarru li l-iskema ta’ garanzija ġenerali, li hija limitata għal banek solventi, hija qafas mhux xieraq għall-intervent mill-Istat favur ta’ BPP, minħabba ż-żieda fid-deterjorazzjoni finanzjarja tal-bank u r-riskji speċifiċi marbuta ma’ din it-tranżazzjoni.

(16)

Ir-remunerazjoni għall-garanzija tal-Istat ġiet iffissata għal 20 punt bażi, b’kunsiderazzjoni tal-kapital ta’ garanzija ppreżentat minn BPP.

(17)

Il-kapital ta’ garanzija jikkonsisti minn: (i) l-ewwel dritt ta’ rahan fuq diversi assi kif speċifikat f’kuntratt konkluż mill-Portugall, BPP u l-Bank tal-Portugall; u (ii) l-ewwel kreditur ipotekarju fuq l-assi immobbli ta’ BPP. Dan il-kapital ta’ garanzija ġie stmat mill-awtoritajiet Portugiżi li kien jiswa madwar EUR 672 miljun meta ġew iffirmati l-ftehim dwar is-self u l-ftehim dwar il-garanzija (6). L-għoti ta’ kapital ta’ garanzija huwa regolat minn ftehim sottoskritt mit-Teżor, BPP u l-Bank tal-Portugall, li fih dan tal-aħħar ġie maħtur depożitarju u maniġer tal-kapital ta’ garanzija f’isem it-Teżor. Skont l-awtoritajiet Portugiżi, l-Istat Portugiż għandu, taħt il-liġi nazzjonali, drittijiet ta’ privileġġ u prijorità fuq il-kapital ta’ garanzija.

(18)

Matul il-perjodu ta’ validità tas-self kopert mill-garanzija tal-Istat, BPP impenja ruħu li ma jbigħx, jipprovdi bħala kapital ta’ garanzija jew jiddisponi b’mod ieħor mill-assi tiegħu preżenti u futuri.

(19)

Fil-kuntest tal-eżami mill-Kummissjoni tal-miżura ta’ għajnuna ta’ emerġenza, il-Portugall impenja ruħu li jipprovdi pjan ta’ ristrutturar għal BPP fi żmien sitt xhur mill-intervent tal-Istat (jiġifieri sal-5 ta’ Ġunju 2009).

(20)

Fid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni approvat il-miżura għal perjodu ta’ sitt xhur mill-għoti tal-garanzija tal-Istat, jiġifieri sal-5 ta’ Ġunju 2009. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll is-sottomissjoni tal-pjan ta’ ristrutturar sal-5 ta’ Ġunju 2009 bħala neċessarja minħabba l-livell eċċezzjonalment baxx ta’ remunerazzjoni.

(21)

Sabiex itawlu l-validità tal-garanzija lil hinn mill-perjodu inizjali ta’ sitt xhur, l-awtoritajiet Portugiżi impenjaw ruħhom li jissottomettu notifika speċifika lill-Kummissjoni.

(22)

Il-Portugall ma ssodisfax l-impenji msemmija hawn fuq.

2.4.   Estenzjoni tal-miżura ta’ għajnuna ta’ emerġenza

(23)

Permezz ta’ e-Mail datata t-23 ta’ Ġunju 2009, il-Portugall informa lill-Kummissjoni li kien ħa d-deċiżjoni li jestendi l-garanzija tal-Istat għal perjodu ieħor ta’ sitt xhur (Despacho Nru 13364-A/2009 tal-Ministru tal-Finanzi tal-5 ta’ Ġunju 2009). Madankollu, il-Portugal la nnotifika dik l-estensjoni u lanqas fittex l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

(24)

Minħabba li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni approvat l-għajnuna biss sal-5 ta’ Ġunju 2009, l-għajnuna ta’ salvataġġ saret illegali fis-6 ta’ Ġunju 2009.

(25)

Fl-24 ta’ April 2009 ġie sottomess pjan ta’ rkupru lill-Bank tal-Portugall mill-amministraturi ta’ BPP.

(26)

Permezz ta’ ittra datata l-5 ta’ Ġunju 2009, l-awtoritajiet Portugiżi spjegaw lill-Kummissjoni li d-dewmien fis-sottomissjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar għal BPP kien minħabba l-fatt li l-pjan ta’ rkupru u ta’ ristrutturar propost minn BPP ma kienx ġie aċċettat mill-Bank tal-Portugall.

(27)

Fid-9 ta’ Ġunju 2009, il-Ministeru tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Pubblika ppubblika dokument intitolat “Esclarecimento do Ministério das Finanças e da Administração Pública - Decisão relativa ao Banco Privado Português” (“Kjarifiki mill-Ministeru tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Pubblika – Deċiżjoni dwar Banco Privado Português”) (minn hawn ‘il quddiem “id-dokument tad-9 ta’ Ġunju 2009”), li stqarr li l-pjan ta’ rkupru u ta’ ristrutturar sottomess fl-24 ta’ April 2009 minn BPP lill-Bank tal-Portugall ippropona, fost affarijiet oħrajn, operazzjoni ta’ rikapitalizzazzjoni b’kontribuzzjoni tal-Istat ta’ bejn EUR 150 u 200 miljun fil-forma ta’ ishma ordinarji, ishma preferenzjali u obbligi supplimentari bl-ebda redditu. Il-pjan ma ġiex aċċettat għaliex kien meqjus li “ma jikkonformax mar-regolamenti dwar ir-rikapitalizzazzjoni definiti fil-Liġi Nru 63-A/2008, jew mal-gwida dwar dan is-suġġett mill-Unjoni Ewropa bil-għan li tiżgura konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità, minħabba li l-għajnuna mill-Istat hija preżenti f’dan il-każ”.

(28)

Id-dokument tad-9 ta’ Ġunju 2009, irrapporta wkoll li numru kbir ta’ klijenti ta’ BPP kienu poġġew it-tfaddil tagħhom taħt il-ġestjoni tal-bank, li kien investihom fi strumenti finanzjarji mifruxa fuq għexieren ta’ kumpaniji ta’ strumenti finanzjarji bbażati f’ġurisdizzjonijiet offshore (strument ta’ “Redditu Assolut”). Minkejja r-riskju inerenti f’dawn il-prodotti, BPP kien stabbilixxa rata ta’ remunerazzjoni u kien iggarantixxa l-kapital kollu investit minn dawn il-klijenti sal-maturità. Din il-garanzija ta’ redditu qatt ma ġiet ikkomunikata lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza; lanqas ma ġiet inkluża u rreġistrata fil-karta tal-bilanċ tal-bank. Permezz tal-ħabi ta’ din l-obbligazzjoni, l-azzjonisti tal-bank ġew meħlusa milli jkollhom jinjettaw iżjed kapital biex jissodisfaw ir-rekwiżiti fis-seħħ legali u regolatorji. Barra minn hekk, skont id-dokument tad-9 ta’ Ġunju 2009, l-investigazzjoni mill-Kummissjoni Portugiża għas-Suq tat-Titoli (Comissão do Mercado de Valores Mobiliários - CMVM) u l-Bank tal-Portugall sabet irregolaritajiet serji li jammontaw għal prattika kriminali min-naħa ta’ BPP.

