EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0166

2011/166/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 17 ta’ Marzu 2011 li tistabbilixxi x-SHARE-ERIC

ĠU L 71, 18.3.2011, p. 20–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 31/05/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/166/oj

18.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 71/20


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Marzu 2011

li tistabbilixxi x-SHARE-ERIC

(2011/166/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka [Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta’ Riċerka] (ERIC) (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 723/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi Konsorzji Ewropej għal Infrastruttura ta’ Riċerka (minn hawn ‘il quddiem “ERICs”).

(2)

Fl-14 ta’ Diċembru 2010, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u ir-Repubblika tal-Awstrija talbu lill-Kummissjoni biex l-Istħarriġ dwar is-Saħħa, it-Tixjiħ u l-Irtirar fl-Ewropa jiġi stabbilit bħala Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta’ Riċerka (SHARE-ERIC), ir-Renju tal-Belġju ngħaqad ma’ din it-talba fil-21 ta’ Jannar 2011, u l-Isvizzera talbet biex tiġi inkluża bħala osservatur fix-SHARE-ERIC.

(3)

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi pprovda dikjarazzjoni li tirrikonoxxi x-SHARE-ERIC bħala korp internazzjonali fis-sens tal-Artikoli 143(g) u 151(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2) u bħala organizzazzjoni internazzjonali fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikoli 23(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta' Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta' dan it-tip ta' prodotti (3).

(4)

Il-Kummissjoni, b’risposta għall-obbligi tagħha stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 vvalutat l-applikazzjoni u kkonkludiet li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 723/2009.

(5)

Skont l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 il-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 20 ta’ dak ir-Regolament ġie kkonsultat għall-opinjoni tiegħu dwar it-tfassil tax-SHARE-ERIC u ta opinjoni favorevoli.

(6)

Ix-SHARE-ERIC mistenni li jsir element importanti għal inizjattivi oħra Ewropej għar-riċerka u l-innovazzjoni dwar it-tixjiħ tal-popolazzjoni bħall-Inizjattiva ta’ Programmazzjoni Konġunta aktar snin, ħajjiet aħjar, Il-Programm Konġunt tal-Għajxien Megħjun Kontestwalment u s-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

Stabbiliment tax-SHARE-ERIC

1.   Il-Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta’ Riċerka għall-Istħarriġ dwar is-Saħħa, it-Tixjiħ u l-Irtirar fl-Ewropa imsemmi SHARE-ERIC huwa b’dan stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 723/2009.

Ix-SHARE-ERIC għandu jkollu personalità legali mid-data li fiha din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ u għandu jgawdi, f’kull Stat Membru, mill-aktar kapaċità legali estensiva skont l-entitajiet legali li jaqgħu taħt il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat. Huwa jista’, b’mod partikolari, jakkwista, jippossedi jew jiddisponi minn proprjetà mobbli, immobbli u intellettwali, jikkonkludi kuntratti u jkun parti fi proċeduri legali.

2.   L-istatuti tax-SHARE-ERIC, kif miftiehma bejn il-membri tiegħu, huma annessi ma’ din id-deċiżjoni. L-emenda tagħhom hija soġġetta għad-dispożizzjonijiet fl-istatuti u għall-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009. L-Istatuti għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-ERIC u fis-sede statutorja tiegħu.

3.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.   Għandha torbot fl-intier tagħha u tkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1.

(2)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 76, 23.3.1992, p. 1.


ANNESS

L-ISTATUTI TAX-SHARE-ERIC

Rigward il-Ħolqien u t-Tħaddim tal-Istħarriġ dwar is-Saħħa, it-Tixjiħ u l-Irtirar fl-Ewropa (SHARE)

Kontenut

Artikolu 1:

Stabbiliment ta’ SHARE-ERIC

Artikolu 2:

Sede Statutorja u Lingwa ta’ Ħidma

Artikolu 3:

Kompiti

Artikolu 4:

Prinċipji

Artikolu 5:

Entitajiet tal-Organizzazzjoni u tal-Istituzzjonijiet Imsieħba Xjentifiċi

Artikolu 6:

Il-Kunsill

Artikolu 7:

Il-Bord tat-Tmexxija

Artikolu 8:

Kopertura

Artikolu 9:

Kontributi

Artikolu 10:

Responsabbilità u Assigurazzjoni

Artikolu 11:

Proprjetà Intellettwali

Artikolu 12:

Tixrid u Użu tad-Dejta tax-SHARE

Artikolu 13:

Akkwist Pubbliku u Eżenzjonijiet tat-Taxxa

Artikolu 14:

Impjieg

Artikolu 15:

Emendi

Artikolu 16:

Adeżjoni

Artikolu 17:

Tul ta’ żmien tal-Organizzazzjoni

Artikolu 18:

Disponibbiltà ta’ dawn l-Istatuti

Anness 1:

Istituzzjonijiet Imsieħba Xjentifiċi u Kapijiet tat-Timijiet tal-Pajjiżi

Anness 2:

Bord tal-Monitoraġġ Xjentifiku

Anness 3:

Kosti Stmati għall-Istħarriġ u t-Tħaddim

Anness 4:

Proċedura għal Akkwist Pubbliku Ristretta

Ir-Repubblika tal-Awstrija

Ir-Renju tal-Belġju

Ir-Repubblika Ċeka

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

Minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala “il-Partijiet Kontraenti”,

XEWQANA li jsaħħu aktar il-pożizzjoni tal-Ewropa u tal-Partijiet Kontraenti fir-riċerka fid-dinja, u li jintensifikaw il-kooperazzjoni xjentifika bejn il-fruntieri dixxiplinarji u nazzjonali;

B’KUNSIDERAZZJONI ta’ rapport mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill Ewropew tal-2001(Dokument tal-Kunsill 6997/01) li jidentifika t-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-isfidi soċjali u ekonomiċi tiegħu għat-tkabbir u l-prosperità bħala l-aktar sfidi urġenti tas-seklu 21 fl-Ewropa, li jindika nuqqasijiet infrastrutturali serji biex jinftiehem it-tixjiħ tal-individwu u tal-popolazzjoni, u li iktar 'il quddiem jitlob biex “tiġi eżaminata l-possibbiltà li jiġi stabbilit, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, Stħarriġ Ewropew dwar it-Tixjiħ Lonġitudinali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] sabiex titħeġġeġ riċerka Ewropea dwar it-tixjiħ;

