EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42011D0181

2011/181/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tal- 15 ta’ Ottubru 2010 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, minn naħa l-oħra

OJ L 79, 25.3.2011, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 11 Volume 119 P. 200 - 201

No longer in force, Date of end of validity: 25/03/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/181/oj

25.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U TAR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI, IMLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL

tal-15 ta’ Ottubru 2010

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, minn naħa l-oħra

(2011/181/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI EWROPEA MLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218, il-paragrafi (5) u (7) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218 (8) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni nnegozjat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri, Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni mar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan (minn hawn ’il quddiem, il-‘Ftehim’) skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tibda n-negozjati;

(2)

Il-Ftehim ġie inizjalat fis-17 ta’ Marzu 2010;

(3)

Il-Ftehim għandu jkun iffirmat u applikat proviżorjament mill-Unjoni u l-Istati Membri, suġġett għall-konklużjoni possibbli tiegħu f’data aktar tard;

(4)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti proċedurali għat-teħid tad-deċiżjoni, jekk ikun adatt, dwar kif tintemm l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim. Huwa meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti arranġamenti proċedurali adatti għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni u l-Istati Membri fil-Kumitat Konġunt imwaqqaf skont l-Artikolu 21 tal-Ftehim u fil-proċeduri għas-soluzzjoni ta’ tilwim previsti fl-Artikolu 22 tal-Ftehim, kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jikkonċernaw is-sigurtà u s-sikurezza,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Firma

1.   L-iffirmar tal-Ftehim Ewro-Mediterranju dwar l-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, minn naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem, il-‘Ftehim’), huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, suġġett għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna l-konklużjoni tal-Ftehim (1).

2.   Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 2

Applikazzjoni proviżorja

Sad-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Ftehim għandu jkun applikat fuq bażi proviżorja mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mill-ewwel jum tax-xahar wara dak li jiġi l-iktar kmieni minn: (i) id-data tal-aħħar nota li biha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa biex il-Ftehim jiġi applikat proviżorjament, jew (ii) suġġett għall-proċeduri interni u/jew il-leġislazzjoni domestika, kif applikabbli, tal-Partijiet Kontraenti, id-data li tiġi 12-il xahar mid-data tal-firma tal-Ftehim.

Artikolu 3

Kumitat Konġunt

1.   L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom ikunu rappreżentati fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 21 tal-Ftehim minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri.

2.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri tagħha fi ħdan il-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-emendi għall-Anness III u l-Anness IV tal-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 26(2) tal-Ftehim u ta’ kwistjonijiet ta’ kompetenza esklussiva tal-UE li ma jeħtiġux l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li għandha effett legali għandha tkun stabbilita mill-Kummissjoni u għandha tkun notifikata bil-quddiem lill-Kunsill u lill-Istati Membri.

3.   Għal deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE, il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri tagħha għandha tkun adottata mill-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, sakemm il-proċeduri applikabbli ta’ votazzjoni stabbiliti fit-Trattati tal-UE ma jipprevedux mod ieħor.

4.   Għal deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri għandha tkun adottata mill-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’unanimità, fuq proposta mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri, sakemm Stat Membru ma jkunx informa lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fi żmien xahar mill-adozzjoni ta’ dik il-pożizzjoni li huwa jista’ jagħti l-kunsens biss għad-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-Kumitat Konġunt bil-qbil tal-korpijiet leġiżlattivi tiegħu.

5.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat Konġunt għandha tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni, ħlief f’materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, f’liema każ hija għandha tiġi ppreżentata mill-Presidenza tal-Kunsill jew, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, mill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Soluzzjoni ta’ Tilwim

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni u lill-Istati Membri fil-proċeduri ta’ soluzzjoni ta’ tilwim skont l-Artikolu 22 tal-Ftehim.

2.   Id-deċiżjoni li tkun sospiża l-applikazzjoni ta’ benefiċċji skont l-Artikolu 22(7) tal-Ftehim għandha tittieħed mill-Kunsill abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata.

3.   Kwalunkwe azzjoni xierqa oħra li tkun trid tittieħed taħt l-Artikolu 22 tal-Ftehim dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-UE għandha tiġi deċiża mill-Kummissjoni, bl-assistenza ta’ Kumitat Speċjali ta’ rappreżentanti tal-Istati Membri maħtura mill-Kunsill.

Artikolu 5

Informazzjoni lill-Kummissjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni rigward kwalunkwe deċiżjoni biex tiġi rifjutata, revokata, sospiża jew limitata l-awtorizzazzjoni ta’ trasportatur tal-ajru li huma jkunu beħsiebhom jadottaw skont l-Artikolu 4 tal-Ftehim.

2.   L-Istati Membri għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni rigward kwalunkwe talba jew notifika magħmula minnhom jew li tasal għandhom skont l-Artikolu 13 (Sikurezza tal-avjazzjoni) tal-Ftehim.

3.   L-Istati Membri għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni rigward kwalunkwe talba jew notifika magħmula minnhom jew li tasal għandhom skont l-Artikolu 14 (Sigurtà tal-avjazzjoni) tal-Ftehim.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SCHOUPPE


(1)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


Top