2.5.   Is-sitwazzjoni tal-prodotti ta’ investiment ta’ Redditu Assolut

(29)

Fid-dokument tad-9 ta’ Ġunju 2009, l-awtoritajiet Portugiżi stqarru li kienu qed jistudjaw, flimkien mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza, soluzzjoni biex inaqqsu t-telf għall-klijenti ta’ BPP li għandhom strumenti ta’ Redditu Assolut li l-investimenti tagħhom tpoġġew fil-perikolu. Is-soluzzjoni prevista mill-Gvern għandha tinkludi, fost affarijiet oħra, il-karatteristiċi li ġejjin: 1) il-ħolqien ta’ strument ġdid finanzjarju, rappreżentattiv tal-portafoll ta’ Redditu Assolut indirett kurrenti, biex jissostitwixxi l-pożizzjonijiet kurrenti tal-investituri; 2) l-istrument finanzjarju għandu jinħareġ u jiġi ġestit minn entità indipendenti minn BPP u fis-sjieda ta’ u ġestita minn istituzzjonijiet bankarji nazzjonali.

2.6.   Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u t-tieni estensjoni tal-miżura ta’ għajnuna ta’ emerġenza

(30)

Fil-15 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Portugiżi biex jissottomettu urġentament il-pjan ta’ ristrutturar għal BPP, anki f’forma provviżorja, u fakkrithom li l-għajnuna ta’ salvataġġ saret illegali mis-6 ta’ Ġunju 2009.

(31)

Minħabba li l-pjan mitlub ma ġiex sottomess, permezz ta’ ittra datata s-6 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni bagħtet nota ta’ tfakkir uffiċjali skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(32)

Fl-10 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-miżura ta’ għajnuna mill-Istat allegata. Fl-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni ħarġet mandat ta’ informazzjoni li jeħtieġ lill-Portugall jissottometti l-pjan ta’ ristrutturar sat-22 ta’ Diċembru 2009.

(33)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (7). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu kummenti dwar il-miżura ta’ għajnuna.

(34)

Fit-3 ta’ Diċembru 2009, l-awtoritajiet Portugiżi informaw lill-Kummissjoni li l-garanzija tal-Istat kienet sejra tiġi estiża għal sitt xhur oħra. Skont l-awtoritajiet Portugiżi l-Istat kienet sfurzat iġedded il-garanzija għaliex interruzzjoni immedjata ta’ BPP ovvjament tikkomprometti s-soluzzjoni li qiegħda tiġi kkunsidrata. Minħabba li BPP ma kienx ovvjament fil-kundizzjoni li jħallas lura s-self, il-banek li kienu taw is-self lil BPP qablu li jestendu l-maturità tiegħu b’sitt xhur oħra, mingħajr ma jbiddlu t-termini attwali u mingħajr finanzjament addizzjonali, sakemm il-garanzija tal-Istat korrispondenti ma tiġix estiża.

(35)

Fil-5 ta’ Diċembru 2009, bħala konsegwenza, il-garanzija tal-Istat ġiet estiża għal sitt xhur oħra. L-estenzjoni ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni: l-awtoritajiet Portugiżi sempliċement informaw lill-Kummissjoni li l-garanzija fuq is-self sejra tiġġedded.

(36)

Fil-25 ta’ Frar 2010, l-awtoritajiet Portugiżi bagħtu ittra li tispjega l-elementi li l-Gvern qies li għandhom jipprovdu bażi għal soluzzjoni għall-problemi maħluqa minn BPP għal proporzjon sinifikanti tal-klijenti tiegħu, jiġifieri l-investituri fil-prodott ta’ investiment ta’ Redditu Assolut.

(37)

Fl-istess ittra l-awtoritajiet Portugiżi informaw lill-Kummissjoni li fil-11 ta’ Diċembru 2009, il-Gvern kien iddeċieda li:

(i)

jistabbilixxi Fond ta’ Investiment Speċjali (Fundo Especial de Investimento – FEI) magħluq u mhux armonizzat, magħmul mir-riżorsi (assi u obbligazzjonijiet grossi) miżmuma fil-prodott ta’ investiment ta’ Redditu Assolut, ikkaratterizzat minn dan li ġej: (a) ġestjoni passiva tal-Fond ta’ Investiment Speċjali; (b) sottoskrizzjoni ta’ ishma mhux finanzjarji; (c) perjodu ta’ erba’ snin bil-possibbiltà ta’ estensjoni sa massimu ta’ għaxar snin permezz ta’ deċiżjoni tal-assemblea tal-azzjonisti (sehem 1 = vot 1); (d) sħubija volontarja tal-klijenti;

(ii)

iġedded il-garanzija fuq is-self tal-Istat ta’ EUR 450 miljun sakemm ġie stabbilit il-Fond ta’ Investiment Speċjali;

(iii)

jattiva l-Fond ta’ Garanzija tad-Depożiti (Fundo de Garantia de Depósitos – FGD), li jiggarantixxi l-ħlas lura fis-sħiħ tal-bilanċi tal-kreditu tal-flus ta’ kull depożitur, fejn dak il-valur ma jaqbiżx EUR 100 000, u s-Sistema ta’ Kumpens tal-Investituri (Sistema de Indemnização aos Investidores – SII), li tiggarantixxi kumpens sa massimu ta’ EUR 25 000 għal kull investitur, skont it-termini stabbiliti bil-liġi, u ma tinvolvix kwalunkwe riżorsa tal-Istat;

(iv)

jagħti kopertura tal-assigurazzjoni ta’ mhux aktar minn EUR 250 000 lill-klijenti li jidħlu fil-FEI, sakemm ikunu koperti mill-kriterji tal-FGD u l-SII; għaldaqstant, id-differenza negattiva, jekk preżenti, bejn l-introjtu tal-klijent – fil-forma ta’ rimborżi mill-FGD u l-SII u l-pagamenti mill-FEI – u l-valur nominali tal-investiment, sa livell massimu ta’ EUR 250 000, fl-24 ta’ Novembru 2008, kienet assigurat mill-Istat.