BILLI JIBNU fuq il-prototip attwali tal-Istħarriġ dwar is-Saħħa, it-Tixjiħ u l-Irtirar fl-Ewropa (SHARE) li ntgħażel mill-proċess tal-istrateġija tal-ESFRI (Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka) biex jiġi promoss bħala wieħed mill-infrastrutturi ta’ riċerka ċentrali taż-Żona Ewropea tar-Riċerka;

FILWAQT li jirrikonoxxu li dan l-istħarriġ ġdid interdixxiplinarju, internazzjonali, u lonġitudinali ta’ kwalità mingħajr preċedent fir-rigward ta’ koerenza, wisa’ u komparabbiltà internazzjonali fil-ġejjieni ser ikun ta’ importanza kbira f’ħafna oqsma differenti ta’ xjenzi fundamentali u applikati bħad-demografija, l-ekonomija, l-epidemjoloġija, il-ġerontoloġija, il-bijoloġija, il-mediċina, il-psikoloġija, is-saħħa pubblika, il-politika tas-saħħa, is-soċjoloġija u l-istatistika;

FILWAQT li jirrikonoxxu li t-tfassil ta’ politika pubblika abbażi ta’ evidenza jeħtieġ infrastruttura ta’ dejta aġġornata;

FILWAQT li jistennew pajjiżi oħra jipparteċipaw fl-attivitajiet li impenjaw ruħhom li jwettqu flimkien skont l-Istatuti li ġejjin;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Stabbiliment ta’ SHARE-ERIC

(1)   Għandu jkun hemm Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka mifruxa msemmija l-Istħarriġ dwar is-Saħħa, it-Tixjiħ u l-Irtirar fl-Ewropa (SHARE).

(2)   SHARE għandu jkollu l-forma legali ta’ Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta’ Riċerka (ERIC) inkorporat skont id-dispożizzjoni tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 u għandu jingħata l-isem “SHARE-ERIC” (minn hawn 'il quddiem imsemmi bħala “l-Organizzazzjoni”).

Artikolu 2

Sede Statutorja u Lingwa ta' Ħidma

(1)   Is-Sede Statutorja tal-Organizzazzjoni għandha tkun f’Tilburg, il-Pajjiżi l-Baxxi.

(2)   Il-Partijiet Kontraenti ftiehmu li, hekk kif l-awtoritajiet Ġermaniżi jipprovdu d-dikjarazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 5(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, jagħtu bidu għal emenda tal-Istatuti sabiex tiġi trasferita s-Sede Statutorja għall-Ġermanja. Din l-emenda ma għandhiex tidħol fis-seħħ qabel tmiem il-Fażi I kif hemm definit fl-Artikolu 8.

(3)   Il-lingwa ta’ ħidma fl-Organizzazzjoni għandha tkun l-Ingliż.

Artikolu 3

Kompiti

(1)   Ix-SHARE-ERIC għandu joħloq infrastruttura ta’ mikrodejta ta’ familji u individwi meħtieġa biex ikun hemm fehim dwar it-tixjiħ tal-individwu u tas-soċjetà (minn hawn 'il quddiem imsemmija bħala “l-Istħarriġ”). Il-kompiti ewlenin tiegħu huma:

(a)

li jiddisinja strument ewlieni ta' stħarriġ li jiġbor l-informazzjoni essenzjali dwar l-ekonomija, is-saħħa, u l-kundizzjonijiet familjari/soċjali tal-ħajja ta’ individwi li jkollhom 50 sena jew aktar u ta’ sħabhom.

(b)

li jamministra dan l-istħarriġ kull sentejn lil panil ta’ konvenuti f’kull pajjiż parteċipanti u jżomm kuntatt mal-membri kollha tal-panil fil-fażijiet bejn żewġ tranżazzjonijiet (waves) bejn il-panils;

(c)

li jgħaqqad l-informazzjoni miġbura f’bażi tad-dejta faċli għall-utent aċċessibbli għar-riċerkaturi xjentifiċi kollha suġġett għal restrizzjonijiet applikabbli tal-kunfidenzjalità tad-dejta u biex tinżamm din il-bażi tad-dejta inkluż it-tindif, l-imputazzjoni, u d-dokumentazzjoni bażiċi tad-dejta.

(2)   Il-prototip preżenti tax-SHARE għandu jiġi aġġornat fi tliet dimensjonijiet:

(a)

jestendi x-SHARE maż-żmien sabiex jiġi ġġenerat panil awtentiku li jsegwi l-individwi waqt li jixjieħu u jirreaġixxi għall-bidliet fl-ambjent soċjali u ekonomiku. L-aġġornament għandu jżid seba’ tranżazzjonijiet aktar kull sentejn fi tliet fażijiet kif hemm definit fl-Artikolu 8

(b)

jespandi x-SHARE biex jinkludi l-Istati Membri kollha.

(c)

iżid id-daqs tal-kampjun tax-SHARE sabiex ikun possibbli li l-Istħarriġ jintuża wkoll għal analiżi fil-limiti ta’ pajjiż. Ġeneralment, id-daqs tal-kampjun fil-mira għandu jkun ta’ 6 000 individwu li l-età tiegħu tvarja bejn 50 sena u aktar f’kull pajjiż membru.

(3)   Ix-SHARE-ERIC għandha twettaq il-kompiti tagħha fuq bażi mhux ekonomika.

Artikolu 4

Prinċipji

(1)   Ix-SHARE għandu jiġi ddisinjat minn riċerkaturi għal riċerkaturi. L-eċċellenza fir-riċerka hija tal-ogħla importanza fuq kull kunsiderazzjoni oħra. L-eċċellenza xjentifika tax-SHARE għandha tiġi mmonitorjata minn Bord tal-Monitoraġġ Xjentifiku (l-Anness 2)

(2)   Ix-SHARE għandu jkun stħarriġ supranazzjonali. Il-komparabbiltà transnazzjonali fi ħdan ix-SHARE għandha tirregola d-deċiżjonijiet ta’ disinn kollha. Barra minn hekk, il-komparabbiltà ma’ stħarriġ affiljat miegħu, partikolarment l-Istudju dwar is-Saħħa u l-Irtirar tal-U.S. u l-Istudju Lonġitudinali Ingliż tat-Tixjiħ, għandhom jinformaw id-deċiżjonijiet dwar id-disinn tax-SHARE. Is-suġġetti b’potenzjal ta’ riċerka supranazzjonali għandu jkollhom prijorità fuq suġġetti applikabbli għal pajjiżi individwali.

(3)   SHARE għandu jintegra l-ekonomiji, is-saħħa, u x-xjenza soċjali. Is-suġġetti b’potenzjal ta’ riċerka interdixxiplinarja għandu jkollhom prijorità fuq suġġetti applikabbli għal dixxiplini individwali.

(4)   SHARE għandu jkun stħarriġ lonġitudinali, li jsegwi l-individwi waqt li jixjieħu. Is-suġġetti b’potenzjal ta’ riċerka lonġitudinali għandu jkollhom prijorità fuq suġġetti applikabbli għal waqtiet iżolati.

(5)   Ir-riċerka bbażata fuq SHARE għandha tiffaċilita politiki tal-UE abbażi ta’ evidenza, bħall-Inizjattiva tal-Unjoni għall-Innovazzjoni Europa 2020, li tgħin sabiex jintlaqgħu l-isfidi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Artikolu 5

Entitajiet tal-Organizzazzjoni u tal-Istituzzjonijiet Imsieħba Xjentifiċi

(1)   L-entitajiet tal-Organizzazzjoni għandhom ikunu l-Assemblea Ġenerali, minn hawn 'il-quddiem imsemmija bħala “il-Kunsill” (l-Artikolu 6), u l-Bord ta' Tmexxija (l-Artikolu 7).

(2)   Fuq propożizzjoni tal-Bord tat-Tmexxija u fid-dawl tal-Prinċipji stipulati fl-Artikolu 4, kull Parti Kontraenti għandha tagħżel istituzzjoni ta’ riċerka li tkun responsabbli biex twettaq il-kompiti xjentifiċi tax-SHARE-ERIC f’pajjiżha (minn hawn ’il-quddiem imsemmija bħala “Istituzzjoni Msieħba Xjentifika”).

(3)   Jekk il-Prinċipji stipulati fl-Artikolu 4 jinkisru minn waħda mill-Istituzzjonijiet Imsieħba Xjentifiċi, il-Parti Kontraenti tista’ tissostitwixxi l-Istituzzjoni Msieħba Xjentifika fuq propożizzjoni tal-Bord tat-Tmexxija.

(4)   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu l-parir tal-Bord tal-Monitoraġġ Xjentifiku (l-Anness 2) meta jipproponi jew jissostitwixxi Istituzzjoni Msieħba Xjentifika.

(5)   L-Istituzzjonijiet Imsieħba Xjentifiċi attwali huma elenkati fl-Anness 1.

Artikolu 6

Il-Kunsill

(1)   Kull Parti Kontraenti għandha tkun irrapreżentata fil-Kunsill minn mhux aktar minn żewġ delegati. Il-ħatra u t-terminazzjoni tal-ħatra tad-delegati għall-Kunsill għandhom jitwettqu mill-Parti Kontraenti. Kull Parti Kontraenti għandha tinforma lill-President tal-Kunsill bil-miktub bi kwalunkwe ħatra jew terminazzjoni tal-ħatriet tad-delegati tagħha fuq il-Kunsill mingħajr dewmien żejjed.

(2)   Kull Parti Kontraenti għandha vot wieħed fil-Kunsill. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’votazzjoni ta’ maġġoranza sempliċi sakemm ikun iddeterminat mod ieħor f’dawn l-Istatuti. F’każ ta’ parità, il-vot tal-Pajjiż Ospitanti għandu jiddetermina r-riżultat aħħari.

(3)   Il-Kunsill għandu jaħtar President u Viċi President mid-delegati tal-Partijiet Kontraenti għal perjodu ta’ sentejn. Bil-ħatra tagħhom il-President u l-Viċi President isiru super partes u jħallu d-delegazzjonijiet tagħhom. Il-Partijiet Kontraenti affettwati mit-tluq ta’ dawn l-uffiċjali għandhom jaħtru delegat ieħor biex jirrappreżentahom fil-Kunsill.

(4)   Il-Kunsill għandu jiltaqa’ tal-inqas darba fis-sena. Il-laqgħat tal-Kunsill għandhom jitlaqqgħu mill-President tal-Kunsill. Il-laqgħat tal-Kunsill għandhom jitlaqqgħu fuq talba ta’ mhux inqas minn żewġ Partijiet Kontraenti. Il-laqgħat straordinarji tal-Kunsill jistgħu jitlaqqgħu fuq talba tal-Koordinatur (l-Artikolu 7) jekk ikun meħtieġ fl-interess tal-Organizzazzjoni.

(5)   Il-Kunsill jilqa’ u japprova r-rapport annwali, id-dikjarazzjoni finanzjarja u l-pjan tan-nefqa annwali ppreżentati mill-Bord tat-Tmexxija. Il-Kunsill għandu jwettaq reviżjoni, mhux inqas minn darba fis-sena, tal-kosti attwali u previsti għall-istħarriġ u t-tħaddim. Il-Kunsill jista’ japprova, b’mod unanimu, modifikazzjoni tal-kontribuzzjoni għal dawk il-kosti komuni l-oħra fil-pjan tan-nefqa annwali li mhumiex koperti minn sors ta’ finanzjament ieħor (l-Artikolu 9(5)).

(6)   Il-Kunsill għandu jirċievi u jirrikonoxxi l-pjan tal-attività annwali li għandu jkun fih l-għanijiet xjentifiċi wesgħin tax-SHARE, l-enfasi tal-istħarriġ tal-fażi tat-tranżazzjoni li jmiss, il-proċess ta’ ċertifikazzjoni u l-iskeda tal-istħarriġ u t-tixrid. Kull sentejn, għandu jirċievi rapport mill-Bord tal-Monitoraġġ Xjentifiku.