(38)

L-impenn meħud mill-Istat Portugiż relatat mal-investituri tal-FEI, kif jirriżulta mis-sistema legali tiegħu, għandu jkun applikabbli biss fid-data li fiha jagħlaq il-Fond, li hija erba’ snin mid-data tal-istabbiliment tiegħu – 30 ta’ Marzu 2014 (8).

(39)

Fl-1 ta’ Frar 2010 il-Kummissjoni għas-Suq tat-Titoli Portugiża (CMVM) tat l-awtorizzazzjoni għall-istabbiliment tal-FEI kif deskritt hawn fuq, bi Privado Fundos – Sociedade Gestora de Fundos de Investimento, S.A. responsabbli għall-ġestjoni tal-Fond u Banif - Banco de Investimento, S.A li jservi bħala depożitarju għall-Fond.

(40)

Il-FEI ġie stabbilit fit-30 ta’ Marzu 2010.

(41)

Fis-16 ta’ April 2010, il-Bank tal-Portugall ħareġ komunikazzjoni li tiddikjara li l-liċenzja bankarja ta’ BPP kienet ġiet revokata permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ April, minħabba li kien impossibbli li l-bank jiġi ristrutturat jew rikapitalizzat. Fit-22 ta’ April, il-Bank tal-Portugall talab il-likwidazzjoni ta’ BPP fil-qorti kompetenti (Tribunal de Comércio de Lisboa), filwaqt li ppreżenta proposta għall-ħatra ta’ kumitat għal-likwidazzjoni. Il-likwidazzjoni ta’ BPP issegwi r-regoli Portugiżi dwar il-likwidazzjoni applikabbli speċifikament għall-istituzzjonijiet bankarji. L-awtoritajiet Portugiżi jagħmlu stima li l-passi legali differenti stabbiliti taħt il-leġiżlazzjoni rilevanti jfissru li l-likwidiazzjoni tista’ tieħu madwar sena.

(42)

Fit-13 ta’ Mejju 2010, l-awtoritajiet Portugiżi kkomunikaw lill-Kummissjoni li, abbażi tal-ftehim dwar is-self (9), il-garanzija ġiet imsejħa mill-konsorzju tal-bank u ġiet eżegwita fis-7 ta’ Mejju, meta l-Portugall kien ħallas lura EUR 450 miljun lis-sitt banek. L-Istat Portugiż stqarr li kien diġà ħa l-passi neċessarji biex jinforza d-drittijiet ta’ privileġġ u prijorità bħala kreditur fuq il-kapital ta’ garanzija relatat mal-avall, wara li ppreżenta l-pretensjonijiet tiegħu lill-qorti rilevanti (10).

3.   DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI DWAR IL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

(43)

Fid-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ November 2009 li bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni stabbilit il-valutazzjoni preliminari tagħha u d-dubji dwar il-kompatibilità tal-miżuri kkonċernati mas-suq intern. Il-miżuri kkonċernati kienu:

L-ipprezzar tal-garanzija, li kienet taħt il-livell normalment meħtieġ skont il-Komunikazzjoni Bankarja (11). Il-Kummissjoni ddubitat li r-rimborż kien xieraq meta wieħed iqis ir-riskju. Il-Kummissjoni awtorizzat biss it-tali pprezzar abbażi tal-impenn tal-Portugall li jissottometti pjan ta’ ristrutturar li għandu, fit-tul, jindirizza b’mod xieraq dan il-vantaġġ.

Il-fatt li l-Portugall ma ssottomettix il-pjan ta’ ristrutturar minkejja li ġie mfakkar formalment biex jagħmel dan permezz tal-ittra datata s-6 ta’ Ottubru 2009.

L-estensjoni tal-garanzija (fil-5 ta’ Ġunju 2009) lil hinn mis-sitt xhur approvati inizjalment mill-Kummissjoni.

4.   OSSERVAZZJONIJIET MILL-PORTUGALL

(44)

Fil-kummenti tagħhom dwar il-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Portugiżi argumentaw li ma kinux jafu dwar l-impenn li ħadu vis-à-vis il-Kummissjoni biex jissottomettu pjan għar-ristrutturar ta’ BPP. Madankollu, skont is-sottomissjoni tagħhom tat-13 ta’ April 2010, ir-responsabbiltà aħħarija għall-preżentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar kienet ta’ BPP (bl-approvazzjoni tal-Bank tal-Portugall) u r-responsabbiltà tal-Istat Portugiż kienet li jittrasmetti l-pjan lill-Kummissjoni. L-awtoritajiet Portugiżi ma ppreżentawx il-pjan ta’ ristrutturar lill-Kummissjoni sempliċement għaliex il-pjan ippreżentat minn BPP ma ġiex approvat mill-Bank tal-Portugall. Għalhekk, il-mandat stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Novembru 2009 ma setgħax jiġi sodisfatt, minkejja l-isforzi politiċi mill-Istat Portugiż biex jiżgura li BPP jissodisfa attwalment l-obbligi tiegħu lejn il-Bank tal-Portugall, l-Istat u, fl-aħħar mill-aħħar, lejn il-Kummissjoni.

(45)

Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat lil BPP, il-Portugall jargumenta li kienet, u hija, kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE minħabba li ngħatat biex tiggarantixxi l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja nazzjonali, b’analoġija ma’ dak li kien għaddej fil-kuntest Ewropew.

(46)

Fir-rigward tal-estensjonijiet tal-garanzija tal-Istat fuq is-self ta’ EUR 450 miljun, il-Portugall jargumenta li dawn ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat ġdida għaliex ma saret l-ebda bidla fis-sitwazzjoni sottostanti għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-miżura ta’ għajnuna mill-Istat. Il-garanzija tal-Istat, estiża darbtejn, baqgħet mingħajr bidliet fil-kundizzjonijiet tagħha: (i) ma kienx hemm żieda fil-valur tas-self; (ii) ma kienx hemm modifika fl-obbligi marbuta mas-self (12); (iii) taħt il-kuntratt ta’ garanzija, il-garanzija tintemm biss tletin jum wara l-jum tal-aħħar ħlas tal-kapital u l-imgħax, u l-Kummissjoni kienet konxja li l-ftehim dwar is-self kien għal sentejn (13).

(47)

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ notifika dwar l-estensjonijiet tal-garanzija tal-Istat, l-awtoritajiet Portugiżi jargumentaw li t-tiġdid tal-ftehim dwar is-self ma kienx jiddependi fuq l-Istat Portugiż iżda fuq il-konsorzju tal-bank u BPP, u li n-nuqqas li tiġi estiża l-garanzija kien iwassal għall-istess impatti negattivi għas-sistema finanzjarja Portugiża li kienu ġġustifikaw l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-miżura ta’ għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, il-Portugall iqis li l-estensjonijiet tal-garanzija kienu awtomatiċi taħt il-kuntratt li jirregola l-ftehim dwar is-self, għalkemm dawn kienu formalizzati xorta waħda għal raġunijiet ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-konsorzju tal-bank.

(48)

Barra minn hekk, skont l-awtoritajiet Portugiżi, l-estensjonijiet (anki jekk meqjusin li jikkostitwixxu għajnuna ġdida) ma tawx vantaġġ ekonomiku, għaliex BPP ma kienx, qed jopera, fil-prattika, almenu mill-1 ta’ Diċembru 2008 ‘l quddiem. Għalhekk il-miżura, bl-estensjonijiet jew mingħajr, ma kenitx “tagħti vantaġġ ekonomiku lil BPP jew issaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fir-rigward tal-kompetituri għas-sempliċi raġuni li BPP ma kienx qed jopera fis-suq u, bħala konsegwenza, ma kienx qed jikkompeti ma’ banek oħrajn” (14). Għalhekk il-Portugall iqis li l-miżura la affettwat il-kompetizzjoni u lanqas il-kummerċ fost l-Istati Membri.

(49)

Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kummenti tal-partijiet interessati (ara hawn taħt), l-awtoritajiet Portugiżi stqarru li s-self ta’ EUR 450 miljun intuża b’mod trasparenti sabiex jevita l-kontaġju sistematiku u jissodisfa l-obbligazzjonijiet ta’ BPP kif irreġistrati fil-karta tal-bilanċ fl-24 ta’ Novembru 2008.

(50)

L-awtoritajiet Portugiżi osservaw ukoll li l-Portugall għandu jafferma d-drittijiet tiegħu fuq il-kapital ta’ garanzija marbut mal-garanzija bħala parti mill-proċeduri tal-likwidazzjoni ta’ BPP. Minħabba l-istatus tiegħu bħala kreditur privileġġat ta’ BPP, il-Portugall huwa fiduċjuż li għandu jkun kapaċi jirkupra l-ammont sħiħ ta’ EUR 450 miljun li kien ħallas lill-banek kredituri. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Portugiżi jinnotaw li l-valur tal-kapital ta’ garanzija kien, mis-7 ta’ Mejju 2010, iżjed minn 20 % ogħla mill-ammont totali tas-self garantit.

(51)

Fir-rigward tal-impenn tal-Istat li jikkumpensa t-telf sa EUR 250 000 tal-klijenti ta’ Redditu Assolut li daħlu mal-FEI, il-Portugall jargumenta li dan l-impenn ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat għaliex i) ma jinvolvix it-trasferiment ta’ xi riżorsa tal-istat lill-kumpanija ta’ ġestjoni tal-FEI jew kwalunkwe korp ieħor attiv fis-suq, ii) huwa mekkaniżmu regolari u aċċettat li huwa estensjoni loġika tas-sistema għall-ikkumpensar tal-investituri, iii) ma jinvolvix xi vantaġġ ekonomiku għall-investituri, li huwa mmirat lejhom b’mod ġenerali u f’termini esklussivi, skont ir-rekwiżiti legali nazzjonali u Ewropej, jew xi tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq jew fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri.

(52)

Barra minn hekk, il-Portugall jargumenta li l-ħlasijiet attwali lill-klijenti tal-FEI wara dan l-impenn għandhom ikunu minimi, jekk tabilħaqq isirx xi wieħed. L-awtoritajiet Portugiżi jqisu li l-kopertura tal-assigurazzjoni ta’ EUR 250 000 hija miżura li tnissel fiduċja fil-klijenti tal-FEI, li madankollu m’għandhiex twassal għal ħlas attwali fil-maġġoranza tax-xenarji. F’xenarju konservattiv, abbażi tas-suppożizzjoni li l-assi fl-FEI jiddeterjoraw iżjed mill-valur tagħhom f’Ottubru 2009 matul l-erba’ snin li ġejjin, il-Portugall jikkalkula li l-ħlas massimu għal kull klijent għandu jkun ta’ madwar EUR 68 000. F’xenarji aktar favorevoli, ma jsir l-ebda ħlas.

5.   OSSERVAZZJONIJIET MINN PARTIJIET INTERESSATI OĦRAJN

(53)

Skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Novembru 2009 biex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni rċeviet kummenti, fis-6 ta’ April 2010, minn partijiet terzi identifikati kif dovut li xtaqu jibqgħu anonimi. Fil-kummenti tagħhom dwar il-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-partijiet interessati enfasizzaw li l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet li taħthom ingħatat il-garanzija tal-Istat fuq is-self (dewmien massimu ta’ sitt xhur u s-sottomissjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar) ma ġiet rispettata. Għalhekk, skont l-osservazzjonijiet sottomessi, l-għajnuna kienet illegali u l-Kummissjoni għandha tordna lill-Portugal biex iwaqqaf il-garanzija. Barra minn hekk, l-EUR 450 miljun, minflok intużaw għar-ristrutturar tal-bank, intużaw biex jitħallsu ċerti klijenti ta’ BPP, u dan ippenalizza lill-oħrajn kollha.

6.   VALUTAZZJONI

6.1.   Kwalifikazzjoni tal-miżuri bħala għajnuna mill-Istat

(54)

L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jgħid:

“Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

(55)

Sabiex l-Artikolu 107(1) tat-TFUE jkun applikabbli, hemm bżonn ta’ miżura ta’ għajnuna imputabbli lill-Istat li tingħata mir-riżorsi tal-Istat, li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tfixkel il-kompetizzjoni fis-suq intern billi tagħti vantaġġ selettiv lil ċerti impriżi.