(7)   Il-Kunsill jeleġġi b’vot kwalifikat (tal-inqas żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti) il-Koordinatur, il-Koordinaturi tal-Qasam u membri oħra tal-Bord tat-Tmexxija skont l-Artikolu 7 fuq nomina tal-Istituzzjonijiet Imsieħba Xjentifiċi.

(8)   Il-Pajjiżi li jkunu impenjaw irwieħhom għax-SHARE-ERIC permezz tal-iffirmar tal-Memorandum tal-Ftehim dwar it-Tħejjija tal-Istħarriġ dwar is-Saħħa, it-Tixjiħ u l-Irtirar fl-Ewropa (15 ta’ Lulju 2009) jistgħu jsiru membri mingħajr vot tal-Kunsill bħala osservaturi sakemm jaderixxu max-SHARE-ERIC skont l-Artikolu 16.

Artikolu 7

Il-Bord tat-Tmexxija

(1)   Il-Bord tat-Tmexxija huwa magħmul minn mhux aktar minn sitt membri, li jinkludu:

(a)

Id-Direttur tax-SHARE (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Koordinatur”);

(b)

tliet Koordinaturi tal-Qasam li jirrapreżentaw it-tliet oqsma xjentifiċi tax-SHARE (ekonomija, saħħa, u netwerks soċjali/familjari);

(c)

jekk xieraq, xjentisti oħra li jirrappreżentaw qasam xjentifiku importanti jew ċentru operattiv importanti tax-SHARE.

(2)   il-Membri tal-Bord tat-Tmexxija għandhom ikunu riċerkaturi b’reputazzjoni internazzjonali tajba b’esperjenza fir-riċerka dwar it-tixjiħ u/jew it-tmexxija ta' stħarriġ.

(3)   Il-Bord tat-Tmexxija jipproponi d-deċiżjonijiet strateġiċi u baġitarji kollha lill-Kunsill. Huwa responsabbli għall-proċessi kollha finanzjarji u ta’ governanza li jżommu l-integrità xjentifika, il-komparabbiltà transnazzjonali, u bilanċ ġenerali tad-disinn tal-istħarriġ tax-SHARE. Partikolarment, huwa responsabbli għar-riżultati tanġibbli u l-finanzi tax-SHARE-ERIC, u biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti legali bħal kunfidenzjalità tad-dejta u regolamenti ta’ sikurezza fil-livell Ewropew.

(4)   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jipprovdi rapport annwali dwar l-istat tal-Istħarriġ lill-Kunsill, jipproponi pjan ta’ nefqa u attività annwali lill-Kunsill, u jħejji d-dikjarazzjoni finanzjarja.

(5)   Il-Koordinatur għandu jmexxi l-Bord tat-Tmexxija u huwa r-rappreżentant legali tax-SHARE-ERIC. Il-Koordinatur huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Istħarriġ u għaż-żamma tal-istess standards metodoloġiċi għolja fil-pajjiżi kollha li jipparteċipaw.

(6)   Il-Koordinaturi tal-Qasam huma responsabbli għall-eċċellenza xjentifika tal-Istħarriġ fl-oqsma xjentifiċi rispettivi tagħhom. Speċifikament, huwa responsabbli għad-disinn tal-kwestjonarju fl-oqsma rispettivi tagħhom u għall-integrità tad-dejta mwassla lill-pubbliku xjentifiku.

(7)   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu l-parir ta’ esperti esterni u jistabbilixxi Bord ta’ xjentisti li jagħtu parir dwar il-kwistjonijiet xjentifiċi kollha (il-“Bord tal-Monitoraġġ Xjentifiku”). Dan il-Bord għandu jkun indipendenti mill-Organizzazzjoni (l-Anness 2).

(8)   Ir-relazzjonijiet bejn il-Bord tat-Tmexxija u l-Istituzzjonijiet Imsieħba Xjentifiċi għandhom ikunu rregolati minn ftehim tal-konsorzju.

Artikolu 8

Kopertura

(1)   L-Organizzazzjoni għandha tkopri perjodu ta’ stħarriġ ta’ seba’ tranżazzjonijiet bejn il-panils diviżi fi tliet fażijiet:

(a)

Matul il-Fażi I l-Organizzazzjoni għandha twettaq tranżazzjoni inizjali bejn il-panils fuq skala sħiħa fl-2010 u fl-2011 abbażi tad-disinn żviluppat fil-fażi preparatorja.

(b)

Matul il-Fażi II l-Organizzazzjoni għandha twettaq tliet tranżazzjonijiet addizzjonali ta’ stħarriġ fuq skala sħiħa fis-snin 2012/13, 2014/15 u 2016/17, sabiex taġġorna d-disinn biex iżżomm l-ogħla livell tad-dejta u xxerridha.

(c)

Wara li ssir evalwazzjoni xjentifika kif suppost, matul il-Fażi III, l-Organizzazzjoni għandha twettaq tliet tranżazzjonijiet addizzjonali ta’ stħarriġ fuq skala sħiħa fis-snin 2018/19, 2020/21 u 2022/23, taġġorna d-disinn biex iżżomm l-ogħla livell tad-dejta u xxerridha.

Artikolu 9

Kontributi

(1)   Kontributi mill-Partijiet Kontraenti għandhom ikopru l-kosti biex jitwettqu s-seba’ tranżazzjonijiet tal-Istħarriġ f’kull pajjiż flimkien mal-kosti ta’ koordinazzjoni u dawk komuni bħall-kosti għall-aġġornar tad-disinn, it-tixrid tad-dejta assoċjata mas-seba’ tranżazzjonijiet tal-ġbir tad-dejta, u l-baġits għall-Koordinatur, il-Koordinaturi tal-Qasam, u l-Bord tal-Monitoraġġ Xjentifiku.

(2)   Il-kontributi mill-Partijiet Kontraenti għandhom ikopru erba’ tipi ta’ kosti: (A) il-kosti tal-istħarriġ f’kull pajjiż, (B) il-kosti ta’ tħaddim biex jitwettaq l-istħarriġ f’kull pajjiż, (C) il-kosti amministrattivi, u (D) kosti komuni oħra sakemm dawn il-kosti ma jkunux koperti minn sorsi oħra ta’ finanzjament. Fl-Anness 3 hemm mehmuża tabella li turi l-istimi preliminarji ta’ dawn il-kosti matul il-Fażi I.