6.1.1.   Il-garanzija tal-Istat fuq is-self ta’ EUR 450 miljun

(56)

Il-Kummissjoni tfakkar li diġà stabbilixxiet fid-Deċiżjoni dwar l-Għajnuna ta’ Salvataġġ tat-13 ta’ Marzu 2009 li l-garanzija tal-Istat tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (15). Il-miżura hija ffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat għaliex tikkonsisti minn garanzija tal-Istat mogħtija mill-Portugall. Fil-fatt, ir-rimborż li sar mill-Istat Portugiż lill-konsorzju tal-bank fit-13 ta’ Mejju 2010 (ara l-premessa 42 hawn fuq) juri biċ-ċar li kienu involuti r-riżorsi tal-Istat.

(57)

Kif stabbilit diġà fid-Deċiżjoni dwar l-Għajnuna ta’ Salvataġġ tat-13 ta’ Marzu 2009 (16), il-garanzija tal-Istat tippermetti lil BPP jikseb kundizzjonijiet finanzjarji aħjar għas-self miksub milli dawk normlament disponibbli fis-suq għall-kumpaniji f’ċirkostanzi simili, fil-każ improbabbli, kif ammess mill-awtoritajiet Portugiżi, li t-tali self kien ikun attwalment disponibbli. F’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni dwar l-Għajnuna ta’ Salvataġġ diġà ddikjarat li t-tariffa ta’ 20 punt bażi kienet ferm iżjed baxxa mil-livell li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2008. Minkejja l-livell għoli ta’ kollateralizzazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ħlas għall-garanzija tal-Istat kien ferm iżjed baxx minn dak li ġeneralment jitqies bħala xieraq għal banek f’diffikultà finanzjarja. Dan il-ħlas kien meqjus xieraq biss għall-fażi ta’ salvataġġ, soġġett għas-sottomissjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar qabel il-5 ta’ Ġunju 2009.

(58)

B’differenza minn banek oħra, li ma bbenefikawx mill-garanzija tal-Istat fuq is-self, BPP kiseb vantaġġ ekonomiku fis-sens li t-tariffa mitluba għall-garanzija tal-Istat kienet b’mod evidenti iżjed baxxa mil-livell tas-suq.

(59)

L-argument imressaq mill-awtoritajiet Portugiżi li BPP ma kienx qed jopera fis-suq wara l-1 ta’ Diċembru 2008 ma tistax tiġi aċċettata. Minħabba li l-liċenzja bankarja ta’ BPP ġiet revokata biss mill-Bank tal-Portugall fil-15 ta’ April 2010, BPP seta’ daħal jew daħal mill-ġdid fis-suq fi żmien qasir. Tabilħaqq, il-pjanijiet ta’ rkupru għal BPP sottomessi bejn Diċembru 2008 u April 2009 juru l-potenzjal tal-bank li jkompli jeżerċita attività ekonomika bħala konsegwenza tal-miżura ta’ salvataġġ. Minħabba l-attivitajiet u l-pożizzjoni ta’ BPP fis-swieq finanzjarji internazzjonali, dan il-vantaġġ potenzjalment jaffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Huwa biss mill-15 ta’ April 2010, mar-revoka tal-liċenzja bankarja, li BPP tilef kwalunkwe kapaċità li jidħol mill-ġdid fis-suq u biex potenzjalment ifixkel il-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(60)

Abbażi ta’ dak li ssemma’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-garanzija tal-Istat tat vantaġġ ekonomiku lil BPP permezz tal-użu tar-riżorsi tal-Istat imputabbli lill-Portugall. Dan il-vantaġġ jista’ jaffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Il-miżura għalhekk tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

6.1.2.   Il-garanzija ta’ EUR 250 000 għall-klijenti tal-FEI

(61)

Kif deskritt hawn fuq, il-benefiċjarji ta’ din il-miżura huwa l-klijenti ta’ BPP li investew fil-prodotti ta’ Redditu Assolut u għażlu li jidħlu fil-FEI. Mingħajr is-soluzzjoni implimentata mill-Portugall, il-klijenti tal-FEI jirriskjaw li ma jitħallsux jew, iżjed probabbli, li jitħallsu ammont iżjed baxx minn dak taħt il-garanzija. Skont l-istimi tal-Portugall stess, huwa probabbli li r-redditu tagħhom bħala klijenti tal-FEI jiżdied bil-garanzija. Għalhekk, il-klijenti tal-FEI rċevew vantaġġ mill-miżura.

(62)

Madankollu, is-sempliċi fatt li ddepożitaw fondi ma jikkostitwixxix neċessarjament attività kummerċjali skont it-tifsira tar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat, u tabilħaqq, skont is-sottomissjoni mill-Portugall, il-maġġoranza tal-parteċipanti tal-FEI huma individwi li mhumiex impriżi. Madankollu, safejn l-ammonti tal-FEI koperti mill-garanzija tal-Istat iservu biex ikunu ta’ benefiċċju għall-impriżi, dawn jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

(63)

Madankollu, il-figuri mogħtija mill-Portugall juru biċ-ċar li l-ħlas mill-Istat għandu jkun ferm iżjed baxx mil-limitu de minimis ta’ EUR 200 000 matul tliet snin (17), malli tingħata kunsiderazzjoni tal-kopertura pprovduta mis-Sistema ta’ Kumpens għall-Investituri u mill-Fond ta’ Garanzija tad-Depożiti kif ukoll tal-valur probabbli li, skont suppożizzjonijiet prudenti, l-investituri għandhom jirkupraw mill-assi sottostanti.

6.2.   Kompatibilità skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE

6.2.1.   Il-garanzija tal-Istat fuq is-self ta’ EUR 450 miljun

(64)

Il-Portugall jargumenta li l-element ta’ għajnuna għandu jiġi vvalutat abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE, li jippermetti li l-Kummissjoni tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern jekk l-għan tagħha huwa li jiġi rimedjat it-“taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru”. Il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE jeħtieġ li jiġi applikat b’mod restrittiv u għandu jindirizza t-taħwid fl-ekonomija sħiħa ta’ Stat Membru (18).

(65)

Il-Kummissjoni diġà rrikonoxxiet li l-kriżi finanzjarja globali attwali tista’ toħloq tfixkil serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru u li l-miżuri li jappoġġjaw lill-banek jistgħu jitqiesu xierqa biex jirrimedjaw għal dan it-tfixkil. Din il-valutazzjoni ġiet ikkonfermata fil-Komunikazzjoni Bankarja (19), il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni (20), il-Komunikazzjoni dwar l-Assi Danneġġjati (21) u l-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar (22) adottati mill-Kummissjoni. Għalhekk, l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE jista’ jservi bħala bażi legali għall-miżuri ta’ għajnuna meħuda biex jindirizzaw din il-kriżi sistematika. Fir-rigward iktar speċifikament tal-ekonomija Portugiża, dan kien ukoll il-bażi legali xieraq għad-deċiżjonijiet differenti tal-Kummissjoni li japprovaw il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Portugiżi biex jiġġieldu l-kriżi finanzjarja, b’mod partikolari l-approvazzjoni tagħha tal-iskema ta’ rikapitalizzazzjoni Portugiża u l-estensjoni tagħha, bl-aħħar deċiżjoni tali datata Marzu 2010 (23).

(66)

Fir-rigward tal-każ ikkonċernat, il-Kummissjoni tinnota wkoll li, fid-Deċiżjoni tagħha dwar l-Għajnuna ta’ Salvataġġ, l-applikabilità tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE għandha tiġi vvalutata u meqjusa bħala applikabbli, għaliex in-nuqqas ta’ BPP li jikkonforma mal-obbligi finanzjarju tiegħu jista’ jaffettwa b’mod negattiv is-sistema finanzjarja Portugiża sħiħa (ara l-premessi 33 sa 45 tad-Deċiżjoni dwar l-Għajnuna ta’ Salvataġġ).

(67)

Filwaqt li ma ssottomettiex il-pjan ta’ ristrutturar, minkejja t-talbiet ripetuti u l-mandat ta’ informazzjoni, kif deskritt fil-paragrafi 30 sa 32 hawn fuq, il-Portugall estenda l-garanzija darbtejn mingħajr ma ta notifika minn qabel lil u mingħajr ma ħa l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

(68)

L-argumenti tal-awtoritajiet Portugiżi li l-Kummissjoni kienet konxja li, taħt il-kuntratt, il-garanzija setgħet tingħata għal sentejn u li ma kienx hemm bidla materjali għall-garanzija tal-Istat ma jistgħux jiġu aċċettati. Id-Deċiżjoni dwar l-Għajnuna ta’ Salvataġġ għamlet konnessjoni bejn l-approvazzjoni tal-garanzija tal-Istat u l-implimentazzjoni tal-impenn mill-awtoritajiet Portugiżi biex jippreżentaw il-pjan ta’ ristrutturar fi żmien sitt xhur. L-awtoritajiet Portugiżi ma kkonformawx ma’ dan l-impenn.

(69)

Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ tiġdid stipulat b’kuntratt tal-garanzija tal-Istat abbażi ta’ deċiżjoni mill-konsorzju tal-bank u BPP ma tistax teħles lill-Portugall mill-obbligi preċiżi u espliċiti li jirriżultaw mill-impenji li offra lill-Kummissjoni, u li fuqhom kienet ibbażata d-Deċiżjoni dwar l-Għajnuna ta’ Salvataġġ, jew mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

(70)

Il-pożizzjoni tal-Portugall fir-rigward tal-obbligu li jippreżenta pjan ta’ ristrutturar, filwaqt li qed jargumenta li l-uniku dover tiegħu kien li jittrasmetti l-pjan lill-Kummissjoni, ma tistax tiġi aċċettata fid-dawl tal-impenji li fuqhom hija bbażata d-Deċiżjoni dwar l-Għajnuna ta’ Salvataġġ. Fi kwalunkwe każ, il-fatt jibqa’ li l-pjan ta’ ristrutturar ma ġiex ippreżentat fil-perjodu meħtieġ stabbilit fid-Deċiżjoni dwar l-Għajnuna ta’ Salvataġġ u għalhekk il-bażi li fuqu ngħatat l-approvazzjoni ma ġiex milqugħ.

(71)

Isegwi li l-ipprezzar tal-garanzija kien taħt il-livell normalment meħtieġ taħt il-Komunikazzjoni Bankarja biex tiġi meqjusa bħala għajnuna kompatibbli, u li l-Kummissjoni awtorizzat biss dak il-livell ta’ prezzar fid-Deċiżjoni dwar l-Għajnuna ta’ Salvataġġ abbażi ta’ impenn mill-Portugall li jissottometti pjan ta’ ristrutturar jew ta’ likwidazzjoni li jiminimizza f’mod xieraq it-tfixkil tal-kompetizzjoni. L-ebda pjan bħal dan ma ġie ppreżentat sal-5 ta’ Ġunju 2009, għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li la l-garanzija pprovduta mill-Portugall fil-5 ta’ Diċembru 2008 u lanqas il-kontinwazzjoni tagħha wara l-5 ta’ Ġunju 2009 ma huma kompatibbli mas-suq intern.

(72)

Għalkemm il-Portugall ma ppreżentax pjan ta’ ristrutturar għal BPP, l-awtoritajiet Portugiżi pprovdew informazzjoni li turi li l-proċedura ta’ likwidazzjoni li bdiet fil-15 ta’ April 2010 bir-revoka tal-liċenzja bankarja ta’ BPP għandha twassal għal-likwidazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, l-ebda kumpens ma huwa sejjer jingħata lill-azzjonisti ta’ BPP minbarra kwalunkwe ammont li jirriżulta mill-proċedura ta’ likwidazzjoni stess. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni tqis li ma għandux ikun hemm riskju ta’ tfixkil tal-kompetizzjoni fil-futur fir-rigward ta’ BPP. Madankollu, din il-konklużjoni ma tirrimedjax l-inkompatibilità tal-miżura mogħtija mill-Portugall għall-perjodu bejn il-5 ta’ Diċembru 2008 u l-15 ta’ April 2010.

L-ammont tal-għajnuna

(73)

Sabiex tiddetermina prezz tas-suq għall-imgħax tas-self, il-Kummissjoni bbażat il-valutazzjoni tagħha fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (24). Il-Kummissjoni tistabbilixxi r-rati ta’ referenza li suppost jirriflettu l-livell medju tar-rati tal-imgħax mitluba fis-suq fuq self għal żmien medju u fit-tul appoġġat minn titoli normali. Din ir-rata ta’ referenza hija rata bażika li tista’ tiżdied f’sitwazzjonijiet li jinvolvu riskju partikolari, pereżempju impriża f’diffikultà jew fejn il-garanzija normalment meħtieġa mill-banek ma tingħatax. F’ċirkostanzi eċċezzjonali l-element ta’ għajnuna tal-garanzija jista’ jkun għoli daqs l-ammont kopert effettivament minn dik il-garanzija.