(3)   Kull Parti Kontraenti għandha tagħmel disponibbli għax-SHARE-ERIC, kemm direttament jew permezz tal-Istituzzjoni Msieħba Xjentifika li hija responsabbli għaliha, il-fondi li jkopru s-sehem tal-Pajjiż fil-kosti tal-istħarriġ, (il-Kolonna A tal-istimi preminarji fl-Anness 3).

(4)   Kull Parti Kontraenti għandha tagħmel disponibbli għall-Istituzzjoni Msieħba Xjentifika li hija responsabbli għaliha l-fondi li jkopru s-sehem tal-Pajjiż fil-kosti tat-tħaddim (il-Kolonna B tal-istimi preminarji fl-Anness 3).

(5)   Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tiffinanzja l-kosti tal-koordinazzjoni tal-Istħarriġ (il-Kolonna C tal-istimi preliminarji fl-Anness 3).

(6)   Kull Parti Kontraenti għandha tagħti kontributi lix-SHARE-ERIC għall-parti tal-kosti komuni tal-Istħarriġ li mhijiex koperta minn kwalunkwe sors ta’ finanzjament ieħor. Kull sehem tal-Parti Kontraenti għandu jkun proporzjonat mad-dħul gross nazzjonali per capita rreġistrat l-aħħar mill-Eurostat bil-kundizzjoni li l-ebda sehem tal-Parti Kontraenti ma jkun inqas minn 0,5 darbiet u akbar minn 1,5 darbiet tas-sehem medju. Il-kompożizzjoni tal-kosti komuni l-oħra għandha tkun iddettaljata fil-pjan tan-nefqa annwali (il-Kolonna D tal-istimi preliminarji fl-Anness 3).

(7)   Ix-SHARE-ERIC jew l-Istituzzjonijiet Imsieħba Xjentifiċi, bħala konsorzju, jistgħu jirreaġixxu għal sejħiet mill-Kummissjoni Ewropea, l-Istitut Nazzjonali dwar it-Tixjiħ tal-U.S., u organizzazzjonijiet tal-finanzjament nazzjonali jew supranazzjonali li jipprovdu fondi għall-proġett b’mod sħiħ, fost dawk il-partijiet jew il-kosti komuni kollha msemmija fil-Kolonna D, l-Anness 3.

Artikolu 10

Responsabbilità u Assigurazzjoni

(1)   Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-membri għad-dejn tal-ERIC għandha tkun limitata għall-kontributi rispettivi tagħhom provduti għax-SHARE-ERIC u jkun intlaħaq ftehim dwarhom fil-pjanijiet tan-nefqa annwali.

(2)   Ix-SHARE-ERIC għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jassigura r-riskji speċifiċi għall-ħolqien u t-tħaddim ta’ stħarriġ.

Artikolu 11

Proprjetà Intellettwali

(1)   Skont l-objettivi tal-Istatuti preżenti, it-terminu “Proprjetà Intellettwali” għandu jinftiehem skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li Tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali ffirmata fl-14 ta’ Lulju 1967.

(2)   Ix-SHARE-ERIC huwa s-sid tal-Istħarriġ u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kollha li joħorġu meta jiġi stabbilit l-Istħarriġ.

(3)   Fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ Proprjetà Intellettwali, ir-relazzjonijiet bejn il-Partijiet Kontraenti għandhom jiġu ggvernati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 12

Tixrid u Użu tad-Dejta tax-SHARE

(1)   Ix-SHARE-ERIC għandu jxerred id-dejta miġbura wara t-tindif, l-imputazzjoni, u d-dokumentazzjoni tad-dejta mingħajr dewmien lill-komunità xjentifika.

(2)   L-użu tad-dejta tax-SHARE għandu jkun bla ħlas għall-komunità xjentifika kollha. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jistabbilixxi Kunsill tal-Utenti li jirrappreżenta l-interess tal-komunità tal-utenti xjentifiċi filwaqt li jiġi kkunsidrat il-parir tal-Bord tal-Monitoraġġ Xjentifiku.

(3)   L-użu u l-ġbir tad-dejta tax-SHARE huma suġġetti għal-liġijiet Ewropej u nazzjonali tal-privatezza tad-dejta. L-użu tad-dejta tax-SHARE minn utenti li mhumiex suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-UE għandu jsir bil-kundizzjoni li tiġi ffrimata dikjarazzjoni tal-kunfidenzjalità tad-dejta skont il-formola provduta mill-Kummissjoni Ewropea (ĠU L 6, 10.1.2002, p. 52).

Artikolu 13

Akkwist Pubbliku u Eżenzjonijiet tat-Taxxa

(1)   Ix-SHARE-ERIS għandu jitratta lill-kandidati u l-persuni li jitfgħu offerta għall-akkwist pubbliku b’mod ugwali u mhux diskriminatorju, indipendentament jekk humiex ibbażati fl-Unjoni Ewropea jew le. L-akkwist pubbliku għandu jirrispetta l-prinċipji ta’ trasparenza, non-diskriminazzjoni u kompetizzjoni.

(2)   Ġeneralment, l-akkwist pubbliku mix-SHARE-ERIC għandu jkun suġġett għad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (1), bil-limiti emendi bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1422/2007 (2) jew kwalunkwe emendi ulterjuri, u r-regolamenti nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku li japplikaw.

(3)   Għall-akkwist pubbliku tas-servizzi ta’ riċerka tal-istħarriġ u tal-iżvilupp tal-istħarriġ fejn il-benefiċċji jakkumulaw għall-komunità xjentifika sħiħa u li jitħallsu għal kollox mix-SHARE-ERIC, l-Artikolu 16 (f) tad-Direttivi 2004/18/KE għandu japplika permezz ta’ proċedura ristretta (l-Anness 4). Fi proċeduri ristretti bħal dawn, il-proċeduri negozjati bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt u fil-proċedura ta’ djalogu kompetittiv, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jillimitaw l-għadd ta’ kandidati xierqa li jistiednu biex iressqu offerta, biex jinnegozjaw jew biex ikollhom djalogu magħhom, sakemm ikun hemm għadd suffiċjenti ta’ kandidati xierqa disponibbli.