(74)

Il-garanzija ppermettit lil BPP jikseb termini finanzjarji aħjar għas-self minn dawk normalment disponibbli fis-swieq finanzjarji. Il-Kummissjoni tqis li dan l-element ta’ għajnuna jista’ jiġi kkalkulat bħala d-differenza bejn ir-rata tal-imgħax li BPP għandu jħallas għal self skont il-kundizzjonijiet tas-suq, jiġifieri mingħajr garanzija, u r-rata tal-imgħax li għaliha s-self garantit ingħata attwalment. Din id-differenza tista’ titqies li tikkorrispondi għall-primjum li garanti tal-ekonomija tas-suq kien jitlob għal dawn il-garanziji.

(75)

Fil-każ attwali, il-Kummissjoni tqis li, mingħajr il-garanzija, BPP kien iħallas rata tal-imgħax mill-inqas ugwali għar-rata tal-imgħax flimkien ma’ 400 punti bażi għaliex kien kumpanija f’diffikultà li tipprovdi livell għoli ta’ garanzija. Il-Kummissjoni tqis il-firxa ta’ 400 punti bażi bħala xierqa minħabba l-garanzija għolja tas-self (ara l- premessa 17), li żiedet il-probabbiltà li l-mutwanti jkun jista’ jirkupra mill-inqas parti mis-self minkejja s-sitwazzjoni diffiċli ħafna ta’ BPP. L-element ta’ għajnuna tal-garanzija għalhekk jikkonsisti fid-differenza bejn ir-rata tal-imgħax ta’ referenza flimkien ma’ 400 punti bażi u r-rata tal-imgħax li għaliha ngħata s-self garantit (jiġifieri EURIBOR + 100 punti bażi), wara t-tnaqqis tal-prezz imħallas attwalment għall-garanzija, jiġifieri 20 punti bażi.

(76)

F’dan il-kuntest il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Portugall stqarr li diġà ppreżenta l-pretensjonijiet neċessarji sabiex jinforza d-drittijiet tiegħu ta’ privileġġ u prijorità fuq il-kapital ta’ garanzija li għandu fuq BPP u li għandu jkompli jagħmel dan sakemm ikun irkupra l-ammont sħiħ tas-self (25). Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Portugall għandu obbligu li jagħmel dan sabiex jinforza d-dispożizzjonijiet fil-ftehim ta’ garanzija; kwalunkwe nuqqas milli jinforza d-drittijiet tiegħu fuq il-kapital ta’ garanzija sabiex jiġbor l-ammont sħiħ tas-self jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur BPP.

6.3.   Użu tas-self ta’ EUR 450 miljun minn BPP

(77)

Il-parti terza interessata li ssottomettiet kummenti dwar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tiftaħ investigazzjoni formali, allegat li s-self ta’ EUR 450 miljun, minflok intuża għar-ristrutturar ta’ BPP, intuża biex iħallas lura lil ċerti klijenti tal-bank, li ppenalizza lill-oħrajn kollha. Il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni mill-awtoritajiet Portugiżi li turi li s-self intuża biex jitħallsu lura l-kredituri ta’ BPP li l-krediti tagħhom kienu dovuti jew li l-linji tal-krediti tagħhom kienu sejrin jiskadu u li ddeċidew li ma jestendux il-krediti jew li jġeddu l-linji tal-kreditu. Il-Kummissjoni ma sabet ebda evidenza sostanzjata biex tappoġġa l-allegazzjonijiet tat-terza parti interessata.

7.   KONKLUŻJONI

(78)

Fid-dawl ta’ dak li ssemma’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-garanzija tal-Istat mogħtija lil BPP tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, li ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern.

8.   IRKUPRU

(79)

Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, fejn jittieħdu deċiżjonjiet negattivi fil-każijiet ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju. Hija biss l-għajnuna li hija inkompatibbli mas-suq intern li għandha tiġi rkuprata.

(80)

L-iskop tal-irkupru huwa li tiġi restawrata s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel ma ngħatat l-għajnuna. Dan jinkiseb malli l-għajnuna inkompatibbli titħallas lura minn BPP, li għalhekk jirrinunzja għall-vantaġġ li kien qed igawdi fuq il-kompetituri tiegħu. L-ammont li għandu jiġi rkuprat għandu jkun tali li jelimina l-vantaġġ ekonomiku mogħti lil BPP.

(81)

Skont il-punt 3.1 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-Komunità Ewropea għal għajnuna mill-Istat f’forma ta’ garanziji (minn hawn ‘il quddiem “Avviż tal-Kummissjoni dwar il-garanziji”) (26), fil-każ ta’ garanzija tal-Istat individwali, l-element ta’ għajnuna għandu jiġi vvalutat b’referenza għat-termini tal-garanzija u tas-self. Fid-dawl tad-diffikultajiet kbar finanzjarji ta’ BPP fiż-żmien meta ngħatat il-garanzija, kien improbabbli ħafna li l-kumpanija kienet tkun kapaċi tikseb self mill-bank fis-suq mingħajr intervent tal-Istat.

(82)

Għall-kwantifikazzjoni eżatta tal-ammont tal-għajnuna, minħabba li l-ebda prezz tas-suq xieraq ma jista’ jiġi stabbilit għar-remunerazzjoni tal-garanzija tal-Istat, irid jiġi definit punt ta’ riferiment xieraq. Kif stabbilit fl-ewwel inċiż tal-punt 3.2 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-garanziji, l-“ekwivalenti tal-għotja tal-flus” ta’ garanzija ta’ self f’sena partikolari jista’ jiġi kkalkolat fl-istess mod bħall-ekwivalenti tal-għotja ta’ self b’rata ta’ imgħax baxxa. Għalhekk l-ammont tal-għajnuna jista’ jiġi kkalkolat bħala d-differenza bejn rata tal-imgħax tas-suq teoretika u r-rata tal-imgħax miksuba permezz tal-garanzija tal-Istat, wara li jiġu mnaqqsa kwalunkwe primjums imħallsa.

(83)

F’dan il-każ, minħabba d-diffikultajiet finanzjarji ta’ BPP u b’kunsiderazzjoni tal-kapital ta’ garanzija mogħti, BPP suppost ħallas għal self taħt kondizzjonijiet tas-suq, jiġifieri mingħajr garanzija, ir-rata tal-imgħax ta’ referenza flimkien mal-primjum tar-riskju ta’ 400 punti bażi. L-ammont tal-għajnuna għalhekk għandu jiġi kkalkulat bħala d-differenza bejn din ir-rata tas-suq teoretika u r-rata tal-imgħax li għaliha attwalment ngħata s-self garantit (jiġifieri, EURIBOR + 100 punt bażi), wara t-tnaqqis tal-prezz attwalment imħallas mill-garanzija, jiġifieri 20 punt bażi.