(4)   L-eżenzjonijiet tat-taxxa li joħorġu mid-Direttiva 2006/112/KE għandhom ikunu limitati għat-taxxi fuq il-valur miżjud għal oġġetti u servizzi tar-riċerka tal-istħarriġ u tal-iżvilupp tal-istħarriġ li huma għal użu uffiċċjali, li jaqbżu l-valur ta’ EUR 250, li huma ta’ benefiċċju għall-komunità xjentifika sħiħa, u li jitħallsu għal kollox mix-SHARE-ERIC. Ma japplikawx limiti ulterjuri oħra.

Artikolu 14

Impjieg

(1)   Ix-SHARE-ERIC japplika politika ta’ ugwaljanza fil-qasam tar-reklutaġġ. Il-kuntratti tal-impjiegi għandhom isegwu l-liġijiet nazzjonali tal-pajjiż li fih jiġi impjegat il-persunal.

(2)   Suġġett għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kull Parti Kontraenti għandha fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħha tiffaċilita l-moviment u r-residenza tal-persuni li jkollhom nazzjonalità tal-pajjiżi tal-Parti Kontraenti involuti fil-kompiti tax-SHARE-ERIC u tal-membri tal-familja ta’ dawn il-persuni ta’ dik in-nazzjonalità.

Artikolu 15

Emendi

(1)   Il-Kunsill għandu jkollu s-setgħa li jbiddel dawn l-Istatuti u l-annessi għalihom b’vot kwalifikat. Għandha tintalab maġġoranza ta’ żewġ terzi biex issir emenda ta’ dawn l-artikolu u l-annessi. Id-data ta’ kwalunkwe emenda għandha tiġi rreġistrata f’dawn l-Istatuti.

(2)   L-Istatuti tax-SHARE-ERIC għandhom fi kwalunkwe ħin jikkonformaw mar-Regolament (KE) Nru 723/2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka u għal-Liġijiet u r-Regolamenti Ewropej l-oħra kollha li huma applikabbli.

Artikolu 16

Adeżjoni

(1)   Wara d-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-Istatuti, kwalunkwe Gvern jista’ jaderixxi magħhom bil-kunsens taż-żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti fil-Kunsill bil-kundizzjonijiet negozjati. Il-kundizzjonijiet għall-adeżjoni għandhom ikunu suġġetti għal ftehim bejn il-Partijiet Kontraenti u l-Gvern jew grupp ta’ Gvernijiet aderenti.

(2)   Fuq propożizzjoni tal-Bord tat-Tmexxija u fid-dawl tal-Prinċipji stipulati fl-Artikolu 4, il-Parti Kontraenti aderenti għandha tagħżel istituzzjoni ta’ riċerka li tkun responsabbli biex twettaq il-kompiti xjentifiċi tax-SHARE-ERIC f’pajjiżha.

(3)   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu l-parir tal-Bord tal-Monitoraġġ Xjentifiku meta jipproponi Istituzzjoni Msieħba Xjentifika.

Artikolu 17

Tul ta’ żmien tal-Organizzazzjoni

(1)   L-Organizzazzjoni hija stabbilita għal perjodu sal-31.12.2024. Għandha tinkludi l-Fażijiet I, II u III kif iddefiniti fl-Artikolu 8.

(2)   Parti Kontraenti tista’ tirtira mill-Organizzazzjoni wara l-Fażi I jew il-Fażi II.

(3)   Mozzjoni, li tispeċifika l-proċedura u l-perjodu ta’ żmien, jekk approvata mill-Kunsill b’maġġoranza ta’ żewġ terzi, tista’ ttemm l-Organizzazzjoni, partikolarment jekk l-Organizzazzjoni tiddeċiedi li ma titkompliex il-Fażi III.

(4)   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi nnotifikata bi kwalunkwe deċiżjoni fi żmien 10 ijiem minn meta tittieħed, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.

Artikolu 18

Disponibbiltà ta' dawn l-Istatuti

Dawn l-Istatuti għandhom ikunu disponibbli pubblikament fuq il-websajt tax-SHARE-ERIC, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.


(1)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

(2)  ĠU L 317, 5.12.2007, p. 34.

ANNESS 1

ISTITUZZJONIJIET IMSIEĦBA XJENTIFIĊI U KAPIJIET TAT-TIMIJIET TAL-PAJJIŻI

Pajjiż

Organizzazzjonijiet Parteċipanti

Deskrizzjoni qasira

L-Awstrija

Università ta’ Linz, Dipartiment tal-Ekonomija

Id-Dipartiment tal-Ekonomija fl-Università ta’ Linz imexxi l-parteċipazzjoni Awstrijaka fil-proġett SHARE. L-enfasi tar-riċerka huwa l-ekonomija tax-xogħol, l-ekonomija pubblika u l-problemi tar-riforma tal-pensjoni kif ukoll ekonomija ambjentali. Se jiġi rappreżentat minn Rudolf Winter-Ebmer, Professur tal-Ekonomija u speċjalista fl-ekonomija tax-xogħol empirika.

Il-Belġju

Università ta’ Antwerp, CSP

L-objettiv prinċipali tas-CSP hu li tiġi studjata l-adegwatezza tal-politiki soċjali. Ir-riċerka hija prinċiparjament ibbażata fuq stħarriġ soċjo-ekonomiku fuq skala kbira tal-famiji. Karel van den Bosch, ir-riċerkatur ta’ livell għoli, se tkun il-kap tat-tim tal-pajjiż Belġjan.

Il-Belġju

Università ta’ Liège, CREPP

L-oqsma ewlenin tal-ispeċjalizzazzjoni tal-CREPP huma s-sigurtà soċjali, l-imġieba fir-rigward tal-irtirar, u l-benesseri fost l-anzjani u t-trasferimenti interġenerazzjonali. Sergio Perelman huwa inkarigat li jmexxi l-koordinazzjoni tal-proġett SHARE fil-komunità Belġjana tal-lingwa Franċiża.

Ir-Repubblika Ċeka

CERGE-EI, Prague

CERGE-EI hija akkreditata kemm fl-Istati Uniti kif ukoll fir-Repubblika Ċeka. L-ispeċjalizzazzjoni ewlenija tagħha hija fit-tranżizzjoni soċjali, ekonomika u politika fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u fir-reġjun ta’ dik li kienet l-Unjoni Sovjetika. Radim Bohacek se jkun il-kap tat-tim tal-pajjiż Ċek.

Il-Ġermanja

Università ta’ Mannheim, Istitut tar-Riċerka ta’ Mannheim għall-Ekonomija tat-Tixjiħ (MEA)

L-MEA huwa ċentru ta’ eċċellenza għall-ekonomija tat-tixjiħ magħruf mad-dinja kollha. L-oqsma ta’ riċerka huma l-iffrankar, l-assigurazzjoni soċjali u l-politika pubblika; l-implikazzjonijiet tal-makroekonomija tat-tixjiħ tal-popolazzjoni; u s-saħħa pubblika. L-MEA huwa rrapreżentat minn Axel Börsch-Supan, id-direttur, li kkoordina l-familja ta’ proġetti SHARE.

Il-Pajjiżi l-Baxxi

Università ta’ Tilburg,

Netspar

Netspar huwa Netwerk xjentifiku għall-istudji dwar Pensjonijiet, Tixjiħ u Rtirar konness mal-Fakultà tal-Ekonomija u l-Amministrazzjoni tan-Negozju tal-Università ta’ Tilburg. Id-direttur ġenerali tiegħu, Frank van der Duyn Schouten, se jkun il-kap tat-tim tal-pajjiż tal-Pajjiżi l-Baxxi.

ANNESS 2

BORD TAL-MONITORAĠĠ XJENTIFIKU

Artikolu 1

Stabbiliment

Il-Bord tat-Tmexxija se jkun magħmul minn bord konsultattiv ta’ mhux inqas minn sitt xjentisti ta’ kalibru, indipendenti u esperjenzati (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ bħala “il-Bord tal-Monitoraġġ Xjentifiku”) li jipprovdi rwol konsultattiv estern għall-benefiċċju tal-Istħarriġ sabiex tiġi vverifikata l-kwalità tax-xogħol tal-konsorzju tar-riċerka u biex jingħata parir perjodiku lill-Kunsill u lill-konsorzju tar-riċerka.

Artikolu 2

Indipendenza

Il-Bord tal-Monitoraġġ Xjentifiku għandu jkun indipendenti mix-SHARE-ERIC.

Artikolu 3

Kompiti

(1)   Il-kompitu ewlieni tal-Bord tal-Monitoraġġ Xjentifiku huwa li jwettaq monitoraġġ tal-kwalità xjentifika tax-SHARE. Għandu jagħti l-opinjoni tiegħu lill-Bord tat-Tmexxija u lill-konsorzju tar-riċerka tal-anqas darba fis-sena.

(2)   Kull sentejn, il-Bord tal-Monitoraġġ Xjentifiku għandu joħroġ rapport bil-miktub lill-Kunsill tax-SHARE-ERIC. Dan ir-rapport għandu jivvaluta wkoll is-servizzi offruti lill-utenti tad-dejta tax-SHARE.

(3)   Inizjalment u wara madwar tliet snin, il-Bord tal-Monitoraġġ Xjentifiku għandu jistabbilixxi reviżjoni dettaljata tal-istrateġija xjentifika tax-SHARE, fejn għandu jesplora oqsma u mezzi innovattivi ta’ ġbir ta’ dejta.

Artikolu 4

Membri

(1)   Il-membri tal-Bord tal-Monitoraġġ Xjentifiku jagħżlu membri ġodda skont kif jaraw xieraq biex jirrappreżentaw b’mod adegwat l-oqsma xjentifiċi kollha koperti mix-SHARE.

(2)   Tal-anqas membru wieħed għandu jkun investigatur tal-Istudju Lonġitudinali Ingliż tat-Tixjiħ sabiex tiġi żgurata l-kooperazzjoni mill-qrib ma’ dan l-istħarriġ u biex jagħti parir u gwida addizzjonali mill-esperjenza tagħhom.

(3)   Tal-anqas membru wieħed għandu jkun investigatur tal-Istudju dwar is-Saħħa u l-Irtirar tal-U.S. sabiex tiġi żgurata l-kooperazzjoni mill-qrib ma’ dan l-istħarriġ u biex jagħti parir u gwida addizzjonali mill-esperjenza tagħhom.

(4)   Il-president attwali tal-Bord tal-Monitoraġġ Xjentifiku huwa Arie Kateyn.

(5)   Il-membri attwali l-oħra u l-oqsma li jirrappreżentaw huma

 

Orazio Attanasio (introjtu, konsum, tfaddil)

 

Lisa Berkman (epidemjoloġija soċjali u bijomarkaturi)

 

Nicholas Christakis (soċjoloġija medika u dejta amministrattiva)

 

Mick Couper (metodi ta’ stħarriġ, metodi ta’ tixrid ta’ dejta, u teknoloġija ġdida)

 

Michael Hurd (tfaddil u saħħa, aċċess u kwalità tad-dejta; armonizzazzjoni mal-HRS)

 

Daniel McFadden (metodoloġija tal-istħarriġ)

 

Norbert Schwarz (psikologu tal-istħarriġ u metodoloġija tal-aċċess tad-dejta)

 

Andrew Steptoe (bijomarkaturi, armonizzazzjoni mal-ELSA)

Artikolu 5

Baġit

(1)   Il-president tal-Bord tal-Monitoraġġ Xjentifiku jirċievi baġit skont l-Artikolu 9 (1) tal-Istatuti tax-SHARE-ERIC għal nefqiet tal-ivjaġġar u ħlasijiet tal-onorarja tal-membri tal-Bord. Il-President tal-Bord tal-Monitoraġġ Xjentifiku għandu diskrezzjoni sħiħa fi-rigward tal-infiq tal-baġit.

(2)   Il-baġit annwali attwali huwa ta’ EUR 30 000. L-amministrazzjoni teknika tal-baġit tobbliga lill-persunal tal-Bord tat-Tmexxija.