(84)

Fir-rigward tal-ammont sħiħ tas-self stess, skont l-awtoritajiet Portugiżi, l-Istat Portugiż s’issa ħa l-miżuri u l-passi kollha neċessarji sabiex jinforza d-drittijiet ta’ prijorità tiegħu fuq il-kapital ta’ garanzija li għandu minn BPP (li l-valur tiegħu ġie stmat ferm ogħla mill-valur tas-self) (27). Il-Kummissjoni tissoponi li l-Istat Portugiż għandu jkompli jinforza dawk id-drittijiet, biex b’hekk jikseb l-ammont sħiħ tas-self fil-proċess tal-likwidazzjoni kif iddikjara huwa stess fit-tweġiba tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2010 (28).

(85)

L-ammont imsemmi fil-premessa 83 jikkostitwixxi l-ammont li jrid jiġi rkuprat, flimkien mal-imgħax akkumulat effettivament fuq l-ammont mid-data li fiha l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju (5 ta’ Diċembru 2008) sal-irkupru attwali tagħha. Dak l-imgħax ma jistax ikun iżjed baxx mill-ammont ikkalkolat skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 659/1999 (29),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat involuta fil-garanzija relatata mas-self ta’ EUR 450 miljun mogħti illegalment mill-Portugall, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, favur Banco Privado Português hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1.   Il-Portugall għandu jirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mill-benefiċjarju.

2.   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħax mid-data li fiha tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sal-irkupri attwali tagħhom.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004.

Artikolu 3

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Il-Portugall għandu jiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur wara d-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-deċiżjoni, il-Portugall għandu jissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (somma kapitali ewlenija u imgħax) li jrid jiġi rkuprat mill-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri meħudin diġà u ppjanati għall-konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)

id-dokumenti li juru li l-Istat Portugiż inforza d-drittijiet tiegħu ta’ prijorità fuq il-kapital ta’ garanzija offrut minn Banco Privado Português fil-kuntest tal-garanzija.

2.   Il-Portugall għandu jżomm lill-Kummissjoni informata bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sakemm jiġi kkompletat l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1. Dan għandu jissottometti minnufih, fuq sempliċement talba mill-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar il-miżuri meħudin u ppjanati għall-konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Għandu jipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħax diġà rkuprati mill-benefiċjarju.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi-President


(1)  ĠU C 56, 6.3.2010, p. 10.

(2)  ĠU C 174, 28.7.2009, p. 1.

(3)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(4)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(5)  Deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2008 fil-Każ NN 60/2008 – Skema ta’ garanzija għall-istituzzjonijiet tal-kreditu fil-Portugall.

(6)  L-awtoritajiet Portugiżi ppreżentaw stima ġdida tal-Bank tal-Portugall, datata s-7 ta’ Mejju 2010, li tivvaluta l-kapital ta’ garanzija għal EUR 582 miljun.

(7)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

(8)  Skont l-awtoritajiet Portugiżi din id-data tista’ tiġi estiża sa perjodu massimu ta’ għaxar snin mid-data tal-istabbiliment tal-FEI.

(9)  Il-ftehim dwar is-self ipprovda li x-xoljiment jew l-insolvenza ta’ BPP jagħti bidu għar-rimborż bikri tal-ammont garantit minn BPP (Artikolu 16). Skont l-awtoritajiet Portugiżi, ir-revoka tal-liċenzja ta’ BPP mill-Bank tal-Portugall timplika t-tali xoljiment u, għalhekk, taħt il-kuntratt, l-ammonti tas-self saru dovuti u ġew imsejħa mill-bank li kien qed jaġixxi bħala aġent taħt il-ftehim dwar is-self.

(10)  Ara l-paġna 8 tat-tweġiba tal-15 ta’ Ġunju 2010.

(11)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “L-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħudin fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti” (il-“Komunikazzjoni Bankarja”) (ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8).

(12)  Tweġiba II – 1 u 2 tal-15 ta’ Ġunju 2010.

(13)  Tweġiba II – 1.2 tat-13 ta’ April 2010.

(14)  Tweġiba tal-15 ta’ Ġunju 2010.

(15)  Il-premessi 21 sa 24 tad-Deċiżjoni.

(16)  Il-premessi 34, 38 u 39.

(17)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5).

(18)  Ara, fir-rigward tal-prinċipji, il-Każijiet Konġunti T-132/96 u T-143/96 Freistaat Sachsen and Volkswagen AG vs Il-Kummissjoni [1999] ECR II-3663, paragrafu 167, segwiti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 1998 fil-Każ C 47/1996, Crédit Lyonnais (ĠU L 221, 8.8.1998, p. 28, paragrafu 10.1), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Frar 2004 fil-Każ C 28/2002 Bankgesellschaft Berlin (ĠU L 116, 4.5.2005, p. 1, premessi 153 et seq) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ġunju 2007 fil-Każ C 50/2006 BAWAG (ĠU L 83, 26.3.2008, p. 7, premessa 166). Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2007 fil-Każ NN 70/2007, Northern Rock (ĠU C 43, 16.2.2008, p. 1), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2008 fil-Każ NN 25/2008 Rescue aid to WestLB (ĠU C 189, 26.7.2008, p. 3) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ġunju 2008 fil-Każ C 9/2008 SachsenLB (ĠU L 104, 24.4.2009, p. 34).

(19)  Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni ta “regoli ta” għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali preżenti (ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8).

(20)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji [1] fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux mistħoqqa (ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2).

(21)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-Trattament ta’ Assi indeboliti fis-Settur Bankarju tal-Komunità (ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1).

(22)  Komunikazzjoni tal-kummissjoni fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta’ miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9).

(23)  Ara l-approvazzjoni tal-iskema ta’ Rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-kreditu fil-Portugall, Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2009 fil-Każ N 556/2008 (ĠU C 152, 7.7.2009, p. 4, b’mod partikolari l-premessi 65 sa 67) u l-estensjoni tagħha fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Marzu 2010, fil-Każ N 80/2010 (ĠU C 119, 7.5.2010, p. 2).

(24)  ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(25)  Ara l-paġni 8 u 13 tat-tweġiba tal-15 ta’ Ġunju 2010.

(26)  ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10.

(27)  Ara l-paġna 8 tat-tweġiba tal-awtoritajiet Portugiżi tal-15 ta’ Ġunju 2010.

(28)  Ara l-paġna 13.

(29)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.


Top