ANNESS 3

STIMI TA’ KOSTI PRELIMINARJI MATUL IL-FAŻI I (TRANŻAZZJONI 4)

Dan l-Anness jagħti stimi ta’ kosti preliminarji biex titwettaq it-tranżazzjoni 4 tax-SHARE fl-2010 u fl-2011, i.e., matul il-Fażi I skont l-Artikolu 8 (1). Il-kategoriji tal-kosti jirreferu għall-Artikolu 9 (“Kontributi”). Dan l-Anness mhuwiex il-pjan tan-nefqa annwali kif rikjest bl-Artikolu 6 (5) iżda jservi bħala punt ta’ tluq għal pjan bħal dan li għandu jkun stabbilit mill-Bord tat-Tmexxija hekk kif jiġi stabbilit ix-SHARE-ERIC.

(A): L-istimi preliminarji tal-istimi tal-kosti tal-istħarriġ ġew iġġenerati mit-tim ta’ tmexxija tax-SHARE abbażi tal-kosti tal-istħarriġ tal-2006 u l-2008. Għall-pajjiżi l-ġodda, l-istimi preliminarji huma bbażati fuq il-kosti f’pajjiżi komparabbli.

(B): L-istimi preliminarji tal-kosti ta’ tħaddim huma bbażati fuq l-ekwivalent ta’ 2 impjegati full-time f’kull pajjiż b’salarji skont il-Marie-Curie-Program tal-UE u stimi tal-kosti tal-ivjaġġar, is-sussistenza u l-kosti amministrattivi f’kull pajjiż huma bbażati fuq it-tranżazzjonijiet tal-2006 u l-2008.

L-istimi preliminarji tal-kosti ta’ tħaddim għall-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja u l-Polonja ngħataw minn dawn il-pajjiżi. L-istimi tal-kosti ta’ tħaddim jistgħu jinvolvu aktar jew inqas persunal minn dak preżunt fl-istimi pprovduti mit-tmexxija tax-SHARE.

(C): Kosti ta’ koordinazzjoni għall-Ġermanja ġew stmati abbażi tat-tranżazzjonijiet tal-2006 u l-2008.

(D): Il-kontribuzzjoni tal-pajjiżi għall-kosti komuni l-oħra kollha ġew stmati abbażi tat-tranżazzjonijiet tal-2006 u l-2008 u ġew allokati lil kull pajjiż skont l-Artikolu 9 (5). Huma jistgħu, madankollu, jkunu sostanzjalment inqas jew saħansitra żero jekk organizzazzjonijiet ta’ finanzjament bħall-Kummissjoni Ewropea jew l-Istitut Nazzjonali dwar it-Tixjiħ tal-U.S. jikkontribwixxu għal dawn il-kosti permezz ta’ għotjiet jew kuntratti separati.

Kosti stmati għat-tranżizzjoni 4 (2010 -11) skont il-pajjiż u s-sors

(f'eluf ta' euro)

 

(Α)

Kosti tal-Istħarriġ għal kampjun ta' 6 000 individwu

(B)

Kosti Operattivi (persunal vjaġġi u kosti amministrattivi)

(C)

Kosti ta' koordinazzjon

(D)

Sehem massimu ta' kosti komuni oħrajn

Total

L-Awstrija

1 006

322

 

109

1 438

Il-Belġju

778

318

 

99

1 194

Ir-Repubblika Ċeka

338

167

 

71

576

Id-Danimarka

892

409

 

105

1 406

L-Estonja

460

243

 

59

761

Franza

1 024

327

 

97

1 448

Il-Ġermanja

784

314

1 887

102

3 087

Il-Greċja

602

285

 

84

971

L-Ungerija

460

243

 

55

758

L-Irlanda

1 024

339

 

126

1 490

L-Iżrael

602

285

 

79

966

L-Italja

782

322

 

88

1 191

Il-Lussemburgu

1 556

358

 

145

2 059

Il-Pajjiżi l-Baxxi

794

314

 

117

1 224

Il-Polanja

453

226

 

50

730

Il-Portugall

602

285

 

66

953

Is-Slovenja

460

243

 

79

781

Spanja

786

300

 

91

1 177

L-Isvezja

1 024

339

 

107

1 471

L-Isvizzera

1 556

358

 

122

2 036

TOTAL

15 983

5 997

1 887

1 851

25 719

ANNESS 4

PROĊEDURA GĦAL AKKWIST PUBBLIKU RISTRETTA

Il-proċedura għal akkwist pubbliku ristretta li ġejja għandha tiġi applikata lis-servizzi ta’ riċerka tal-istħarriġ u lis-servizzi tal-iżvilupp tal-istħarriġ fejn il-benefiċċji jakkumulaw għall-komunità xjentifika sħiħa u li jitħallsu għal kollox mix-SHARE-ERIC.

Is-servizzi ta’ riċerka tal-istħarriġ u u s-servizzi tal-iżvilupp tal-istħarriġ jinkludu dawk is-servizzi ta’ riċerka u ta’ żvilupp li huma meħtieġa biex jinżamm jiġi avvanzat l-ogħla livell fit-teknoloġija tal-istħarriġ. Huma jinkludu l-iżvilupp ta’ softwer tal-istħarriġ, ir-riċerka dwar il-metodoloġija tal-istħarriġ, u l-iżvilupp ta’ tekniki innovattivi ta’ intervisti u l-applikazzjoni tagħhom fil-qasam, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.

Id-deskrizzjoni tas-servizzi li għandhom jinkisbu għandha tkun disponibbli pubblikament f’avviż ta’ kuntratt qabel il-bidu tal-proċess tal-akkwist. Il-partijiet kontraenti għandhom jindikaw f’dan l-avviż tal-kuntratt il-kriterji jew ir-regoli objettivi u mhux diskriminatorji li huma beħsiebhom jużaw, l-għadd minimu ta’ kandidati li beħsiebhom jistiednu u, fejn xieraq, l-għadd massimu.

Il-kompetizzjoni tista’ tiġi limitata għal tliet fornituri potenzjali. Jekk fis-suq hemm tliet fornituri jew inqas għas-servizzi li għandu jingħata kuntratt għalihom, il-fornituri kollha fis-suq għandhom jiġu inklużi fil-kompetizzjoni.

L-għażla fost l-offerenti għandha tkun ibbażata fuq l-iktar prezz tal-offerta baxx u l-ogħla kwalità tas-servizz. Il-kwalità tas-servizz għandu jiġi ddefinit bid-deskrizzjoni f’(1).


Top